Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0062

    2008/62/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Ottubru 2007 rigward l-Artikoli 111 u 172 ta’ l-Abbozz ta’ Att Polakk dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament, innotifikati mir-Repubblika tal-Polonja skond l-Artikoli 95(5) tat-Trattat tal-KE bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4697) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 16, 19.1.2008, p. 17–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/62(1)/oj

    19.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 16/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Ottubru 2007

    rigward l-Artikoli 111 u 172 ta’ l-Abbozz ta’ Att Polakk dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament, innotifikati mir-Repubblika tal-Polonja skond l-Artikoli 95(5) tat-Trattat tal-KE bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4697)

    (It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/62/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95(5) u (6) tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    L-Artikolu 95(5) u (6), l-ewwel linja tat-Trattat jipprovdi:

    “5.   (…) jekk wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarisen ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

    6.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi (…) u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex jew mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux jew le ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern.”

    (2)

    F’ittra li ġġib id-data tat-13 ta’ April 2007, ir-Rappreżentazzjoni Permanenti Polakka ta’ l-Unjoni Ewropea nnotifikat lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE, dwar l-Artikoli 111 u 172 ta’ abbozz ta’ Att dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (minn hawn ‘il quddiem: “Id-Direttiva 2001/18/KE”).

    (3)

    B’ittra tad-9 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Polakki li kienet irċieviet in-notifika skond l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE u li l-perjodu ta’ sitt xhur biex tiġi eżaminata skond l-Artikolu 95(6) kien beda wara din in-notifika.

    (4)

    Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż fir-rigward tat-talba fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2) sabiex tinforma lill-partijiet l-oħrajn interessati dwar l-abbozz tal-miżuri nazzjonali li l-Polonja kienet biħsiebha tadotta. (3).

    2.   LEĠIŻLAZZJONI KOMUNITARJA RILEVANTI

    2.1.   Id-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament

    (5)

    Id-Diretttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE. Għandha l-għan li tqarreb il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri fl-Istati Membri għall-awtorizzazzjoni ta’ OMĠ maħsuba għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent. Skond l-Artikolu 34 tagħha, l-Istati Membri kienu mitluba jittrasponuha f’liġi nazzjonali sas-17 ta’ Ottubru 2002.

    (6)

    Id-Direttiva tistabbilixxi b’pass pass proċess ta’ approvazzjoni fuq valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, fuq każ b’każ, qabel ma kwalunkwe OMĠ jew prodott li huwa magħmul minn jew li fih OMĠ jew mikroorganiżmi modifikati ġenetikament (MOMĠ) jista’ jiġi rrilixxat fl-ambjent jew jitqiegħed fis-suq. Id-Direttiva tipprovdi għal żewġ proċeduri differenti, għal rilaxxi sperimentali (imsejħa rilaxxi tal-Parti B) u għal tqegħid fis-suq ta’ rilaxxi (imsejħa rilaxxi tal-Parti Ċ). Ir-rilaxxi tal-Parti B jeħtieġu awtorizzazzjoni fuq livell nazzjonali, waqt li r-rilaxxi tal-Parti Ċ huma suġġetti għal proċedura Komunitarja, b’deċiżjoni eventwali li tkun valida fl-Unjoni Ewropea kollha. Id-Direttiva tipprovdi għat-tqegħid fuq is-suq u r-rilaxx sperimentali fl-ambjent ta’ annimali tranżġeniċi abbażi tal-fatt li huma kklassifikati bħala OMĠ. Filwaqt li ebda annimali jew ħut tranżġeniċi għadhom ma ġew approvati għal dawn l-għanijiet, id-Direttiva ma tipprovdix għal din il-possibbiltà. Flimkien mad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq dwar il-proċeduri ta’ awtorizzazzzjoni, l-Artikolu 23 tad-Direttiva fih “klawżola ta’ salvagwardja”. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jipprevedu l-aktar li “fejn Stat Membru, b’riżultat ta’ informazzjoni ġdida jew addizjonali li ssir disponibbli mid-data tal-kunsens u taffettwa l-valutazzjoni ta’ riskju ambjentali jew il-valutazzjoni mill-ġdid ta’ informazzjoni eżistenti abbażi ta’ għarfien xjentifiku ġdid jew addizzjonali, għandu raġunijiet dettaljati biex jikkunsidra li OMĠ bħala jew fi prodott li ġie proprjament notifikat u rċieva kunsens bil-miktub skond din id-Direttiva jikkostitwixxi riskju għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew il-bejgħ ta’ dak l-OMĠ bħala jew fi prodott fit-territorju tiegħu”. Barra minn hekk, f’każ ta’ riskju serju, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ emerġenza, bħas-sospensjoni jew it-terminazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ u għandhom jinfurmaw il-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni meħuda abbażi l-Artikolu 23, kif ukoll ir-raġunijiet għax ħadu dik id-deċiżjoni. Abbażi ta’ dan, għandha tittieħed deċiżjoni fuq livell Komunitarju dwar il-klawżola ta’ salvagwardja invokata, skond il-proċedura prevista taħt l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/18/KE.

