Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0368

    Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2008/368/PESK ta' l- 14 ta' Mejju 2008 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva

    ĠU L 127, 15.5.2008, p. 78–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/368/oj

    15.5.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 127/78


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/368/PESK

    ta' l-14 ta' Mejju 2008

    b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva, li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni li jeħtieġ li jittieħdu kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi.

    (2)

    L-UE qiegħda timplimenta attivament din l-Istrateġija u tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari permezz tar-rilaxx ta’ riżorsi finanzjarji b’appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxijin minn istituzzjonijiet multilaterali, bl-għoti, lill-Istati li jkollhom il-ħtieġa, ta’ assistenza u kompetenza teknika fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ non-proliferazzjoni, u l-promozzjoni tar-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU).

    (3)

    Fit-28 ta’ April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“ir-Riżoluzzjoni 1540”), li hija l-ewwel strument internazzjonali li jittratta b’mod integrat u komprensiv l-armi ta’ Distruzzjoni Massiva, il-mezzi kif jitwasslu u l-materjali relatati. Ir-Riżoluzzjoni 1540 tistabbilixxi obbligi li jorbtu lill-Istati kollha bl-għan li jimpedixxu u jiskoraġġixxu lill-atturi li mhumiex Stati milli jaċċedu għal tali armi u materjali relatati ma’ l-armi. Hija wkoll sejħet lill-Istati sabiex jippreżentaw rapport lill-Kumitat (minn hawn ‘il quddiem: “il-Kumitat 1540”) tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit mir-Riżoluzzjoni 1540 dwar il-passi li ħadu jew li bi ħsiebhom jieħdu sabiex jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1540.

    (4)

    Fis-27 ta’ April 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta unanimament ir-Riżoluzzjoni 1673 (2006) u ddeċieda li l-Kumitat għandu jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1540 permezz ta’ programmi ta’ ħidma, attivitajiet ta’ komunikazzjoni, assistenza, djalogu u kooperazzjoni. Huwa stieden ukoll lill-Kumitat 1540 sabiex jesplora ma’ l-Istati u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sub-reġjonali l-possibbiltà ta’ kondiviżjoni ta’ l-esperjenzi u l-lezzjonijiet li jkunu ttieħdu, u d-disponibbiltà tal-programmi li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540.

    (5)

    F’April 2006, ir-Rapport tal-Kumitat 1540 irrakkomanda li l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni reġjonali u sub-reġjonali jitwessgħu u jiġu intensifikati bil-ħsieb li tingħata lill-Istati, b’mod strutturat, gwida għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi skond ir-Riżoluzzjoni 1540, b’kont meħud tal-fatt li f’dak iż-żmien tnejn u sittin Stat kienu għad iridu jippreżentaw l-ewwel rapport nazzjonali tagħhom u ħamsa u ħamsin Stat li kienu ppreżentaw l-ewwel rapport nazzjonali tagħhom kien għad iridu jippreżentaw informazzjoni u kjarifika addizzjonali mitluba mill-Kumitat 1540.

    (6)

    Fit-12 ta’ Ġunju 2006, l-Unjoni Ewropea adottat l-ewwel Azzjoni Konġunta, l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/419/PESK (1), b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 u fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva. Dik l-Azzjoni Konġunta kienet implimentata u kellha l-għan li tissensibilizza l-opinjoni pubblika dwar il-ħtiġiet relatati mar-Riżoluzzjoni 1540 u li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi ta’ Stati terzi fl-abbozzar ta’ rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540.

    (7)

    L-implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/419/PESK rriżultat fl-organizzazzjoni ta’ ħames seminars reġjonali fl-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Amerika Latina, il-Karibew u r-reġjuni ta’ l-Asja u l-Paċifiku. Dawn l-attivitajiet ikkontribwew għat-tnaqqis sinifikanti tan-numru ta’ Stati li ma rrappurtawx u tan-numru ta’ Stati li ma ppreżentawx l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-Kumitat 1540 b’segwitu għall-preżentazzjoni ta’ rapporti mhux kompluti.

