This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007R0861
Regulation (EC) No 861/2007 of the European Parliament and of the Council of 11 July 2007 establishing a European Small Claims Procedure
Regolament (KE) NRU 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar
Regolament (KE) NRU 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar
ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/07/2017
31.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 199/1 |
REGOLAMENT (KE) NRU 861/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ Lulju 2007
li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 61(ċ) u 67 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Il-Komunità stabbilixxiet għaliha nnifisha l-għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih ikun żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għall-istabbiliment gradwali ta’ tali spazju, huwa meħtieġ li l-Komunità tadotta, inter alia, miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali u li jkunu meħtieġa għall-funzjonament korrett tas-suq intern. |
(2) |
Skond l-Artikolu 65(ċ) tat-Trattat, dawk il-miżuri għandhom jinkludu miżuri li jeliminaw l-ostakoli għall-funzjonament korrett ta’ proċedimenti ċivili, jekk meħtieġ permezz tal-promozzjoni tal-kompatibbiltà ta’ regoli dwar proċedura ċivili applikabbli fl-Istati Membri. |
(3) |
F’dan ir-rigward, il-Komunità diġà adottat, fost miżuri oħra, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (4), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (5), ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (6) u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (7). |
(4) |
Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 stiednet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jistabbilixxu regoli proċedurali komuni għal-litigazzjoni transkonfinali simplifikata u aċċelerata dwar talbiet żgħar imressqa mill-konsumaturi jew dawk kummerċjali. |
(5) |
Fit-30 ta’ Novembru 2000, il-Kunsill adotta programm konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (8). Il-programm jirriferi għas-simplifikazzjoni u aċċelerament tar-risoluzzjoni tal-litigazzjoni transkonfinali dwar talbiet żgħar. Dan tmexxa ‘l quddiem mill-Programm ta’ l-Aja (9), adottat mill-Kunsill Ewropew fil-5 ta’ Novembru 2004, li sejjaħ sabiex ix-xogħol marbut mat-talbiet żgħar jitmexxa ‘l quddiem b’mod attiv. |
(6) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropew u dwar miżuri maħsuba sabiex jissimplifikaw u jaċċeleraw il-litigazzjoni dwar talbiet żgħar. Il-Green Paper varat konsultazzjoni dwar miżuri li jikkonċernaw is-simplifikazzjoni u l-aċċelerament ta’ litigazzjoni dwar talbiet żgħar. |
(7) |
Bosta Stati Membri introduċew proċeduri ċivili simplifikati għal talbiet żgħar billi l-ispejjeż, id-dewmien u l-komplessitajiet konnessi mal-litigazzjoni mhux neċessarjament jonqsu b’mod proporzjonali mal-valur tat-talba. L-ostakli għall-kisba ta’ deċiżjoni rapida u mhux għalja huma aggravati f’każijiet transkonfinali. B’hekk jeħtieġ li tiġi stabbilita Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Huwa meħtieġ li l-għan ta’ tali proċedura jkun il-faċilitazzjoni ta’ l-aċċess għall-ġustizzja. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ikkawżata mill-iżbilanċi fir-rigward tal-funzjonament tal-mezzi proċedurali mogħtija lill-kredituri fi Stati Membri differenti toħloq il-ħtieġa ta’ leġislazzjoni Komunitarja li tiggarantixxi l-parità fil-kondizzjonijiet għall-kredituri u d-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha. Meta jiġu ffissati l-ispejjeż imposti għat-trattament ta’ talba taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, għandu jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-prinċipji tas-sempliċità, tar-rapidità u tal-proporzjonalità. Huwa kunsiljabbli li jkollhom isiru pubbliċi d-dettalji ta’ l-ispejjeż li jiġu imposti, u li jkunu trasparenti l-mezzi li bihom tiġi stabbilita kwalunkwe spiża bħal dawn. |
(8) |
Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tissimplifika u taċċelera l-litigazzjoni dwar talbiet żgħar f’każijiet transkonfinali, filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż, billi toffri strument fakultattiv addizzjonali għall-possibbiltajiet li jeżistu taħt il-liġijiet ta’ l-Istati Membri, li mhumiex sejrin jintlaqtu. Dan ir-Regolament għandu wkoll jagħmilha aktar sempliċi li jinkiseb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fi Stat Membru ieħor. |
(9) |
