Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0589

    2008/589/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni marbut ma’ l-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2558)

    ĠU L 190, 18.7.2008, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/08/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/589/oj

    18.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 190/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Ġunju 2008

    li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni marbut ma’ l-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2558)

    (2008/589/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (1), u partikolarment l-Artikolu 34c(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 li jistabbilixxi pjan plurijennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-isfruttar sostenibbli tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u r-regoli dwar il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza ta’ attivitajiet bħal dawn.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd (2), jipprovdi għall-attivitajiet ta’ kontroll mill-Kummissjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

    (3)

    Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-pjan multijannwali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, huwa xieraq li jiġi stabbilit programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

    (4)

    Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiġi stabbilit għal perjodu ta’ tliet snin. Ir-riżultati miksuba mill-applikazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jiġu evalwati perjodikament mill-Istati Membri kkonċernati f’kooperazzjoni ma’ l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA) imwaqqfa mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (3).

    (5)

    Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati għandha tkun imħeġġa biex tittejjeb l-uniformità tal-prassi ta’ spezzjoni u sorveljanza u tgħin biex tiġi żviluppata l-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ kontroll bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri.

    (6)

    Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza għandhom jitwettqu skond il-pjanijiet ta’ mobilitazzjoni konġunta stabbiliti mis-CFCA.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni ġew stabbiliti flimkien ma’ l-Istati Membri kkonċernati.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tal-pjan ta’ rkupru multijannwali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet.

    Artikolu 2

    Ambitu

    1.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkopri l-kontroll u l-ispezzjoni ta’:

    (a)

    attivitajiet ta’ sajd minn bastimenti msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

    (b)

    l-attivitajiet relatati kollha, fosthom il-ħatt l-art, l-użin, il-kummerċjalizzazzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-prodotti tas-sajd u r-reġistrar ta’ l-ammonti mħatta l-art u mibjugħa.

    2.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu japplika għal tliet snin.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1098/2007.

    Artikolu 4

    Spezzjonijiet mill-Kummissjoni

    Meta l-Kummissjoni, fuq inizjattiva twettaq spezzjoni, u mingħajr l-għajnuna ta’ l-ispetturi ta’ l-Istat Membru kkonċernat skond it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom, fejn ikun possibbli, jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru bis-sejbiet tagħhom.

    Artikolu 5

    Spezzjonijiet mill-Istat Membru

    1.   Stat Membru li jkun bi ħsiebu jissorvelja u jispezzjona bastimenti tas-sajd fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt (JDP) stabbilit skond l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta’ April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (4), għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-punt ta’ kuntatt ta’ l-Istat Membru kostali kkonċernat, innominat skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1042/2006 (5), u lill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA). Din in-notifika għandha jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    tip, isem u kodiċi tar-radju tal-bastimenti ta’ spezzjoni u inġenji ta’ l-ajru ta’ spezzjoni skond il-lista stabbilita f’konformità ma’ l-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) 2371/2002.

    (b)

    iż-żona, kif tissemma fl-Artikolu 3(e) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, fejn ikunu se jseħħu s-sorveljanza u spezzjoni;

    (ċ)

    kemm idumu l-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni.

    2.   L-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni għandhom jitwettqu skond l-Anness I.

    Artikolu 6

    Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza

    L-Istati Membri għandhom jimpenjaw irwieħhom f’attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza skond il-pjan ta’ attivitajiet konġunti stabbilit mis-CFCA.

    Artikolu 7

    Informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu mezz li sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, tkun disponibbli l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti:

    (a)

    l-attivitajiet ta’ spezzjoni u kontroll stipulati fl-Anness I;

    (b)

    l-infrazzjonijiet kollha, kif imsemmija fl-Anness II, misjuba matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar, u għal kull infrazzjoni l-bandiera tal-bastiment, id-data u l-post ta’ l-ispezzjoni u n-natura ta’ l-infrazzjoni; L-Istati Membri għandhom jindikaw in-natura ta’ l-infrazzjoni b’referenzi għall-ittra li taħtha huma elenkati fl-Anness II;