    2.2.   Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament

    (7)

    Skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (4) (minn hawn ‘il quddiem “Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003”) għandu l-għan li: (a) jipprovdi l-bażi biex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana, is-saħħa u t-trattament xieraq ta’ l-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament, waqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern; (b) jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament; u (ċ) jistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-tikkjettar ta’ l-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament. Meta jitqiesu dawn l-għanijiet differenti, dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-Artikoli 37, 95 u 152, il-paragrafu 4, il-punt b), tat-Trattat tal-KE. Dan ir-Regolament japplika għal OMĠ fl-użu ta’ ikel u għalf, ikel jew għalf li fih jew li jikkonsisti minn OMĠ u ikel u għalf prodott minn jew li fih ingredjenti prodotti minn OMĠ. Kif imsemmi fil-premessa 11 ta’ dan ir-Regolament, tista’ wkoll tingħata awtorizzazzjoni biex jintuża OMĠ bħala materjal ta’ sors għall-produzzjoni ta’ l-ikel u l-għalf.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-awtorizzazzjoni ta’ OMĠ (l-Artikoli 3 sa 7 għal ikel modifikat ġenetikament u l-Artikoli 15 sa 19 għal għalf modifikat ġenetikament). Kwalunkwe applikazzjoni għandha jkollha dokument li jagħti l-informazzjoni meħtieġa skond l-Annessi III u IV tad-Direttiva 2001/18/KE u l-informazzjoni u l-konklużjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skond il-prinċipji stipulati fl-Anness II tad-Direttiva [Artikoli 5(5)(a) u 17(5)(a]. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta’ l-Ikel (EFSA) tagħti l-opinjoni tagħha dwar kull awtorizzazzjoni (Artikoli 6 u 18). Fil-każ ta’ OMĠ li jintużaw bħala żrieragħ jew materjali oħra ta’ propogazzjoni tal-pjanti, u li jaqgħu taħt l-ambitu tar-Regolament, l-Artikoli 6(3)(ċ) 18(3)(ċ) jeħtieġu li l-EFSA tiddelega l-valutazzjoni ta’ riskju ambjentali lil awtorità nazzjonali kompetenti. L-Artikolu 8 tar-Regolament jistipula regoli applikabbli għal “prodotti eżistenti” definiti bħala prodotti ta’ l-ikel imqiegħda fis-suq skond id-Direttiva tal-Kunsill (5) 90/220/KEE qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 258/97 (6) jew skond id-dispożizzjonijiiet msemmija fir-Regolament (KE) Nru 258/97 jew prodotti oħra li tqiegħdu fis-suq legalment qabel ma beda japplika dan ir-Regolament, u li l-operaturi responsabbli għat-tqegħid fis-suq tagħhom ikunu nfurmaw lill-Kummissjoni dwarhom fi żmien sitt xhur mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament illi l-prodotti tqiegħdu fis-suq Komunitarju qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Skond l-istess Artikolu 8, dawn il-prodotti jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq, jintużaw u jiġu pproċessati taħt ċerti kundizzjonijiet. L-Artikolu 20 tar-Regolament jistipula l-istess proċedura għal prodotti ta’ l-ikel li ġew awtorizzati taħt id-Direttivi 90/220/KEE jew 2001/18/KE, inkluż l-użu bħala għalf, taħt id-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE (7), li huma prodotti minn OMĠ, jew taħt id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (8), li jkun fihom, jikkonsistu fi jew huma prodotti minn OMĠ. Fi żmien sena mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u wara li jkun verifikat li l-informazzjoni kollha meħtieġa tkun ġiet sottomessa u eżaminata, il-prodotti inkwistjoni għandhom jitniżżlu fir-Reġistru Komunitarju ta’ l-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament (“Ir-Reġistru”).

    3.   DISPOŻIZZJONIJIET NAZZJONALI NOTIFIKATI

    3.1.   L-ambitu tad-dispożizzjoniet nazzjonali notifikati

    (9)

    Il-Polonja hemżet kull dispożizzjoni ta’ l-abbozz ta’ Att man-notifika tagħha. Minkejja dan, skond in-nota ta’ spjegazzjoni mibgħuta mill-Polonja, id-deroga tad-Direttiva 2001/18/KE għandha tikkonċerna biss l-Artikoli 111(2) (5,6) tal-Parti IV ta’ l-abbozz ta’ Att, li jikkonċernaw ir-rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ għal skopijiet sperimentali, u l-Artikolu 172 tiegħu. Għaldaqstant, il-valutazzjoni fid-deċiżjoni attwali se tkun limitata għal dawk id-dispożizzjoijiet, mingħajr preġudizzju għal proċeduri oħra uffiċjali li għandhom eventwalment jivvalutaw il-konformità tal-bqija ta’ l-Att - inkluż id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ l-Artikolu 111 - mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    3.1.1.   L-Artikolu 111 (rilaxxi intenzjonati għal skopijiet sperimentali)

    (10)

    L-Artikolu 111 jistipula l-kontenut ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ deċiżjoni għar-rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ.

    Skond l-Artikolu 111(1): “Applikazzjoni għall-ħruġ ta’ deċiżjoni rigward rilaxx intenzjonat għandu jkun fiha”.

    Skond l-Artikolu 111(2): “Applikazzjoni għall-ħruġ ta’ deċiżjoni rigward xi rilaxx intenzjonat għandu jkun hemm mehmuż magħha dan li ġej”.

    (1)

    valutazzjoni tar-riskju ppreparata għall-organiżmi modifikati ġenetikament li ser jiġu rilaxxati (…);

    (2)

    dokumentazzjoni dwar il-preparazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju (…);

    (3)

    dokumentazzjoni teknika tar-rilaxx intenzjonat;

    (4)

    programm ta’ azzjoni fil-każ ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali jew għas-sikurezza ambjentali assoċjata mar-rilaxx intenzjonat;

    (5)

    ċertifikat mis-sindku tal-muniċipalità, lokalità jew belt li fil-pjan lokali għal-iżvilupp spazjali, isir provvediment għall-possibbiltà ta’ rilaxx intenzjonat, fir-rigward tal-ħtieġa li jitħares l-ambjent, in-natura u l-pajsaġġ kulturali lokali taż-żona involuta;

    (6)

    dikjarazzjoni bil-miktub minn dawk li għandhom l-azjendi qrib il-post tar-rilaxx intenzjonat li ma għandhomx oġġezzjoni għar-rilaxx;

    (7)

    kopja, irreġistrata għand Nutar, tal-kuntratt tar-rilaxx intenzjonat (…);

    (8)

    sinteżi ta’ l-applikazzjoni.

