Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0096

2008/96/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 li tagħti deroga mitluba mill-Belġju li tirreferi għar-reġjun tal-Vallonja skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6643)

ĠU L 32, 6.2.2008, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/96(1)/oj

6.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 32/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li tagħti deroga mitluba mill-Belġju li tirreferi għar-reġjun tal-Vallonja skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6643)

(Il-verżjoni bil-Franċiż biss hija awtentika)

(2008/96/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax il-kisba ta’ l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, staġuni twal ta’ tkabbir u għelejjel b’rata ta’ assorbiment tan-nitroġenu għolja.

(2)

Il-Belġju ressaq talba lill-Kummissjoni għal deroga skond it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE li tirreferi għar-reġjun tal-Vallonja.

(3)

Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tal-Belġju li jawtorizza fil-Vallonja l-applikazzjoni ta’ 230 kg nitroġenu fuq kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem f’azjendi agrikoli speċifiċi b’aktar minn 48 % ta’ medda ta’ art għall-mergħat. L-applikazzjoni ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fuq mergħat ma jaqbiżx il-230 kg għal kull ettaru fis-sena, filwaqt li fuq għelejjel li jitkabbru f’dawn il-farms ma jaqbiżx il-115 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena.

(4)

Id-deżinjazzjoni ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati fir-rigward tal-Vallonja, f’konformità mal-paragrafi 2 u 4 ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/676/KEE, tkopri madwar 42 % tat-territorju ta’ dan ir-reġjun u 54 % tar-raba’ maħdum.

(5)

Huwa stmat li madwar 500 farm li jikkorrispondu għal 5,6 % ta’ l-għadd totali ta’ farms f’żoni vulnerabbli għan-nitrati u 3 % ta’ Raba’ Maħdum huma koperti mid-deroga.

(6)

Il-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE fil-Vallonja, “Arrêté du Gouvernement wallon du 15 février 2007 modifiant le Livre II du Code de l’Environnement constituant le Code de l’Eau en ce qui concerne la gestion durable de l’azote en agriculture”, ġiet adottata u tapplika bl-istess mod għad-deroga li ntalbet.

(7)

Id-dejta dwar il-kwalità ta’ l-ilma mressqa turi li fl-2005, fil-Vallonja, il-konċentrazzjoni medja ta’ nitrati fl-ilmijiet tal-wiċċ fiż-żoni vulnerabbli għan-nitrati kienet 16,7 mg/L, b’tendenzi ‘l isfel jew stabbli f’84 % tal-punti ta’ monitoraġġ fil-perjodu mill-2001 sa l-2005. Fl-2005, il-konċentrazzjoni medja fl-ilma tal-pjan kienet 24,8 mg/L nitrati, b’tendenzi ‘l isfel jew stabbli f’74 % tal-punti ta’ monitoraġġ fil-perjodu mill-2001 sa l-2005.

(8)

L-ammont medju ta’ nitroġenu għal kull ettaru mid-demel tal-bhejjem naqas bi 12 % mill-1990 u fl-2004 kien 101 kg/ha tar-Raba’ Maħdum, li minnhom 94 % mid-demel tal-bhejjem ta’ l-ifrat, 3 % mid-demel tal-qżieqeż u 2 % mid-demel tat-tjur. Mill-1990, l-applikazzjoni medja ta’ fertilizzanti kimiċi naqset kemm għan-nitroġenu kif ukoll għall-fosfat, b’19 % u 49 % rispettivament u fl-2004 kien hemm medja ta’ 109 kg/ha u 28 kg/ha rispettivament għan-nitroġenu u għall-fosfat.

(9)

Id-dokumenti anċillari li tressqu fin-notifika juru li l-proposta għal ammont ta’ 230 kg għal kull ettaru fis-sena ta’ nitroġenu minn demel hija ġġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu.

(10)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba, tqis li l-ammont propost ta’ 230 kg għal kull ettaru fis-sena mid-demel mhux se jippreġudika l-ksib ta’ l-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KE, jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stretti.