Dan ir-Regolament huwa maħsub sabiex jippromwovi d-drittijiet fundamentali u jieħu kont, partikolarment, tal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa meħtieġ li l-qorti jew it-tribunal jirrispettaw id-dritt għal smigħ ġust u l-prinċipju ta’ proċess kontenzjuż, b’mod partikolari meta jiddeċiedu dwar il-ħtieġa ta’ seduta u dwar il-mezzi tal-prova u l-limiti xierqa għat-teħid tal-prova. |
(10) |
Sabiex jiġi ffaċilitat il-kalkolu tal-valur ta’ talba, m’għandhomx jitqiesu l-interessi, l-ispejjeż u l-infiq kollha. Dan ma għandu jinċidi la fuq is-setgħa tal-qorti jew tat-tribunal li jimponuhom fis-sentenzi tagħhom u lanqas fuq ir-regoli nazzjonali dwar il-kalkolu ta’ l-interessi. |
(11) |
Huwa meħtieġ, sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, li l-attur jibda l-applikazzjoni billi jimla formola tat-talba standard u jippreżentaha fil-qorti jew fit-tribunal. Il-formola tat-talba għandha tiġi ppreżentata biss lil qorti jew tribunal li jkollhom ġurisdizzjoni. |
(12) |
Huwa meħtieġ li l-formola tat-talba tkun akkumpanjata, fejn ikun il-każ, minn kwalunkwe dokument rilevanti ta’ sostenn. Madankollu, huwa meħtieġ li dan ma jwaqqafx lill-attur milli jippreżenta, fejn ikun il-każ, provi ulterjuri matul il-proċedura. L-istess prinċipju għandu japplika għar-risposta mill-konvenut. |
(13) |
Huwa meħtieġ li l-kunċetti ta’ “manifestament mingħajr bażi” u “inammissibbli” fil-kuntest taċ-ċaħda ta’ talba jew ta’ applikazzjoni jiġu determinati b’mod konformi mal-liġi nazzjonali. |
(14) |
Huwa kunsiljabbli li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tkun bil-miktub, sakemm seduta orali ma tkunx kunsidrata meħtieġa mill-qorti jew tribunal jew sakemm ma tiġix mitluba minn xi parti. Huwa meħtieġ li l-qorti jew it-tribunal ikunu jistgħu jiċħdu tali rikjesta. M’għandux ikun possibbli li tali ċaħda tiġi kkontestata separatament. |
(15) |
Il-partijiet ma għandhomx ikunu obbligati li jkunu rappreżentati minn avukat jew minn xi professjonist legali ieħor. |
(16) |
Huwa meħtieġ li l-kunċett ta’ “kontrotalba” jiġi interpretat fis-sens ta’ l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 fis-sens li din tibbaża ruħha fuq l-istess kuntratt jew fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali. L-Artikoli 2 u 4 kif ukoll l-Artikolu 5(3), (4) u (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kontrotalbiet. |
(17) |
F’każijiet fejn il-konvenut jallega dritt ta’ tpaċija, tali talba m’għandhiex tikkostitwixxi kontrotalba għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, il-konvenut m’għandux ikun obbligat juża l-formola standard A, kif tinsab fl-Anness I, sabiex jinvoka tali drittijiet. |
(18) |
L-Istat Membru destinatarju għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ikun l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika jew fejn għandu jintbagħat id-dokument. Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u d-dewmien, huwa meħtieġ li n-notifika tad-dokumenti ssir lill-partijiet primarjament permezz tas-servizz postali attestata permezz ta’ riċevuta, inkluża d-data tar-riċevuta. |
(19) |
Huwa kunsiljabbli li parti tkun tista’ tirrifjuta li taċċetta dokument fil-ħin tan-notifika jew billi tirritorna d-dokument fi żmien ġimgħa jekk ma jkunx miktub bil-lingwa uffiċjali, jew akkumpanjat minn traduzzjoni bil-lingwa uffiċjali, ta’ l-Istat Membru destinatarju (jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn in-notifika jkollha isseħħ jew fejn id-dokument ikollu jintbagħat) jew b’lingwa li d-destinatarju jifhem. |
(20) |
Huwa meħtieġ li fil-kuntest tas-seduta orali u tat-teħid tal-prova, l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-użu tat-teknoloġija moderna tal-komunikazzjoni suġġett għal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn il-qorti jew it-tribunal ikollhom is-sede. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jużaw mezzi ta’ teħid ta’ provi li jkunu l-aktar sempliċi u li jiswew l-inqas. |
(21) |
Huwa meħtieġ li l-assistenza prattika, li għandha tkun disponibbli lill-partijiet sabiex jimlew il-formoli ta’ applikazzjoni, tinkludi informazzjoni teknika dwar id-disponibbiltà u l-mili tagħhom. |
(22) |
Huwa meħtieġ li l-persunal tal-qorti jew tat-tribunal ikun jista’ jagħti informazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali b’mod konformi mal-liġi nazzjonali. |
(23) |
Fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament li jissimplifika u li jaċċelera l-litigazzjoni dwar talbiet żgħar f’każijiet transkonfinali, huwa meħtieġ li l-qorti jew it-tribunal jaġixxu malajr kemm jista’ jkun anki f’każijiet fejn dan ir-Regolament ma jippreskrivi l-ebda limitu ta’ żmien għal xi fażi speċifika tal-proċedura. |
(24) |
Għall-finijiet tal-kalkolu tal-limiti ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament, għandu jiġi applikat ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien (10). |
(25) |
Huwa meħtieġ, sabiex jiġi aċċelerat l-irkupru fir-rigward ta’ talbiet żgħar, li s-sentenza tkun eżegwibbli minkejja kull possibbiltà ta’ appell u mingħajr il-kondizzjoni ta’ l-għotja ta’ garanzija ħlief skond kif inhu previst f’dan ir-Regolament. |
(26) |
Huwa meħtieġ li kwalunkwe referenza f’dan ir-Regolament għal appell tinkludi kull mezz possibbli ta’ appell disponibbli taħt il-liġi nazzjonali. |
(27) |
Huwa meħtieġ li l-qorti jew it-tribunal jinkludu persuna kwalifikata sabiex isservi bħala imħallef skond il-liġi nazzjonali. |
(28) |
Huwa meħtieġ li kull meta l-qorti jew it-tribunal ikunu meħtieġa jistabbilixxu skadenza, il-parti konċernata tiġi mgħarrfa bil-konsegwenzi jekk ma tiġix rispettata dik l-iskadenza. |
(29) |
Huwa xieraq li l-parti telliefa tħallas l-ispejjeż tal-kawża. L-ispejjeż tal-kawża għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-liġi nazzjonali. B’kont meħud ta’ l-objettivi tas-sempliċità u ta’ l-effikaċja meta mqabbla ma’ l-ispejjeż, huwa kunsiljabbli li l-qorti jew it-tribunal jordnaw li parti telliefa tkun obbligata tħallas biss għall-ispejjeż tal-kawża, inkluża per eżempju kwalunkwe spiża li tirriżulta mill-fatt li l-parti l-oħra kienet rappreżentata minn avukat jew professjonist legali ieħor, jew kwalunkwe spiża li tirriżulta min-notifika jew mit-traduzzjoni ta’ dokumenti, li jkunu proporzjonati għall-valur tat-talba jew li jkunu neċessarjament tħallsu. |
(30) |
Sabiex jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, huwa meħtieġ li sentenza mogħtija fi Stat Membru fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tiġi rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà u mingħajr l-ebda possibbiltà li jiġi oppost ir-rikonoxximent tagħha. |
(31) |
Hemm il-ħtieġa ta’ standard minimi għar-reviżjoni ta’ sentenza f’sitwazzjonijiet fejn il-konvenut ma setax jikkontesta t-talba. |
(32) |
B’kont meħud ta’ l-objettivi ta’ sempliċità u ta’ effikaċja meta mqabbla ma’ l-ispejjeż, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni m’għandhiex tkun meħtieġa li jkollha rappreżentant awtorizzat jew indirizz postali fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni, ħlief fir-rigward ta’ aġenti bil-kompetenza għall-proċedura ta’ l-eżekuzzjoni skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. |
(33) |
Huwa meħtieġ li l-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament japplika wkoll għad-determinazzjoni ta’ l-ispejjeż u l-infiq li jkunu saru minn uffiċjali tal-qorti jew tat-tribunal minħabba sentenzi mogħtija skond il-proċedura speċifikata f’dan ir-Regolament. |
(34) |
Huwa meħtieġ li l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (11). |
(35) |
B’mod partikolari huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex taġġorna jew tagħmel emendi tekniċi fil-formoli li jinsabu fl-Annessi. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfasslin sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament u/jew sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament biż-żieda ta’ elementi mhux essenzjali ġodda, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
(36) |
Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ proċedura li tissimplifika u taċċelera l-litigazzjoni dwar talbiet żgħar f’każijiet transkonfinali, u li tnaqqas l-ispejjeż, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
(37) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda, konformement ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, taw avviż dwar ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(38) |
Konformement ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, u lanqas ma hija marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura Ewropea għal talbiet żgħar (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar”), bil-ħsieb li tissimplifika u taċċelera l-litigazzjoni dwar talbiet żgħar f’każijiet transkonfinali, u li tnaqqas l-ispejjeż. Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandu jkun disponibbli għal-litiganti bħala alternattiva għall-proċeduri eżistenti taħt il-liġijiet ta’ l-Istati Membri.
