Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0106

    Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju (verżjoni mfassla mill-ġdid)

    ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/03/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/106/oj

    13.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 39/1


    REGOLAMENT (KE) Nru 106/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Jannar 2008

    dwar programm Komunitarju ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju

    (verżjoni mfassla mill-ġdid)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Waqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2422/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar programm tal-Komunità dwar l-ittikkettjar ta' l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju (3) jeħtieġ għadd ta' emendamenti sostanzjali. Dak ir-Regolament għandu jitfassal mill-ġdid għal raġunijiet ta' ċarezza.

    (2)

    It-tagħmir ta' l-uffiċċju għandu sehem sinifikanti mill-konsum totali ta' l-elettriku. Il-mudelli varji disponibbli fis-suq tal-Komunità għandhom livelli differenti ħafna ta' konsum ta' l-enerġija għal funzjonalitajiet simili, u hemm potenzjal qawwi biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tagħhom.

    (3)

    It-titjib ta' l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju għandu jgħin biex titjieb il-kompetittività tal-Komunità u s-sigurtà tal-provvista tagħha ta' l-enerġija, u biex ikunu protetti l-ambjent u l-konsumaturi.

    (4)

    Huwa importanti li jkunu promossi miżuri immirati lejn il-funzjonament korrett tas-suq intern.

    (5)

    Huwa mixtieq li jkunu koordinati l-inizjattivi nazzjonali dwar l-ittikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika biex jitnaqqas l-impatt ħażin fuq l-industrija u l-kummerċ tal-miżuri meħuda biex dawn jiġu implimentati.

    (6)

    Ladarba l-għan ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli għall-programm Komunitarju ta' tikettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

    (7)

    Il-Protokoll tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima miftiehem fi Kyoto nhar l-11 ta' Diċembru tal-1997 isejjaħ għal tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijet serra tal-Komunità ta' 8 % mhux aktar tard mill-perjodu 2008 sa 2012. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, huma meħtieġa miżuri iktar b'saħħithom biex inaqqsu emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fil-Komunità.

    (8)

    Minbarra dan, id-Deċiżjoni Nru 2179/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar ir-reviżjoni tal-programm tal-Komunità Ewropea dwar il-politika u l-azzjoni relatati ma' l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli “Lejn is-sostenibbiltà” (4), indikat il-provvista ta' tikketti dwar l-effiċjenza enerġetika ta' apparat bħala prijorità ewlenija għall-integrazzjoni ta' rekwiżiti ambjentali fir-rigward ta' l-enerġija.

    (9)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1998 dwar l-effiċjenza enerġetika fil-Komunità Ewropea (5) appellat biex jiżdied l-użu ta' l-ittikkettar ta' apparat u tagħmir.

    (10)

    Huwa mixtieq li jiġu kkoordinati r-rekwiżiti għall-użu effiċjenti ta' l-enerġija, it-tikketti u l-metodi ta' ttestjar kull fejn huwa xieraq.

    (11)

    Il-biċċa l-kbira tat-tagħmir ta' l-uffiċċju li juża l-enerġija b'mod effiċjenti hu disponibbli bi ftit jew mingħajr ebda spiża żejda u jista' għalhekk f'ħafna każijiet jikkumpensa għal kull spiża addizzjonali permezz ta' tnaqqis fil-ħela ta' l-elettriku fi żmien raġonevolment qasir. L-oġġettivi ta' tnaqqis fil-ħela ta' l-enerġija u tnaqqis tad-dijossidu tal-karbonju jistgħu għalhekk jinkisbu b'mod li jkun ekonomikament effiċjenti f'dan il-qasam, mingħajr żvantaġġi għall-konsumatur jew l-industrija.

    (12)

    It-tagħmir ta' l-uffiċċju hu kummerċjalizzat madwar id-dinja kollha. Il-Ftehim ta' l-20 ta' Diċembru 2006 bejn il-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni tal-programmi ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju (6) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”) għandu jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali u l-protezzjoni ta' l-ambjent għal dan it-tagħmir. Il-Ftehim għandu jiġi implimentat fil-Komunità.

    (13)

    It-tikketta ta' l-Energy Star dwar effiċjenza enerġetika tintuża madwar id-dinja. Sabiex jiġu influwenzati r-rekwiżiti tal-programm ta' tikkettar Energy Star, il-Komunità għandha tipparteċipa fil-programm ta' tikkettar u fit-tfassil ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa. Meta jiġu stabbiliti dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi flimkien ma' l-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali ta' l-Istati Uniti (“USEPA”), il-Kummissjoni għandha timmira lejn livelli ambizzjużi ta' effiċjenza enerġetika, fid-dawl tal-politika Komunitarja ta' l-effiċjenza enerġetika u l-miri tagħha ta' effiċjenza enerġetika.

