Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0309

309/2007/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) NRU 309/2007 tad- 19 ta' Marzu 2007 li jemenda r-Regolament Finanzjarju tas- 27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp

ĠU L 82, 23.3.2007, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 235–237 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/309/oj

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

235


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 309/2007

tad-19 ta' Marzu 2007

li jemenda r-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, ffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (1),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 5/2005 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tal-25 ta' Ġunju 2005 dwar miżuri transitorji applikabbli mid-data ta' l-iffirmar sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE rivedut (2),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-Assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (id-“Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar”) (3),

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Finanzjament u l-Amministrazzjoni ta' l-Għajnuna tal-Komunità taħt il-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ffirmat f'Kotonù (il-Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-allokazzjoni ta' għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji lil hinn mill-Baħar li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat tal-KE (4) (il-“Ftehim Intern”), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri (5),

Wara li kkonsulta l-Bank Ewropew ta' l-Investiment,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Marzu 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Investiment (6), li jistabbilixxi l-qafas legali għall-amministrazzjoni finanzjarja tad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).

(2)

Dak ir-Regolament iqis bħala element bażiku r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7) (ir-“Regolament Finanzjarju Ġenerali”).

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 2/2002 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tas-7 ta' Ottubru 2002 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 28, 29 u 30 ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Kotonù (8) jispeċifika r-regoli ġenerali u l-kondizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta' xogħlijiet, fornimenti u servizzi ffinanzjati mill-FEŻ, kif ukoll ir-regoli li jirregolaw il-proċedura, il-konċiljazzjoni u l-arbitraġġ fir-rigward ta' dawn il-kuntratti.

(4)

Dan ir-Regolament għandu jantiċipa l-emendamenti previsti lill-Anness IV tal-Ftehim AKP-KE rivedut ta' Kotonù li ser jirreferu b'mod aktar ġeneriku għar-regolamenti Komunitarji għall-proċeduri dwar sejħiet għall-offerti u li għandhom ikunu riflessi permezz ta' referenzi għall-Anness IV fl-Artikoli 74, 76, 77 u 78 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' FEŻ.

(5)

Huwa xieraq li jittieħed kont ta' dawk l-emendi u l-modifiki proposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tad-disa' FEŻ.

(6)

Ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 13(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fil-kuntest ta' l-amministrazzjoni deċentralizzata, il-Kummissjoni għandha twettaq l-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-FEŻ skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 mingħajr preġudizzju għad-delegazzjoni ta' kompiti residwi lil korpi msemmijin fl-Artikolu 14(3).”

2)

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 14(1):

“L-implimentazzjoni indiretta, skond il-paragrafi 2 sa 7 ta' dan l-Artikolu u ma' l-Artikolu 15 tapplika wkoll fil-każ tad-delegazzjoni ta' kompiti residwi lil korpi msemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu fil-każ ta' amministrazzjoni deċentralizzata.”

3)

It-tieni subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 14(3):

“Il-Kummissjoni għandha kull sena tinforma lill-Kunsill bil-każijiet u l-korpi konċernati waqt li tipprovdi ġustifikazzjoni adegwata ta' l-użu ta' l-aġenziji nazzjonali.”

4)

Fl-Artikolu 54(3), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tkun obbligata li tagħmel ħlas mir-riżorsi tal-FEŻ kull meta l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli:

(a)

japprova stimi ta' kuntratti u programmi, kif previst fl-Artikolu 80(4);

(b)

japprova ftehim ta' għotjiet.”

5)

Fl-Artikolu 74(1), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti relatati ma' operazzjoniijiet finanzjati mill-FEŻ sabiex jgħinu lill-Istati ta' l-AKP għandhom ikunu dawk definiti fl-Anness IV mal-Ftehim AKP-KE.”

6)

L-Artikoli 76, 77 u 78 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 76

Fil-limiti tas-setgħat konferiti lilha mill-Ftehim AKP-KE u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-parteċipazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli, fuq termini ugwali, fil-proċeduri ta' offerti għal kuntratti ffinanzjati mill-FEŻ u għandha tiżgura l-konformità mal-prinċipji ta' trasparenza, proporzjonalità, trattament ugwali u non-diskriminazzjoni.”

“Artikolu 77

Fil-limiti tas-setgħat konferiti lilha mill-Ftehim AKP-KE l-Kummissjoni għandha tieħu passi sabiex tistabbilixi, b'analoġija mar-regoli rilevanti tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, database ċentrali li jkun fiha d-dettalji tal-kandidati u ta' dawk li jitfgħu offerti li jkunu, skond ir-regoli ddefiniti fl-Anness IV mal-Ftehim AKP-KE, f'sitwazzjoni li teskludihom milli jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta' kuntratti relatati ma' operazzjonijiet finanzjati mill-FEŻ.”

“Artikolu 78

Fil-limiti tas-setgħat konferiti lilha mill-Ftehim AKP-KE u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV tiegħu, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tippubblika l-proċeduri tas-sejħiet internazzjonali għal offerti fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u fuq l-Internet.”

7)

Fit-Titolu V, l-intestatura għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

 

“OPERAZZONIJIET TA' XOGĦOL DIRETT U OPERAZZONIJIET DEĊENTRALIZZATI INDIRETTI”.

8)

L-Artikolu 80 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 80

1.   Dan it-Titolu għandu jirregola l-operazzjonijiet ta' xogħol dirett u dawk deċentralizzati indiretti previsti fl-Artikolu 24 ta' l-Anness IV mal-Ftehim AKP-KE. Huwa għandu japplika mutatis mutandis għall-koperazzjoni finanzjarja ma' l-OCT.

