EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0010

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 10/2008 tat- 8 ta’ Jannar 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea ta’ l-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESSPROS) fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-klassifikazzjonijiet dettaljati u l-aġġornament tar-regoli għat-tixrid tas-sistema ċentrali ta’ l-ESSPROS u l-modulu dwar il-benefiċjarji ta’ pensjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 5, 9.1.2008, p. 3–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/10/oj

9.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 5/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 10/2008

tat-8 ta’ Jannar 2008

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea ta’ l-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESSPROS) fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-klassifikazzjonijiet dettaljati u l-aġġornament tar-regoli għat-tixrid tas-sistema ċentrali ta’ l-ESSPROS u l-modulu dwar il-benefiċjarji ta’ pensjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2007 dwar is-sistema Ewropea ta’ l-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESSPROS) (1), u partikolarment l-Artikoli 7(1) u 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 458/2007 waqqaf qafas metodoloġiku li jrid jintuża għall-ġbir ta’ l-istatistika fuq bażi komparabbli għall-benefiċċji tal-komunità u limiti taż-żmien għat-trażmissjoni u t-tixrid ta’ l-istatistika miġbura skond l-ESSPROS.

(2)

Skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 458/2007, miżuri implimentattivi li għandhom x'jaqsmu mal-klassifikazzjoni dettaljata tad-data koperta, id-definizzjonijiet li jridu jintużaw u l-aġġornament tar-regoli għat-tixrid tas-sistema ċentrali ESSPROS u l-modulu dwar il-benefiċjarji ta’ pensjoni għandhom jiġu adottati.

(3)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolment huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-miżuri implimentattivi mitluba mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 458/2007 fir-rigward tas-sistema ċentrali ESSPROS (għal data kwantitattiva kif ukoll għal tagħrif kwalitattiv minn skemi u benefiċċji dettaljati) u fir-rigward tal-modulu dwar il-benefiċjarji ta’ pensjoni għandhom ikunu kif stipulat fl-Annessi 1 sa 3.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Jannar 2008.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 113, 30.4.2007, p. 3.


ANNESS 1

DEFINIZZJONIJIET

1.   DEFINIZZJONIJIET TAS-SISTEMA ĊENTRALI TA’ L-ESSPROS

1.1.   RAGGRUPPAMENT TA’ L-ISKEMI: KRITERJI GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI TA’ L-ISKEMI TAL-ĦARSIEN SOĊJALI

1.1.1   Teħid ta’ deċiżjonijiet

It-teħid ta’ deċiżjonijiet jirreferi għall-unità li tieħu l-iktar deċiżjonijiet importanti: il-livell tal-benefiċċji, it-termini li skondhom isir il-ħlas u l-modi ta’ kif tiġi ffinanzjata l-iskema. L-iskemi jistgħu jkunu kkontrollati mill-gvern jew mhux ikkontrollati mill-gvern.

1.1.2   Infurzar tal-liġi

L-infurzar tal-liġi jirreferi għar-regoli stipulati mil-leġiżlazzjoni li tikkonċerna s-sħubija tan-nies imħarsa. Is-Sħubija fi skema ta’ ħarsien soċjali tista’ tkun obbligatorja jew mhux obbligatorja.

1.1.3   It-twaqqif tad-drittijiet

It-twaqqif tad-drittijiet jirreferi għall-bażi li fuqha l-persuna mħarsa tkun eleġibbli għall-benefiċċji: bil-kundizzjoni jew mhux bil-kundizzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet.

1.1.4   L-ambitu ta’ l-iskema

L-ambitu ta’ l-iskema jirreferi għall-parti tal-popolazzjoni li hija mħarsa (il-popolazzjoni kollha, il-ħaddiema kollha jew il-parti l-kbira tagħhom jew sezzjonijiet speċifiċi tal-popolazzjoni).

1.1.5   Livell ta’ ħarsien

Livell ta’ ħarsien jirreferi għal jekk l-iskemi ta’ ħarsien soċjali joffrux livell bażiku jew supplimentari ta’ ħarsien.

