Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0230

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK tas- 17 ta’ Marzu 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet ta' l-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll ta' armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi bejn pajjiżi terzi

    ĠU L 75, 18.3.2008, p. 81–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/03/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/230/oj

    18.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 75/81


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/230/PESK

    tas-17 ta’ Marzu 2008

    dwar appoġġ għall-attivitajiet ta' l-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll ta' armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi bejn pajjiżi terzi

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 14 tiegħu;

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta' Ġunju 1997 il-Kunsill adotta l-Programm ta' l-UE għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu ta' Armi Konvenzjonali, li jimpenja lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni konċertata biex jassistu pajjiżi oħra fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffiku illeċitu ta' l-armi.

    (2)

    Fit-8 ta' Ġunju 1998 l-Kunsill adotta l-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi li jistipula tmien kriterji għall-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali, jistabbilixxi mekkaniżmu ta' notifika u konsultazzjoni għal ċaħdiet u jinkludi proċedura ta' trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali ta' l-UE dwar l-esportazzjoni ta' l-armi. Sa mill-adozzjoni tiegħu l-Kodiċi kkontribwixxa b'mod sinifikanti għall-armonizzazzjoni tal-linji politiċi nazzjonali dwar il-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' l-armi u l-prinċipji u l-kriterji tiegħu ġew sottoskritti uffiċjalment minn diversi pajjiżi terzi.

    (3)

    Id-dispożizzjoni operattiva 11 tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi tiddikjara li l-Istati Membri ser jużaw l-aqwa sforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu Stati oħra li jesportaw l-armi biex jissottoskrivu għall-prinċipji tal-Kodiċi.

    (4)

    L-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà adottata minn Kapijiet ta' Stat u Gvern fit-12 ta' Diċembru 2003 ssemmi ħames sfidi ewlenin li jridu jiġu ffaċċjati mill-UE fl-ambjent ta' wara l-Gwerra Bierda: it-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa, il-konflitti reġjonali, il-falliment ta' l-Istat u l-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi taċ-ċirkolazzjoni mhux ikkontrollata ta' armi konvenzjonali huma ċentrali għal erba' minn dawn il-ħames sfidi. Tabilħaqq, it-trasferiment mhux ikkontrollat ta' l-armi jikkontribwixxi fl-aggravazzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u huwa fattur prinċipali fit-tfaqqigħ u l-firxa ta' konflitti, kif ukoll fil-waqgħa ta' l-istrutturi ta' l-Istat. Flimkien ma' dan, l-Istrateġija tissottolinja l-importanza ta' kontrolli ta' esportazzjoni biex jikkontrollaw il-proliferazzjoni.

    (5)

    L-Istrument Internazzjonali li jippermetti Stati Jidentifikaw u Jintraċċaw, b'mod f'Waqtu u Affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta' Diċembru 2005 għandu l-għan li jtejjeb l-effettività ta', u jikkumplimenta, ftehimiet eżistenti bilaterali, reġjonali u internazzjonali biex jevita, jiġġieled u jeradika l-kummerċ illeċitu ta' armi żgħar u armamenti ħfief fl-aspetti kollha tiegħu.

    (6)

    L-Istrateġija ta' l-UE biex tiġġieled l-akkumulazzjoni u t-traffikar ta' armi żgħar u armamenti ħfief illeċiti (SALW) u l-munizzjon tagħhom, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u fis-16 ta' Diċembru 2005, tipprevedi li f'livell reġjonali u internazzjonali l-UE għandha tappoġġja t-tisħiħ tal-kontrolli fl-esportazzjoni u l-promozzjoni tal-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi billi, inter alia, tgħin pajjiżi terzi jabbozzaw leġislazzjoni nazzjonali dwar dan u tippromwovi miżuri biex tittejjeb it-trasparenza.

    (7)

    Fis-6 ta' Diċembru 2006 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijet Uniti, bl-appoġġ ta' l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea, adottat ir-Riżoluzzjoni 61/89, intitolata “Lejn trattat dwar il-kummerċ fl-armi: stabbiliment ta' standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' armi konvenzjonali”. F'Diċembru 2006 u f'Ġunju u Diċembru 2007 l-Kunsill adotta konklużjonijiet li jissottolinjaw li huwa importanti għall-UE u l-Istati Membri li jkollhom rwol attiv u jikkooperaw ma' Stati u organizzazzjonijiet reġjonali oħra fil-proċess fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti biex jistabbilixxu standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' armi konvenzjonali, li jkunu ta' kontribut kbir għall-indirizzar tal-proliferazzjoni mhux mixtieqa u irresponsabbli ta' armi konvenzjonali li jimminaw il-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem.