2.   Fil-każ ta' operazzjonijiet ta' xogħol dirett, il-proġetti u l-programmi għandhom jiġu implimentati direttament mid-dipartimenti pubbliċi ta' l-Istat jew Stati ta' l-AKP konċernati.

Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż tad-dipartimenti involuti billi tipprovdi t-tagħmir u/jew il-materjali li jkollhom neqsin u/jew ir-riżorsi sabiex jirreklutaw kwalunkwe persunal addizzjonali li jkun meħtieġ, bħal esperti mill-Istati AKP konċernati jew minn Stati oħrajn ta' l-AKP. Il-parteċipazzjoni tal-Komunità għandha tkopri biss l-ispejjeż li jkunu saru minħabba miżuri supplimentari u nfiq temporanju relatati ma' l-eżekuzzjoni li jkunu strettament limitati għall-ħtiġijiet tal-proġett konċernat.

L-amministrazzjoni finanzjarja ta' proġett implimentat b'xogħol dirett skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi għandha ssir permezz ta' kontijiet ta' l-imprest amministrati minn amministratur ta' l-imprest u minn uffiċjal tal-kontijiet, maħturin mill-Uffiċjal Awtorizzanti Nazzjonali bl-approvazzjoni minn qabel ta' l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli tal-Kummissjoni.

3.   Fil-każ ta' operazzjonijiet deċentralizzati indiretti, l-awtorità kontraenti fis-sens ta' l-Artikolu 73(1)(a) għandha tafda l-kompiti relatati ma' l-implimentazzjoni ta' proġetti jew programmi lil korpi regolati mil-liġijiet pubbliċi ta' l-Istat jew Stati ta' l-AKP konċernati jew korpi regolati mid-dritt privat li jkunu legalment distinti mill-Istat jew Stati ta' l-AKP konċernati. F'dawn il-każijiet, il-korp konċernat għandu jassumi r-responsabbilità għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm jew tal-proġett minflok l-Uffiċjal Awtorizzanti Nazzjonali. Il-kompiti li jiġu delegati b'dan il-mod jistgħu jinkludu s-setgħa ta' konklużjoni u amministrazzjoni ta' kuntratti u s-superviżjoni ta' xogħlijiet f'isem jew fl-interess ta' l-Istat jew l-Istati ta' l-AKP konċernati.

4.   L-operazzjonijiet ta' xogħol dirett u operazzjonijiet deċentralizzati indiretti għandhom jiġu implimentati abbażi ta' programm ta' miżuri li jridu jitwettqu u ta' stima ta' l-ispejjeż tagħhom, minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-istima tal-programm’. L-istima tal-programm hija dokument li jistabbilixxi r-riżorsi umani u materjali meħtieġa, il-baġit u l-arranġamenti implimentattivi dettaljati tekniċi u amministrattivi għall-eżekuzzjoni ta' proġett tul perijodu speċifiku permezz ta' xogħol dirett u, possibbilment, permezz ta' akkwisti pubbliċi u għotjiet speċifiċi. Kull stima ta' programm għandha titħejja mill-amministratur ta' l-imprest u mill-uffiċjal tal-kontijiet imsemmijin fil-paragrafu 2, fil-każ ta' operazzjonijiet ta' xogħol dirett, jew mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3, fil-każ ta' operazzjonijiet deċentralizzati indiretti, u għandha mbagħad tiġi approvata mill-Uffiċjal Awtorizzanti Nazzjonali u mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli tal-Kummissjoni qabel ma jibdew l-attivitajiet previsti minnha.

5.   Fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni ta' l-istimi ta' programm imsemmijin fil-paragrafu 4, il-proċeduri ta' l-akkwisti u ta' l-għotjiet għandhom jikkonformaw ma' dawk stabbiliti fit-Titoli IV u VI rispettivament.

6.   Il-ftehim ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 51(3) għandhom jipprovdu għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' xogħol dirett jew operazzjonijiet deċentralizzati indiretti.”

9)

L-Artikolu 81 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-parti introduttorja għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Fil-każ ta' operazzjonijiet deċentralizzati indiretti, l-awtorità kontraenti msemmija fl-Artikolu 73(1)(a) għandha tikkonkludi ftehim ta' delega meta tafda kompiti ta' implimentazzjoni lil korp regolat mil-liġijiet pubbliċi ta' l-Istat jew Stati ta' l-AKP konċernati jew mid-dritt privat b'missjoni ta' servizz pubbliku u kuntratt ta' servizz meta tafda dawk il-kompiti f'idejn korpi regolati mid-dritt privat. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ftehim ta' delega jew il-kuntratt ta' servizz jistabbilixxi:”

(b)

Il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

definizzjoni ċara u delimitazzjoni preċiża tas-setgħat delegati lill-korp konċernat u s-setgħat miżmumin mill-Uffiċjal Awtorizzanti Nazzjonali;”

(ċ)

Il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

il-possibbiltà ta' reviżjoni ex post u ta' pieni finanzjarji fejn l-għoti ta' fondi jew l-għoti ta' kuntratti mill-korp konċernat ma jkunx jikkorrispondi mal-proċeduri stabbiliti fil-punt (ċ);”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika għall-istess perijodu bħall-Ftehim Intern.

Magħmul fi Brussell, 19 ta' Marzu 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

Horst SEEHOFER


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3 (il-“Ftehim AKP-KE”), kif rivedut bil-Ftehim tal-25 ta' Ġunju 2005 iffirmat fil-Lussemburgu(ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4).

(2)  ĠU L 287, 28.10.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.

(5)  ĠU C 12, 17.1.2003, p. 19

(6)  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 320, 23.11.2002, p. 1.


Top