Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0223

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 223/2008 tat- 12 ta' Marzu 2008 li jistipula kundizzjonijiet u proċeduri għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jrabbu d-dud tal-ħarir

    ĠU L 69, 13.3.2008, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/02/2016; Imħassar b' 32016R0232

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/223/oj

    13.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 69/10


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 223/2008

    tat-12 ta' Marzu 2008

    li jistipula kundizzjonijiet u proċeduri għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jrabbu d-dud tal-ħarir

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 127 flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 707/76 tal-25 ta’ Marzu 1976 dwar l-għarfien ta’ gruppi tal-produtturi ta’ dawk li jrabbu d-dud tal-ħarir (2) għandu jitħassar mill-1 ta’ April 2008 skond l-Artikolu 201(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    (2)

    Ċerti kundizzjonijiet u obbligi stipulati bir-Regolament (KEE) Nru 707/76 ma ġewx inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    (3)

    Biex jgħin lis-settur tad-dud tal-ħarir ikompli jiffunzjona tajjeb u fl-interess ta’ ċarezza u razzjonalizzazzjoni, għandu jiġi adottat Regolament ġdid li jistipula dawk il-kundizzjonijiet u l-obbligi kif ukoll ir-regoli attwali ta’ l-implimentazzjoni stipulati fir-Regolament tal-Kummissjon (KEE) Nru 822/76 tas-7 ta’ April 1976 dwar il-kundizzjonijet u l-proċeduri għall-għarfien ta’ gruppi tal-produtturi ta’ dawk li jrabbu d-dud tal-ħarir (3).

    (4)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 822/76 għalhekk għandu jiġi rrevokat.

    (5)

    Ir-Regolament il-ġdid għandu japplika mid-data tar-revoka tar-Regolament (KEE) Nru 707/76.

    (6)

    L-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tad-dud tal-ħarir li għandhom għan speċifiku, li jista’ b’mod partikolari jirrigwarda l-konċentrazzjoni tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tal-membri, l-adattament tal-produzzjoni kemm għall-ħtiġijiet tas-suq kif ukoll għat-titjib tal-prodott, il-promozzjoni tar-razzjonalizzazzjoni u l-mekkanizzazzjoni tal-produzzjoni.

    (7)

    Sabiex ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn produtturi u tkun żgurata l-unità u l-effikaċja ta’ kwalunkwe azzjoni li tittieħed, jeħtieġ li jiġu stipulati kundizzjonijiet u proċeduri għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tad-dud tal-ħarir, applikabbli għall-Komunità kollha; organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandhom jikkonformaw ma’ dawk il-kundizzjonijiet u proċeduri biex jikkwalifikaw għal rikonoxximent mill-Istati Membri.

    (8)

    Ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandu jkun marbut mal-prova ta’ attività ekonomika fuq skala adegwata relatata mal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tad-dud tal-ħarir, filwaqt li derogi għandhom isiru possibbli f’reġjuni bi produzzjoni baxxa. Madankollu, billi l-għadd ta’ produtturi tad-dud tal-ħarir naqas konsiderevolment fl-aħħar ftit snin, il-limitu ta’ l-għadd minimu ta’ produtturi meħtieġ biex jifforma organizzazzjoni rikonoxxuta ta’ produtturi, iffissat fir-Regolament (KEE) Nru 822/76, għandu jitnaqqas b'mod sinifikanti.

    (9)

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura għall-għoti u l-irtirar ta’ rikonoxximent iridu jiġu amplifikati billi jispeċifikaw it-tagħrif li jrid jingħata meta ssir l-applikazzjoni.

    (10)

    Għall-informazzjoni ta’ l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, għandha tiġi ppubblikata lista fil-bidu ta’ kull sena ta' l-organizzazzjonijiet li jkunu ġew rikonoxxuti matul is-sena ta’ qabel, kif ukoll ta’ dawk li r-rikonoxximent tagħhom ikun ġie rtirat matul l-istess perjodu,.

    (11)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jrabbu d-dud tal-ħarir li:

    (a)

    jitolbu rikonoxximent,

    (b)

    jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007,

    (ċ)

    jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-awtorità kompetenti għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi għandha tkun dik l-awtorità ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun irreġistrat l-uffiċċju ta’ l-organizzazzjoni ta’ produtturi.