1.2.   DĦUL MINN SKEMI TA’ ĦARSIEN SOĊJALI

1.2.1   Kontribuzzjonijiet soċjali huma l-ispejjeż imġarrba minn min iħaddem f'isem l-impjegati tiegħu jew minn persuni mħarsa biex jiżguraw dritt għal benefiċċji soċjali.

1.2.2   Kontribuzzjonijiet tal-gvern ġenerali jfissru l-ispiża tal-gvern ġenerali biex imexxi skemi pubbliċi mingħajr kontribuzzjoni u appoġġ finanzjarju mogħti mill-gvern ġenerali lil skemi oħrajn ta' ħarsien soċjali għar-residenti.

1.2.3   Trasferimenti minn skemi oħrajn ifissru ħlasijiet mingħajr kontropartita li jiġu minn skemi ta' ħarsien soċjali oħrajn. Dawn jinkludu kontribuzzjonijiet soċjali li jinqalbu minn skemi oħrajn.

1.2.4   Dħul ieħor ifisser dħul attwali ieħor minn skemi ta' ħarsien soċjali.

1.3.   INFIQ TA’ SKEMI TA’ ĦARSIEN SOĊJALI

1.3.1   Funzjonijiet

Il-funzjoni ta’ benefiċċju ta’ ħarsien soċjali jfisser l-għan ewlieni li għalih jingħata l-ħarsien soċjali huwa pprovdut, irrispettivament mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew istituzzjonali.

1.3.1.1   Mard/kura tas-saħħa

Salvagwardja tad-dħul u appoġġ fi flus marbuta mal-mard fiżiku u mentali, minbarra d-diżabilità. Il-kura tas-saħħa maħsuba għaż-żamma, l-irkupru jew it-titjib tas-saħħa tan-nies imħarsa irrispettivament mill-oriġini tal-marda.

1.3.1.2   Diżabilità

Salvagwardja tad-dħul u appoġġ fi flus jew le (ħlief għall-kura tas-saħħa) marbuta ma’ l-inkapaċità ta’ nies diżabbli fiżikament jew mentalment biex jidħlu f'attivitajiet ekonomiċi u soċjali.

1.3.1.3   Anzjani

Salvagwardja tad-dħul u appoġġ fi flus jew le (ħlief għall-kura tas-saħħa) marbuta ma’ l-anzjani.

1.3.1.4   Superstiti

Salvagwardja tad-dħul u appoġġ fi flus jew le marbuta mal-mewt ta’ membru tal-familja.

1.3.1.5   Familja/tfal

Appoġġ fi flus jew le (ħlief għall-kura tas-saħħa) marbutin ma’ l-ispejjeż tat-tqala, tat-twellid u l-adozzjoni, it-trobbija tat-tfal u l-kura ta’ membri oħrajn tal-familja.

1.3.1.6   Qgħad:

Salvagwardja tad-dħul u appoġġ fi flus jew le marbuta mal-qgħad.

1.3.1.7   Djar

Għajnuna għall-ispejjeż tad-djar.

1.3.1.8   Esklużjoni soċjali (n.e.c.)

Benefiċċji fi flus jew le (ħlief għall-kura tas-saħħa) maħsuba speċifikatament għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali meta ma jkunux koperti minn waħda mill-funzjonijiet l-oħrajn.

1.3.2   Benefiċċji tal-ħarsien soċjali

1.3.2.1   Benefiċċju fi flus ifisser benefiċċju mħallas fi flus u li ma jeħtiġx evidenza li min jirċeviha ġarrab xi spiża.

1.3.2.2   Benefiċċji mhux fi flus ifissru benefiċċji mogħtija fil-forma ta’ oġġetti u servizzi. Huma jistgħu jkunu provduti permezz ta’ rimbors jew direttament.

1.3.2.3   Benefiċċji soċjali skond eżami tal-mezzi jfissru benefiċċji soċjali li huma espliċitament jew impliċitament dipendenti fuq li d-dħul tal-benefiċjarju u/jew ġidu jkun inqas minn livell speċifikat.