    3.1.2.   L-Artikolu 172 (l-istabbiliment ta’ żoni speċjali għall-koltivazzjoni ta’ l-OMĠ)

    (11)

    L-Artikolu 172 jistipula:

    “1.   Għandha tkun ipprojbita l-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

    2.   Il-Ministru responsabbli mill-agrikoltura, b’konsultazzjoni mal-Ministru responsabbli mill-ambjent, u wara li jkun ħa l-opinjoni tal-kunsill tal-muniċipalità (gmina) li fiha jkunu ser jiġu kkultivati l-pjanti modifikati ġenetikament, għandu joħroġ deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ żona allokata għall-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament f’żona speċifika fi ħdan it-territorju tal-muniċipalità (żona magħżula għall-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament), wara li l-applikant ikun bagħat applikazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 4(21)(f) għall-ħruġ ta’ deċiżjoni dwar żona allokata għall-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament.

    3.   Applikazzjoni għall-ħruġ ta’ deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ żona allokata għall-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament għandu jkun fiha:

    (1)

    l-isem u l-kunjom jew l-isem u l-uffiċċju rreġistrat u l-indirizz ta’ l-applikant imsemmi fl-Artikolu 4(21)(f);

    (2)

    l-ispeċi u l-varjetà ta’ pjanta modifikata ġenetikament, il-karatteristiċi li jinkisbu b’riżultat tal-modifika ġenetika u l-identifikatur uniku tagħha;

    (3)

    in-numru tar-reġistru taż-żona li fiha l-art agrikola, fl-ambitu tar-regolamenti dwar is-sistema nazzjonali ta’ żamma ta’ reġistri tal-produtturi, bdiewa u applikazzjonijiet għall-għoti ta’ ħlasijiet, l-erja ta’ l-art agrikola f’ettari, fejn tinsab l-art agrikola fir-reġistru ta’ l-art, in-numru tal-paġna tal-mappa tar-reġistrazzjoni ta’ dik l-art irreġistrata, l-isem tar-reġjun irreġistrat u l-isem tal-muniċipalità u tad-distrett (voivodship).

    4.   L-applikazzjoni għandha tintbagħat bil-miktub u b’mod elettroniku.

    5.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha jkollha mehmużin magħha dikjarazzjonijiet bil-miktub mis-sidien ta’ l-art fi ħdan iż-żona ta’ iżolament spazjali mill-art li hemm ħsieb li fiha jiġu kkultivati pjanti modifikati ġenetikament, li ma għandhom ebda oġġezzjoni għall-intenzjoni li tinħoloq żona allokata għall-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament.

    6.   Kopja ta’ l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ deċiżjoni dwar iż-żona allokata għall-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament għandha tintbagħat, bil-miktub u b’mod elettroniku, fi żmien ħamest ijiem mid-data li fiha tintbagħat l-applikazzjoni, mill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura lill-:

    1.

    Ministru responsabbli mill-ambjent;

    2.

    lill-kunsill tal-muniċipalità li fiha ser jiġu kkultivati l-pjanti modifikati ġenetikament;

    u dawn, fi żmien 45 jum mid-data li fiha ntbagħtitilhom kopja ta’ l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, għandhom jibgħatu l-opinjoni tagħhom dwar il-każ, u jindikaw abbażi ta’ xiex ittieħdet, lill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura.

    7.   Il-Ministru responsabbli mill-ambjent għandu jibgħat lill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 6(1), wara li jieħu l-opinjoni tat-Tim imsemmi fl-Artikolu 26(4) u l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25.

    8.   Il-kunsill tal-muniċipalità msemmi fil-paragrafu 6(2) għandu, immedjatament wara li jirċievi l-applikazzjoni, jagħmel disponibbli għall-pubbliku, fil-belt jew raħal li fih ser tinħoloq iż-żona, l-informazzjoni ta’ l-applikazzjoni, b’mod li s-soltu ikun adottat fiż-żona involuta.”

    (12)

    Il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Artikolu 172. Mingħajr preġudizzju għal proċeduri uffiċjali oħra li ser jivvalutaw il-konformità tal-bqija ta’ l-Att mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni tikkunsidra d-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Artikolu 172 jidderogaw mid-Direttiva 2001/18/KE.

    3.2.   L-Impatt fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati

    3.2.1.   L-impatt ta’ l-Artikolu 111(2)(5,6)

    (13)

    L-ambitu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, flimkien ma’ l-ispjega tan-nota ta’ spjegazzjoni, jimplikaw li l-Artikolu primarjament se jkollu impatt fuq ir-rilaxx ta’ OMĠ għal kwalunkwe skop ieħor minbarra t-tqegħid fis-suq (l-aktar għal esperimenti barra mil-laboratorju) skond il-Parti B (l-Artikoli 5-11) tad-Direttiva 2001/18/KE.