    (14)

    Hija meħtieġa sistema ta' infurzar effettiva biex tassigura li l-programm ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju ikun implimentat sew, jiggarantixxi kondizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni għall-produtturi u jipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur.

    (15)

    Dan ir-Regolament għandu japplika biss għat-tagħmir ta' l-uffiċċju.

    (16)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta' Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta' tikkettar u ta' informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta' enerġija u riżorsi oħra minn apparat domestiku (7) mhijiex l-iktar strument adatt għat-tagħmir ta' l-uffiċċju. Il-miżura l-aktar effettiva ekonomikament għal promozzjoni ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija tat-tagħmir ta' l-uffiċċju hija programm ta' tikkettar volontarju.

    (17)

    Hu meħtieġ li x-xogħol għall-kontribuzzjoni għall-istabbiliment u r-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni jingħata lil organu adatt, il-Bord ta' l-Energy Star tal-Komunità Ewropea, sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni effiċjenti u newtrali tal-programm ta' ttikettar dwar l-effiċjenza enerġetika. Dak il-Bord għandu jkun kompost minn rappreżentanti nazzjonali u rappreżentanti tal-partijiet interessati.

    (18)

    Hu meħtieġ li jiġi żgurat li l-programm ta' l-ittikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir ta' l-uffiċċju ikun konsistenti u koordinat mal-prijoritajiet tal-politika tal-Komunità u ma' skemi oħra ta' tikkettar jew ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-Komunità bħal dawk stabbiliti mid-Direttiva 92/75/KEE u mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 880/92 tat-23 ta' Marzu 1992 dwar l-iskema tal-Komunità dwar l-għoti ta' tikketta eko (8).

    (19)

    Il-programm ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għandu wkoll jikkumplimenta l-miżuri meħuda fil-kuntest tad-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta' qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija (9). Huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġi żgurat li l-programm Energy Star u l-iskema dwar l-eko-diżinn jkunu konsistenti u koordinati.

    (20)

    Hu mixtieq li l-programm Energy Star tal-Komunità jiġi koordinat, fuq il-bażi tal-Ftehim, u skemi volontarji oħra ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għal tagħmir ta' l-uffiċċju fil-Komunità, sabiex jiġu prevenuti l-konfużjoni għall-konsumaturi u d-distorsjoni potenzjali tas-suq.

    (21)

    Hu meħtieġ li tkun garantita trasparenza fl-implimentazzjoni tal-programm Energy Star u tkun żgurata l-konsistenza tiegħu ma' l-istandards internazzjonali rilevanti sabiex ikun faċilitati l-aċċess għall-iskema għall-manifatturi u esportaturi minn pajjiżi barra l-Komunità u l-parteċipazzjoni fiha.

    (22)

    Dan ir-Regolament iqis l-esperjenza miksuba tul il-perjodu tal-bidu ta' implimentazzjoni tal-programm Energy Star fil-Komunità,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għan

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-programm Komunitarju ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir ta' l-uffiċju (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Programm Energy Star”) kif definit fil-Ftehim.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-gruppi ta' prodotti ta' tagħmir ta' l-uffiċċju definiti fl-Anness Ċ mal-Ftehim, bla ħsara għal kull emenda għalih skond l-Artikolu XII tal-Ftehim.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

    (a)

    “Logo Komuni” għandha tfisser il-marka li tidher fl-Anness A mal-Ftehim;

    (b)

    “il-parteċipanti tal-programm” għandha tfisser manifatturi, muntaturi, esportaturi, importaturi, bejjiegħa bl-imnut u persuni jew organi oħra li jikkommettu lilhom infushom biex jippromwovu prodotti ta' l-uffiċċju speċifikati li jkunu effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija li jissodisfaw l-Ispeċifikazzjonijiet Komuni definiti fil-punt (c) u li għażlu li jipparteċipaw fil-programm Energy Star billi rreġistraw mal-Kummissjoni;

    (ċ)

    “Speċifikazzjonijiet Komuni” għandha tfisser ir-rekwiżiti fir-rigward ta' l-effiċjenza enerġetika u tal-prestazzjoni, inklużi metodi ta' ttestjar, użati għad-determinazzjoni tal-kwalifika ta' prodotti ta' tagħmir ta' l-uffiċċju, li jkunu effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija, għall-finijiet tal-Logo Komuni.