    (8)

    Il-Kumitat 1540 reċentement enfażizza lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f’Diċembru 2007 li fix-xogħol prattiku tal-Kumitat il-fokus prinċipali għandu jiġi trasferit mir-rappurtar nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ l-aspetti kollha tar-Riżoluzzjoni 1540. F’dan ir-rigward, attivitajiet ta’ komunikazzjoni u assistenza speċifikament imfassla, li jirrispondu għal ċirkustanzi reġjonali u oħrajn speċifiċi, jista’ jgħinu lill-Istati Membri biex ilaħħqu ma’ l-isfidi ta’ implimentazzjoni. Il-Kumitat 1540 iddikjara wkoll fil-programm ta’ ħidma tiegħu li l-pjani nazzjonali jew road maps ta’ implimentazzjoni jistgħu jservu għall-Istati bħala għodod utli ta’ ppjanar u li din l-idea għandha tiġi promossa aktar. Il-pajjiżi konċernati għandhom ukoll jirċievu aktar assistenza fl-iżvilupp tal-pjani ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom.

    (9)

    L-Uffiċċju għad-Diżarmament tas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Magħquda, li huwa responsabbli mill-għoti ta’ appoġġ sostantiv u loġistiku lill-Kumitat 1540 u lill-esperti tiegħu, għandu jiġi fdat bl-implimentazzjoni tal-proġetti li għandhom jitwettqu taħt din l-Azzjoni Konġunta.

    (10)

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi implimentata skond il-Ftehim Kwadru Finanzjarju u Amministrattiv, konkluż mill-Kummissjoni Ewropea man-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni Ewropea lil programmi jew proġetti amministrati min-Nazzjonijiet Magħquda,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    1.   Konformement ma’ l-Istrateġija ta’ l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ l-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva, li tistabbilixxi l-objettiv tal-promozzjoni tar-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u tat-tisħiħ tal-kompetenzi tagħha sabiex tiffaċċja l-isfidi tal-proliferazzjoni, l-UE għandha ssostni ulterjorment l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU (“ir-Riżoluzzjoni 1540”).

    2.   Il-proġetti b’appoġġ għar-Riżoluzzjoni 1540, li jikkorrispondu għall-miżuri ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE, għandhom jikkonsistu f’serje ta’ sessjonijiet ta’ ħidma tematika f’diversi sub-reġjuni speċifiċi.

    L-għan tas-sessjonijiet ta’ ħidma għandu jkun doppju:

    li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ uffiċjali fi Stati mmirati li jkunu responsabbli għall-ġestjoni tal-proċess ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jwettqu sforzi effikaċi f’livell prattiku għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540;

    li l-uffiċjali ta’ l-Istati speċifiċi li jipparteċipaw fil-proġetti jkunu f’pożizzjoni li jidentifikaw b’mod ċar nuqqasijiet u ħtiġijiet b’kont meħud tal-perspettivi differenti (gvern u industrija) sabiex ikunu jistgħu jiġu fformulati talbiet ta’ assistenza effettivi.

    Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti.

    Artikolu 2

    1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (SĠ/RGħ), għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b’mod sħiħ.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat tan-NU (Uffiċċju għall-Affarijiet tad-Diżarm) (“is-Segretarjat tan-NU (UAD)”). Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza. Għal dan il-għan, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tan-NU (UAD).

    3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni għandhom iżommu lil xulxin informati dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta, konformement mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 475 000, li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni ġusta ta’ l-infiq imsemmi fil-paragrafu 2, li għandu jieħu l-forma ta’ għotja. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mas-Segretarjat tan-NU (UAD). Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li s-Segretarjat tan-NU (UAD) għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut ta’ l-UE, skond id-daqs tiegħu.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dan il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta’ rapporti regolari ppreparati mis-Segretarjat tan-NU (UAD). Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b’mod sħiħ u għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji ta’ l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

    Artikolu 5

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi 24 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew 3 xhur wara d-data ta’ l-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun konkluż f’dak il-perijodu.

    Artikolu 6

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. BAJUK


    (1)  ĠU L 165, 17.6.2006, p. 30.


