EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0854

2008/854/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Lulju 2008 dwar l-iskema ta’ għajnuna Liġi reġjonali nru 9 tal-1998 - applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna N 272/98 C 1/04 (eks NN 158/03 u CP 15/2003) (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2997) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 302, 13.11.2008, p. 9–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/854/oj

13.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 302/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Lulju 2008

dwar l-iskema ta’ għajnuna “Liġi reġjonali nru 9 tal-1998 - applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna N 272/98” C 1/04 (eks NN 158/03 u CP 15/2003)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2997)

(Il-verżjoni Taljana biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/854/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 88(2), l-ewwel subparagrafu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet (1) iċċitati hawn fuq, u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-21 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni rċeviet denunzja (irreġistrata bin-numru CP 15/2003) dwar l-applikazzjoni abbużiva ta’ skema ta’ għajnuna bi skop reġjonali favur l-industrija tal-lukandi f’Sardinja, approvata mill-Kummissjoni fl-1998 (każ N 272/98).

(2)

Permezz ta’ ittra fis-26 ta’ Frar 2003 (D/51355), il-Kummissjoni talbet kjarifiċi mingħand l-awtoritajiet Taljani. Permezz ta’ ittra fit-28 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni aċċettat it-talba tal-awtoritajiet Taljani biex tittawwal l-iskadenza għall-għoti tal-informazzjoni mitluba, li eventwalment intbagħtet permezz ta’ ittra fit-22 ta’ April 2003 (A/33012).

(3)

Fit-3 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tniedi l-proċediment ta’ investigazzjoni formali “Applikazzjoni abbużiva tal-Għajnuna N 272/98 - Deċiżjoni li jinbeda l-proċediment skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE”. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jinbeda l-proċediment ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(4)

Permezz ta’ ittra fl-10 ta’ Marzu 2004 (D/5172), il-Kummissjoni laqgħet it-talba tal-awtoritajiet Taljani biex tittawwal l-iskadenza għall-komunikazzjoni tal-kummenti, li ġew trażmessi mill-awtoritajiet Taljani permezz ta’ ittra fid-19 ta’ April 2004, u li ġiet irreġistrata għand il-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2004 (A/32956).

(5)

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2004, irreġistrata għand il-Kummissjoni fl-istess data, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti ta’ parti interessata, jiġifieri ta’ wieħed mill-benefiċjarji tal-għajnuna imsemmija. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti min-naħa ta’ min ressaq id-denunzja.

(6)

Permezz tal-ittra D/53359 tat-13 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni ttrasmettiet lill-awtoritajiet Taljani l-kummenti li waslulha biex ikunu jistgħu jirribattuhom.

(7)

L-awtoritajiet Taljani ma ttrażmettew l-ebda reazzjoni għall-kummenti li ġew trażmessi.

(8)

Fis-7 ta’ Diċembru 2004 inżammet laqgħa fi Brussell mal-awtoritajiet Taljani.

(9)

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2005, irreġistrata għand il-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2005 (A/35257), l-awtoritajiet Taljani ttrażmettew informazzjoni ulterjuri.

(10)

Fit-22 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ rettifika u ta’ estensjoni tal-proċediment, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(11)

Fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ rettifika u estensjoni tal-proċediment, ma ġiet trażmessa l-ebda osservazzjoni la mill-awtoritajiet Taljani u lanqas minn interessati oħrajn.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(12)

L-iskema ta’ għajnuna N 272/98 tistipula sussidji li jingħataw għal investimenti inizjali fil-qasam tal-industrija tal-lukandi f’Sardinja. L-iskema ta’ għajnuniet bi skop reġjonali kienet ġiet approvata fl-1998 (4) u l-Kummissjoni kienet ikkunsidratha bħala kumpatibbli mas-suq komuni skont id-deroga fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE.

(13)

L-iskema taħseb għal żewġ miżuri:

(a)

miżura li taħseb għal għajnuniet għal investimenti inizjali, fil-forma ta’ sussidji u self aġevolat;

(b)

miżura, stipulata fl-Artikolu 9 tal-liġi reġjonali tal-11 ta’ Marzu 1998, nru 9, li taħseb għal għajnuniet operattivi skont l-hekk imsejħa regola “de minimis”, fil-forma ta’ sussidju fuq l-imgħax.

Id-deċiżjoni preżenti ma tirrigwardax it-tieni parti tal-iskema, li qed tissemma hawn biss biex tagħti stampa tal-kuntest ġenerali.

(14)

L-awtoritajiet Taljani nnotifikaw it-test tal-liġi reġjonali nru 9 tal-1998, li tistabbilixxi l-iskema ta’ għajnuna bi skop reġjonali, mingħajr ma ttrażmettew, fil-mument tan-notifika, l-ebda regolament ta’ applikazzjoni.

(15)

Fid-deċiżjoni li biha approvat l-iskema, il-Kummissjoni ddeskriviet hekk il-miżura:

(a)

l-iskema hija maħsuba bħala għotja ta’ sussidji għal investimenti inizjali fl-industrija turistika;

(b)

l-għajnuniet jingħataw fil-forma ta’ sussidju, b’intensità ta’ 40 % tal-ispejjeż eliġibbli, flimkien ma’ self aġevolat fuq 35 % tal-ispejjeż (l-għajnuna fuq l-imgħax tista’ twassal għal iffrankar ta’ 60 % fuq l-ammont bażi);

(ċ)

id-deċiżjoni tisħaq b’mod espliċitu l-impenn tal-awtoritajiet Taljani li jaġġustaw l-intensità tal-għajnuna, hekk kif ikun approvat il-pjan Taljan dwar l-għajnuniet bi skop reġjonali għall-perjodu bejn l-2000 u l-2006;

(d)

l-iskema hi għal perjodu indefinit u tinvolvi nefqa ta’ 2.6 miljun euro għall-ewwel sena li fiha tkun qed titwettaq il-miżura.

(e)

it-talbiet għall-iffinanzjar iridu jiġu ppreżentati qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġett;

(f)

madankollu, l-għajnuniet taħt il-forma ta’ sussidju fuq l-imgħax jistgħu f’ċerti ċirkostanzi jingħataw fuq investimenti li jkunu diġà saru qabel ma daħlet fis-seħħ il-liġi reġjonali nru 40 tal-1993. Skont l-impenn li ħadu fuqhom l-awtoritajiet Taljani, dan it-tip ta’ għajnuna huwa limitat għal għajnuna de minimis.

