EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1459

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1459/2007 ta’ l- 10 ta’ Diċembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1858/2005 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ħbula, u ċimi, ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia , mill-Afrika t’Isfel

ĠU L 326, 12.12.2007, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/11/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1459/oj

12.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 326/18


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1459/2007

ta’ l-10 ta’ Diċembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1858/2005 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ħbula, u ċimi, ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia, mill-Afrika t’Isfel

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, preżentati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   L-INVESTIGAZZJONI PREĊEDENTI U MIŻURI EŻISTENTI

(1)

F’Awwissu ta’ l-1999, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1796/1999 (2), impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ħbula, u ċimi, ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia, mill-Afrika t’Isfel.

(2)

F’Novembru 2005, wara reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1858/2005 (3) iddeċieda li għandhom jinżammu l-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġina, inter alia, mill-Afrika t’Isfel.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni 1999/572/KE (4), il-Kummissjoni aċċettat impenn dwar prezzijiet minn kumpanija mill-Afrika t’Isfel, Scaw Metals Group Haggie Steel Wire Rope (“il-kumpanija”).

(4)

Bħala riżultat ta’ dan, l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott konċernat li joriġina mill-Afrika t’Isfel, immanifatturat mill-kumpanija u ta’ tip ta’ prodott kopert mill-impenn (“il-prodott kopert”) kienu eżentati mid-dazji definittivi antidumping.

(5)

F’dan ir-rigward għandu jiġi notat li ċerti tipi ta’ ħbula, u ċimi, ta’ l-azzar attwalment prodotti mill-kumpanija ġew esklużi mill-ambitu ta’ l-impenn. Għalhekk, ħbula, u ċimi, ta’ l-azzar bħal dawn kienu suġġetti għall-ħlas tad-dazju antidumping meta daħlu fiċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità.

B.   NUQQAS TA’ KONFORMITÀ MA’ L-IMPENN

(6)

L-impenn offrut mill-kumpanija jobbligaha sabiex, inter alia, tesporta l-prodott kopert lejn il-Komunità Ewropea bi prezz ogħla minn ċerti prezzijiet minimi (MIPs) kif mistqarr fl-impenn.

(7)

Ġie rikonoxxut mill-kumpanija li, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eżenzjoni mid-dazji antidumping mogħtija mill-impenn, eżenzjoni bħal din għandha tingħata bil-kundizzjoni li titressaq “fattura ta’ l-impenn” lis-servizzi doganali tal-Komunità. Barra minn hekk, il-kumpanija ntrabtet li ma toħroġx fatturi ta’ impenn għall-bejgħ ta’ dawk it-tipi ta’ prodott konċernat li mhumiex koperti mill-impenn u li huma għalhekk obbligati li jħallsu d-dazju antidumping. Il-kumpanija tagħraf ukoll li l-fatturi ta’ l-impenn maħruġa kellhom jinkludu t-tagħrif stipulat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1858/2005.

(8)

It-termini ta’ l-impenn jobbligaw ukoll lill-kumpanija sabiex tipprovdi lill-Kummissjoni b’tagħrif regolari u ddettaljat, fil-forma ta’ rapport kull tlett xhur tal-bejgħ tagħha tal-prodott konċernat lill-Komunità Ewropea. Rapporti bħal dawn kellhom jinkludu l-prodotti koperti mill-impenn li bbenefikaw mill-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazju antidumping, kif ukoll dawk it-tipi ta’ ħbula, u ċimi, ta’ l-azzar li mhumiex koperti mill-impenn u li għalhekk huma suġġetti għad-dazju antidumping.

(9)

Jidher ċar li r-rapporti tal-bejgħ imsemmija hawnhekk għandhom ikunu, kif ġie mressaq, kompleti, eżawrjenti u korretti fid-dettalji kollha u li t-tranżazzjonijiet jikkonformaw bis-sħiħ mat-termini ta’ l-impenn.

(10)

Bl-għan li tiżgura konformità ma’ l-impenn, il-Kumpanija ntrabtet ukoll li tippermetti żjarat ta’ verifika fuq il-post fl-istabbiliment tagħha sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza u l-veraċità tad-data ppreżentata fir-rapporti msemmija ta’ kull tlett xhur u sabiex tipprovdi t-tagħrif kollu meqjus bħala meħtieġ mill-Kummissjoni.

(11)

Għandu jiġi notat li l-kumpanija kienet diġà rċeviet ittra ta’ twissija mis-servizzi tal-Kummissjoni fit-28 ta’ Ottubru 2003 minħabba li kisret l-impenn billi ħarġet fatturi ta’ l-impenn għal prodotti li mhumiex koperti mill-impenn iżda minflok huma suġġetti għall-miżuri antidumping. L-ittra ta’ twissija stqarret li fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom sar dan il-ksur ma kienx hemm il-ħsieb li tkun irtirata l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn, iżda ġie enfasizzat li kull ksur sussegwenti ta’ l-impenn, anki ta’ natura żgħira, jagħmilha diffiċli għall-Kummissjoni li żżomm l-aċċettazzjoni ta’ l-impenn mill-kumpanija.

(12)

Saret żjara ta’ verifika fil-5-6 ta’ Frar 2007 fl-istabbiliment tal-kumpanija fl-Afrika t’Isfel.

(13)

Iż-żjara ta’ verifika lill-kumpanija stabbilixxiet li l-kumpanija ħarġet fatturi ta’ l-impenn għal ħbula, u ċimi, ta’ l-azzar li mhumiex koperti mill-impenn iżda minflok huma suġġetti għall-miżuri antidumping. Stabbilixxiet ukoll li l-kumpanija naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta l-MIP f’okkażjoni waħda. Barra minn hekk, il-kumpanija ħarġet fatturi ta’ l-impenn li mhumiex konformi ma’ l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1858/2005. Barra dan, matul iż-żjara ta’ verifika, ġie stabbilit li r-rapporti ta’ bejgħ ta’ l-impenn ta’ kull tliet xhur kif imressqa mill-kumpanija ma kinux kompleti, eżawrjenti u korretti fid-dettalji kollha.

(14)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/1459/KE (5) tistipula f’aktar dettall in-natura tal-ksur li nstab,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2 u l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1858/2005 huma b’dan imħassra, u l-Artikolu 1(6) tiegħu huwa b’dan rinumerat bħala l-Artikolu 1(5), u l-Artikolu 3 tiegħu wkoll huwa b’dan rinumerat bħala l-Artikolu 2.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005, (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 217, 17.8.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1674/2003, (ĠU L 238, 25.9.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 299, 16.11.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 121/2006, (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 1).

(4)  ĠU L 217, 17.8.1999, p. 63. Id-Deċiżjoni kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/38/KE, (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 54).

(5)  Ara paġna 18 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top