    3.2.2.   L-impatt ta’ l-Artikolu 172

    (14)

    L-ambitu ta’ l-Artikolu 172(1) ta’ l-abbozz ta’ Att jimplika li ġeneralment se jkollu impatt fuq:

    il-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament, li huma awtorizzati skond id-dispożizzjonijiet tal-parti C (Artikolu 12 sa 24) tad-Direttiva 2001/18/KE,

    Il-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament li diġà kienu approvati bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/220/KEE u issa notifikati bħala prodotti eżistenti skond l-Artikoli 8 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003,

    il-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament, li huma awtorizzati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    4.   ĠUSTIFIKAZZJONI PPREŻENTATA MILL-POLONJA

    (15)

    Informazzjoni għall-abbozz ta’ Att, li toffri interpretazzjoni dwar l-impatt ta’ l-Att fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja, kif ukoll il-konformità magħha, hija pprovduta fin-nota ta’ spjegazzjoni mressqa dwar l-abbozz ta’ Att (paġni 12 u 16-17) u t-test tan-notifika (paġni 3-5).

    4.1.   Ġustifikazzjonijiet imressqa għall-Artikolu 111(2)(5, 6)

    (16)

    Skond in-notifika Pollakka (paġni 3-4) u n-nota ta’ spjegazzjoni (paġna 12), ir-raġunament li ġej jappoġġa l-eżistenza ta’ “elementi relatati ma’ kundizzjonijiet speċifiċi” fl-ambitu ta’ l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE:

    (17)

    Fit-tfassil tar-regoli li jikkontrollaw ir-rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi modifikati ġenetikament fl-ambjent għal skopijiet sperimentali, il-prinċipju adottat kien li ġabra ta’ arranġamenti stretti kemm jista’ jkun għandhom jinħolqu għall-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ speriment partikolari barra mil-laboratorju fil-kuntest tas-sikurezza tiegħu għall-ambjent. Dan huwa speċjalment importanti għaliex ir-rilaxx huwa l-ewwel stadju ta’ riċerka meta dan l-organiżmu l-ġdid li huwa modifikat ġenetikament jiġi f’kuntatt ma’ l-ambjent u l-esperiment isir mingħajr il-miżuri ta’ protezzjoni effettivi li ssoltu jiġu applikati f’sistemi magħluqa.

    (18)

    L-effett ta’ organiżmu bħal dan fuq l-ambjent mhux magħruf u potenzjalment jista’ jkun ta’ ħsara (dan japplika b’mod partikolari għal organiżmi minbarra l-pjanti vaskulari li huma modifikati ġenetikament). Azzjoni bħal din għalhekk tesiġi li jinżammu kundizzjonijiet speċjali ta’ sikurezza, u dan huwa skond il-prinċipju ta’ prekawzjoni li japplika fl-Istati Membri ta’ l-UE. Fid-dawl tar-rikkezza tal-bijodiversità fil-Polonja, l-introduzzjoni ta’ organiżmi modifikati ġenetikament fl-ambjent jista’ jikkawża xkiel serju għall-funzjonament tagħha.

    (19)

    Għalhekk ġie adottat il-prinċipju suprem li għandha ssir valutazzjoni stretta kemm jista’ jkun ta’ l-elementi komponenti kollha ta’ esperiment partikolari barra mil-laboratorju. Saret enfasi partikolari fuq il-kundizzjonijiet ambjentali (kompożizzjoni tal-ħamrija, fawna, flora, preżenza ta’ speċijiet protetti, kundizzjonijiet klimatiċi, eċċ).

    (20)

    Dawn il-proposti (jiġifieri, għall-kundizzjunar tar-rilaxx għall-approvazzjoni tas-sidien ta’ l-għelieqi fil-madwar, u d-dispożizzjonijiet tal-pjanijiet spazjali lokali) jimponu obbligi addizjonali fuq l-applikanti, iżda ma jeskludux ix-xogħol li jinvolvi r-rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ fl-Ambjent. L-approċċ restrittiv għall-kwistjoni tar-rilaxx hija wkoll marbuta ma’ l-istruttura ta’ l-agrikoltura Pollakka, li hija fost l-aktar frammentati fil-Komunità. Dan jippreżenta problema serja, mhux biss għall-koltivazzjoni kummerċjali tal-pjanti MĠ, iżda wkoll għal-lokalizzazzjoni sikura ta’ l-esperimenti barra l-laboratorju.

    (21)

    L-awtoritajiet Pollakki ma jagħmlu l-ebda referenza għal kwalunkwe evidenza xjentifika ġdida peress li ġiet adottata Direttiva dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent.

    4.2.   Ġustifikazzjonijiet imressqa għall-Artikolu 172

    (22)

    Skond in-notifikazzjoni Pollakka (paġni 4-5) u n-nota ta’ spjegazzjoni (16-17), ir-regoli dwar il-koltivazzjoni kummerċjali fid-dispożizzjonijiet nazzjonali huma bbażati b’mod partikolari fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/556/KE tat-23 ta’ Lulju 2003 dwar il-linji ta’ gwida għall-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali u l-aqwa prassi sabiex tiġi żgurata l-koeżistenza ta’ għelejjel modifikati ġenetikament flimkien ma’ prassi agrikoli konvenzjonali u organiċi (9).

    (23)

    L-idea li jinħolqu żoni allokati għall-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament huwa żvilupp tal-paragrafu 3.3 ta’ l-Anness tar-Rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq, li tirrigwarda kooperazzjoni bejn stabbilimenti agrikoli ġirien. Tqiesu wkoll il-paragrafi 2 u 3.3.2 (miżuri ta’ ġestjoni koordinati), li jirrigwardaw it-tgħaqqid ta’ għelieqi ta’ stabbilimenti differenti għall-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ għelejjel simili (MĠ, konvenzjonali jew organiċi) f’żona partikolari, kif ukoll is-subparagrafu 3.3.3. dwar ftehimiet volontarji fost il-bdiewa dwar żoni ta’ tip ta’ produzzjoni uniku.