    (ċ)

    il-qagħda ta’ l-azzjonijiet ta’ segwitu ta’ l-infrazzjonijiet, kif jissemmew fl-Anness II, kemm jekk instabu matul is-sena kalendarja preċedenti kif ukoll aktar kmieni;

    (d)

    kwalunkwe azzjonijiet rilevanti ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

    Artikolu 8

    Evalwazzjoni

    1.   Kull Stat Membru għandu, sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, iħejji rapport ta’ evalwazzjoni u jibagħtu lill-Kummissjoni u lis-CFCA, rigward l-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li jkunu twettqu matul is-sena kalendarja ta’ qabel skond il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni stipulat f’din id-Deċiżjoni u l-programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007.

    2.   Stat Membru jista’ jitlob lis-CFCA biex tgħinu fit-tħejjija tar-rapport.

    3.   Is-CFCA għandha tqis ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 meta tkun qed twettaq il-valutazzjoni annwali ta’ l-effikaċja ta’ JDP kif jissemma fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.

    4.   Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ il-laqgħa msemmija fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 f’kollaborazzjoni mas-CFCA. Il-laqgħa għandha tinkludi l-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 9

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Joe BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1).

    (2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

    (3)  ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.

    (4)  ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.

    (5)  ĠU L 187, 8.7.2006, p. 14.


    ANNESS I

    Il-kompiti ta’ spezzjoni u monitoraġġ

    1.   Kompiti ġenerali ta’ spezzjoni

    1.1.

    Għall kull spezzjoni għandu jitħejja rapport ta’ spezzjoni. L-ispetturi għandhom, fi kwalunkwe każ, jivverifikaw u jirreġistraw fir-rapport tagħhom l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    id-dettalji ta’ l-identità tal-persuni responsabbli, kif ukoll dawk tal-bastiment, jew inġenji involuti fl-attivitajiet spezzjonati;

    (b)

    l-awtorizzazzjoni: il-liċenzja, il-permess speċjali tas-sajd u d-drittijiet ta’ l-isforzi tas-sajd;

    (ċ)

    dokumenti rilevanti tal-bastiment, bħall-ġurnali ta’ abbord, iċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni, il-pjanti ta’ l-istivi tal-bastiment, ir-reġistri tan-notifiki u fejn rilevanti r-reġistri tar-rappurtar manwali VMS;

    (d)

    is-sejbiet l-oħra kollha rilevanti mill-ispezzjoni fuq il-baħar, fil-port, jew fi kwalunkwe stadju ieħor tal-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni.

    1.2.

    Is-sejbiet imsemmija fil-punt 1.1 għandhom jitqabblu ma’ l-informazzjoni magħmula disponibbli lill-ispetturi minn awtoritajiet kompetenti oħra, inkluża l-informazzjoni VMS, notifiki preċedenti u listi ta’ bastimenti b’permess speċjali biex jistadu għall-merluzz fil-Baħar Baltiku.

    2.   Kompiti ta’ spezzjoni fuq il-baħar

    L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

    (a)

    il-kwantitajiet ta’ ħut miżmuma abbord meta mqabbla mal-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord u l-konformità mal-marġni tat-tolleranza kif jissemmew fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

    (b)

    il-konformità ta’ l-irkaptu wżat mar-rekwiżiti rilevanti u b’mod partikolari r-regola ta’ xibka waħda u l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħxuna ta’ l-għażel, id-daqsijiet minimi għall-malji u l-ħut, apparat imwaħħal max-xibka u l-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ l-irkaptu passiv;

    (ċ)

    it-tħaddim korrett ta’ l-apparat VMS;

    (d)

    il-konformità mar-rekwiżiti tas-sajd f’żona waħda speċifikati fl-Aritkolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007.

    3.   Kompiti ta’ spezzjoni mal-ħatt l-art

    L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

    (a)

    in-notifika minn qabel tal-ħatt l-art u l-bdil ta’ żoni speċifiċi inkluża l-informazzjoni dwar il-qabda abbord;

    (b)

    l-ikkompletar tal-ġurnal ta’ abbord u d-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art, inkluż ir-reġistrar ta’ l-isforzi;

    (ċ)

    il-kwantitajiet attwali ta’ ħut miżmuma abbord, il-piż tal-merluzz u speċijiet oħra mħatta l-art u l-konformità mal-marġni tat-toleranza kif jissemmew fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

    (d)

    l-irkaptu abbord u l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħxuna ta’ l-għażel, id-daqsijiet minimi għall-malji u l-ħut, apparat imwaħħal max-xibka u l-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ l-irkaptu passiv;

    (e)

    fejn applikabbli, il-konformità mal-proċeduri għat-tifi ta’ l-appart VMS.