Dan ir-Regolament jelimina wkoll il-proċedimenti intermedji meħtieġa għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, fi Stati Membri oħra, ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika, f’każijiet transkonfinali, għal materji ċivili u kummerċjali, irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal, fejn il-valur ta’ talba ma jaqbiżx l-EUR 2 000 fiż-żmien meta l-qorti jew it-tribunal kompetenti jirċievu l-formola tat-talba, esklużi l-interessi, l-ispejjeż u l-infiq kollha. M’għandux japplika, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul pubbliku, dwana jew għal materji amministrativi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (“acta jure imperii”).
2. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal materji li jirrigwardaw:
(a) |
l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi; |
(b) |
drittijiet ta’ proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali, obbligi ta’ manteniment u suċċessjoni; |
(ċ) |
il-falliment, proċedimenti relatati ma’ l-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjali, kompożizzjonijiet u proċedimenti analogi; |
(d) |
is-sigurtà soċjali; |
(e) |
l-arbitraġġ; |
(f) |
il-liġi dwar l-impjiegi; |
(g) |
il-kiri ta’ proprjetà immobbli, ħlief azzjonijiet dwar talbiet monetarji; |
(h) |
il-ksur tad-dritt għall-ħajja privata u ta’ drittijiet relatati mal-personalità, inkluża d-diffamazzjoni. |
3. F’dan ir-Regolament, it-terminu “Stat Membru” għandu jfisser Stati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.
Artikolu 3
Każijiet transkonfinali
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru divers mill-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal fejn tkun saret it-talba.
2. Id-domiċilju għandu jiġi stabbilit skond l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001.
3. Il-mument rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx każ transkonfinali għandu jkun id-data li fiha tiġi riċevuta l-formola tat-talba mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti.
KAPITOLU II
IL-PROĊEDURA EWROPEA GĦAL TALBIET ŻGĦAR
Artikolu 4
Bidu tal-Proċedura
1. L-attur għandu jagħti bidu għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar billi jimla l-formola tat-talba standard A, kif tinsab fl-Anness I, u jippreżentaha fil-qorti jew fit-tribunal kompetenti direttament, bil-posta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, bħall-fax jew bħall-posta elettronika, aċċettabbli għall-Istat Membru fejn tinbeda l-proċedura. Il-formola tat-talba għandha tinkludi deskrizzjoni tal-provi li jappoġġaw it-talba u tkun akkumpanjata, skond il-każ, minn kwalunkwe dokumenti rilevanti ta’ sostenn.
2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar liema mezzi ta’ komunikazzjoni ikunu aċċettabbli għalihom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel tali informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.
3. Fejn talba ma taqax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, il-qorti jew it-tribunal għandhom jgħarrfu lill-attur b’dan. Sakemm l-attur ma jirtirax it-talba, il-qorti jew it-tribunal għandhom jipproċedu bit-talba skond il-liġi proċedurali rilevanti applikabbli fl-Istat Membru fejn titmexxa l-proċedura.
4. Fejn il-qorti jew it-tribunal jikkunsidraw li l-informazzjoni pprovduta mill-attur ma tkunx suffiċjentement ċara jew adegwata jew jekk il-formola tat-talba ma tkunx ġiet mimlija sew, u sakemm it-talba ma tkunx tidher manifestament mingħajr bażi jew l-applikazzjoni ma tkunx tidher inammissibbli, huma għandhom jagħtu lill-attur l-opportunità li jimla jew jirrettifika l-formola tat-talba jew li jipprovdi informazzjoni jew dokumenti supplimentari jew li jirtira t-talba, f’tali perijodu li huma jispeċifikaw. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jużaw il-formola standard B, kif tinsab fl-Anness II, għal dan il-għan.