    ANNESS

    Sostenn mill-UE għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

    1.   Sfond

    Fir-rapport tiegħu ta’ April 2006, il-Kumitat 1540 ikkonkluda li tnejn u sittin Stat kienu għadhom iridu jippreżentaw l-ewwel rapport nazzjonali tagħhom u ħamsa u ħamsin Stat, minkejja li kienu għamlu dan, xorta kellhom jippreżentaw informazzjoni u kjarifika addizzjonali. Minħabba li dawn l-Istati kienu kkonċentrati fi tliet żoni ġeografiċi (l-Afrika, il-Karibew u n-Nofsinhar tal-Paċifiku), u billi n-nuqqasijiet fir-rapporti nazzjonali segwew ċerti mudelli reġjonali, il-Kumitat 1540 issuġġerixxa li l-attivitajiet ta’ assistenza lill-Istati sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 għandhom jikkonċentraw fuq ir-reġjuni u ż-żoni fejn ġew identifikati ħtiġijiet speċifiċi.

    Bħala risposta għal dan, is-sostenn mill-UE matul il-perijodu 2004-2007 għall-attivitajiet tal-Kumitat 1540 kien doppju:

    l-UE wettqet inizjattivi fi Stati terzi biex tippromwovi l-preżentazzjoni ta’ rapporti nazzjonali skond ir-Riżoluzzjoni 1540.

    fit-12 ta’ Ġunju 2006 l-UE adottat l-Azzjoni Konġunta 2006/419/PESK li tipprevedi sostenn finanzjarju għal ħames attivitajiet ta’ komunikazzjoni mmirati għal ħames reġjuni differenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, fil-forma ta’ seminars, għandhom l-għan li jissensibilizzaw l-opinjoni pubblika fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar l-obbligi tagħhom skond ir-Riżoluzzjoni 1540 u li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ Stati terzi fl-abbozzar ta’ rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540.

    Skond l-aħħar informazzjoni ppreżentata mill-President tal-Kumitat 1540 lill-KSNU fis-17 ta’ Diċembru 2007, sar progress konsiderevoli fir-rigward ta’ l-obbligi ta’ rappurtar ta’ l-Istati Membri tan-NU iżda aktar sforzi huma meħtieġa fil-perijodu li jmiss sabiex tintlaħaq l-implimentazzjoni sħiħa ta’ l-aspetti kollha tar-riżoluzzjoni. B’mod partikolari f’Marzu 2008, mija u erbgħa u erbgħin Stat li kienu diġà ppreżentaw l-ewwel rapporti tagħhom u disa’ u disgħin Stat diġà ppreżentaw l-informazzjoni addizzjonali mitluba. B’mod simili, id-diskussjoni tematika dwar l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni li saret mill-Kumitat 1540 f’Ottubru 2007 rrikonoxxiet il-ħtieġa għal approċċ gradwali u rrakkomandat li l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni futuri għandhom jiffokaw anqas fuq l-kwistjoni ta’ rappurtar u aktar fuq il-assistenza lill-Istati dwar kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni.

    Il-laqgħa informattiva ta’ Diċembru 2007 enfażizzat ukoll kif fix-xogħol prattiku l-fokus prinċipali tal-Kumitat 1540 għandu jixxiftja mir-rappurtar għall-implimentazzjoni ta’ l-aspetti kollha tar-Riżoluzzjoni 1540. F’dan ir-rigward l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u assistenza mfassla individwalment, li jirrispondu għal ċirkostanzi reġjonali u oħrajn speċifiċi, jistgħu jgħinu lill-Istati Membri biex ilaħħqu ma’ l-isfidi ta’ implimentazzjoni. Kif il-Kumitat iddikjara fil-programm ta’ ħidma tiegħu, il-pjani nazzjonali jew road maps ta’ implimentazzjoni jistgħu jservu għall-Istati bħala għodod utli ta’ ppjanar u din l-idea għandha tiġi promossa aktar. Il-pajjiżi konċernati għandhom jirċievu aktar assistenza fl-iżvilupp tal-pjani ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom. B’mod simili, għandha wkoll tissaħħaħ il-kapaċità ta’ l-Istati Membri li jifformulaw talbiet ta’ assistenza effettivi.