    Artikolu 4

    Prinċipji ġenerali

    1.   Il-programm Energy Star għandu jiġi kkoordinat, kif meħtieġ, ma' arranġamenti oħra tal-Komunità dwar l-ittikkettar jew iċ-ċertifikazzjoni ta' kwalità kif ukoll ma' skemi bħal, partikolarment, l-iskema Komunitarja ta' l-għoti ta' tikketta eko stabbilita mir-Regolament (KEE) Nru 880/92, l-indikazzjoni permezz ta' l-ittikkettar u ta' informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta' l-enerġija u ta' riżorsi oħra minn apparat domestiku stabbilita mid-Direttiva 92/75/KEE u l-miżuri li jimplimentaw id-Direttiva 2005/32/KE.

    2.   Il-Logo Komuni jista' jintuża minn parteċipanti fil-programm fuq il-prodotti individwali tagħhom ta' tagħmir ta' l-uffiċċju u fuq il-materjal ta' promozzjoni assoċjat.

    3.   Il-parteċipazzjoni fil-programm Energy Star għandha tkun fuq bażi volontarja.

    4.   Il-prodotti ta' tagħmir ta' l-uffiċċju li għalihom ngħata l-użu tal-Logo Komuni mill-USEPA għandhom jitqiesu konformi ma' dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm prova kontrarja.

    5.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar l-istima tal-konformità u l-immarkar ta' konformità u/jew għal xi ftehim internazzjonali konkluż bejn il-Komunità u pajjiżi terzi għar-rigward ta' aċċess għas-suq tal-Komunità, il-prodotti koperti minn dan ir-Regolament li huma mqiegħda fis-suq tal-Komunità jistgħu jiġu ttestjati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Reġistrazzjoni ta' parteċipanti fil-programm

    1.   L-applikazzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-programm għandhom jiġu preżentati lill-Kummissjoni.

    2.   Id-deċiżjoni li tawtorizza applikant li jsir parteċipant fil-programm għandha tittieħed mill-Kummissjoni, wara li tkun ivverifikat li l-applikant qabel li jikkonforma mal-linji gwida għall-utenti tal-Logo Komuni, li jinsabu fl-Anness B għall-Ftehim. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq il-website ta' l-Energy Star lista aġġornata ta' parteċipanti fil-program u għandha regolarment tibgħatha lill-Istati Membri.

    Artikolu 6

    Promozzjoni ta' kriterji ta' effiċjenza enerġetika

    Għat-tul ta' żmien tal-validità tal-Ftehim, il-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra tal-Komunità, kif ukoll awtoritajiet tal-gvern ċentrali fis-sens tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (10), għandhom, mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja u għal-liġijiet nazzjonali, u għall-kriterji ekonomiċi, jispeċifikaw rekwiżiti ta' effiċjenza enerġetika mhux inqas eżiġenti mill-Ispeċifikazzjonijiet Komuni ta' l-Energy Star għal kuntratti ta' provvista pubblika ta' valur ugwali għal, jew li jeċċedi, il-limiti massimi stipulati fl-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Skemi volontarji oħra ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika

    1.   Skemi volontarji oħrajn eżistenti u ġodda ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għall-prodotti tat-tagħmir ta' l-uffiċċju fl-Istati Membri jistgħu jeżistu flimkien mal-programm Energy Star.

    2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw il-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-programm Energy Star u skemi nazzjonali ta' ttikkettar u skemi oħra ta' tikkettar fil-Komunità jew fl-Istati Membri.

    Artikolu 8

    Bord ta' l-Energy Star tal-Komunità Ewropea

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord ta' l-Energy Star tal-Komunità Ewropea (ECESB) li jkun magħmul minn rappreżentanti nazzjonali kif msemmi fl-Artikolu 9 u minn rappreżentanti ta' partijiet interessati. L-ECESB għandu jirrivedi l-implimentazzjoni tal-programm Energy Star fi ħdan il-Komunità u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni konsulenza u assistenza, kif meħtieġ, biex jippermettilha twettaq il-funzjoni tagħha bħala Entità Amministrattiva, kif jingħad fl-Artikolu IV tal-Ftehim.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tassigura li, safejn possibbli fit-tmexxija ta' l-attivitajiet tagħha, il-ECESB josserva, fir-rigward ta' kull grupp ta' prodotti ta' tagħmir għall-uffiċċju, parteċipazzjoni bilanċjata tal-partijiet rilevanti interessati kollha li huma kkonċernati minn dak il-grupp ta' prodotti bħal manifatturi, bejjiegħa bl-imnut, importaturi, gruppi ta' protezzjoni ta' l-ambjent u organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