Fejn it-talba tkun tidher manifestament mingħajr bażi jew l-applikazzjoni tkun tidher inammissibbli jew l-attur jonqos milli jimla jew jirrettifika l-formola tat-talba fiż-żmien speċifikat, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formola tat-talba tkun disponibbli fil-qrati u tribunali kollha li fihom tista’ tinbeda l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Artikolu 5
Tmexxija tal-Proċedura
1. Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun proċedura bil-miktub. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħmlu seduta orali jekk huma jikkunsidraw li dan ikun meħtieġ jew jekk parti titlob dan. Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jiċħdu tali talba jekk huma jikkunsidraw li fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-każ, seduta orali tkun manifestament mhux meħtieġa għat-tmexxija ġusta tal-kawża. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda għandhom jingħataw bil-miktub. Iċ-ċaħda ma tistax tiġi kkontestata separatament.
2. Wara li jirċievu l-formola tat-talba korrettament mimlija, il-qorti jew it-tribunal għandhom jimlew il-Parti I tal-formola ta’ risposta standard C, kif tinsab fl-Anness III.
Għandhom jiġu nnotifikati lill-konvenut, skond l-Artikolu 13, kopja tal-formola tat-talba, u fejn applikabbli, tad-dokumenti ta’ sostenn, flimkien mal-formola ta’ risposta hekk mimlija. Dawn id-dokumenti għandhom jintbagħtu fi żmien 14-il jum mir-riċezzjoni tal-formola tat-talba debitament mimlija.
3. Il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tiegħu fi żmien 30 jum min-notifika tal-formola tat-talba u tal-formola ta’ risposta, billi jimla l-Parti II tal-formola standard ta’ risposta C, akkumpanjata, fejn ikun il-każ, minn kwalunkwe dokument ta’ sostenn rilevanti u jibgħatha lura lill-qorti jew lit-tribunal, jew bi kwalunkwe mod adegwat ieħor li ma jinvolvix l-użu tal-formola ta’ risposta.
4. Fi żmien 14-il jum mir-riċezzjoni tar-risposta mill-konvenut, il-qorti jew it-tribunal għandha tintbagħat lill-attur kopja tagħha, flimkien ma’ kwalunkwe dokument rilevanti ta’ sostenn.
5. Jekk, fir-risposta tiegħu, il-konvenut jiddikjara li l-valur ta’ talba mhux monetarja jeċċedi l-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-qorti jew it-tribunal għandhom jiddeċiedu fi żmien 30 jum minn meta jibagħtu r-risposta lill-attur jekk it-talba taqax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata separatament.
6. Kwalunkwe kontrotalba, li għandha tiġi ppreżentata bl-użu tal-formola standard A, u kwalunkwe dokument rilevanti ta’ sostenn għandhom jiġu nnotifikati lill-attur skond l-Artikolu 13. Dawk id-dokumenti għandhom jintbagħtu fi żmien erbatax-il jum mir-riċezzjoni.
L-attur għandu jkollu 30 jum mid-data tan-notifika sabiex jirrispondi għal kwalunkwe kontrotalba.
7. Jekk il-kontrotalba teċċedi l-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(1), it-talba u l-kontrotalba m’għandhomx jipproċedu fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar iżda għandhom jiġu ttrattati skond il-liġi proċedurali rilevanti li tkun applikabbli fl-Istat Membru fejn titmexxa l-proċedura.
L-Artikoli 2 u 4 kif ukoll il-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-kontrotalbiet.
Artikolu 6
Lingwi
1. Il-formola tat-talba, ir-risposta, kwalunkwe kontrotalba, kwalunkwe risposta għal kontrotalba u kwalunkwe deskrizzjoni ta’ dokumenti rilevanti ta’ sostenn għandhom jiġu preżentati bil-lingwa jew waħda mil-lingwi tal-proċedimenti tal-qorti jew tat-tribunal.
2. Jekk xi dokument ieħor li l-qorti jew it-tribunal ikunu rċevew ma jkunx b’lingwa li biha jitmexxew il-proċedimenti, il-qorti jew it-tribunal jistgħu jesiġu traduzzjoni ta’ dak id-dokument fil-każ biss fejn ikun jidher li t-traduzzjoni tkun meħtieġa sabiex tingħata s-sentenza.