(16)

Wara l-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, ir-Reġjun ta’ Sardinja ħareġ liġi (decreto) kif ukoll għadd ta’ regolamenti għat-twettiq tal-iskema. Wara d-decreto n. 285, adottat f’April 1995 (5), ittieħdu xi deċiżjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari d-deliberazione nru 33/4 u nru 33/6 tas-27 ta’ Lulju 2000. Id-deliberazione nru 33/6 għandha tittieħed flimkien mad-deliberazione nru 33/4 u tistipula li, f’ċerti każi eċċezzjonali, l-għajnuniet jistgħu jingħataw anki jekk ix-xogħlijiet ikunu bdew qabel ma tkun ġiet ippreżentata t-talba.

(17)

Wara l-adozzjoni tal-pjan Taljan dwar l-għajnuniet bi skop reġjonali għall-perjodu 2000-2006, l-iskema ġiet aġġustata fejn tidħol l-intensità tal-għajnuna (6). Permezz ta’ ittra fit-2.11.2000 (A/39177), l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ twettiq adottati fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-miżuri xierqa li kkonfermaw:

(a)

l-aġġustar tal-intensità tal-għajnuna skont il-massimi tal-għajnuna applikabbli skont il-pjan Taljan għall-għajnuniet bi skop reġjonali għall-perjodu 2000-2006 (ara b’mod partikolari d-deliberazione nru 34/73 tat-8.8.2000);

(b)

l-osservanza tal-prinċipju ta’ neċessità tal-għajnuna (ara b’mod partikolari l-Artikolu 6 tad-deliberazione nru 33/4 tas-27.7.2000, li tistabbilixxi b’mod espliċitu l-eliġibbiltà tal-ispejjeż magħmula wara t-talba għall-iffinanzjar) (7).

(18)

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani, permezz ta’ ittra tas-17.5.2001, il-Kummissjoni ħadet nota tal-fatt li l-Italja kienet aċċettat il-proposta ta’ miżuri xierqa u kkonfermat li l-iskema kienet ġiet aġġornata biex tkun konformi mal-linji ta’ gwida fejn jidħlu l-għajnuniet mill-Istat għal skop reġjonali tal-1998 (minn issa ‘l quddiem “il-linji ta’ gwida tal-1998”) (8).

(19)

B’mod konkret, l-iskema kienet qed titwettaq permezz ta’ proċedura ta’ offerta, bil-pubblikazzjoni ta’ stedina biex tiġi ppreżentata t-talba relevanti, imfassla skont id-deliberazione msemmija hawn fuq.

(20)

Skont l-awtoritajiet nazzjonali, fl-2001 ġiet ippubblikata l-ewwel offerta (l-hekk imsejħa offerta 2000) li permezz tagħha l-partijiet interessati ġew mistiedna jippreżentaw talba formali għall-iffinanzjar bis-saħħa tal-iskema ta’ għajnuniet.

(21)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jirriżulta li wara l-ewwel offerta kien hemm l-adozzjoni tad-deliberazioni li ġejjin:

fil-31.1.2002, ir-Reġjun ta’ Sardinja adotta d-deliberazione Nru 3/24 li tinkludi l-ewwel lista ta’ benefiċjarji mill-għajnuniet f’ċerti setturi. Il-kriterji applikabbli għall-għażla kienu elenkati fid-deliberazione Nru 33/4 u speċifikati b’mod ulterjuri fiċ-ċirkolari tal-21.11.2000;

fis-16.4.2002, ir-Reġjun ta’ Sardinja adotta d-deliberazione Nru 12/17 li temenda l-lista hawn fuq imsemmija, u tinkludi lista ulterjuri;

fit-18.7.2002, ir-Reġjun ta’ Sardinja adotta d-deliberazione Nru 23/40, li tapprova l-lista ta’ proġetti eliġibbli fil-kuntest tal-offerta tal-2000;

fis-7.2.2003, ir-Reġjun ta’ Sardinja adotta d-deliberazione Nru 5/38 li tikkoreġi ċerti żbalji dwar ċerti benefiċjarji tal-għajnuniet stipulati bid-deliberazione Nru 23/40.

(22)

Fl-informazzjoni mibgħuta fit-22.4.2003 (reġistrata fit-28.4.2003 bin-numru A/33012), fil-paġna 13, l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li “fl-interess tar-reġjun, kienet ittieħdet deċiżjoni li fil-lista jiddaħħlu ċerti hekk imsejħa proġetti ‘kritiċi’ (jiġifieri, proġetti li x-xogħlijiet fuqhom kienu bdew qabel id-data tal-preżentazzjoni tat-talba għall-għajnuna, iżda wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi, jiġifieri fil-5.4.1998)”. B’hekk, skont l-awtoritajiet Taljani, fl-2002 ingħataw għajnuniet b’riżq mill-anqas 28 proġett ta’ investiment li kienu mibdija qabel id-data tat-talba għall-għajnuna, għal valur totali ta’ għajnuniet ta’ madwar 24 miljun euro.

3.   RAĠUNIJIET BIEX JINBEDA L-PROĊEDIMENT

(23)

Meta waslet biex tibda proċedimenti formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni fakkret li, skont il-punt 4.2 tal-linji ta’ gwida tal-1998, it-talba għall-għajnuna għandha tkun ippreżentata qabel ma jibda t-twettiq tal-proġett.

(24)

Barra minn dan, il-Kummissjoni fakkret li dan l-obbligu huwa kkonfermat ukoll mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1998 li ma tqajjimx oġġezzjoni fil-konfront tal-iskema ta’ għajnuniet bi skop reġjonali b’riżq l-industrija Taljana tal-lukandi - Reġjun ta’ Sardinja (N 272/1998).

(25)

Madankollu, minkejja li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni stabbiliet l-obbligu li l-benefiċjarji jippreżentaw talba għall-għajnuna qabel ma jibda’ t-twettiq tal-proġett u minkejja li l-awtoritajiet Taljani ikkonfermaw (9) espliċitament ir-rispett ta’ dan l-obbligu fil-kuntest tat-twettiq tal-miżuri xierqa wara d-dħul fis-seħħ tal-linji ta’ gwida tal-1998, l-awtoritajiet Taljani kienu adottaw diversi regolamenti ta’ twettiq (b’mod partikolari d-deliberazione tat-22.12.1998, u d-deliberazione Nru 33/6 tas-27.7.2000) li qatt ma kienu ġew ippreżentati lill-Kummissjoni. Ir-regolamenti ta’ twettiq imsemmija jipprevedu l-possibbiltà li tingħata għajnuna, bħala eċċezzjoni u biss għall-ewwel sena tat-tħaddim tal-iskema, abbażi tal-ewwel offerta, lil proġetti ta’ investiment li jkunu nbdew qabel id-data tal-preżentazzjoni tat-talba għall-għajnuna. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Taljani ma mxewx mal-obbligi imposti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tawtorizza l-iskema ta’ għajnuniet, u ma rrispettawx ir-rekwiżiti stabbiliti mil-linji ta’ gwida fejn jidħlu għajnuniet bi skop reġjonali.