    Artikolu 2

    1.   Sabiex jinkiseb rikonoxximent, organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandhom:

    (a)

    jinkludu fl-attivitajiet tagħhom il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ fosdqiet tad-dud tal-ħarir;

    (b)

    jinkludu talanqas 50 produttur li juża jew jintrabat li juża talanqas 2 500 kaxxa matul is-sena tas-suq li fiha jingħata r-rikonoxximent;

    (ċ)

    jeskludu, fil-firxa ta’ l-attività tagħhom, kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni bejn dawk li jrabbu d-dud tal-ħarir fil-Komunità, fost l-oħrajn abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta’ l-istabbiliment tagħhom;

    (d)

    ikollhom personalità ġuridika jew kapaċità ġuridika suffiċjenti biex igawdu drittijiet u biex ikunu suġġetti għal obbligi skond il-liġi nazzjonali;

    (e)

    ma jkollhomx membri għajr dawk li jrabbu d-dud tal-ħarir;

    (f)

    ikollhom fir-regoli tagħhom dawn l-obbligi li ġejjin għall-membri:

    (i)

    li jikkumerċjalizzaw, jiġifieri li jbiegħu lill-kummerċ bl-ingrossa jew lill-industriji utenti, il-produzzjoni tagħhom kollha permezz ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi, suġġett għall-possibbiltà ta’ deroga rigward ċerti kwantitajiet;

    (ii)

    li japplikaw, fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, ir-regoli adottati mill-organizzazzjoni mfassla biex jadattaw il-volum ta' provvista u l-kwalità tal-prodott għal ħtiġijiet tas-suq;

    (iii)

    li ma jitilqux l-organizzazzjoni qabel ma jkun ilhom membri talanqas għal tlett snin minn meta l-organizzazzjoni ġiet rikonoxxuta u wara li jkunu taw notifika ta’ dan talanqas sena qabel, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali mfassla biex tipproteġi l-organizzazzjoni jew il-kredituri tagħha, f’każijiet speċifiċi, kontra kwalunkwe konsegwenza finanzjarja li tista’ tirriżulta mill-ħruġ ta’ membru jew biex jipprevjenu l-ħruġ ta’ membru mill-organizzazzjoni matul is-sena finanzjarja.

    (ġ)

    iżommu kontijiet separati għall-attivitajiet li dwarhom ġew rikonoxxuti;

    2.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, Stat Membru jista’, fuq talba, jkun awtorizzat li jirrikonoxxi, f’reġjun ta’ produzzjoni baxxa, organizzazzjoni li ma tissodisfax il-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 3

    Ma’ l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jibagħtu d-dokumenti u t-tagħrif li ġejjin:

    (a)

    l-istatut ta’ l-organizzazzjoni,

    (b)

    l-ismijiet tal-persuni awtorizzati li jaġixxu f’isem u għan-nom ta’ l-organizzazzjoni,

    (ċ)

    lista ta’ l-attivitajiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal rikonoxximent,

    (d)

    prova ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(1)(b) jew l-Artikolu 2(2),

    (e)

    ir-regoli adottati skond l-Artikolu 2(1)(f)(ii) u b’mod partikolari dawk relatati mat-tnixxif tal-fosdqiet.

    Artikolu 4

    1.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar applikazzjonijet għal rikonoxximent fi żmien xahrejn minn meta jirċevuhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tagħhom fi żmien xahrejn u jindikaw ir-raġunijiet jekk ma jaċċettawx l-applikazzjonijiet.

    Artikolu 5

    1.   L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw sorveljanza kontinwa biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent.

    2.   L-Istati Membri għandhom jirtiraw ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni jekk il-kundizzjonijiet stipulati għar-rikonoxximent ma jibqgħux jitħarsu jew jekk ir-rikonoxximent kien ibbażat fuq tagħrif mhux korrett. Għandhom jirtiraw b’effett retroattiv rikonoxximent miksub jew gawdut bi frodi.

    3.   Meta Stat Membru jirtira rikonoxximent ta' organizzazzjoni għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan fi żmien xahrejn u jindika r-raġunijiet għal dan.

    Artikolu 6

    Fil-bidu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fis-serje Ċ, fir-rigward is-sena ta’ qabel, kemm il-lista ta’ organizzazzjonijiet li jkunu ġew rikonoxxuti kif ukoll il-lista ta’ organizzazzjonijiet li r-rikonoxximent tagħhom ikun ġie rtirat.

    Artikolu 7

    Ir-Regolament (KEE) Nru 822/76 huwa rrevokat.

    Artikolu 8

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ April 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Marzu 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 84, 31.3.1976, p. 1.

    (3)  ĠU L 94, 9.4.1976, p. 19.


    Top