1.3.3   Spejjeż amministrattivi jfissru l-ispejjeż imħallsa mill-iskema għall-ġestjoni u l-amministrazzjoni tagħha.

1.3.4   Trasferimenti lejn skemi oħrajn ifissru ħlasijiet mingħajr kontropartita li jsiru lil skemi ta’ ħarsien soċjali oħrajn. Dawn jinkludu kontribuzzjonijiet soċjali li jinqalbu għal skemi oħrajn.

1.3.5   Infiq ieħor ifisser infiq varju minn skemi ta’ ħarsien soċjali (ħlas ta’ dħul minn proprjetà u nfiq ieħor).

2.   DEFINIZZJONIJIET GĦALL-MODULU DWAR IL-BENEFIĊJARJI TA’ PENSJONI

2.1.   IL-BENEFIĊJARJI TA’ PENSJONI

In-numru ta’ benefiċjarji f'kull stadju jista’ jkun definit bħala n-numru ta’ persuni li rċevew ta’ l-inqas pensjoni waħda mis-seba' kategoriji ta’ l-ESSPROS:

pensjonijiet tad-diżabilità,

benefiċċji ta’ rtirar kmieni minħabba kapaċità mnaqqsa għax-xogħol,

pensjonijiet ta’ l-anzjani,

pensjonijiet ta’ l-anzjani antiċipati,

pensjonijiet parzjali,

pensjonijiet tas-superstiti u,

irtirar kmieni minħabba raġunijiet ta’ suq tax-xogħol.

Kull persuna li tirċievi iktar minn pensjoni waħda tingħadd darba biss (numru ta’ benefiċjarji mingħajr għadd doppju).

2.1.1   Pensjonijiet għal diżabilità ifissru ħlasijiet perjodiċi maħsuba biex jissalvagwardjaw jew jappoġġjaw id-dħul ta’ xi ħadd taħt l-età legali/standard ta’ rtirar, kif stabbilita fl-iskema ta’ referenza, u li jbati minn xi diżabilità li ttelliflu l-kapaċità biex jaħdem jew jaqla' l-flus aktar mil-livell minimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni.

2.1.2   Benefiċċji ta’ rtirar kmieni minħabba kapaċità mnaqqsa għax-xogħol ifissru ħlasijiet perjodiċi lil ħaddiema aktar avvanzati fl-età li jirtiraw qabel ma jilħqu l-età ta’ rtirar legali/standard, kif stabbilita fl-iskema ta’ referenza, minħabba kapaċità mnaqqsa għax-xogħol.

2.1.3   Pensjonijiet ta’ l-anzjani jfissru ħlasijiet perjodiċi maħsuba biex i) jissalvagwardjaw id-dħul tal-benefiċjarju wara l-irtirar minn impjieg bi qligħ fl-età legali/standard jew ii) jappoġġjaw id-dħul ta’ persuni anzjani (ħlief appoġġ b'dewmien limitat).

2.1.4   Pensjonijiet ta’ l-anzjani antiċipati jfissru ħlasijiet perjodiċi maħsuba biex jissalvagwardjaw id-dħul ta’ benefiċjarji li jirtiraw qabel l-età legali/standard kif stabbilita fl-iskema rilevanti.

2.1.5   Pensjonijiet parzjali jfissru ħlasijiet perjodiċi ta’ parti mill-pensjoni sħiħa ta’ l-irtirar lil ħaddiema aktar avvanzati fl-età li jibqgħu jaħdmu iżda jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew li d-dħul tagħhom minn attività professjonali huwa taħt il-limitu definit.

2.1.6   Pensjonijiet tas-superstiti jfissru ħlasijiet perjodiċi lil nies li d-dritt tagħhom ġej mir-relazzjoni tagħhom ma’ persuna li mietet imħarsa minn xi skema (romol, orfni u simili).

2.1.7   Irtirar kmieni minħabba raġunijiet tas-suq tax-xogħol ifisser ħlasijiet perjodiċi lil ħaddiema aktar avvanzati fl-età li jirtiraw qabel ma jilħqu l-età legali/standard ta’ l-irtirar minħabba qgħad jew nuqqas ta’ impjiegi kkawżati minn miżuri ekonomiċi bħar-ristrutturazzjoni ta’ settur industrijali jew ta’ negozju.