3. Fejn parti tirrifjuta li taċċetta dokument minħabba li dan ma jkun fl-ebda waħda mil-lingwi li ġejjin:
(a) |
il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru destinatarju jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha tingħata n-notifika jew fejn id-dokument għandu jintbagħat; jew |
(b) |
lingwa li d-destinatarju jifhem, |
il-qorti jew it-tribunal għandhom jinformaw lill-parti l-oħra b’dan, bil-ħsieb li dik il-parti tipprovdi traduzzjoni tad-dokument.
Artikolu 7
Konklużjoni tal-Proċedura
1. Fi żmien 30 jum wara r-riċezzjoni tar-risposta mill-konvenut jew mill-attur fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5(3) jew (6), il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħtu sentenza, jew:
(a) |
jesiġu dettalji ulterjuri dwar it-talba mill-partijiet f’perijodu speċifikat ta’ żmien, li ma jeċċedix 30 jum; |
(b) |
jieħdu l-provi skond l-Artikolu 9; jew |
(ċ) |
jordnaw l-attendenza tal-partijiet għal seduta orali li għandha tinżamm fi żmien 30 jum miċ-ċitazzjoni. |
2. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħtu s-sentenza fi żmien 30 jum minn kwalunkwe seduta orali jew wara li jkunu rċevew l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tingħata s-sentenza. Is-sentenza għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet skond l-Artikolu 13.
3. Jekk il-qorti jew it-tribunal ma jkunux irċevew risposta mill-parti rilevanti fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5 (3) jew (6), għandhom jagħtu s-sentenza fir-rigward tat-talba jew tal-kontrotalba.
Artikolu 8
Seduta orali
Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jagħmlu seduta orali permezz ta’ konferenza video jew ta’ xi teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni jekk il-mezzi tekniċi jkunu disponibbli.
Artikolu 9
It-teħid tal-prova
1. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jiddeterminaw il-mezzi għat-teħid tal-prova u l-entità meħtieġa tal-prova għas-sentenza tagħhom skond ir-regoli applikabbli għall-ammissibbiltà tal-prova. Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jaċċettaw it-teħid tal-prova permezz ta’ stqarrijiet ta’ xhieda, ta’ esperti jew tal-partijiet bil-miktub. Jistgħu jaċċettaw ukoll it-teħid tal-prova permezz ta’ konferenza video jew ta’ xi teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni jekk il-mezzi tekniċi jkunu disponibbli.
2. Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jisimgħu x-xiehda ta’ esperti jew xiehda orali biss jekk dan ikun meħtieġ għas-sentenza. Fit-teħid tad-deċiżjoni, il-qorti jew it-tribunal għandhom jieħdu kont ta’ l-ispejjeż.
3. Il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħżlu l-metodu ta’ teħid tal-prova li jkun l-aktar sempliċi u li jkun l-inqas oneruż.
Artikolu 10
Rappreżentanza tal-partijiet
Ir-rappreżentanza minn avukat jew minn professjonist legali ieħor ma’ għandhiex tkun obbligatorja.
Artikolu 11
Assistenza lill-partijiet
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun disponibbli għall-partijiet assistenza prattika sabiex jimlew il-formoli.
Artikolu 12
L-ambitu ta’ l-awtorità tal-qorti jew tat-tribunal
1. Il-qorti jew it-tribunal m’għandhomx jesiġu li l-partijiet jagħmlu xi valutazzjoni ġuridika tat-talba.
2. Jekk ikun meħtieġ, il-qorti jew it-tribunal għandhom jinformaw lill-partijiet dwar kwistjonijiet proċedurali.
3. Kull meta jkun xieraq, il-qorti jew it-tribunal għandhom ifittxu soluzzjoni bonarja bejn il-partijiet.
Artikolu 13
Notifika ta’ dokumenti
1. Id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati permezz ta’ servizz postali attestat b’konferma tar-riċevuta inkluża d-data tar-riċevuta.
2. Jekk ma tkunx possibbli n-notifika skond il-paragrafu 1, in-notifika tista’ ssir bi kwalunkwe metodu previst fl-Artikoli 13 jew 14 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004.
Artikolu 14
Limiti ta’ żmien
1. Fejn l-qorti jew it-tribunal jiffissaw skadenza, il-parti konċernata għandha tiġi informata bil-konsegwenzi jekk ma tiġix rispettata dik l-iskadenza.
2. Il-qorti jew it-tribunal jistgħu jestendu l-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 4(4), fl-Artikolu 5(3) u (6) u fl-Artikolu 7(1), f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk dan ikun meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati d-drittijiet tal-partijiet.
3. Jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli għall-qorti jew għat-tribunal li jirrispettaw il-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 5(2) sa (6), kif ukoll fl-Artikolu 7, huma għandhom jieħdu l-passi meħtieġa minn dawk id-dispożizzjonijiet mill-aktar fis possibbli.
Artikolu 15
L-eżekutorjetà tas-sentenza
1. Is-sentenza għandha tkun eżegwibbli minkejja kwalunkwe appell possibbli. Ma’ għandux ikun meħtieġ l-għoti ta’ garanzija.
2. L-Artikolu 23 għandu japplika wkoll fil-każ li s-sentenza jkollha tiġi eżegwita fl-Istat Membru fejn ingħatat is-sentenza.
Artikolu 16
Spejjeż
Il-parti telliefa għandha tħallas l-ispejjeż tal-kawża. Madankollu, il-qorti jew it-tribunal m’għandhomx jaġġudikaw l-ispejjeż lill-parti li favur tagħha tinqata’ l-kawża safejn dawn ma jkunux saru mingħajr ħtieġa jew ma jkunux proporzjonati għat-talba.
Artikolu 17
Appell
1. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni jekk appell ikunx disponibbli skond il-liġi proċedurali tagħhom kontra sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u f’liema limitu ta’ żmien għandu jsir tali appell. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli pubblikament.
2. L-Artikolu 16 għandu japplika għal kwalunkwe appell.
Artikolu 18
Standards minimi għar-reviżjoni tas-sentenza
1. Il-konvenut għandu jkun intitolat li japplika għar-reviżjoni tas-sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar quddiem il-qorti jew tribunal kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ingħatat is-sentenza fejn:
(a) |
jew |
(b) |
il-konvenut ġie impedit milli joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu, |
sakemm huwa jaġixxi fil-pront.
2. Jekk il-qorti jew it-tribunal jiċħdu r-reviżjoni abbażi li ma tkun tapplika ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sentenza għandha tibqa’ fis-seħħ.
Jekk il-qorti jew it-tribunal jiddeċiedu li r-reviżjoni tkun ġustifikata abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun nulla.
Artikolu 19
Liġi proċedurali applikabbli
Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tkun regolata mil-liġi proċedurali ta’ l-Istat Membru li fih titmexxa l-proċedura.
KAPITOLU III
RIKONOXXIMENT U EŻEKUZZJONI FI STAT MEMBRU IEĦOR
Artikolu 20
Rikonoxximent u eżekuzzjoni
1. Sentenza mogħtija fi Stat Membru fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tiġi rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà u mingħajr l-ebda possibbiltà li jiġi oppost ir-rikonoxximent tagħha.
2. Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, il-qorti jew it-tribunal għandhom joħorġu ċertifikat dwar sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bl-użu tal-formola standard D, kif tinsab fl-Anness IV, mingħajr ma jintalab xi ħlas addizzjonali.
Artikolu 21
Proċedura ta’ eżekuzzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni għandhom ikunu regolati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.
Sentenza li tingħata fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għandha tiġi eżegwita taħt l-istess kondizzjonijiet bħal sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.
2. Il-parti li titlob l-eżekuzzjoni għandha tipproduċi:
(a) |
kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u |
(b) |
kopja taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 20(2) u, fejn meħtieġ, it-traduzzjoni tiegħu bil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-proċedimenti tal-qorti jew tribunal tal-post fejn tintalab l-eżekuzzjoni skond il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, jew b’lingwa oħra li l-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jkun indika li jista’ jaċċetta. Kull Stat Membru jista’ jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, diversi minn tiegħu stess li hu jkun jista’ jaċċetta għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Il-kontenut tal-formola D għandu jiġi tradott minn persuna kwalifikata sabiex tagħmel it-traduzzjonijiet f’wieħed mill-Istati Membri. |
3. Il-parti li titlob l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fi Stat Membru ieħor m’għandhiex tkun meħtieġa li jkollha:
(a) |
rappreżentant awtorizzat; jew |
(b) |
indirizz postali |
fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni, minbarra aġenti bil-kompetenza fil-proċedura ta’ l-eżekuzzjoni.
4. L-ebda garanzija, pleġġ jew depożitu, irrispettivament mid-deskrizzjoni tagħhom, m’għandhom ikunu meħtieġa minn xi parti li, fi Stat Membru wieħed, tapplika għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fi Stat Membru ieħor minħabba li tkun ċittadin barrani jew li ma jkollhiex id-domiċilju tagħha jew ir-residenza fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.