    (8)

    Il-pjanijiet ta' azzjoni maqbula bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat jinkludu jew referenza diretta għall-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjonijiet ta' l-Armi jew għall-iżvilupp ta' sistemi effettivi ta' kontrolli nazzjonali ta' esportazzjonim,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    1.   Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni prattika ta':

    l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà,

    l-Istrateġija ta' l-UE biex tiġġieled l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar ta' l-SALW u l-munizzjon tagħhom,

    id-dispożizzjoni operattiva 11 tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew dwar l-Esportazzjonijiet ta' l-Armi,

    il-Programm għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu fl-Armi Konvenzjonali,

    l-Istrument Internazzjonali li jippermetti Stati Jidentifikaw u Jintraċċaw, b'mod f'Waqtu u Affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief,

    il-Pjanijiet ta' Azzjoni fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u

    l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ fl-Armi,

    l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja attivitajiet sabiex tippromwovi l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    li tippromwovi l-kriterji u l-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjonijiet fl-Armi fost pajjiżi terzi;

    (b)

    li tassisti pajjiżi terzi fl-abbozzar u l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni biex jiġi żgurat kontroll effettiv ta' l-esportazzjonijiet ta' l-armi;

    (c)

    li tassisti pajjiżi fit-taħriġ ta' uffiċjali ta' liċenzjar biex tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata u infurzar ta' kontrolli ta' esportazzjoni ta' armi;

    (d)

    li tassisti pajjiżi fl-elaborazzjoni ta' rapporti nazzjonali dwar l-esportazzjonijiet ta' armi u l-promozzjoni ta' forom oħra ta' skrutinju sabiex tiġi promossa t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-esportazzjonijiet ta' armi;

    (e)

    li tinkoraġġixxi terzi pajjiżi jappoġġjaw il-proċess tan-NU bil-għan li jiġi adottat trattat internazzjonali li jorbot u li jistabbilixxi standards komuni għall-kummerċ dinji f'armi konvenzjonali, u li tassisti fl-iżgurar li dawn ikunu f'pożizzjoni biex jikkonformaw ma' tali standards komuni possibbli.

    2.   Deskrizzjoni tal-proġetti li jgħinu dawn l-objettivi, kif msemmija fil-paragrafu 1, hija mniżżla fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (SĠ/RGħ), għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tkun fdata lil:

    iċ-Ċentru Sloven għall-Perspettiva Ewropea, li jaġixxi f'isem il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tas-Slovenja, fir-rigward tal-proġetti li jikkonċernaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija,

    il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika ta' Franza, fir-rigward tal-proġett li jikkonċerna pajjiżi ta' l-Afrika ta' Fuq u dawk Mediterranji,

    il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Ċeka, fir-rigward tal-proġetti li jikkonċernaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Ukraina,

    l-Ispettorat Żvediż ta' Prodotti Strateġiċi, li jaġixxi f'isem il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta' l-Iżvezja, fir-rigward tal-proġett li jikkonċerna l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja u l-Moldova.

    3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni għandhom iżommu lil xulxin informati dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 500 500, li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-infiq għandu jkun eliġibbli, inkluż spejjeż indiretti, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tajba tal-kontribut ta' l-UE msemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi Ftehimiet ta' Finanzjament ma' l-entitajiet ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 dwar kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribut ta' l-UE. Il-ftehimiet għall-finanzjament għandhom jistipulaw li l-entitajiet ta' implimentazzjoni għandhom jiżguraw viżibbiltà tal-kontribut ta' l-UE, xieraq għad-daqs tiegħu.

    Artikolu 4

    Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta. Ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ u għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni finanzjarja tal-proġetti kif imsemmija fl-Artikolu 3(3).

    Artikolu 5

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Hija ser tiskadi fis-17 ta’ Marzu 2010.

    Artikolu 6

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. JARC


    ANNESS

    Appoġġ għall-attivitajiet ta' l-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll ta' armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi bejn pajjiżi terzi

    I.   Għanijiet

    L-objettivi ġenerali ta’ din l-Azzjoni Konġunta huma:

    (a)

    li tippromwovi l-kriterji u l-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjonijiet fl-Armi fost pajjiżi terzi;

    (b)

    li tassisti pajjiżi terzi fl-abbozzar u l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni biex jiġi żgurat kontroll effettiv ta' l-esportazzjonijiet ta' l-armi;

    (ċ)

    li tassisti pajjiżi fit-taħriġ ta' uffiċjali ta' liċenzjar biex tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata u infurzar ta' kontrolli ta' esportazzjoni ta' armi;