(26)

Il-Kummissjoni qieset għaldaqstant li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna jista’ jittellef meta t-talba għall-għajnuna ma ssirx qabel ma jkun effettivament inbeda x-xogħol dwar il-proġett. Il-Kummissjoni qieset li ċ-ċirkostanzi setgħu jkunu każ ta’ applikazzjoni b’abbuż tal-għajnuniet N 272/98, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/99 (10) (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament ta’ Proċedura”), u kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuniet mogħtija lil proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tal-preżentazzjoni tat-talba għall-għajnuna.

4.   RAĠUNIJIET GĦAR-RETTIFIKA U L-ESTENSJONI TAL-PROĊEDIMENT

(27)

Fl-ewwel deċiżjoni tat-tnedija tal-proċediment, il-Kummissjoni kienet ibbażat l-analiżi tagħha fuq il-fatt li hija ma ġiet qatt infurmata bir-regolamenti imsemmija tat-twettiq tal-iskema. Barra minn dan, id-deliberazione Nru 33/6 ma kienet imsemmija xejn fid-deċiżjoni li jinbeda l-proċediment ta’ investigazzjoni formali.

(28)

Madankollu, l-għotja ta’ għajnuniet imsemmija fil-punt 22 hija ibbażata fuq id-deliberazione Nru 33/6, u mhux fuq id-deliberazione Nru 33/4, imsemmija bi żball fid-deċiżjoni biex jinbeda l-proċediment ta’ investigazzjoni formali tat-3.2.2004.

(29)

Barra minn dan, l-ewwel deċiżjoni biex jinbeda l-proċediment ta’ investigazzjoni formali tirreferi għal twettiq b’abbuż ta’ skema ta’ għajnuniet approvata, skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament ta’ proċedura. L-Artikolu 16 ġeneralment jinftiehem bħala li jirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom il-benefiċjarju ta’ għajnujna approvata jwettaq l-għajnuniet b’mod kontrarju għall-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna individwali jew għall-kuntratt dwar l-għajnuniet, u mhux mifhum bħala li jirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru, li jkun qed jemenda skema ta’ għajnuniet eżistenti, joħloq għajnuniet ġodda illegali (l-Artikolu 1(c) u (f) tar-Regolament ta’ Proċedura).

(30)

Għal dawn ir-raġunijiet u sabiex ma jkunx hemm malintiżi, il-Kummissjoni qieset li jkun meħtieġ li tirrettifika u testendi l-proċediment u talbet lill-awtoritajiet nazzjonali u lil partijiet terzi interessati li jibagħtulha l-kummenti li jistgħu jkollhom.

5.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(31)

Bi tweġiba għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni tal-2004 li jinbeda l-proċediment formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti ta’ parti waħda interessata:

Grand Hotel Abi d’Oru S.p.a.

Il-kummenti rċevuti huma maħsuba biex juru li jeżisti effett ta’ inċentiv kif ukoll li ġie rispettat il-prinċjipju ta’ neċessità tal-għajnuna.

(32)

Biex turi li kien rispettat l-effett ta’ inċentiv, kif ukoll il-prinċipju ta’ neċessità tal-għajnuna, il-parti interessata tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

l-ewwelnett, il-parti interessata ssostni li kienet ippreżentat talba għall-għajnuna qabel ma beda x-xogħol, taħt skema oħra ta’ għajnuniet bi skop reġjonali, b’mod speċifiku l-iskema N 715/99 (11) (liġi nru 488 tal-1992). Madankollu dwar it-talba, li ntlaqgħet darbtejn, ma kien sar l-ebda finanzjar minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji;

peress li ma kinitx irċeviet l-għajnuna taħt l-iskema msemmija, u peress li fl-istess żmien (Mejju 1999) ġew ippubblikati r-regolamenti ta’ twettiq tal-liġi reġjonali nru 9 tal-1998, il-parti interessata ddeċidiet li tippreżenta talba għall-għajnuna skont l-iskema li hija soġġetta għall-investigazzjoni. Il-parti interessata spjegat li strieħet fuq il-fatt li t-talba tkun milqugħa, minkejja li l-proġetti kienu diġà mibdija, billi bbażat ruħha fuq in-normi stipulati fl-ewwel regolament ta’ twettiq tal-miżura, id-digriet nru 285 tal-1999, li jistipula l-possibbiltà li jingħataw għajnuniet anki lil proġetti li jkunu diġà mibdija, sakemm il-bidu tax-xogħol ikun sar wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi reġjonali nru 9 tal-1998, jiġifieri wara il-5.4.1998;

il-parti interessata żiedet li t-talba għall-għajnuna ppreżentata skont l-iskema soġġetta għall-investigazzjoni kienet dwar parti biss ta’ proġett wiesa’ ta’ investiment (l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett ta’ investiment oriġinarjament kienu ta’ 10 500 000 euro, filwaqt li dawk meħuda f’kunsiderazzjoni fit-talba għall-għajnuna skont l-iskema soġġetta għall-investigazzjoni kienu ta’ 9 039 028 euro);

il-parti interessata kkonkludiet li huwa irrilevanti jekk it-talba għall-għajnuna skont l-iskema soġġetta għall-investigazzjoni kinitx ippreżentata wara l-bidu tax-xogħlijiet, peress li din kienet biss preżentazzjoni mill-ġdid tal-istess talba li kienet diġà oriġinarjament ippreżentata skont skema oħra ta’ għajnuniet bi skop reġjonali, li kienet dwar l-istess proġett ta’ investiment.

(33)

Il-parti interessata ġġustifikat in-neċessità tal-għajnuna billi saħqet, fost affarijiet oħra li, fin-nuqqas ta’ ffinanzjar pubbliku, ma kinitx tidħol għal proġett ta’ investiment bħal dan. Biex jinbeda l-investiment, il-parti interessata użat ukoll finanzjament bankarju ta’ perjodu qasir ħafna, għaż-żmien sakemm jingħataw l-għajnuniet.