    (24)

    Skond l-abbozz ta’ att, il-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament għandu jkun limitat għal żoni li ma fihomx elementi ta’ valur mil-lat ta’ konservazzjoni naturali u li l-istruttura agrarja tagħhom tippermetti l-koltivazzjoni sikura tal-pjanti tranżġeniċi, mingħajr ma tagħmel ħsara lill-operat ta’ bdiewa oħra.

    (25)

    Ir-regolament proposti fl-abbozz ta’ att jippermetti t-tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju assoċjat mat-taħlit ta’ materjal riproduttiv jew it-taħlit ta’ pjanti modifikati ġenetikament ma’ pjanti mhux modifikati ġenetikament, u jippermettu li l-għelejjel modifikati ġenetikament jiġu spezzjonati.

    (26)

    Raġuni għall-introduzzjoni ta’ derogi fid-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tar-restrizzjoni tal-koltivazzjoni ta’ pjanti tranżġeniċi, hija l-ħtieġa li jiġu sodisfatti l-aspettativi tas-soċjetà Pollakka. Dispożizzjonijiet li jirrestrinġu l-koltivazzjoni ta’ pjanti MĠ għandhom l-għan li jipprevjenu l-ħsara possibbli li tista’ tirriżulta li kieku t-tranżġeni jitħalltu ma’ għelejjel konvenzjonali. Tħassib dwar il-koltivazzjoni ta’ pjanti MĠ huwa l-aktar assoċjati ma’ l-impossibbiltà li jiġi eliminat għal kollox ir-riskju ta’ kontaminazzjoni ta’ l-għelejjel mit-taħlit li jista’ jsir. Dan jirriżulta mill-fatt li l-agrikoltura Pollakka hija frammentata ħafna. Il-Polonja għandha kważi żewġ miljun stabbiliment agrikolu, u l-erja medja ta’ kull wieħed minnhom hija anqas minn 8 ettari. L-agrikoltura Pollakka hija karatterizzata mis-sistema ta’ produzzjoni konvenzjonali, u jeżisti wkoll interess li qed jikber fil-produzzjoni organika. Fid-dawl ta’ dan il-livell għoli ta’ frammentazzjoni, mhux possibbli li l-għelejjel MĠ jiġu iżolati minn għelejjel konvenzjali u organiċi, u dan jista’ jkun ukoll ta’ riskju serju għall-biedja organika li qed tiżviluppa fil-Polonja. F’din is-sitwazzjoni, l-introduzzjoni mhux kontrollata ta’ pjanti tranżġeniċi fil-koltivazzjoni tista’ twassal għal ċertu telf għall-bdiewa.

    (27)

    Il-fatt li l-bdiewa Pollakki qed isibuha bi tqila huwa ggravat min-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kumpens għat-telf agrikolu li jirriżulta mit-taħlit mhux kontrollat tal-varjetajiet. Fil-preżent, ma jeżistux dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-koeżistenza ta’ tliet forom ta’ agrikoltura - dik konvenzjonali, dik organika u dik li tuża l-pjanti tranżġeniċi - l-abbozz tad-dispożizzjonijiet huwa l-ewwel pass li qatt sar biex din il-kwistjoni tiġi rregolata.

    (28)

    L-awtoritajiet Pollakki ma jagħmlu l-ebda referenza għal kwalunkwe evidenza xjentifika ġdida peress li ġiet adottata Direttiva dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent.

    5.   VALUTAZZJONI ĠURIDIKA

    (29)

    L-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE japplika għal miżuri nazzjonali ġodda, li jintroduċu rekwiżiti inkompatibbli ma’ dawk ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni Komunitarja fuq il-bażi tal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, minħabba li problema speċifika għal dak l-Istat Membru li tirriżulta wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonazzjoni u li huma ġustifikati minn evidenza xjentifika ġdida.

    (30)

    Barra minn hekk, skond l-Artikolu 95(6) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni għandha, tapprova jew tiċħad l-abbozz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja inkella restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le u jekk humiex ta’ xkiel għall-ħidma tas-suq intern.

    (31)

    In-notifika mressqa mill-awtoritajiet Pollakki fit-13 ta’ April 2007 hija maħsuba biex tinkiseb l-approvazzjoni għall-introduzzjoni ta’ l-Aritkoli l-ġodda 111(2) (5, 6) u 172 ta’ l-Att, li l-Polonja tqis li huwa deroga mid-Direttiva 2001/18/KE.

    (32)

    Il-Polonja ressqet din in-notifika bħala deroga mid-Direttiva 2001/18/KE biss. Għalhekk il-valutazzjoni ġuridika f’din id-Deċiżjoni se tiffoka biss fuq id-Direttiva 2001/18/KE.

    (33)

    Id-Direttiva 2001/18/KE tarmonizza fuq il-livell Komunitarju, ir-regoli rigward ir-rilaxx intenzjonat ta’ l-OMĠ, għar-rilaxx sperimentali jew għat-tqegħid fis-suq. Din il-leġiżlazzjoni orizzontali tista’ titqies bħala l-bażi għal kwalunkwe rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ fl-ambjent fl-Unjoni Ewropea, notevolment peress li l-awtorizzazzjonijiet skond il-leġiżlazzjoni għall-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament (ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003) jinħarġu wkoll f’konformità mal-prinċipji regolatorji tagħha.