Artikolu 22
Ċaħda ta’ l-eżekuzzjoni
1. L-eżekuzzjoni, ma’ l-applikazzjoni mill-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, għandha tiġi miċħuda mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jekk is-sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti mogħtija fi kwalunkwe Stat Membru ieħor jew f’pajjiz terz, sakemm:
(a) |
is-sentenza preċedenti tkun involviet l-istess kawża ta’ azzjoni u kienet bejn l-istess partijiet; |
(b) |
is-sentenza preċedenti ngħatat fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jew tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni; u |
(ċ) |
l-irrikonċiljabbiltà ma tqajmitx u ma setgħetx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċedimenti tal-qorti jew tribunal fl-Istat Membru fejn ingħatat is-sentenza fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. |
2. Sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ma’ għandha taħt l-ebda ċirkostanza tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni.
Artikolu 23
Sospensjoni jew limitazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni
Fejn parti kkontestat sentenza mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jew tali kontestazzjoni għadha possibbli, jew fejn parti għamlet applikazzjoni għal reviżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 18, il-qorti, it-tribunal jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-eżekuzzjoni jistgħu, fuq applikazzjoni mill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni:
(a) |
jillimitaw l-proċedimenti ta’ l-eżekuzzjoni għal miżuri protettivi; |
(b) |
jagħmlu l-eżekuzzjoni kondizzjonali fuq l-għoti ta’ tali garanzija kif huma jiddeterminaw; jew |
(ċ) |
taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, jissospendu l-proċedimenti ta’ l-eżekuzzjoni. |
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 24
Informazzjoni
L-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jipprovdu lill-pubbliku ġenerali u lill-ambjenti professjonali b’informazzjoni dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, inklużi l-ispejjeż, b’mod partikolari permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u Kummerċjali stabbilit skond id-Deċiżjoni 2001/470/KE.
Artikolu 25
Informazzjoni relatata ma’ ġurisdizzjoni, mezzi ta’ komunikazzjoni u appelli
1. Sa l-1 ta’ Jannar 2008 l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:
(a) |
liema qrati jew tribunali jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex jagħtu sentenza fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar; |
(b) |
il-mezzi ta’ komunikazzjoni aċċettati għall-finijiet tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u disponibbli għall-qrati jew tribunali skond l-Artikolu 4(1); |
(ċ) |
jekk appell ikunx disponibbli taħt il-liġi proċedurali tagħhom skond l-Artikolu 17 u f’liema qorti jew tribunal dan jista’ jsir; |
(d) |
lingwi aċċettati skond l-Artikolu 21 (2)(b); u |
(e) |
liema awtoritajiet ikollhom il-kompetenza fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni u liema awtoritajiet ikollhom il-kompetenza għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 23. |
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil sussegwenti ta’ din l-informazzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni notifikata skond il-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat ieħor.
Artikolu 26
Miżuri implimentattivi
Il-miżuri maħsuba sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk li jissuplimentawh, relatati ma’ aġġornamenti jew emendi tekniċi tal-formoli fl-Annessi għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(2).
Artikolu 27
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 28
Reviżjoni
Sa l-1 ta’ Jannar 2014 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dettaljat li jirrivedi l-operazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, anke dwar il-limitu tal-valur tat-talba msemmi fl-Artikolu 2(1). Dak ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tal-proċedura kif ġiet operata u stima estiża ta’ l-impatt għal kull Stat Membru.
Għal dak il-għan u sabiex jiġi żgurat li l-aħjar prattika fl-Unjoni Ewropea tkun debitament meqjusa u tirrifletti l-prinċipji ta’ leġislazzjoni aħjar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni relatata ma’ l-operazzjoni transkonfinali tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Din l-informazzjoni għandha tkopri l-miżati tal-qorti, ir-rapidità tal-proċedura, l-effikaċja, il-faċilità ta’ l-użu u l-proċeduri interni għal talbiet żgħar ta’ l-Istati Membri.
Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun il-każ, bi proposti għall-adattament.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 25, li għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Lulju 2007.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
M. LOBO ANTUNES
(1) ĠU C 88, 11.4.2006, p. 61.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2007.
(3) ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.
(4) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).
(5) ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.
(6) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1869/2005 (ĠU L 300, 17.11.2005, p. 6).
(7) ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1.
(10) ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.
(11) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
KAPITOLU I
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni