Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0047

    2008/47/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 li tapprova l-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq il-karawett u prodotti li ġejjin minnu għal dik li hija preżenza ta’ aflatossini (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6451) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 11, 15.1.2008, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/07/2015; Imħassar b' 32015R0949

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/47(1)/oj

    15.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 11/12


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

    li tapprova l-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq il-karawett u prodotti li ġejjin minnu għal dik li hija preżenza ta’ aflatossini

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6451)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/47/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, is-saħħa ta’ l-annimali u r-regoli dwar il-benessri ta’ l-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 23(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fi prodotti ta’ l-ikel (2) jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta’ aflatossini fil-prodotti ta’ l-ikel. Il-prodotti ta’ l-ikel li huma konformi mal-livell massimu biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali jitwettqu regolarment, fuq bażi ta’ riskju u bi frekwenza xierqa biex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament, jiġifieri fost l-oħrajn li jiġu pprevenuti, eliminati jew imnaqqsa sa livelli aċċettabbli r-riskji lill-bnedmin u l-annimali.

    (3)

    L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li l-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa minn pajjiż terz fuq l-ikel u l-għalf minnufih qabel l-esportazzjoni lejn il-Komunità biex jiġi vverifikat li l-prodotti esportati huma konformi mar-rekwiżiti tal-Komunità jistgħu jiġu approvati.

    (4)

    Din l-approvazzjoni tista’ tingħata biss lil pajjiż terż wara li verifika mill-Komunità turi li l-ikel jew l-għalf esportat lill-Komunità jissodisfa r-rekwiżiti tal-Komunità jew rekwiżiti ekwivalenti u li l-kontrolli mwettqa fil-pajjiż terz qabel ma ssir il-kunsinna jitqiesu effettivi u effiċjenti biżżejjed biex jissostitwixxu jew inaqqsu l-kontrolli ta’ dokumenti, ta’ identità u dawk fiżiċi stipulati fil-liġi tal-Komunità.

    (5)

    L-Istati Uniti ta’ l-Amerika bagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’April ta’ l-2005 biex tikseb approvazzjoni tal-verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq it-tniġġis mill-aflotossina fil-karawett u prodotti derivati intiżi għall-esportazzjoni lill-Komunità.

    (6)

    L-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (“UAV”) wettaq missjoni fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika mit-18 sat-22 ta’ Settembru 2006 biex jivvaluta s-sistemi ta’ kontroll li jeżistu għall-prevenzjoni tal-livelli ta’ tniġġis ta’ aflatossini fil-karawett u prodotti derivati u biex jivverifika li l-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni għal dawn il-prodotti lejn il-Komunità jiżguraw li dawn il-prodotti huma konformi mar-rekwiżiti tal-Komunità. Il-konklużjoni kienet li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandhom sistema ta’ kontroll iddefinita tajjeb għal-livelli ta’ aflatossini fil-karawett u laboratorji approvati li jiffunzjonaw tajjeb. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika taw impenn u ħadu azzjoni biex jindirizzaw in-nuqqasijiet żgħar li ġew osservati.

    (7)

    Huwa għalhekk xieraq li tingħata l-approvazzjoni għall-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq il-karawett u prodotti derivati filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta’ aflatossini tal-Komunità.

    (8)

    L-Istati Membri huma meħtieġa bl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jirregolaw il-frekwenza tal-verifiki fiżiċi fuq l-importazzjonijiet mar-riskju marbut mal-kategoriji differenti ta’ ikel u filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħra, il-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ta’ oriġini ta’ l-ikel ikkonċernat. Il-verifiki sistematiċi ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa taħt l-awtorità ta’ l-USDA b’konformità ma’ l-approvazzjoni tal-Komunità skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ Istati Membri garanziji sodi. Bħala konsegwenza, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-frekwenza tal-verifiki fiżiċi mwettqa fuq dawn il-prodotti għal livell li jixraq dawn il-garanziji.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni ta’ verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni

    Il-verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni fir-rigward ta’ l-aflatossini mwettqa mid-Dipartiment ta’ l-Agrikolutura ta’ l-Istati Uniti (USDA) minnufih qabel l-esportazzjoni lejn il-Komunità, huma approvati għall-prodotti ta’ l-ikel li ġejjin u prodotti derivati minnhom (minn issa ‘l quddiem imsejħa prodotti ta’ l-ikel):