    2.   Deskrizzjoni tal-proġetti

    Il-proġetti b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 jieħdu l-forma ta’ sitt sessjonijiet ta’ ħidma li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità ta’ l-uffiċjali responsabbli għall-ġestjoni tal-proċess tal-kontroll fuq l-esportazzjoni f’sitt sub-reġjuni (l-Afrika, l-Amerika Ċentrali, il-MERCOSUR, il-Lvant Nofsani u r-Reġjuni tal-Golf, il-Gżejjer tal-Paċifiku u x-Xlokk ta’ l-Asja), sabiex huma jkunu jistgħu f’livell prattiku jwettqu sforzi ta’ implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540. Is-sessjonijiet ta’ ħidma proposti għandhom ikunu mfassla speċifikament għall-uffiċjali tal-fruntieri, doganali u regolatorji u ser jinkludu l-elementi ewlenin tal-proċess ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni li jinkludi inter alia, liġijiet applikabbli (inklużi aspetti legali nazzjonali u internazzjonali), kontrolli regolatorji (inklużi d-dispożizzjoni dwar il-liċenzjar, verifika ta’ l-utent aħħari u programmi ta’ sensibilizzazzjoni ta’ l-opinjoni pubblika) u infurzar (inklużi l-identifikazzjoni ta’ materja prima, il-valutazzjoni tar-riskju u metodi ta’ individwazzjoni).

    Waqt is-sessjoni ta’ ħidma, l-Istati ser ikunu mħeġġa jikkonferixxu u jikkondividu esperjenzi dwar kwistjonijiet prattiċi relatati ma’ l-implimentazzjoni. L-Istati ser ikollhom l-opportunità jipparagunaw il-proċessi tagħhom ta’ kontrolli fuq l-esportazzjonijiet, u permezz ta’ dawn il-paraguni li jagħmlu, jidentifikaw dawk il-prattiki li jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza ta’ l-oħrajn. Fejn tista’ tkun meħtieġa assistenza biex l-Istati jkunu jistgħu japplikaw l-aktar prattiki effettivi, jistgħu jiġu ffurmati programmi ta’ assistenza.

    L-attivitajiet proposti għandhom jippożizzjonaw ukoll lill-uffiċjali msemmija hawn fuq biex jidentifikaw b’mod ċar nuqqasijiet u ħtiġijiet b’kont meħud tal-perspettivi differenti (gvern u industrija) sabiex ikunu jistgħu jiġu fformulati talbiet ta’ assistenza effettivi għal taħriġ, tagħmir, u oqsma oħrajn ta’ attivitajiet. Dawn it-talbiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat 1540 - biex jiġu ċċirkulati lill-Istati - jew direttament lill-Istati, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u mhux governattivi. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma, minbarra li jirrikorru għall-esperti tal-Kumitat 1540, jeħtieġu jirrikorru għall-kompetenzi disponibbli internazzjonalment. Għalhekk, pajjiżi donaturi, kif ukoll organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali, jistgħu jipprovdu wkoll kompetenzi stabbiliti u magħrufa sew billi jagħmlu l-esperti tagħhom disponibbli għad-durata tas-sessjoni ta’ ħidma.

    Din l-Azzjoni Konġunta ġdida tibni fuq u tintensifika l-isforzi li saru taħt l-Azzjoni Konġunta preċedenti 2006/419/PESK li ffukat prinċipalment fuq is-sensibilizzazzjoni ta’ l-opinjoni pubblika u l-obbligi ta’ rappurtar. Din ser tipprovdi b’mod ċar dimensjoni operattiva u sub-reġjonali għall-proġetti billi tinvolvi madwar tliet uffiċjali ta’ l-Istat (operaturi fuq il-post/livell espert) minn kull Stat parteċipanti fis-sessjonijiet ta’ ħidma, b’durata ta’ bejn tliet u erbat ijiem.

    L-identifikazzjoni ċara ta’ nuqqasijiet u ħtiġiet li għandha tiġi ffaċilitata mis-sessjonijiet ta’ ħidma ffinanzjati permezz ta’ l-Azzjoni Konġunta ser tkun utili partikolarment għall-Unjoni Ewropea, l-aktar għall-għażla ta’ pajjiżi li jistgħu jibbenefikaw minn proġetti għall-bini tal-kapaċità ffinanzjati taħt l-Istrument ta’ Stabbilità l-ġdid. Hija ser tgħin ukoll biex jiġu ddefiniti l-oqsma preċiżi li fihom hemm l-iktar bżonn ta’ azzjonijiet addizzjonali ta’ l-UE. Il-parteċipanti tas-sessjonijiet ta’ ħidma ser ikunu mħeġġa jagħmlu talbiet speċifiċi għall-għajnuna. L-UE ser tidentifika l-għan ta’ l-għajnuna billi tieħu kont ta’ l-intenzjonijiet ta’ donaturi potenzjali oħrajn u ser tiżgura sinerġija massima ma’ strumenti finanzjarji oħrajn ta’ l-UE (eż. b’mod komplimentari ma’ din l-Azzjoni Konġunta ta’ attivitajiet skond l-Istrument ta’ Stabbilità fil-qasam tal-kontroll fuq l-esportazzjonijiet f’ pajjiżi terzi).