2.2.   ETÀ LEGALI/STANDARD TA’ RTIRAR GĦALL-BENEFIĊĊJI TA’ L-ANZJANI

L-età legali għall-irtirar għall-benefiċċji ta’ l-anzjani tfisser l-età minn meta l-benefiċċji ta’ l-anzjani jibdew jitħallsu, jekk ikun stipulat minn leġiżlazzjoni jew kuntratt. Din l-età tista’ tvarja kemm bejn il-pajjiżi u kemm bejn l-Istati Membri, skond is-settur ta’ l-attività, ix-xogħol, is-sess u affarijiet oħrajn.

Meta ma jkun hemm l-ebda età legali għall-irtirar, trid tintuża età standard ta’ l-irtirar li tfisser l-età ta’ l-irtirar offruta mill-iskema li ħallset il-pensjoni lill-benefiċjarju.

3.   MANWAL TA’ REFERENZA

Id-definizzjonijiet dettaljati li jridu jintużaw għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stipulati fil-Manwal ta’ l-ESSPROS prodott mill-Kummissjoni Ewropea b'kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri.


ANNESS 2

KLASSIFIKAZZJONIJIET DETTALJATI

1.   KLASSIFIKAZZJONI TA' SKEMI U DATA KWANTITATTIVA (INKLUŻI D-DĦUL, L-INFIQ U L-BENEFIĊĊJI SKOND IL-FUNZJONI) KOPERTI MIS-SISTEMA ĊENTRALI TA' L-ESSPROS

1.1.   KLASSIFIKAZZJONI TA' L-ISKEMI (Tagħrif kwalitattiv)

Kriterju: Teħid ta' deċiżjonijiet

Skemi kkontrollati mill-gvern

Skemi mhux ikkontrollati mill-gvern

Kriterju: Infurzar tal-liġi

Skemi obbligatorji

Skemi mhux obbligatorji

Kriterju: It-twaqqif tad-drittijiet

Skemi kontributorji

Skemi mhux kontributorji

Kriterju: Ambitu

Skemi universali

Skemi ġenerali

Skemi speċjali

Kriterju: Livell ta' ħarsien

Skemi bażiċi

Skemi supplimentari

1.2.   KLASSIFIKAZZJONI TA' DATA KWANTITATTIVA

Id-definizzjonijiet dettaljati sħaħ li jridu jintużaw għad-data obbligatorja li għandha tintbagħat lill-Eurostat huma stipulati fil-Manwal ta' l-ESSPROS prodott mill-Kummissjoni Ewropea b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri. Dawn il-klassifikazzjonijiet dettaljati huma miġbura fil-klassifikazzjoni ta' l-ewwel livell stabbilit hawn taħt.

1.2.1   Dħul

Is-sistema ċentrali ESSPROS tikklassifika d-dħul minn skemi ta' ħarsien soċjali skond it-tip u l-oriġini. It-tip jindika n-natura ta', jew ir-raġuni għall-ħlas: kontribuzzjonijiet soċjali, kontribuzzjonijiet ġenerali tal-gvern, trasferimenti minn skemi oħrajn u dħul ieħor.

1.2.1.1   Dħul skond it-tip

Dħul totali

Kontribuzzjonijiet soċjali

Kontribuzzjonijiet soċjali minn min iħaddem

Kontribuzzjonijiet soċjali mill-persuni mħarsa

Kontribuzzjonijiet ġenerali mill-gvern

Taxxi speċifiċi

Dħul ġenerali

Trasferimenti minn skemi oħrajn

Kontribuzzjonijiet soċjali li jinqalbu minn skemi oħrajn.

Trasferimenti oħrajn minn skemi residenti oħrajn

Dħul ieħor

Dħul minn proprjetà

Dħul ieħor

1.2.1.2   Dħul skond l-oriġini

L-oriġini tispeċifika s-settur istituzzjonali minn fejn isir il-ħlas.

Il-klassifikazzjonijiet tas-setturi istituzzjonali minn fejn jiġu l-iskemi ta' ħarsien soċjali huma dawk użati fil-kontijiet nazzjonali (ESA 95).

