EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0327

2008/327/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ April 2008 li tidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2006/923/KE dwar kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-2006 u l-2007 biex ikopri n-nefqa mġarrba mill-Portugall bl-iskop li jiġġieled il- Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al . (nematodu ta’ l-injam ta’ l-arżnu) (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1444)

ĠU L 112, 24.4.2008, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/327/oj

24.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 112/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ April 2008

li tidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2006/923/KE dwar kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-2006 u l-2007 biex ikopri n-nefqa mġarrba mill-Portugall bl-iskop li jiġġieled il-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (nematodu ta’ l-injam ta’ l-arżnu)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1444)

(It-test Portugiż biss huwa awtentiku)

(2008/327/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri protettivi kontra d-dħul u t-tixrid fil-Komunità ta’ organiżmi li huma ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/923/KE (2) approvat kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal programm ta’ miżuri introdotti mill-Portugall li għandu l-għan li fl-2006 u l-2007 jikkontrolla l-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (nematodu ta’ l-injam ta’ l-arżnu) milli jinfirex lejn Stati Membri oħra. Il-miżuri kienu jikkonsistu mill-ħolqien ta’ ostaklu li jkun ħieles mis-siġar kollha ospitanti tal-vetturi tan-nematodu ta’ l-injam ta’ l-arżnu, minn issa ‘l quddiem “faxxa ta’ konteniment fitosanitarju”.

(2)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2006/923/KE ‘l hawn, il-Portugall kellu jiffaċċja bosta ċirkustanzi avversivi u eċċezzjonali, li wasslu għal dewmien fl-eżekuzzjoni tal-miżuri. Dawk iċ-ċirkustanzi ġew spjegati f’ittra mill-Portugall lill-Kummissjoni bid-data tat-28 ta’ Settembru 2007. B’mod partikolari, filwaqt li l-programm inizjali kien ibbażat fuq stima ta’ 700 000 siġra ta’ l-arżnu li kellhom jitqaċċtu, sar neċessarju li b’kollox jitqaċċtu 980 000 siġra. Barra minn hekk, 3 700 000 siġra ta’ l-arżnu żgħar kellhom jiġu eliminati wkoll. L-awtoritajiet Portugiżi spjegaw id-differenza fin-numru ta’ siġar bil-fatt li l-unika data disponibbli dak iż-żmien, l-inventarju nazzjonali tal-foresta mill-1995, dehret li kienet skaduta u li ssottovalutat is-siġar żgħar, is-siġar iżolati u s-siġar li kienu prevalenti f’siti mħallta tal-weraq.

(3)

Minkejja ċ-ċirkustanzi avversivi, il-Kummissjoni vverifikat permezz tal-missjonijiet tagħha fil-Portugall li l-awtoritajiet Portugiżi kienu kapaċi jilħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/923/KE b’mod xieraq. Inevitabilment id-dewmien kumulattiv ma ppermettilhomx milli jagħtu bis-sħiħ ir-riżultati mistennija fi ħdan il-limitu ta’ żmien strett stipulat fid-Deċiżjoni għat-tlestija tal-miżuri. Minkejja dan, id-dewmien ma kienx b’tali mod li xekkel il-miżuri milli jiżvolġu l-effett tagħhom bis-sħiħ u, minħabba l-kondizzjonijiet tat-temp fir-Rebbiegħa 2007 fil-Portugall, li ma kienx favorevoli għat-titjir ta’ l-insett vettur tan-nematodu ta’ l-injam ta’ l-arżnu, ma rriżultax f’riskju fitosanitarju miżjud.

(4)

Id-Deċiżjoni 2006/923/KE stipulat penali, fl-għamla ta’ tnaqqis progressiv tal-finanzjament tal-Komunità, fil-każ ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni jew implimentazzjoni tard tal-miżuri. L-applikazzjoni ta’ tnaqqis u sanzjonijiet bħal dawn huma sproporzjonati fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali.

(5)

Id-dokumentazzjoni li għandha titressaq mill-Portugall trid tkun b’tali mod li tippermetti lill-Kummissjoni li tikkonkludi li l-kondizzjonijiet tal-ħlas tal-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità stipulata fid-Deċiżjoni 2006/923/KE ntlaħqu. Minħabba li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ffaċċjati mill-Portugall dawmu wkoll il-pagamenti mill-Portugall lill-kumpaniji privati li wettqu l-faxxa ta’ konteniment fitosanitarju, id-data ta’ skadenza sabiex titressaq id-dokumentazzjoni xierqa għandha tiġi estiża.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2006/923/KE, il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Deċiżjoni għandha titħallas darba wara li l-kondizzjonijiet ikunu ġew issodisfati:

(a)

il-miżuri meħtieġa għall-ħolqien ta’ faxxa ta’ konteniment fitosanitarju bħala żona ħielsa mill-vetturi ospiti tan-nematodu ta’ l-injam ta’ l-arżnu ġew implimentati mill-Portugall b’mod aċċettabbli u jilħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/923/KE;

(b)

Il-Portugall ippreżentat lill-Kummissjoni rapport finanzjarju, inklużi fatturi u rċevuti reġistrati, u rapport finali tekniku kif previst fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2006/923/KE.

(2)   L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2006/923/KE ma għandux japplika jekk il-Kummissjoni hija sodisfatta, fuq il-bażi ta’ l-evidenza mressqa mill-Portugall, li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri ma affettwawx l-effettività tal-miżuri.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmula fi Brussell, 21 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51).

(2)  ĠU L 354, 14.12.2006, p. 42.


Top