    (34)

    Meta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE jitqabblu mal-miżuri nazzjonali notifikati, jirriżulta li dawn ta’ l-aħħar huma aktar restrittivi minn dawk li jinsabu fid-Direttiva, partikolarment fl-aspetti li ġejjin:

    skond id-dispożizzjonijiet tal-Parti B tad-Direttiva 2001/18/KE, ir-rilaxx sperimentali ta’ l-OMĠ mhux soġġett għall-approvazzjoni ta’ kwalunkwe parti terza (bħal bdiewa ġirien, kif stipulat mill-abbozz ta’ Att Pollakk) u kwalunkwe awtoritajiet oħra minbarra l-Awtoritajiet Kompetenti nnominati skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva (bħal muniċipalitajiet lokali, kif stipulat mill-abbozz ta’ Att Pollakk),

    Id-Direttiva 2001/18/KE, tippermetti ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament li huma approvati fil-Komunità. L-Artikoli 13-18 tad-Direttiva jistabbilixxu proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tinkludi l-valutazzjoni ta’ kull notifika individwali għall-OMĠ mill-awtoritajiet kompetenti u, f’ċerti ċirkostanzi, l-awtorizzazzjoni permezz tal-proċedura tal-Kumitat ta’ l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (10). Skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva (“Kunsens”) “(…) jekk biss ingħata kunsens (approvazzjoni) bil-miktub għat-tpoġġija fis-suq ta’ OMĠ bħal jew fi prodott jista’ dak il-prodott jiġi użat mingħajr notifika ulterjuri fil-Komunità sakemm il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ użu u ambjenti u/jew żoni ġeografiċi stipulati f’dawn il-kundizzjonijiet jiġu strettament segwiti.” Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tad-Direttiva (“Ċirkolazzjoni libera”) jistipula li “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jirrifjutaw it-tpoġġija fis-suq ta’ GMOs (OMĠ), bħal jew fi prodotti, li josservaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.”

    (35)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jekk OMĠ jirċievi l-approvazzjoni għall-koltivazzjoni fl-UE skond proċedura prevista fid-Direttiva 2001/18/KE, l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet addizzjonali għall-koltivazzjoni tagħha. Madankollu, l-Att Pollakk jipprojbixxi l-koltivazzjoni tagħhom sakemm mhux allokati għal żoni speċifiċi, ukoll jekk l-ebda restrizzjoni bħal din ma hi stabbilita bl-approvazzjoni bil-miktub maħruġa skond id-Direttiva.

    (36)

    Id-Direttiva 2001/18/KE hija affettwata, peress li l-abbozz ta’ att jirrestrinġi l-koltivazzjoni ta’ l-OMĠ kollha fil-Polonja, filwaqt li d-Direttiva (l-Artikoli 13-18) tipprevedi proċedura li tipprovdi, fuq il-livell tal-KE, analiżi tar-riskju każ b’każ, qabel l-awtorizzazzjoni tat-tqegħid ta’ OMĠ fis-suq.

    (37)

    Ir-restrizzjonijiet proposti tal-koltivazzjoni ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament fil-Polonja joħolqu wkoll ostaklu għat-tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament li kienu jiġu awtorizzati għal dan il-għan skond id-Direttiva 2001/18/KE. L-abbozz ta’ Att għalhekk, ikollu implikazzjoni għal żrieragħ modifikati ġenetikament diġà approvati għat-tqegħid fis-suq taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja kif ukoll approvazzjonijiet fil-ġejjieni.

    (38)

    L-Artikolu 111(2)(5, 6) ta’ l-abboz ta’ Att Pollakk huwa maħsub għar-restrizzjoni tal-koltivazzjoni ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament għal rilaxxi sperimentali. Rilaxxi sperimentali ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament huma rregolati mid-Direttiva 2001/18/KE avolja dan fuq livell nazzjonali aktar milli l-livell Komunitarju. Skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (“Proċedura ta’ awtoriżżazjoni standard”) in-notifika ta’ kull rilaxx sperimentali ta’ l-OMĠ titressaq lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se jsir ir-rilaxx. Skond l-Artikolu 6(8), in-notifikant jista’ jipproċedi bir-rilaxx biss meta jkun irċieva l-kunsens bil-miktub ta’ l-awtorità kompetenti, u konformi ma’ kwalunkwe kundizzjonijiet rikjesti f’dan il-kunsens. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ l-abbozz ta’ Att notifikat, li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi addizzjonali għall-awtorizzazzjoni ta’ rilaxxi bħal dawn, bħaċ-ċertifikazzjonijiet tas-sindku u dikjarazzjonijiet mill-bdiewa ġirien li ma joġġezzjonawx għar-rilaxxi, ikun xi jkun ir-riskju potenzjali, għandhom jitqiesu bħala kontradittorji għad-Direttiva.

    (39)

    L-Artikolu 172(1) jipprojbixxi l-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, jiġifieri l-allokazzjoni ta’ żoni speċifiċi mill-Ministeru ta’ l-Agrikoltura. Din il-projbizzjoni ġenerali hija fi ksur ta’ l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18/KE, li tistipula li jekk ikun ngħata kunsens għat-tqegħid ta’ OMĠ fis-suq, bħala prodott jew fi prodott, dak il-prodott jista’ jintuża mingħajr notifika ulterjuri fil-Komunità sakemm il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ użu u ambjenti u/jew żoni ġeografiċi stipulati f’dawn il-kundizzjonijiet jiġu segwiti strettament. Barra minn hekk, il-projbizzjoni ġenerali ta’ l-abbozz ta’ Att Pollakk, huwa fi ksur ta’ l-Artikolu 22 tad-Direttiva li jistipula li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jirrifjutaw it-tpoġġija fis-suq ta’ GMOs (OMĠ), bħala prodotti jew fi prodotti, li josservaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