Korporazzjonijiet

Gvern ċentrali

Gvern statali u lokali

Fondi ta' sigurtà soċjali

Familji

Istituzzjonijiet li ma jagħmlux qligħ li jagħtu servizz lill-familji

Il-bqija tad-dinja

1.2.2   Infiq

L-infiq ta' l-iskemi ta' ħarsien soċjali huwa klassifikat skond it-tip, li jindika n-natura ta', jew ir-raġuni għall-infiq: benefiċċji ta' ħarsien soċjali, spejjeż amministrattivi, trasferimenti għal skemi oħrajn u nfiq ieħor.

Benefiċċji ta' ħarsien soċjali jitqassmu f'benefiċċji skond eżami tal-mezzi u mingħajr eżami tal-mezzi. Il-klassifikazzjoni ta' benefiċċji ta' ħarsien soċjali jagħti iktar dettalji li jiddependu minn jekk il-benefiċċju hux provdut fi flus (bħala ħlas perjodiku jew somma f'daqqa) jew mhux fi flus. Barra minn hekk, klassifikazzjoni iktar dettaljata tintuża fejn l-annotazzjonijiet ikunu rilevanti għal wieħed biss jew numru limitat biss tal-funzjonijiet elenkati fis-Sezzjoni 1.2.3. Din il-klassifikazzjoni ulterjuri hija definita fil-Manwal ta' l-ESSPROS.

Infiq totali

Benefiċċji tal-ħarsien soċjali

Benefiċċji tal-ħarsien soċjali, mingħajr eżami tal-mezzi

Benefiċċji fi flus, mingħajr eżami tal-mezzi

Benefiċċji perjodiċi fi flus, mingħajr eżami tal-mezzi

Benefiċċji fi flus imħallsa f'daqqa, mingħajr eżami tal-mezzi

Benefiċċji mhux fi flus, mingħajr eżami tal-mezzi

Benefiċċji tal-ħarsien soċjali, skond eżami tal-mezzi

Benefiċċji fi flus, skond eżami tal-mezzi

Benefiċċji perjodiċi fi flus, skond eżami tal-mezzi

Benefiċċji fi flus imħallsa f'daqqa, skond eżami tal-mezzi

Benefiċċji mhux fi flus, skond eżami tal-mezzi

Spejjeż ta' amministrazzjoni

Trasferimenti għal skemi oħrajn

Kontribuzzjonijiet soċjali li jinqalbu għal skemi oħrajn

Trasferimenti oħrajn għal skemi residenti oħrajn

Infiq ieħor

1.2.3   Benefiċċji skond il-funzjoni

Il-klassifikazzjoni skond il-funzjoni hija kif ġejja:

 

Mard/Kura tas-saħħa

 

Diżabilità

 

Anzjani

 

Superstiti

 

Familji/Tfal

 

Qgħad

 

Djar

 

Esklużjoni soċjali (n.e.c.)

2.   KLASSIFIKAZZJONI DETTALJATA TAL-BENEFIĊJARJI TA' PENSJONI

2.1   DATA

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni (funzjoni tad-diżabilità) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni tad-diżabilità mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji li jirċievu benefiċċji ta' rtirar kmieni minħabba kapaċità mnaqqsa għax-xogħol mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni tad-diżabilità (mingħajr eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji li jirċievu benefiċċji ta' rtirar kmieni minħabba kapaċità mnaqqsa għax-xogħol (mingħajr eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni tad-diżabilità (skond eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji li jirċievu benefiċċji ta' rtirar kmieni minħabba kapaċità mnaqqsa għax-xogħol (skond eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni (funzjonijiet ta' pensjoni għall-anzjani u s-superstiti) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni (funzjoni għall-anzjani) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni għall-anzjani mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni ta' l-anzjani antiċipata mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni parzjali mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni ta' l-anzjani (mingħajr eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni ta' l-anzjani antiċipata (mingħajr eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni parzjali (mingħajr eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni ta' l-anzjani (skond eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni ta' l-anzjani (skond eżami tal-mezzi) antiċipata mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni parzjali (skond eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni (funzjoni tas-superstiti) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni tas-superstiti (mingħajr eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni tas-superstiti (skond eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji ta' pensjoni (funzjoni tal-qgħad) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji li jirċievu benefiċċji ta' rtirar kmieni għal raġunijiet tas-suq tax-xogħol (mingħajr eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

