Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007Q0904(02)

    Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet

    ĠU L 232, 4.9.2007, p. 7–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/03/2012; Revokat u sostitwit bi 32012Q0307(02)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2007/904(2)/oj

    4.9.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 232/7


    ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI LILL-PARTIJIET

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li rat l-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha;

    Wara li kkunsidrat li, fl-interess ta' l-iżvolgiment tajjeb tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u sabiex tiġi ffaċilitata r-regolazzjoni tal-kawżi fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u fl-inqas żmien possibbli, jeħtieġ li jingħataw istruzzjonijiet prattiċi lill-avukati u lill-aġenti tal-partijiet dwar il-mod kif għandhom jippreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub u l-atti tagħhom relatati mal-proċedura bil-miktub u li jħejju bl-aħjar mod is-seduta quddiem din il-qorti;

    Wara li kkunsidrat li, dawn l-istruzzjonijiet jirriproduċu, jispjegaw u jissupplementaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza u għandhom jippermettu lill-avukati u lill-aġenti tal-partijiet jieħdu in kunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet imposti fuq il-Qorti tal-Prim'Istanza, li jirriżultaw b'mod partikolari minħabba l-ħtiġijiet tat-traduzzjoni u ta' l-amministrazzjoni elettronika ta' l-atti tal-proċedura;

    Wara li kkunsidrat li, skond istruzzjonijiet li l-Qorti tal-Prim'Istanza tat lir-Reġistratur tagħha fil-5 ta' Lulju 2007 (GU L 232 ta'l-4.9.2007, p. 1) (iktar 'il quddiem l-“Istruzzjonijiet lir-Reġistratur”), ir-Reġistratur għandu l-inkarigu li jieħu ħsieb li l-atti mdaħħla fil-proċess ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tar-Regoli tal-Proċedura u ta' l-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet (iktar 'il quddiem l-“Istruzzjonijiet Prattiċi”), kif ukoll ma' l-imsemmija Istruzzjonijiet lir-Reġistratur u b'mod partikolari li jitlob ir-regolarizzazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub u ta' l-atti li ma jkunux konformi u fin-nuqqas ta' regolarizzazzjoni, jekk ikun il-każ, li jirrifjutahom jekk ma jkunux konformi ma' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mar-Regoli tal-Proċedura;

    Wara li kkunsidrat li, billi josservaw dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi, l-avukati u l-aġenti tal-partijiet jkollhom il-garanzija li s-sottomissjonijiet bil-miktub u l-atti li huma jippreżentaw jistgħu jiġu effettivament ikkunsidrati mill-Qorti tal-Prim'Istanza u ma jagħtux lok, fid-dawl tal-punti ttrattati f'dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura;

    Wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta' l-aġenti ta' l-Istati Membri, ta' l-Istituzzjonijiet intervenjenti fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u tal-Kunsill ta' l-Avukaturi ta' l-Unjoni Ewropea (CCBE);

    TADOTTA DAWN L-ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI:

    I.   FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

    A.   Fuq l-użu tal-mezzi tekniċi ta' komunikazzjoni

    1.

    It-trażmissjoni lir-Reġistru tal-kopja ta' l-oriġinal iffirmat ta' att ta' proċedura, prevista mill-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, tista' ssir:

    jew permezz ta' faks (numru tal-faks: + 352 4303-2100),

    jew permezz ta' posta elettronika (indirizz elettroniku: CFI.Registry@curia.europa.eu)

    2.

    Fil-każ ta' trażmissjoni permezz ta' posta elettronika, din tiġi aċċettata biss jekk tkun kopja skanjata [tad-dokument] oriġinali ffirmat. It-trażmissjoni ta' sempliċi fajl elettroniku jew fajl b'firma elettronika jew b'firma skannjata permezz tal-kompjuter ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura. Ebda korrispondenza dwar kawża li tasal fil-Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' sempliċi posta elettronika ma tittieħed in kunsiderazzjoni.