    (40)

    Fl-aħħarnett, skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, jekk, fuq il-bażi ta’ informazzjoni ġdida, li ssir disponibbli mid-data tal-kunsens Stat Membru jkollu raġunijiet dettaljati biex jikkunsidra li OMĠ, bħala prodott jew fi prodott li ġie notifikat kif jixraq u rċieva kunsens bil-miktub skond din id-Direttiva 2001/18/KE jikkostitwixxi riskju lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew bejgħ ta’ dak l-OMĠ bħala prodott jew fil-prodotti fit-territorju tiegħu. Din id-dispożizzjoni tindika li l-koltivazzjoni ta’ OMĠ tista’ tkun ipprojbita biss fuq il-bażi ta’ każ b’każ u f’kundizzjonijiet partikolari (tagħrif ġdid li jsir disponibbli mid-data tal-kunsens), mingħajr ma tiġi pprovduta l-bażi għal kwalunkwe Stat Membru sabiex tiġi adotatta projbizzjoni ġenerali fuq il-koltivazzjoni jew kwalunkwe użu ieħor ta’ l-OMĠ.

    (41)

    Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li, kif spjegaw l-awtoritajiet Pollakki fin-notifika tagħhom, l-Artikoli 111(2) (5, 6) u 172 ma humiex kompatibbli mad-Direttiva 2001/18/KE. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ma hemm l-ebda ħtieġa biex jiġu eżaminati aktar skond leġiżlazzjoni Komunitarja oħra u b’mod partikolari skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni. Madankollu, il-valutazzjoni skond id-Direttiva 2001/18/KE mhijiex se tippreġudika l-valutazzjoni dwar il-konformità ta’ l-abbozz ta’ Att notifikat ma’ partijiet oħra tal-liġi tal-Komunità, u speċjalment ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fil-kuntest ta’ proċeduri oħra tal-KE.

    (42)

    L-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE jipprovdi eċċezzjoni għall-prinċipji ta’ l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja u l-unità tas-suq. Skond il-każistika tal-Qorti, kwalunkwe eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja u l-unità tas-suq intern, għandha tiġi interpretata strettament. Għalhekk, l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE trid tiġi interpretata b’tali mod li l-ambitu tagħha ma jiġix estiż lil hinn mill-każijiet li għalihom tipprovdi.

    (43)

    Fid-dawl tal-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Artikolu 95(6) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni, meta teżamina jekk l-abbozzi tal-miżuri nazzjonali notifikati skond l-Artikolu 95(5) humiex iġġustifikati, għandha tieħu bħala bażi “r-raġunijiet” imressqa mill-Istat Membru. Dan ifisser li skond it-Trattat, ir-responsabbiltà biex jiġi ppruvat li dawn il-miżuri huma ġustifikati hija ta’ l-Istat Membru li jressaq it-talba. Minħabba l-qafas proċedurali stabbilit mill-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE, inkluża b’mod partikolari d-data ta’ skadenza stretta għall-adozzjoni ta’ Deċiżjoni, il-Kummissjoni normalment ikollha tillimita ruħha li teżamina r-rilevanza tal-punti li huma ppreżentati mill-Istat Membru li jkun għamel it-talba, mingħajr ma jkollha tfittex hija nfisha ġustifikazzjonijiet possibbli.

    (44)

    Barra minn hekk, u minħabba n-natura eċċezzjonali tal-miżura nazzjonali kkonċernata, ir-responsabbiltà biex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ rekwiżiti li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura bħal din skond l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE, hija ta’ l-Istat Membru li jinnotifika l-miżura.

    (45)

    L-Artikolu 95(5) tat-Trattat jesiġi li meta Stat Membru jqis li tkun meħtieġa l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijeit nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu ġustifikati skond il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin (11).

    evidenza xjentifika ġdida,

    għal raġunijiet ta’ ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol,

    minħabba problema speċifika għal dak l-Istat Membru,

    minħabba l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

    (46)

    Għalhekk, skond l-Artikolu msemmi hawn fuq, l-introduzzjoni ta’ miżuri nazzjonali li mhumiex kompatibbli ma’ miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni, jeħtieġ l-ewwelnett li tkun ġustifikata minn evidenza xjentifika ġdida li tirrigwarda l-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol.

    (47)

    Kif jirriżulta mill-paragrafu 45 ta’ din id-Deċiżjoni, huwa f’idejn l-Istat Membru li jkun talab għal deroga, li jipprovdi evidenza xjentifika ġdida b’appoġġ tal-miżura notifikata.

    (48)

    Il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Polonja (test tan-notifika, paġni 3-5) huma li:

    l-inċertezza fl-ewwel stadju tar-riċerka meta l-organiżmu l-ġdid modifikat ġenetikament jiġi f’kuntatt ma’ l-ambjent, meta l-effett ta’ organiżmu modifikat ġenetikament bħal dan fuq l-ambjent ma jkunx magħruf u potenzjalment ikun ta’ ħsara,

    il-ħtieġa li tiġi limitata l-koltivazzjoni ta’ pjanti modifikati ġenetikament għal żoni li ma fihomx elementi ta’ valur mil-lat ta’ konservazzjoni naturali u li l-istruttura agrarja tagħhom tippermetti l-koltivazzjoni sikura tal-pjanti tranżġeniċi, mingħajr ma tagħmel ħsara lill-operat ta’ bdiewa oħra,