(34)

Wara d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni u estensjoni tal-proċediment (12), il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjoni oħra.

6.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-AWTORITAJIET TALJANI

(35)

Bi tweġiba għall-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-ittra tal-bidu tal-proċediment, l-awtoritajiet Taljani ressqu tliet argumenti ewlenin dwar l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi, dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, u dwar id-determinazzjoni tal-limitu “de minimis”.

Aspettattivi leġittimi u effett ta’ inċentiv

(36)

Fl-osservazzjonijiet ikkomunikati lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani sostnew li jeżistu aspettativi leġittimi u invokaw il-prinċipju taċ-ċertezza legali. Huma jispjegaw, l-ewwelnett, li l-liġi reġjonali nru 9 tal-1998 titqies, f’ċertu sens, mill-benefiċjarji bħala kontinwazzjoni tal-iskema preċedenti, ikkontemplata mil-liġi reġjonali nru 40 tal-1993 (li għadha fis-seħħ) li titwettaq permezz tal-iskema hekk imsejħa “a sportello” (skema N 611/93, emendata bl-iskema N 250/01), li kienet fis-seħħ fi żmien in kwistjoni. L-awtoritajiet Taljani jgħidu li din l-iskema għenet biex fost il-benefiċjarji tinħoloq aspettattiva leġittima għad-dritt li jirċievu sussidji sempliċement fuq il-bażi ta’ talba għall-għajnuna, indipendentement minn jekk il-proġett ikunx inbeda jew le.

(37)

L-awtoritajiet Taljani jgħidu wkoll li r-regolamenti ta’ twettiq tal-iskema ta’ għajnuniet bi skop reġjonali kienu ġew adottati wara l-approvazzjoni ta’ din l-istess skema mill-Kummissjoni. L-ewwel regolament ta’ twettiq kien ġie adottat fid-29 ta’ April 1999 (digriet nru 285 tal-1999). L-Artikolu 17 tad-digriet (“Dispożizzjonijiet tranżitorji”) iqis bħala eliġibbli l-ispejjeż li jsiru wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi (il-5 ta’ April 1998). Id-digriet nru 285 tal-1999 ġie ppubblikat fil-Bollettino ufficiale della Regione Sardegna tat-8.5.1999 (13).

(38)

L-awtoritajiet Taljani żiedu jgħidu li d-digriet nru 285 tal-1999 kien ġie annullat fis-27.7.2000 bid-deliberazione nru 33/3, peress li kien ivvizzjat. Fl-istess ħin, ir-Reġjun ta’ Sardinja adotta direttivi ġodda ta’ twettiq li kienu ġew notifikati lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Settembru 2000.

(39)

L-awtoritajiet Taljani jisħqu li, meta adottaw dawn id-deliberazioni fis-27.7.2000, ir-Reġjun ta’ Sardinja kellu jqis il-fatt li l-pubblikazzjoni tad-digriet nru 285 tal-1999 fil-Bollettino ufficiale kien ħoloq aspettattivi leġittimi fost il-benefiċjarji. Minħabba f’hekk, ittieħdet deċiżjoni li, għall-ewwel offerta, kellhom ikunu aċċettati t-talbiet għall-għajnuna dwar proġetti ta’ investiment li kienu diġà mibdija, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-liġi reġjonali nru 9 tal-1998. Minħabba din ir-raġuni, id-deliberazione nru 33/6, “Dispożizzjoni tranżitorja dwar l-ewwel offerta”, tgħid li, bħala eċċezzjoni, għat-talbiet li jiġu ppreżentati għall-parteċipazzjoni fl-ewwel offerta, ikunu eliġibbli għall-għajnuniet l-ispejjeż għax-xogħlijiet li jkunu saru wara l-5 ta’ April 1998, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi reġjonali nru 9 tal-1998.

(40)

L-awtoritajiet Taljani jfakkru barra minn hekk li, fil-kuntest tat-twettiq tal-miżuri xierqa, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2001 (D/52027), il-Kummissjoni kienet stabbiliet li l-iskema hija konformi mas-suq komuni wara li talbet lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwettqu l-Artikolu 9 tal-liġi reġjonali nru 9 tal-1998 abbażi tar-Regolament (KE) Nru 69/2001 “de minimis”.

(41)

Huma jispjegaw li t-twettiq konkret tal-iskema wara d-dħul fis-seħħ tad-deliberazione tas-27.7.2000 kien jirrekjedi li jiddaħħlu mill-ġdid it-talbiet ta’ għajnuna ppreżentati qabel il-pubblikazzjoni tal-ewwel offerta, bl-użu ta’ formoli ġodda.

(42)

L-awtoritajiet Taljani jisħqu barra minn dan li jeżisti l-effett ta’ inċentiv, peress li s-sussidji kienu meħtieġa biex jillikwidaw is-self bankarju li jkopri l-perjodu bejn it-twettiq tal-ispejjeż u l-ħlas tal-għajnuniet.

(43)

Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Taljani jiddikjaraw li l-benefiċjarji kienu marbuta li jagħżlu l-iskema ta’ għajnuniet reġjonali ta’ riferenza peress li, għall-istess proġett, ma setgħux jippreżentaw talbiet differenti għall-għajnuna skont sistemi differenti. Saħqu wkoll li l-iskema reġjonali ta’ għajnuniet bi skop reġjonali li tinsab fil-liġi reġjonali nru 9 tal-1998 (N 272/98) kif ukoll l-iskema nazzjonali ta’ għajnuniet bi skop reġjonali li hemm fil-liġi nru 488 tal-1992 (N 715/99) jeskludu lil xulxin.

Determinazzjoni tal-limitu “de minimis

(44)

L-awtoritajiet Taljani jsostnu li l-prinċipju tal-effett ta’ inċentiv ġie rispettat, minkejja li x-xogħlijiet kienu diġà mibdija qabel il-preżentazzjoni tat-talba ta’ għajnuna, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-liġi reġjonali nru 9 tal-1998. Skont l-awtoritajiet nazzjonali, fil-parti tal-għajnujna mogħtija qabel il-preżentazzjoni tat-talba, tiġi applikata r-regola “de minimis”. Huma jistqarru li l-parti tal-għajnuna, taħt il-limtu ta’ 100 000 euro, mogħtija qabel il-preżentazzjoni tat-talba, trid titqies separatament, u jittieħed kont biss tal-ispejjeż magħmula qabel dik id-data u ma jitqisux l-ispejjeż kollha tal-proġett. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jolqtu 12-il proġett minn 28.