    Riżultati tal-Proġetti:

    Tissaħħaħ il-komprensjoni mill-parteċipanti dwar l-isforzi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ l-armi ta’ Distruzzjoni Massiva u l-mezzi kif jitwasslu.

    Ċarezza akbar tal-miżuri ta’ implimentazzjoni u nfurzar attwali u jiżdiedu l-passi meħuda jew ippjanati li jittieħdu lejn l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1540;

    Jissaħħu t-tekniki tal-valutazzjoni tar-riskju, ta’ l-individwazzjoni u ta’ l-eżaminazzjoni.

    Jitjiebu l-azzjoni reċiproka u l-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għall-kontroll u l-infurzar fuq l-esportazzjonijiet;

    Tissaħħaħ il-komprensjoni dwar iċ-ċaqliq tal-merkanzija u tal-metodi li jintużaw biex jiġu evitati l-proċessi ta’ kontrolli fuq l-esportazzjonijiet.

    Tissaħħaħ il-komprensjoni dwar ix-xorta ta’ użu doppju ta’ ċerta materja prima u titjieb il-kapaċità għall-identifikazzjoni ta’ dik il-materja prima ta’ użu doppju relatata ma’ l-armamenti ta’ Distruzzjoni Massiva u l-mezzi kif jitwasslu;

    Tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-uffiċjali regolatorji u ta’ l-infurzar u l-industrija;

    Eżitu tas-sessjoni ta’ ħidma għall-parteċipanti:

    (a)

    Jiġu prodotti pjani potenzjali ta’ azzjoni nazzjonali;

    (b)

    Jiġu żviluppati talbiet ta’ assistenza għal segwitu fil-futur dwar oqsma aktar speċifiċi f’din is-sessjoni ta’ ħidma, u skond il-każ, tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi u organizzazzjonijiet sub-reġjonali fl-għoti ta’ tali assistenza, u

    (ċ)

    Rapport tal-proċedimenti tas-seminar;

    3.   Durata

    Id-durata stmata totali għall-proġett ser tkun ta’ 24 xahar.

    4.   Benefiċjarji u parteċipanti

    L-Istati magħżula biex jattendu ntagħżlu skond kriterji diversi. L-eżami tal-matriċijiet tal-pajjiżi dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 intuża biex jiġu identifikati dawk l-Istati li jistgħu jeħtieġu assistenza f’oqsma ta’ valutazzjoni tar-riskju, kontrolli tal-fruntieri u tat-trasbord, identifikazzjoni tal-materja prima u tekniki ta’ l-individwazzjoni.

    Bil-proposta għall-Istati msemmija hawn taħt biex jipparteċipaw fil-proġetti, tqiesu wkoll il-livelli varji tagħhom ta’ implimentazzjoni u kapaċità. Is-similaritajiet fi kwistjonijiet reġjonali, bħat-trasbord, jipprovdu linja komuni, u jippermettu li jiġu identifikati u żviluppati sinerġiji bejn l-Istati.

    Barra minn dan, l-Isati magħżula pparteċipaw f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni li qabel kienu qed isiru fis-sub-reġjuni rilevanti.

    L-Istati ser ikunu mitluba jinnominaw uffiċjali fil-livell ta’ implimentazzjoni, li jkunu familjari mal-proċessi ta’ kontrolli fuq l-esportazzjonijiet u l-fruntieri. Dawn jinkludu rappreżentanti mill-oqsma tal-Gvern li ġejjin:

    Awtoritajiet regolatorji; u

    Infurzar fuq il-fruntieri (inklużi awtoritajiet Doganali u tal-Pulizija; ser tingħata attenzjoni partikolari lill-proċessi transgovernattivi u bejn l-aġenziji).