    il-ħtieġa li jiġi sodisfatti l-aspettattivi tas-soċjetà Pollakka, filwaqt li tħassib dwar il-koltivazzjoni ta’ pjanti MĠ huwa l-aktar assoċjat ma’ l-impossibbiltà li jiġi eliminat għal kollox ir-riskju tal-kontaminazzjoni ta’ l-għelejjel mit-taħlit,

    livell għoli ta’ frammentazzjoni tal-biedja Pollakka, fejn mhux possibbli li l-għelejjel MĠ jiġu iżolati minn għelejjel konvenzjonali u organiċi, u dan jista’ wkoll jippreżenta r-riskju ta’ l-introduzzjoni mhux kontrollata tal-pjanti tranżġeniċi fil-koltivazzjoni li twassal għal telf għall-bdiewa,

    il-fatt li l-bdiewa Pollakki jżommu lura mill-koltivazzjoni ta’ l-OMĠ, speċjalment minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kumpens għal telf agrikolu li jista’ jirriżulta mit-taħlit mhux kontrollat tal-varjetajiet, filwaqt li fil-preżent ma jeżistux dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-koeżistenza tat-tliet forom ta’ agrikoltura (konvenzjonali, organika u dik marbuta mal-pjanti tranżġeniċi).

    (49)

    Mill-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Polonja, jirriżulta li l-awtoritajiet Pollakki ma jagħmlu l-ebda referenza għal kwalunkwe informazzjoni ġdida marbuta mal-ħarsien ta’ l-ambjent fin-notifika tagħhom jew fin-nota ta’ spjegazzjoni li takkumpanjaha. Il-ġustifikazzjonijiet tagħhom jirrigwardaw kwistjonijiet usa’ bħall-inċertezza fl-ewwel stadju tar-riċerka, il-konservazzjoni tan-natura u l-kwistjoni tar-responsabbiltà. Ma hemm l-ebda referenza għal kwalunkwe studji xjentifiċi ġodda, riċerki, letteratura jew kwalunkwe sejbiet possibbli li setgħu ħarġu wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE u evidenza ġdida li tirrigwarda l-ħarsien ta’ l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol.

    (50)

    F’dawk iċ-ċirkostanzi, fl-assenza ta’ element xjentifiku ġdid, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni biex tressaq in-notifika lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta’ l-Ikel, EFSA u titlobha l-opinjoni, skond l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2001/18/KE.

    (51)

    Minħabba l-fatt li t-tressiq ta’ evidenza xjentifika ġdida tikkostitwixxi kundizzjoni kumulattiva biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE, in-nuqqas tagħha għandha bħala konsengwenza iċ-ċaħda tan-notifika mingħajr il-ħtieġa ta’ eżaminar ulterjuri dwar jekk kundizzjonijiet oħra ġewx sodisfatti.

    6.   KONKLUŻJONI

    (52)

    L-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE jesiġi li, jekk Stat Membri jqis li tkun meħtieġa l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali b’deroga mill-miżuri Komunitarji ta’ l-armonizzazzjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali jridu jkunu ġustifikati minn evidenza xjentifika ġdida li tirrigwarda l-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, irid ikun hemm problema speċifika għall-Istat Membru li jressaq it-talba, u l-problema trid tkun qamet wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

    (53)

    In-notifika Pollakka ma tipprovdi l-ebda evidenza xjentifika ġdida dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, li setgħu irriżultaw wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE, dwar ir-rilaxx intenzjonat ta’ ĠMOs fl-ambjent, u li tinneċessita l-introduzzjoni tal-miżuri nazzjonali notifikati.

    (54)

    B’konsegwenza, it-talba mill-Polonja għall-introduzzjoni ta’ l-Artikoli 111(2) (5, 6) u 172 immirata lejn id-derogar mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx sperimentali u l-koltivazzjoni ta’ l-OMĠ fil-Polonja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 95(5).

    (55)

    Fid-dawl ta’ l-elementi li kienu għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tivvaluta l-merti tal-ġustifikazzjonijiet imressqa għall-miżuri nazzjonali notifikati, u fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-talba tal-Polonja biex tintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw mid-Direttiva 2001/18/KE, imressqa fit-13 ta’ April 2007, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE, peress li l-Polonja ma pprovdietx evidenza xjentifika ġdida marbuta mal-ħarisen ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol minħabba problema speċifika għall-Polonja.

    (56)

    Il-Kummissjoni għalhekk tqis li d-dispożizzjonijijet nazzjonali notifikati ma jistgħux jiġu approvati skond l-Artikolu 95(6) tat-Trattat.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikoli 111(2)(5, 6) u 172 ta’ l-abbozz ta’ Liġi dwar l-Organiżmi Modifikati Ġenetikament notifikati mill-Polonja skond l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE, huma miċħuda.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

    Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Ottubru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).

    (2)  ĠU C 173, 26.7.2007, p. 8.

    (3)  Intbagħtu kummenti mill-Latvja, l-EwropaBijo, l-Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żrieragħ u l-Greenpeace. Barra minn hekk intbagħtu wkoll kummenti minn diversi individwi, assoċjazzjonijiet u istituzzjonijiet professjonali mill-Polonja.

    (4)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1. Ir-Regolament emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1981/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 99).

    (5)  ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15. Id-Direttiva mħassra bid-Direttiva 2001/18/KE.

    (6)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1. Ir-Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (7)  ĠU L 213, 21.7.1982, p. 8. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/116/KE (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 81).

    (8)  ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1800/2004 (ĠU L 317, 16.10.2004, p. 37).

    (9)  ĠU L 189, 29.7.2003, p. 36.

    (10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

    (11)  Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, C-439/05 P u C-454/05 P, paragrafi 56 sa 58.


    Top