(45)

Wara d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni u estensjoni tal-proċediment, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjoni oħra.

7.   EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA

L-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(46)

Ta’ min wieħed ifakkar li l-evalwazzjoni dwar l-iskema N 272/98 waslet għall-konklużjoni li l-miżura titqies bħala Għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, peress li titqies bħala li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha kif imfissra fl-Artikolu msemmi.

(47)

Il-miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lil kategorija speċifika ta’ benefiċjarji, b’mod li jitnaqqsulhom l-ispejjeż normali. Hija tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat u hemm il-periklu li tgħawweġ il-kompetizzjoni peress li ssaħħaħ finanzjarjament lil ċerti intrapriżi fil-konfront ta’ kompetituri tagħhom. Peress li l-kompetizzjoni fil-qasam tal-lukandi tinteressa lil operaturi ta’ diversi Stati Membri li jfittxu li jiġbdu t-turisti lejhom, hemm il-periklu li l-iffinanzjar mogħti lis-settur turistiku jolqot il-kummerċ fi ħdan il-Komunità (14).

Kemm hi legali l-miżura

(48)

L-iskema ta’ għajnuna nnotifikata lill-Kummissjoni u li minnha ġiet approvata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/99 tikkostitwixxi Għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(49)

Fil-kuntest tat-twettiq tal-miżuri xierqa, id-deliberazione nru 34/73 tat garanzija tal-kompatibbiltà mal-linji ta’ gwida tal-1998 fejn tidħol il-konformità tal-intensità tal-għajnuna mal-massimi kif stipulati fid-dokument il-ġdid tal-għajnuniet bi skop reġjonali, filwaqt li d-deliberazione Nru 33/4 assigurat ir-rispett tal-prinċipju tal-effett ta’ inċentiv. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni setgħet tasal għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet fid-deliberazioni msemmija ma żidux elementi ġodda mal-iskema ta’ għajnuniet N 272/98 kif inizjalment approvata.

(50)

Madankollu, skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tranżitorji introdotti bid-digriet nru 285 tal-1999 setgħu wasslu għal tibdil fl-iskema minn kif din ġiet oriġinarjament approvata. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sa issa, qatt ma ddikjarat il-pożizzjoni tagħha dwar dawn il-miżuri ta’ twettiq, anki jekk tagħraf li d-digriet nru 285 tal-1999 qatt ma daħal fis-seħħ, peress li ġie annullat bid-deliberazione nru 33/3.

(51)

Fis-27.7.2000, permezz tal-adozzjoni tad-deliberazioni nru 33/4 u 33/6 iddaħħlu emendi ulterjuri għall-iskema N 272/98. Kif muri aktar ‘il fuq (fil-paragrafi 16-21), jirriżulta li d-deliberazione nru 33/6 daħħlet emendi għall-miżura nnotifikata, liema emendi mhumiex kumpatibbli mat-termini tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema, adottata mill-Kummissjoni.

(52)

Kif imsemmi fil-paragrafu 38, l-awtoritajiet Taljani jsostnu li kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn ir-regolamenti ta’ twettiq fil-kuntest tat-tħaddim ta’ miżuri xierqa.

(53)

Il-Kummissjoni tqis li, l-ewwelnett, l-awtoritajiet nazzjonali ma nnotifikawx id-deliberazioni hawn imsemmija u li l-Kummissjoni ġiet infurmata mill-istess awtoritajiet, fil-kuntest tat-tħaddim tal-miżuri xierqa, li d-deliberazione nru 33/4 kienet tassigura r-rispett tal-prinċipju tal-effett ta’ inċentiv. Madankollu, l-awtoritajiet Taljani qatt ma infurmaw lill-Kummissjoni bid-deliberazione nru 33/6 fil-kuntest tat-tħaddim tal-miżuri xierqa, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, u tal-obbligu ta’ kooperazzjoni li bih huma marbuta skont l-Artikolu 10 tat-Trattat (15).

(54)

Għaldaqstant l-iskema ta’ għajnuniet, li ġiet imwettqa aktar tard permezz ta’ l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ twettiq imsemmija ma tirrispettax id-deċizjoni orġinali ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(55)

Bħala konsegwenza, għandhom jitqiesu bħala illegali l-proġetti ta’ għajnuna li t-twettiq tagħhom ikun inbeda qabel il-preżentazzjoni ta’ xi talba għall-għajnuna.

Kompatibbiltà

(56)

La l-awtoritajiet Taljani u lanqas il-parti interessata ma opponew b’mod espliċitu d-dubji murija mill-Kummissjoni bl-ittri tal-bidu tal-proċedimenti ta’ investigazzjoni formali tat-3 ta’ Frar 2004 u tat-22 ta’ Novembru 2006. Il-Kummissjoni tikkonferma għaldaqstant il-valutazzjoni proprja tagħha, li tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej:

(57)

Kif muri aktar ‘il fuq, huma mill-anqas 28 il-proġetti ta’ investiment mibdija f’fażi li fihom l-imsemmija investimenti ma setgħux jibbenefikaw mill-għajnuniet bis-saħħa tal-iskema fil-kwistjoni.

(58)

Il-linji ta’ gwida tal-1998 jeżiġu li t-talbiet kollha għall-għajnuna jkunu ppreżentati qabel ma’ jibda’ t-twettiq tal-proġett.

(59)

Dan l-obbligu huwa, barra minn dan, ikkonfermat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1998 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-iskema ta’ għajnuniet bi skop reġjonali favur l-industrija tal-lukandi Taljana – ir-Reġjun ta’ Sardinja (N 272/98), li tistabbilixxi b’mod espliċitu li l-benefiċjarji għandhom ikunu ressqu t-talba għall-għajnuna qabel ma jkunu bdew bit-twettiq tal-proġetti.

(60)

Barra minn dan, fil-kuntest tat-tħaddim ta’ miżuri xierqa wara d-dħul fis-seħħ tal-linji ta’ gwida tal-1998, l-awtoritajiet Taljani ttrażmettew lill-Kummissjoni d-deliberazione nru 33/4 tas-27.7.2000 li, fl-Artikolu 6, tistabbilixxi b’mod espliċitu l-eliġibbiltà tal-ispejjeż magħmula wara t-talba għall-iffinanzjar.