    L-aġenziji addizzjonali identifikati bħala ċentrali għall-proċessi ta’ kontrolli fuq l-esportazzjonijiet ser ikunu mistiedna skond il-każ, b’segwitu għal deċiżjoni mill-Presidenza ta’ l-UE, assistita mis-SG/RGħ.

    Ser tkun ikkunsidrata wkoll stedina għall-organizzazzjonijiet intergovernattivi u reġjonali relevanti biex jattendu u jipparteċipaw fis-sessjoni ta’ ħidma.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li xi wħud mill-Istati parteċipanti jistgħu jiġu ffaċċjati, anki b’mod involontarju, b’riskji ta’ proliferazzjoni ta’ armamenti ta’ Distruzzjoni Massiva (AQM), minħabba l-lokazzjoni ġeografika tagħhom, is-sitwazzjoni politika jew il-pjani nazzjonali tagħhom dwar l-eneġija. Fosthom kien hemm diversi li impenjaw ukoll ruħhom fi djalogu kostruttiv dwar in-non-proliferazzjoni ta’ l-AQM ma’ l-UE, anki permezz tan-negozjati u l-firma tal-ftehim bilaterali inklużi klawsoli dwar in-non-proliferazzjoni ta’ l-AQM. Għaldaqstant, l-organizzazzjoni ta’ din is-serje ta’ sessjonijiet ta’ ħidma tirrappreżenta opportunità kbira għall-UE biex twettaq l-impenji tagħha skond dawn il-klwasoli u biex turi l-importanza li hija tagħti lill-assistenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ukoll permezz ta’ mezzi multilaterali.

    L-Istati magħżula biex jattendu f’din is-sessjoni ta’ ħidma jinkludu:

    1.

    Proġett li jkopri l-Afrika

    Gana, Kenja, Marokk, Niġerja, Uganda, Afrika t’Isfel, Repubblika tal-Kongo, Eġittu, Libja u Tanzanja.

    2.

    Proġett li jkopri l-Amerika Latina

    Beliże, Kosta Rika, El Salvador, Gwatemala, Ħonduras, Messiku, Nikaragwa u Panama.

    3.

    Proġett li jkopri l-Istati MERCOSUR

    Arġentina, Brażil, Urugwaj, Paragwaj, Venezwela, Bolivja, Ċilì, Kolumbja, Ekwador u Perù.

    4.

    Proġett li jkopri l-Lvant Nofsani u r-reġjuni tal-Golf

    Baħrejn, Iraq, Ġordan, Kuwajt, Oman, Għarabja Sawdita, Sirja, Emirati Għarab Magħquda.

    5.

    Proġett li jkopri l-Istati tal-Gżejjer tal-Paċifiku

    Fiġi, Gżejjer Marshall, (Stati Federati tal-) Mikronesja, Nauru, Palaw, Papwa Ginea Ġdida, Gżejjer Solomon (Repubblika tal-), Timor Leste, Tuvalu, Vanwatu.

    6.

    Proġett li jkopri l-Istati tax-Xlokk ta’ l-Asja

    Kambodja, Indoneżja, Malasja, Mjanmar, Filippini, Singapor, Tajlandja u Vjetnam.

    5.   Entità ta’ implimentazzjoni

    Il-Presidenza, megħjuna mis-SĠ/RGħ, hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Il-Presidenza għandha tafda l-implimentazzjoni teknika lis-Segretarjat tan-NU (UAD). Is-Segretarjat tan-NU (UAD) ser jiffirma ftehim ta’ Sostenn tan-Nazzjon Ospitanti ma’ l-Istati, li ser jiġu identifikati bħala Stati ospitanti. L-Istat ospitanti ser jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati minn din l-Azzjoni Konġunta. L-akkwist ta’ kwalunkwe merkanzija, xogħlijiet jew servizz mis-Segretarjat tan-NU (UAD) ta’ l-Istati ospitanti fil-kuntest ta’ din l-Azzjoni Konġunta jitwettaq skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli tan-NU, kif spjegat fid-dettall fil-ftehim finanzjarju mas-Segretarjat tan-NU (UAD) (Artikolu 3(3) ta’ din l-Azzjoni Konġunta).


    Top