    3.   Il-Kummissjoni, assistita mill-ECESB, għandha timmonitorja d-dħul fis-suq ta' prodotti li jkollhom il-Logo Komuni u l-iżvilupp ta' l-effiċjenza enerġetika ta' tagħmir ta' l-uffiċċji bil-għan li ssir reviżjoni f'waqtha ta' l-Ispeċifikazzjonijiet Komuni.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-proċedura tar-regoli tal-ECESB, filwaqt li tqis il-fehmiet tar-rappreżentanti nazzjonali fl-ECESB.

    Artikolu 9

    Ir-rappreżentanti nazzjonali

    Kull Stat Membru għandu jinnomina, skond il-każ, esperti nazzjonali għall-politika ta' l-enerġija, awtoritajiet jew persuni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “rappreżentanti nazzjonali”) responsabbli għat-twettiq tal-kompiti previsti f'dan ir-Regolament. Fejn iktar minn rappreżentant wieħed nazzjonali ikun nominat, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-poteri rispettivi ta' dawk ir-rappreżentati u r-rekwiżiti koordinati applikabbli għalihom.

    Artikolu 10

    Pjan ta' xogħol

    Konformement ma' l-għan stabbilit fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjan ta' xogħol. Il-pjan ta' xogħol għandu jinkludi strateġija għall-iżvilupp ta' programm Energy Star, li għandu jistabbilixxi għat-tliet snin sussegwenti:

    (a)

    l-objettivi għat-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, tenut kont tal-ħtieġa li jkun segwit standard għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur u għall-ambjent u tal-penetrazzjoni fis-suq li l-programm Energy Star għandu jfittex li jikseb fil-livell Komunitarju;

    (b)

    lista mhux eżawrjenti ta' prodotti ta' tagħmir ta' l-uffiċċju li għandhom ikunu kkunsidrati bħala prijoritajiet għall-inklużjoni fil-programm Energy Star;

    (ċ)

    inizjattivi edukattivi u promozzjonali;

    (d)

    proposti għall-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-programm Energy Star u skemi volontarji oħra ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-pjan ta' xogħol tagħha mhux inqas minn darba fis-sena u għandha tagħmlu disponibbli għall-pubbliku.

    Artikolu 11

    Proċeduri preparatorji għar-reviżjoni ta' kriterji tekniċi

    1.   Sabiex issir il-preparazzjoni għar-reviżjoni ta' l-Ispeċifikazzjonijet Komuni u tal-gruppi tal-prodotti tat-tagħmir ta' l-uffiċċju koperti mill-Anness C mal-Ftehim, u qabel jiġi preżentat abbozz ta' proposta jew tingħata risposta lill-USEPA skond il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1005/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta' programmi ta' l-ittikkettar ta' l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċji (11), għandhom jittieħdu l-passi stipulati fil-paragrafi 2 sa 5.

    2.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-ECESB biex iħejji proposta għal reviżjoni tal-Ftehim jew ta' l-Ispeċifikazzjonjiet Komuni għal prodott. Il-Kummissjoni tista' tressaq proposta quddiem l-ECESB għar-reviżjoni ta' l-Ispeċifikazzjonjiet Komuni għal prodott jew tal-Ftehim. L-ECESB jista' wkoll iressaq proposta lill-Kummissjoni fuq inizjattiva tiegħu stess.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-ECESB kull meta tirċievi proposta għal reviżjoni tal-Ftehim mill-USEPA.

    4.   Meta l-membri ta' l-ECESB jagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, huma għandhom iqisu r-riżultati l-istudji ta' fattibbiltà u tas-suq, u t-teknoloġija disponibbli għat-tnaqqis tal-konsum ta' l-enerġija.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra partikolarment l-għan li tistabbilixxi Speċifikazzjonijiet Komuni f'livell ambizzjuż, kif previst fl-Artikolu I, paragrafu 3, tal-Ftehim, bl-għan li jitnaqqas il-konsum ta' l-enerġija u għandha tqis kif dovut it-teknoloġija disponibbli u l-ispejjeż relatati. B'mod partikolari, qabel ma tagħti l-opinjonijiet tagħha dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Komuni, l-ECESB għandu jqis l-aħħar riżultati ta' l-istudji ta' l-ekodisinn.