(61)

Ta’ min wieħed ifakkar li l-prinċipju tan-neċessità tal-għajnuna huwa prinċipju ġenerali li l-Qorti għarfet bis-sentenza dwar il-każ Philip Morris (16) u li l-istess każ jikkostitwixxi b’mod inekwivoku element essenzjali għall-iskop li tiġi determinata l-eliġibbiltà tal-investimenti magħmula mill-impriżi għall-għajnuniet skont il-linji ta’ gwida tal-1998. Sew id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq kif ukoll il-linji ta’ gwida jistipulaw li t-talba għall-iffinanzjar għandha tiġi ppreżentata qabel ma jkun inbeda l-proġett.

(62)

L-awtoritajiet Taljani josservaw li l-iskema nazzjonali ħolqot aspettattivi leġittimi għad-dritt li jiġu rċevuti sussidji sempliċement fuq il-bażi tal-preżentazzjoni ta’ talba għall-għajnuna, indipendentement minn jekk il-proġett ikunx inbeda jew le.

(63)

Il-Kummissjoni ma tqisx li dan hu argument aċċettabbli, peress li d-Deċiżjoni li tapprova l-iskema ta’ għajnuniet bi skop reġjonali soġġetta għall-investigazzjoni titlob b’mod espliċitu li t-talba għall-għajnuna għandha tkun ippreżentata qabel ma jibda t-twettiq tal-proġett.

(64)

Barra minn dan, id-deliberazione nru 33/6 qatt ma ġiet trażmessa lill-Kummissjoni sal-mument tad-denunzja. Fil-fatt, din ġiet trażmessa lilha biss permezz tan-nota nru 5245 tat-22.4.2003 fil-kuntest tal-proċediment mibdi wara d-denunzja (CP 15/2003). Għaldaqstant, l-argument dwar l-aspettattivi leġittimi li ressqu l-awtoritajiet Taljani mhux aċċettabbli, ladarba l-Kummissjoni ma tatx garanziji speċifiċi lill-awtoritajiet imsemmija, jew lil partijiet terzi interessati, liema partijiet ma setgħu jsostnu l-ebda aspettattiva leġittima fejn jidħol in-nuqqas ta’ rispett tal-kundizzjoni fil-kwistjoni. Hija punt ta’ ġurisprudenza kostanti li l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat meta xi istituzzjoni tqajjem aspettattivi fundati f’operatur ekonomiku (…). Iżda min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-aspettattivi leġittimi jekk ma jkunx hemm assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-amministrazzjoni Komunitarja (17).

(65)

Il-Kummissjoni tqis bħala inammissibbli wkoll l-argumenti li ġabu l-awtoritajiet Taljani, skont liema l-effett ta’ inċentiv huwa rispettat fil-każ li fih il-benefiċjarju ikun ippreżenta talba għall-għajnuna qabel ma jkunu bdew ix-xogħlijiet, taħt skema differenti ta’ għajnuniet bi skop reġjonali.

(66)

Il-Kummissjoni tqis li mhux possibbli li l-effett ta’ inċentiv jiġi trasferit minn skema għall-oħra; għaldaqstant l-għażla min-naħa ta’ impriża li tressaq talba skont skema jew skont oħra ma tistax tiġi aċċettata bħala raġuni valida li kien hemm rispett tal-prinċipju tal-effett ta’ inċentiv. L-istess awtoritajiet Taljani għalhekk saħqu (ara l-paragrafu 43) li l-benefiċjarju ma jistax iressaq, għall-istess proġett, aktar minn talba waħda skont diversi sistemi ta’ għajnuna, u komplew jisħqu li l-iskema ta’ għajnuniet bi skop reġjonali fil-liġi reġjonali nru 9 tal-1998 (Għajnuna mill-Istat N 272/98) u l-iskema nazzjonali ta’ għajnuniet bi skop reġjonali li jinsab fil-liġi nru 488 tal-1992 (Għajnuna mill-Istat N 715/99) jeskludu lil xulxin.

(67)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li mhumiex ammissibbli l-argumenti li ġabu l-awtoritajiet Taljani, skont liema l-effett ta’ inċentiv ikun preżenti mill-mument li s-sussidji jkunu neċessarji biex jiġi likwidat self bankarju li jkopri l-perjodu bejn il-ħlas tal-ispejjeż u l-għoti tal-għajnuna. Id-disponibbiltà ta’ operatur ekonomiku li jibda bit-twettiq ta’ proġett u biex jieħu self ħalli jiffinanzja l-ispejjeż mhi bl-ebda mod prova li l-għajnuniet kienu meħtieġa biex il-proġett jitmexxa ‘l quddiem jew li jiggarantixxu l-effett ta’ inċentiv biex isir proġett li altrimenti ma kienx jitwettaq. Għall-kuntrarju, wieħed jista’ jgħid li d-disponibbiltà ta’ operatur ekonomiku li jibda x-xogħlijiet u li jġorr ir-riskji tal-proġett, mingħajr biss ma jressaq talba għall-għajnuna skont l-iskema rilevanti, juri li l-għajnuniet mhumiex neċessarji biex ikun hemm dan l-effett ta’ inċentiv.

(68)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ma tqisx bħala aċċettabbli l-argumenti li ġabet il-parti Taljan dwar ir-regola “de minimis”, peress li din ir-regola ma tistax tintuża biex jinħarab l-obbligu impost mil-linji ta’ gwida li t-talba għall-għajnuna tiġi ppreżentata qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġett, sabiex ikun rispettat il-prinċipju tal-effett ta’ inċentiv. Fil-fatt, is-somma li għandha tiġi kkunsidrata għandha tkun tal-proġett fl-intier tiegħu u mhux biss tal-parti mill-għajnuna mogħtija qabel it-talba għall-għajnuna. Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax taċċetta li jkun possibbli li tqis bħala eliġibbli x-xogħlijiet mibdija abbażi tar-regola de minimis, b’mod li tispiċċa ‘l barra mil-linji ta’ gwida. Barra minn dan, mill-kalkoli tal-limitu de minimis, l-awtoritajiet Taljani mhux biss ma qisux il-proġetti fl-intier tagħhom, iżda l-istess benefiċjarju seta’ rċieva għajnuniet de minimis minn sorsi oħra, li huwa aspett li milli jidher l-awtoritajiet Taljani ma ħadux f’kunsiderazzjoni.