(11)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata b’konnessjoni mat-tieni programm ta’ azzjoni fis-seħħ fir-reġjun tal-Vallonja għall-perjodu bejn l-2007 sa l-2010.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Qed tingħata d-deroga mitluba mill-Belġju li tirreferi għar-reġjun tal-Vallonja permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2006, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta’ demel mill-bhejjem minn dak ipprovdut fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“farms tal-bhejjem ta’ l-ifrat” tfisser azjendi b’aktar minn tliet bhejjem ħajjin, li minnhom mill-inqas żewġ terzi huma bhejjem ta’ l-ifrat,

(b)

“art bil-mergħa” tfisser medda ta’ art tal-farm tal-bhejjem ikkoltivata bħala mergħa permanenti jew temporanja (ġeneralment temporanja timplika perjodu inqas minn erba’ snin).

Artikolu 3

Ambitu ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika każ b’każ u fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 6 għall-farms bil-bhejjem ta’ l-ifrat.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni u impenn annwali

1   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena.

2   Flimkien ma’ l-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 5 u 6.

3   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiggarantixxu li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jkunu suġġetti għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 juri li l-kundizzjonijiet ipprovduti mill-Artikoli 5 u 6 mhumiex sodisfatti, l-applikant għandu jkun infurmat minnufih u l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

Artikolu 5

Applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra

1   L-ammont ta’ demel mill-bhejjem li jingħata fis-sena f’farms tal-bhejjem ta’ l-ifrat, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 230 kg nitroġenu għal kull ettaru, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8.

2   L-ammont ta’ demel mill-bhejjem li jingħata fuq art bil-mergħa ma għandux jaqbeż 230 kg nitroġenu għal kull ettaru. L-ammont ta’ demel mill-bhejjem li jingħata fis-sena fuq ir-raba’ ma għandux jaqbeż 115 kg nitroġenu għal kull ettaru.

3   Kull farm għandu jżomm pjan ta’ fertilizzazzjoni b’deskrizzjoni tat-tinwib u l-għoti ppjanat ta’ demel u fertilizzanti tan-nitroġenu u tal-fosfat. Għandu jkun disponibbli fil-farm kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu.

Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ bhejjem ħajjin, deskrizzjoni tas-sistema ta’ kif jinżammu u jinħażnu, inkluż il-volum disponibbli għall-ħżin tad-demel;

(b)

kalkolu tan-nitroġenu (li minnu jitnaqqas kwalunkwe telf fiż-żamma u l-ħażna) u l-fosfru mid-demel li jiġi prodott fil-farm;

(ċ)

it-tinwib u l-medda ta’ art għall-mergħat u għal kull għalla, flimkien ma’ tpinġija ta’ mappa fejn huma indikati l-għelieqi u fejn jinsabu;

(d)

ir-rekwiżiti prevedibbli li jkollhom l-għelejjel f’termini ta’ nitroġenu u ta’ fosfru;

(e)

l-ammont u t-tip ta’ demel li jingħata barra l-farm u fuq il-farm;

(f)

applikazzjonijiet ta’ nitroġenu u ta’ fosfru mid-demel fuq kull għalqa;

(g)

l-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru b’fertilizzanti kimiċi kif ukoll fertilizzanti oħrajn fuq kull għalqa.

Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli attwali.

4   Kull farm għandha tħejji kontijiet tal-fertilizzazzjoni. Dawn għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.

5   Kull farm li tibbenefika minn deroga individwali għandha taċċetta li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 4, il-pjan ta’ fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal kontroll.

6   Għandha titwettaq analiżi tal-fosfru fil-ħamrija għal kull farm li tibbenefika minn deroga individwali għallinqas darba kull erba’ snin għal kull żona omoġenja tal-farm, fir-rigward tat-tinwib u l-karatteristiċi tal-ħamrija. Għandha tinħtieġ analiżi waħda għal kull 5 ettari ta’ raba’.

7   Il-konċentrazzjoni tan-nitrati fil-ħamrija għandha titkejjel kull sena f’kull farm li tibbenefika minn deroga individwali. Għal kull farm, għandhom ikunu analizzati talanqas ħames kampjuni.

8   Ma għandux jingħata d-demel fil-ħarifa qabel il-koltivazzjoni tal-mergħa.

Artikolu 6

Ġestjoni ta’ l-artijiet

1   48 % jew aktar tal-medda ta’ l-art disponibbli għall-għoti tad-demel fuq azjendi tal-bhejjem ta’ l-ifrat għandha tkun kkoltivata bħala mergħa.

2   Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

(a)

Mergħa temporanja għandha tinħarat fir-rebbiegħa;

(b)

Il-mergħa ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jassimilaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan mhux se japplika għal-leguminużi f’mergħa b’inqas minn 50 % ta’ leguminużi.

Artikolu 7

Miżuri oħra

1   Din id-deroga għandha tapplika bla ħsara għall-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja oħra.

2   Kull bidwi li jibbenefika minn deroga individwali għandha tingħatalu assistenza teknika permezz ta’ servizz ta’ konsulenza, li għandu jiggarantixxi l-valutazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi tal-ħamrija, il-pjanijiet ta’ fertilizzazzjoni u l-kontijiet ta’ fertilizzazzjoni. Ir-riżultati tal-valutazzjoni għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-verifikar tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 8

Monitoraġġ

1   L-awtorità kompetenti għandha tħejji u taġġorna kull sena il-mapep li juru l-perċentwali ta’ farms, il-perċentwali ta’ bhejjem u l-perċentwali ta’ raba’ kopert minn deroga individwali f’kull żona agrikola. Kull sena, dawk il-mapep għandhom jitressqu lill-Kummissjoni u, għall-ewwel darba, fi tmiem l-2007.

2   Netwerk ta’ monitoraġġ għat-teħid ta’ kampjuni ta’ l-ilma tal-pjan tal-wiċċ u tal-baxx għandu jiġi stabbilit u miżmum sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta’ deroga fuq il-kwalità ta’ l-ilma.

3   Stħarriġ u analiżi tan-nutrijenti għandhom jipprovdu d-dejta dwar l-użu lokali tar-raba’, it-tinwib u l-prattiki agrikoli fuq farms li jibbenefikaw minn derogi individwali. Dik id-dejta tista’ tintuża għal kalkoli bbażati fuq mudelli tal-kobor tal-lissija tan-nitrati u tat-telf tal-fosfru minn għelieqi fejn jiġi applikat sa 230 kg nitroġenu għall kull ettaru fis-sena minn demel mill-bhejjem.

4   Għandhom ikunu stabbiliti punti ta’ monitoraġġ biex tkun ipprovduta dejta dwar il-konċentrazzjoni ta’ nitroġenu fl-ilma tal-ħamrija u t-telf korrispondenti li jgħaddi miż-żona ta’ l-għeruq għall-ilma tal-pjan, kif ukoll it-telf ta’ nitroġenu minħabba l-ħolqien ta’ wied u tnixxija taħt wiċċ l-art, kemm jekk f’kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll jekk le

Artikolu 9

Rappurtaġġ

1   L-awtorità kompetenti għandha tressaq ir-riżultati tal-monitoraġġ lill-Kummissjoni kull sena, b’rapport konċiż dwar l-evoluzzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma, il-valutazzjoni tar-residwi tan-nitrati fil-ħamrija fil-ħarifa f’farms li jibbenefikaw minn deroga u l-prattika ta’ valutazzjoni. Ir-rapport għandu jagħti informazzjoni dwar kif titwettaq il-valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga permezz ta’ kontrolli fuq il-livell ta’ farms u għandu jinkludi informazzjoni dwar farms mhux konformi fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet amministrattivi u fuq il-post. L-ewwel rapport għandu jitressaq sa Ġunju 2008 u wara, kull sena sax-xahar ta’ Ġunju.

2   Ir-riżultati miksuba b’dan il-mod se jitqiesu mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ talba ġdida eventwali għal deroga.

Artikolu 10

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tat-tieni programm ta’ azzjoni 2007-2010 għar-Reġjun tal-Vallonja “Arrêté du Gouvernement wallon du 15 février 2007 modifiant le Livre II du Code de l’Environnement constituant le Code de l’Eau en ce qui concerne la gestion durable de l’azote en agriculture”. Għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


Top