    Artikolu 12

    Is-sorveljanza tas-suq u l-kontroll ta' l-abbuż

    1.   Il-Logo Komuni għandu jintuża biss b'konnessjoni mal-prodotti koperti mill-Ftehim u konformement mal-linji gwida għall-utenti tal-Logo Komuni, li jinsabu fl-Anness B mal-Ftehim.

    2.   Kull pubbliċità falza jew qarrieqa, jew kull użu ta' kull tikketta jew logo li jwassal għal konfużjoni mal-Logo Komuni, għandu jkun projbit.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tassigura l-użu korrett tal-Logo Komuni billi tieħu jew tikkoordina azzjoni kif deskritta fl-Artikolu IX, paragrafi 2, 3 u 4, tal-Ftehim. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni adegwata biex jiżguraw konformità mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom stess u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu jirriferu l-prova ta' nuqqas ta' konformità minn parteċipanti tal-programm lill-Kummissjoni għal azzjoni inizjali.

    Artikolu 13

    Rapport

    Sena qabel l-iskadenza tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tipproduċi u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jimmonitorja l-effiċjenza enerġetika tas-suq tat-tagħmir ta' l-uffiċċju fil-Komunità u li jevalwa l-effikaċjà tal-programm Energy Star. Ir-rapport għandu jinkludi data kwalitattiva u kif ukoll kwantitattiva u wkoll data dwar il-benefiċċji miksuba mill-programm Energy Star, jiġifieri l-iffrankar ta' l-enerġija u l-benefiċċji ambjentali f'termini ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.

    Artikolu 14

    Reviżjoni

    Qabel il-Partijiet għall-Ftehim jiddiskutu t-tiġdid tiegħu skond l-Artikolu XIV, paragrafu 2, tiegħu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programm Energy Star fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba matul l-operazzjoni tiegħu.

    Artikolu 15

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 2422/2001 huwa b'dan imħassar.

    Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness.

    Artikolu 16

    Dispożizzjonijiet finali

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, 15 ta' Jannar 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H. G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LENARČIČ


    (1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 97.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Lulju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2007.

    (3)  ĠU L 332, 15.12.2001, p. 1.

    (4)  ĠU L 275, 10.10.1998, p. 1.

    (5)  ĠU C 394, 17.12.1998, p. 1.

    (6)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 26.

    (7)  ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (8)  ĠU L 99, 11.4.1992, p. 1. Ir-Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1).

    (9)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

    (10)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni (KE) Nru 1422/2007 (ĠU L 317, 5.12.2007, p. 34).

    (11)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 24.


    ANNESS

    Ir-Regolament (KE) Nru 2422/2001

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 1, l-aħħar sentenza

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    Artikolu 3

    Artikolu 3

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(4)

    Artikolu 4(4)

    Artikolu 4(5)

    Artikolu 5

    Artikolu 5

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(2)

    Artikolu 6(3)

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 7

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 8(3)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 8(3)

    Artikolu 8(4)

    Artikolu 8(4)

    Artikolu 8(5)

    Artikolu 9

    Artikolu 9

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, parti ta' introduzzjoni

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, parti ta' introduzzjoni

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, l-ewwel inċiż

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, il-punt (a)

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, il-punt (b)

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, it-tielet inċiż

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, il-punt (c)

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, ir-raba' inċiż

    Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, il-punt (d)

    Artikolu 10, it-tieni paragrafu, l-ewwel sentenza

    Artikolu 10, it-tieni paragrafu

    Artikolu 11, l-ewwel paragrafu

    Artikolu 11(1)

    Artikolu 11, il-punt 1

    Artikolu 11(2)

    Artikolu 11, il-punt 2

    Artikolu 11(3)

    Artikolu 11, il-punt 3, l-ewwel sentenza

    Artikolu 11(4)

    Artikolu 11, il-punt 3, it-tieni sentenza

    Artikolu 11(5), l-ewwel sentenza

    Artikolu 11(5), l-aħħar sentenza

    Artikolu 12

    Artikolu 12

    Artikolu 13

    Artikolu 13

    Artikolu 14, l-ewwel paragrafu

    Artikolu 14

    Artikolu 14, it-tieni paragrafu

    Artikolu 15

    Artikolu 15

    Artikolu 16

    Annex


    Top