(69)

Bħala konklużjoni, skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani ma wrewx li l-għotja tal-għajnuniet saret f’konformità mad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Barra minn dan, anki kieku din l-għajnuna kellha titqies bħala għajnuna operattiva, xorta waħda ma setgħetx titqies bħala għajnuna kumpatibbli. Fil-fatt, f’konformità mal-linji ta’ gwida tal-1998, l-għajnuniet operattivi jistgħu jingħataw, bħala eċċezzjoni, skont ir-regoli ammissibbli bis-saħħa tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 87(3)(a), tat-Trattat tal-KE. Għall-perjodu 1998-2006, Sardinja tinsab fost ir-reġjuni ammissibbli skont l-Artikolu 87(3)(a). Madankollu, ħlief għall-għajnuniet de minimis, ma jistgħux jiġu approvati għajnuniet operattivi skont l-iskema fil-kwistjoni. Barra minn dan, fil-kuntest tal-proċediment preżenti, l-awtoritajiet Taljani ma ppreżentawx elementi li juru li l-għajnuniet kienu ġġustifikati għall-kontribut għall-iżvilupp reġjonali, jew għan-natura tiegħu, u lanqas ma wrew li l-għajnuniet kienu proporzjonali man-nuqqasijiet li kellhom jirranġaw.

(70)

Barra minn dan, l-awtoritajiet Taljani ma ġabu l-ebda argument biex juru li l-għajnuniet fil-kwistjoni setgħu kienu kumpatibbli ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat tal-KE, tar-regolamenti fejn jidħlu għajnuniet mill-Istat jew ta’ regolamenti, dixxiplini jew linji ta’ gwida oħra.

(71)

Il-Kummissjoni lanqas ma identifikat bażi legali oħrajn li fuqhom setgħu jiġu approvati l-għajnuniet. Kif intwera aktar ‘il fuq, il-miżura ma tistax tibbenefika mid-deroga fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, li jawtorizza l-għajnuniet maħsuba biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitatjiet jew ċerti reġjuni ekonomiċi, dejjem sakemm din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad tali li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Fil-każ preżenti lanqas ma japplikaw id-derogi fl-Artikolu 87(2) KE, dwar l-għajnuna ta’ tip soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, l-għajnuna biex tkopri d-danni maħluqa minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali oħra u għajnuna mogħtija lil xi reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-miżura ma tistax għalhekk titqies bħala proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew bħala miżura maħsuba biex tkun ta’ rimedju għal xi problemi ekonomiċi kbar fl-Italja, kif imfisser fl-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE. Fl-aħħarnett, il-miżura ma taħsibx biex tmexxi ‘l quddiem il-kultura u t-tħaris tal-patrimonju, kif imfisser fl-Artikolu 98(3)(d) tat-Trattat tal-KE.

(72)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuniet li setgħu ngħataw għal proġetti li bdew jitwettqu qabel ma tressqet it-talba għall-għajnuna skont l-iskema ta’ għajnuniet bi skop reġjonali favur l-industrija tal-lukandi f’Sardinja, approvat mill-Kummissjoni fl-1998 (każ N 272/98), hekk kif imwettaq bid-deliberazione nru 33/6 u abbażi tal-ewwel offerta.

(73)

Din id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tapplika għall-għajnuniet kollha mogħtija għal proġetti li l-ispejjeż eliġibbli tagħhom kienu saru qabel il-preżentazzjoni ta’ talba għall-għajnuna, abbażi tal-miżura ta’ twettiq relevanti fis-seħħ fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba, li jkunu akbar mill-ammont de minimis li għalih il-benefiċjarju seta’ jkollu aċċess fil-mument f’kunsiderazzjoni, ikkalkolat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 69/2001.

8.   KONKLUŻJONIJIET

(74)

Il-Kummissjoni tqis li l-Italja wettqet b’mod illegali l-għajnuna fil-kwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3), tat-Trattat tal-KE.

(75)

Abbażi tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-għajnuniet mogħtija lill-imsemmija proġetti skont l-iskema “Liġi reġjonali Nru 9 tal-1998 – applikazzjoni b’abbuż tal-għajnuna N 272/98”, abbażi tal-ewwel offerta u għad-deliberazione nru 33/6, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-linji ta’ gwida fejn jidħlu għajnuniet bi skop reġjonali mill-Istat tal-1998. Jirriżulta li l-miżura hija mogħtija illegalment u hija inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE, u l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

(76)

Skont prassi stabbilita, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, qed timponi fuq il-benefiċjarju l-irkupru tal-għajnuniet illegalment mogħtija u li huma inkumpatibbli skont l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE. Din il-prassi ġiet ikkonfermata mill-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/99 tal-Kunsill.

(77)

L-Italja hija għalhekk obbligata li tadotta dawk id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tirkupra l-għajnuniet lill-benefiċjarji. Għal dan l-iskop, fi żmien erba’ xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha titlob l-irkupru tal-għajnuna lill-benefiċjarji.

(78)

Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/99, l-għajnuna li trid tiġi rkuprata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’livell xieraq li għandu jiġi ffissat mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jitħallas mid-data meta l-għajnuna illegali kienet għand il-benefiċjarju sad-data meta tinġabar lura.

(79)

L-imgħaxijiet huma kkalkulati skont id-dispożizzjonijiet fil-Kapitlu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (18). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed titlob lill-Italja biex fi żmien erba’ xhur timponi lill-benefiċjarji potenzjali tal-iskema il-ħlas lura tal-għajnuniet, flimkien mal-imgħaxijiet, kif imfisser hawn taħt.

(80)

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Italja li tagħti l-informazzjoni mitluba billi tuża l-kwestjonarju li jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, u timla l-lista ta’ benefiċjarji interessati u li tispeċifika b’mod ċar il-miżuri maħsuba u dawk diġà meħuda biex ikun hemm rkupru immedjat u effettiv tal-Għajnuniet mill-Istati illegali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Italja tippreżenta, fi żmien xahrejn wara d-Deċiżjoni, id-dokumenti kollha li jservu ta’ prova tal-bidu tal-proċediment tal-irkupru fil-konfront tal-benefiċjarji mill-għajnuniet illegali (bħal ma huma ċirkolarijiet, ordnijiet ta’ rkupru, eċċ),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuniet mill-Istat mogħtija skont il-liġi reġjonali nru 9 tal-1998, imwettqa b’mod illegali mill-Italja bid-deliberazione nru 33/6 u l-ewwel offerta, huma inkompatibbli mas-suq komuni, sakemm il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx ippreżenta talba għal-għajnuna abbażi ta’ din l-iskema qabel it-twettiq tax-xogħlijiet fuq proġett ta’ investiment inizjali.