    4.   Kompiti ta’ spezzjoni marbuta mat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni

    L-ispetturi għandhom jivverifikaw:

    (a)

    id-dokumenti rilevanti ta’ akkumpanjament u jqabbluhom mal-kwantitajiet fiżiċi ttrasportati;

    (b)

    il-konformità mar-rekwiżiti ta’ gradazzjoni u tikkettjar u r-rekwiżiti ta’ daqs minimu tal-ħut;

    (ċ)

    id-dokumentazzjoni (ġurnal ta’ abbord, dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u noti tal-bejgħ), tqassim u użin tal-ħut għall-kontroll tad-dispożizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni.

    5.   Kompiti għas-sorveljanza mill-ajru

    L-ekwipaġġ ta’ sorveljanza għandu:

    (a)

    iwettaq kontroverifika ta’ l-avvistamenti u jqabbilhom ma’ l-allokazzjoni ta’ l-isforzi;

    (b)

    iwettaq kontroverifika fuq ir-restrizzjonijiet fuq iż-żoni tas-sajd

    (ċ)

    jirrapporta dwar id-dejta ta’ sorveljanza għall-finijiet ta’ kontroverifika.


    ANNESS II

    Lista ta’ infrazzjonijet kif jissemmew fl-Artikolu 7

    A.

    Nuqqas mill-kaptan tal-bastiment tas-sajd milli jikkonforma mal-limitazzjonijiet fuq l-isforzi tas-sajd kif stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 jew ir-restrizzjonijiet fuq iż-żoni tas-sajd stipulati fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament;

    B.

    Nuqqas mill-kaptan jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju b’tul ta’ tmien metri jew aktar u li jġorr abbord inkella juża kwalunkwe rkaptu għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku milli jkollu jew iżomm kopja tal-permess speċjali għas-sajd tal-merluzz kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

    C.

    Tbagħbis tas-sistemi ta’ sorveljanza satellitari tal-bastimenti kif stipulat fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2003 tat-18 Diċembru 2003 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar is-sistemi ta’ sorveljanza tal-vapuri bbażata fuq satellita (1);

    D.

    Falsifikar inkella nuqqas ta’ reġistrazzjoni tad-dejta fil-ġurnali ta’ abbord, inklużi r-rapporti ta’ l-isforzi, id-dikjarazzjoniet tal-ħatt, u n-noti tal-bejgħ, dikjarazzjonijiet tat-trasferiment u d-dokumenti tat-trasport, inkella nuqqas milli jinżammu jew jitressqu dawk id-dokumenti kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2847/93 u l-Artikoli 11, 13, 15, 19 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

    E.

    Nuqqas mill-kaptan ta’ bastiment tas-sajd li għandu permess speċjali biex jistad għall-merluzz milli jikkonforma mal-kundizzjonijiet dwar id-dħul jew il-ħruġ minn żoni speċifiċi stipulati fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

    F.

    Nuqqas mill-kaptan ta’ bastiment Komunitarju tas-sajd jew ir-rappreżentant tiegħu, b’aktar minn 300 kg ta’ merluzz abbord milli jikkonforma mar-regoli dwar in-notifikar minn qabel stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

    G.

    Ħatt l-art ta’ aktar minn 750 kg ta’ merluzz minn bastimenti barra mill-portijiet iddeżinjati;

    H.

    Nuqqas mill-kaptan ta’ bastiment tas-sajd milli jiżen il-merluzz malli jinħatt kif jesiġi l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007;

    I.

    Nuqqas mill-konformità mar-restrizzjonijiet dwar it-tranżitu u l-projbizzjoni tat-trażbord kif jesiġi l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007.


    (1)  ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17.


    Top