    (a)

    karawett li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 1202 10 90 jew 1202 20 00;

    (b)

    karawett li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2008 11 94 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ aktar minn 1 kg) jew 2008 11 98 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ mhux aktar minn 1 kg);

    (ċ)

    karawett inkaljat li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2008 11 92 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ aktar minn 1 kg) jew il-kodiċi NM 2008 11 96 (ippakkjat għall-konsum b’kontenut nett ta’ mhux aktar minn 1 kg);

    L-approvazzjoni tal-verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni tapplika biss għall-karawett elenkat fl-ewwel paragrafu, li jiġi prodott fuq it-territorju ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

    Artikolu 2

    Kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni

    1.   Kull kunsinna għandu jkollha magħha:

    (a)

    ir-riżultati tat-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi magħmula minn laboratorju approvat mill-USDA mwettqa bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 jew ma’ l-ekwivalenti tagħhom li jistipulaw il-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-mikotossini fil-prodotti ta’ l-ikel (3).

    (b)

    ċertifikat (4) stabbilit fl-Anness, mimli, iffirmat u vverifikat minn rappreżentant awtorizzat ta’ l-USDA għall-prodotti ta’ l-ikel mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

    2.   Kull kunsinna ta’ prodotti ta’ l-ikel għandha tiġi identifikata b’kodiċi li jikkorrispondi mal-kodiċi fuq ir-rapport tar-riżultati tat-teħid ta’ kampjuni u analiżi u fuq iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu. Kull borża individwali, jew forma oħra ta’ ippakkjar, tal-kunsinna għandha tiġi identifikata ma’ dan il-kodiċi.

    3.   Iċ-ċertifikat ipprovdut fil-punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu għandu jkun validu biss għall-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ l-ikel fil-Komunità mhux aktar tard minn erba’ xhur mid-data ta’ ħruġ taċ-ċertifikat.

    Artikolu 3

    Qsim ta’ kunsinna

    F’każ li kunsinna tinqasam, il-kopji taċ-ċertifikat stipulat fl-Artikolu 2 (1) (b) ivverifikati mill-Awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-qsim ikun sar, għandhom jakkompanjaw kull parti tal-kunsinna maqsuma sa l-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa, dan l-istess stadju inkluż. Il-kopji vverifikati taċ-ċertifikat jistgħu wkoll jiġu pprovduti mill-awtorità kompetenti fil-mument tal-ħruġ għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa f’każ li l-operatur kummerċjali tal-prodotti ta’ l-ikel juri li għandu l-ħsieb li jaqsam il-kunsinna.

    Artikolu 4

    Kontrolli Uffiċjali

    Il-verifika tad-dokumenti, kif imsemmi fl-Artikolu 16 (1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, għandha titwettaq fil-punt ta’ l-ewwel wasla fil-Komunità u xhieda ta’ din il-verifika għandha tinsab flimkien mal-kunsinna.

    Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16 paragrafu 2 (d) u l-Artikolu 23 paragrafu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-frekwenza tal-verifiki fiżiċi tal-kunsinni tal-prodotti ta’ l-ikel imsemmija fl-Artilkolu 1 ta’ dan ir-Regolament li jridu jitwettqu mill-Istati Membri għandhom jitnaqqsu b’mod sinifikanti bil-kundizzjoni li jitħarsu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2007.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

    (2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1126/2007 (ĠU L 255, 29.9.2007, p. 14).

    (3)  ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12.

    (4)  Ċertifikat ibbażat fuq il-mudell standard stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/240/KE tas-16 ta’ April 2007 li jistabbilixxi ċertifikati veterinarji ġodda għall-importazzjoni ta’ annimali ħajjin, semen, embrijuni, ova u prodotti li ġejjin mill-annimali lejn il-Komunità (ĠU L 104, 21.4.2007, p. 37). In-noti ta’ spjegazzjoni fuq iċ-ċertfikat imsemmi fl-Anness I tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq huma wkoll rilevanti għaċ-ċertifikat stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, iċ-ċertfikazzjoni tista’ tiġi pprovduta b’mod elettroniku fil-ġejjieni, wara li jintlaħaq ftehim dwar il-modalitajiet prattiċi.


    ANNESS

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top