Artikolu 2

1.   Ir-Repubblika Taljana għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuniet inkumpatibbli mogħtija skont l-iskema mfissra fl-Artikolu 1.

2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha s-somom imsemmija kienu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sad-data tal-irkupru tagħhom.

3.   L-imgħaxijiet għandhom ikunu kkalkolati skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Ir-Repubblika Taljana għandha tannulla l-ħlasijiet kollha relatati mal-għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Ir-Repubblika Taljana għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Taljana għandha tippreżenta l-informazzjoni segwenti:

(a)

il-lista ta’ benefiċjarji li rċivew l-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali ta’ għajnuna li tkun waslet għand kull wieħed minnhom taħt l-iskema. L-informazzjoni mitluba għandha tintbagħat fil-kwestjonarju mehmuż fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

(b)

l-ammont totali (prinċipal u imgħaxijiet) li għandhom jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju;

(ċ)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Ir-Repubblika Taljana għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 tkun irkuprata kollha. Hija għandha tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà jkunu ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Ir-Repubblika Taljana għandha, barra minn dan, tagħti informazzjoni dettaljata dwar l-ammont ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet li diġà jkunu rkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmula fi Brussell, 2 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjonii

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 79, 30.3.2004, p. 4 u ĠU C 32, 14.2.2007, p. 2.

(2)  ĠU C 79, 30.3.2004, p. 4.

(3)  ĠU C 32, 14.2.2007, p. 2.

(4)  Ittra tal-Kummissjoni tat-12.11.1998, SG (98) D/9547.

(5)  Decreto tal-assessur tat-turiżmu, artiġjanat u kummerċ tad-29.4.1999, nru 285 “Twettiq tad-Deliberazzjoni tal-Ġunta Reġjonali nru 58/60 tat-22.12.1998, kif emendata bid-Deliberazzjoni nru 16/20 tas-16.3.1999 li tapprova d-direttiva ta’ twettiq prevista mill-Art. 2 tal-Liġi Reġjonali. 11 ta’ Marzu 1998, nru 9 dwar: inċentivi għar-rikwalifikazzjoni tal-istrutturi tal-lukandi kif ukoll regolamenti li jemendaw il-L.R. 14.9.1993 n. 40”. B.U.R.A.S. nru 14 tat-8.5.1999.

(6)  GU C 175, 24.6.2000, p. 11.

(7)  Anness għad-deliberazione nru 33/4 tas-27.7.2000“ Direttiva ta’ twettiq tal-L.R. 11 ta’ Marzu 1998, n. 9” – Art. 6 Spejjeż eliġibbli: “[…] Huma eliġibbli l-ispejjeż hawn fuq indikati sakemm dawn ikunu saru wara t-talba għall-għajnuna prevista”.

(8)  ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(9)  B’ittra bid-data tal-25.4.2001 Nru 5368 (reġistrata bin-numru A/33473). Ara l-punt 17.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [issa l-Artikolu 88], ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(11)  Ittra lill-Istati Membri tat-2.8.2000, SG(2000) D/105754.

(12)  ĠU C 32, 14.2.2007, p. 2.

(13)  Bollettino Ufficiale della Regione Sardegna (Suppliment Speċjali nru 3 tal-Bollettino Ufficiale nru 14 tat-8 ta’ Mejju 1999).

(14)  Pereżempju, rigward il-Grand Hotel Abi d’Oru, il-Kummissjoni stabbiliet, permezz ta’ riċerka fuq l-Internet, li hija lukanda ta’ erba’ stilel b’177 kamra u bi klijentela sew Taljana kif ukoll internazzjonali.

(15)  “L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura xierqa, ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu minn dan it-Trattat jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità jiġu mwettqa. Huma jgħinu lil din tal-aħħar fit-twettiq tal-inkarigi tagħha. Huma ma jieħdu l-ebda miżura li tista’ twassal biex jittellef it-twettiq tal-għanijiet ta’ dan it-Trattat”.

(16)  Kawża 730/79 Phillip Morris Holland BV/Il-Kummissjoni, ġabra 1980, p. 2671, paragrafu 17 tas-sentenza: “… ikollha r-riżultat li tippermetti lill-Istati Membri li jagħtu għotjiet ta’ flus li jtejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża mingħajr ma jkunu neċessarji għat-twettiq tal-miri previsti fl-Art. 92(3)”.

(17)  Kawżi magħquda T-132/96 u T-143/96, Freistaat Sachsen u oħrajn/Il-Kummissjoni, Ġabra 1999, p. II-3663, punt 300.

(18)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

Informazzjoni dwar it-twettiq tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 1/2004

1.   In-numru totali tal-benefiċjarji u l-ammont totali tal-għajnuna li għandha tkun irkuprata

1.1.

Speċifika kif se jkun ikkalkulat l-ammont ta’ għajnuna li għandha tkun irkuprata mingħand kull benefiċjarju:

il-kapital;

l-imgħax.

1.2.

Niżżel l-ammont totali li għandu jkun irkuprat mill-għajnuna mogħtija illegalment fil-qafas ta’ din l-iskema (ekwivalenti tas-sussidju gross skond il-prezzijiet ta’ …)

1.3.

Niżżel in-numru totali tal-benefiċjarji li mingħandhom għandha tkun irkuprata l-għajnuna mogħtija illegalment fil-qafas ta’ din l-iskema.

2.   Provvedimenti maħsuba jew diġa’ addottati biex tkun irkuprata l-għajnuna

2.1.

Speċifika l-provvedimenti previsti u dawk diġa’ addottati biex l-għajnuna tkun irkuprata immedjatament u effettivament. Niżżel ukoll, fejn applikabbli, il-bażi legali tal-provvedimenti addottati jew previsti:

2.2.

Niżżel id-data li fiha għandu jitlesta dan l-irkupru:

3.   Informazzjoni dwar kull benefiċjarju

Fit-tabella hawn taħt, ikteb id-dettalji ta’ kull benefiċjarju li mingħandu għandha tkun irkuprata l-għajnuna mogħtija illegalment fil-qafas ta’ din l-iskema.

Identità tal-benefiċjarju

L-ammont totali tal-għajnuna riċevuta taħt l-iskema (1)

L-ammont totali tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (1)

(kapital)

L-ammont totali irkuprat (1)

Prinċipal

Imgħaxijiet

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  

(°)

F'Miljuni tal-munita nazzjonali.


Top