    (d)

    li tassisti pajjiżi fl-elaborazzjoni ta' rapporti nazzjonali dwar l-esportazzjonijiet ta' armi u l-promozzjoni ta' forom oħra ta' skrutinju sabiex tiġi promossa t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-esportazzjonijiet ta' armi;

    (e)

    li tinkoraġġixxi terzi pajjiżi jappoġġaw il-proċess tan-Nazzjonijet Uniti bil-għan li jiġi adottat trattat internazzjonali li jorbot u li jistabbilixxi standards komuni għall-kummerċ dinji f'armi konvenzjonali, u li tassisti fl-iżgurar li dawn ikunu f'pożizzjoni biex jikkonformaw ma' tali standards komuni possibbli.

    II.   Proġetti

     

    Għan:

    Li tipprovdi assistenza teknika lil pajjiżi terzi interessati li wrew rieda li jtejbu l-istandards u l-prattiki tagħhom fil-qasam tal-kontroll ta' l-esportazzjonijiet ta' tagħmir militari, u biex jallinjaw l-istandards u l-prattiki tagħhom ma' dawk maqbula u applikati mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, u stabbiliti fil-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjonijiet ta' l-Armi, u l-Manwal ta' l-Utent li jakkumpanjah.

     

    Deskrizzjonijiet u stima ta' l-ispejjeż:

    (i)

    Workshops ma' gruppi ta' pajjiżi

    Il-proġett ser jieħu l-forma ta' 4 workshops ta' jumejn li għalihom ser jiġu mistiedna uffiċjali tal-gvern u ta' liċenzjament mill-grupp ta' pajjiżi magħżul. Preferibbilment il-workshops ser isiru f'wieħed mill-pajjiżi mira u t-taħriġ f'oqsma rilevanti ser jingħata minn esperti minn amministrazzjonijiet nazzjonali ta' Stati Membri ta' l-UE, u s-Segretarjat tal-Kunsill ta' l-UE u/jew is-settur privat (inklużi l-OMG).

    (ii)

    Workshops ma' pajjiżi individwali

    Il-proġett ser jieħu l-forma ta' 2 workshops ta' jumejn ma' pajjiżi mira individwali li għalihom ser jiġu mistiedna uffiċjali tal-gvern u ta' liċenzjament mill-pajjiż mira. Preferibbilment il-workshops ser isiru f'wieħed mill-pajjiżi mira u t-taħriġ f'oqsma rilevanti ser jingħata minn esperti minn amministrazzjonijiet nazzjonali ta' Stati Membri ta' l-UE, is-Segretarjat tal-Kunsill ta' l-UE u/jew is-settur privat (inklużi l-OMG).

    III.   Durata

    It-tul ta' żmien totali stmat għall-implimentazzjoni tal-proġetti ser ikun ta' 24 xahar.

    IV.   Benefiċjarji

     

    Gruppi ta' pajjiżi benefiċjarji:

    (i)

    il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (2 workshops ta' jumejn, wieħed fl-ewwel semestru ta' l-2008 u ieħor fl-ewwel semestru ta' l-2009):

    l-Albanija; il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja

    (ii)

    L-Imsieħba Mediterranji ta' l-Afrika ta' Fuq għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (workshop wieħed ta' jumejn fit-tieni semestru ta' l-2008):

    l-Alġerija, l-Eġittu, il-Libja, il-Marokk u t-Tuneżija

    (iii)

    L-imsieħba ta' l-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (workshop wieħed ta' jumejn fit-tieni semestru ta' l-2009)

    l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja u l-Moldova

     

    Il-pajjiżi benefiċjarji individwali kif ġej (workshop wieħed ta' jumejn fl-ewwel semestru ta' l-2008 u ieħor fl-ewwel semestru ta' l-2009):

    it-Turkija, l-Ukraina

    (Jekk xi wieħed minn dawn il-pajjiżi msemmija hawn fuq ma jkunx jixtieq jipparteċipa fil-workshop, pajjiżi addizzjonali ser jiġu magħżula (1) mill-imsieħba addizzjonali li ġejjin tal-Politika Ewropea tal-Viċinat: l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja.)

    V.   Arranġamenti finanzjarji

    Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati fl-intier tagħhom minn din l-Azzjoni Konġunta.

    Stima tal-mezzi finanzjarji totali meħtieġa: l-ispejjeż totali tal-proġett kif deskritti f'din l-Azzjoni Konġunta huma ta' EUR 500 500.


    (1)  Li jrid jiġi maqbul mill-istanzi kompetenti li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill fuq proposta mill-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ.


    Top