Numru totali ta' benefiċjarji li jirċievu benefiċċji ta' rtirar kmieni għal raġunijiet tas-suq tax-xogħol (skond eżami tal-mezzi) mingħajr għadd doppju

2.2   TAGĦRIF SUPPLIMENTARI

Età legali jew standard għall-irtirar skond is-sess u skond l-iskema

Data ta' referenza/metodu ta' kalkolu skond l-iskema


ANNESS 3

AĠĠORNAMENT TAR-REGOLI GĦAT-TIXRID

1.   AĠĠORNAMENT TAR-REGOLI GĦAT-TIXRID GĦAS-SISTEMA ĊENTRALI TA’ L-ESSPROS

1.1.   AĠĠORNAMENT TAR-REGOLI GĦAT-TIXRID TA’ DATA KWANTITATTIVA SKOND IR-RAGGRUPPAMENT TA’ L-ISKEMI

1.1.1.   Raggruppament ta’ l-iskemi skond il-kriterji

Utenti speċifiċi jistgħu jitħallew jippubblikaw id-data skond skemi ta’ raggruppament konformi mal-klassifikazzjoni ta’ l-iskemi ta’ l-ESSPROS definiti skond il-kriterji fl-Anness 1, Taqsima 1.1 (“Raggruppament ta’ l-iskemi”).

1.1.2.   Data skond l-iskemi

Utenti speċifiċi se jitħallew jippubblikaw data skond l-iskemi jew il-gruppi ta’ skemi għal dawk il-pajjiżi li ma jagħtux kunsens espliċitu għal tixrid sħiħ għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Il-gruppi ta’ l-iskemi se jkollhom jikkonformaw mar-regoli tat-tixrid stipulati minn kull Stat Membru kkonċernat.

1.2.   AĠĠORNAMENT TAR-REGOLI GĦAT-TIXRID TA’ TAGĦRIF KWALITATTIV SKOND L-ISKEMA U L-BENEFIĊĊJI DETTALJATI

L-Eurostat se titħalla tippubblika tagħrif kwalitattiv skond l-iskema u l-benefiċċji dettaljati b'appoġġ adegwat.

2.   AĠĠORNAMENT TAR-REGOLI GĦAT-TIXRID TA’ DATA DWAR IL-BENEFIĊJARJI TA’ PENSJONI

2.1.   GĦADD TOTALI TA’ KATEGORIJI SKOND IL-KLASSIFIKAZZJONI ESSPROS TAL-BENEFIĊJARJI TA’ PENSJONI

Utenti speċifiċi se jitħallew jippubblikaw data għas-seba' kategoriji ta’ pensjonijiet u għall-għadd totali ta’ kategoriji skond il-klassifikazzjoni ta’ l-ESSPROS għall-benefiċjarji ta’ pensjoni fl-Anness 2, Taqsima 2 (Klassifikazzjoni dettaljata ta’ benefiċjarji ta’ pensjoni).

Utenti speċifiċi se jitħallew ukoll jippubblikaw it-tqassim bejn il-benefiċjarji skond eżami tal-mezzi u dawk mingħajr eżami tal-mezzi, skond il-klassifikazzjoni ta’ l-ESSPROS għall-benefiċjarji ta’ pensjoni fl-Anness 2, Taqsima 2 (Klassifikazzjoni dettaljata ta’ benefiċjarji ta’ pensjoni).

2.2.   DATA SKOND L-ISKEMI

Utenti speċifiċi se jitħallew jippubblikaw data skond l-iskemi jew il-gruppi ta’ skemi għal dawk il-pajjiżi li ma jagħtux kunsens espliċitu għal tixrid sħiħ għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Il-gruppi ta’ l-iskemi se jkollhom jikkonformaw mar-regoli tat-tixrid stipulati minn kull Stat Membru kkonċernat.


Top