    Ikun tajjeb li d-dokumenti skanjati jkollhom riżoluzzjoni ta' 300 DPI u jiġu ppreżentati fil-format PDF (kemm l-immaġni kif ukoll it-test) permezz tal-programmi Acrobat jew Readiris 7 Pro.

    3.

    Il-preżentata ta' att permezz ta' faks jew ta' posta elettronika ma tkunx valida għall-finijiet ta' l-osservanza ta' terminu ħlief jekk l-oriġinal iffirmat jasal fir-Reġistru sa mhux aktar tard mit-terminu, previst mill-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, ta' għaxart'ijiem wara l-imsemmija preżentata. L-oriġinal iffirmat ta' l-att għandu jintbagħat mingħajr dewmien, immedjatament mat-trażmissjoni tal-kopja, mingħajr ebda korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minimi. F'każ ta' diskrepanza bejn l-oriġinal iffirmat ta' l-att u l-kopja ppreżentata preċedentement, tkun biss id-data tad-depożitu ta' l-oriġinal iffirmat ta' l-att li tittieħed in kunsiderazzjoni.

    4.

    Id-dikjarazzjoni ta' parti li permezz tagħha taċċetta, skond l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li ċerti notifiki jsirulha permezz tal-faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, għandha tindika n-numru tal-faks u/jew l-indirizz elettroniku fejn jistgħu jsirulha notifiki mir-Reġistru. Il-kompjuter tad-destinatarju għandu jkun attrezzat bi programm adegwat (bħal: Acrobat jew Readiris 7 Pro) sabiex ikun jista' jaqra n-notifiki tar-Reġistru li jsiru fil-format PDF.

    B.   Fuq il-preżentata tas-sottomissjonijiet bil-miktub

    5.

    Fl-ewwel paġna tas-sottomissjonijiet għandha tidher l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    it-tip tas-sottomissjoni (rikors, risposta tad-difiża, risposta ta' l-appell, replika, kontroreplika, talba għal intervent, sottomissjonijiet ta' l-intervent, eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, osservazzjonijiet fuq …, risposti għad-domandi, eċċ.);

    (b)

    in-numru tal-kawża (T-…/…) jekk dan ikun diġà ġie assenjat mir-Reġistru;

    (ċ)

    l-ismijiet tar-rikorrent u tal-konvenut;

    (d)

    l-isem tal-parti li għaliha jkunu qed jiġu ppreżentati s-sottomissjonijiet.

    6.

    Kull paragrafu tas-sottomissjonijiet għandu jkun innumerat.

    7.

    Il-firma oriġinali ta' l-avukat jew ta' l-aġent tal-parti kkonċernata għandha tidher fl-aħħar tas-sottomissjonijiet. F'każ ta' iktar minn rappreżentant wieħed, huwa biżżejjed li s-sottomissjonijiet ikunu ffirmati minn wieħed minnhom.

    8.

    Is-sottomissjonijiet ippreżentati mill-partijiet għandhom jiġu ppreżentati b'mod li jippermettu l-amministrazzjoni elettronika tad-dokumenti mill-Qorti tal-Prim'Istanza u, partikolarment, li d-dokumenti jiġu skanjati u li jkun hemm rikonoxximent tal-karattri (character recognition)

    Għal dan l-iskop, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    Il-karta għandha tkun bajda, mingħajr rigi u tad-daqs A4. It-test għandu jidher biss fuq waħda mill-faċċati tal-paġna (“recto” u mhux “recto-verso”).

    (b)

    Il-paġni tas-sottomissjonijiet u, jekk ikun il-każ, ta' l-annessi, għandhom ikunu miġbura b'mod li jkunu jistgħu jiġu separati faċilment (ma tistax tintuża legatura jew metodi oħra sabiex jinġabru b'mod permanenti bħall-kolla, stejpils, eċċ.).

    (ċ)

    It-test għandu jiġi miktub permezz ta' tipa li tintuża ġeneralment (bħal, per eżempju: Times New Roman, Courier jew Arial) ta' daqs ta' mill-anqas 12 pt fit-test u ta' mill-anqas 10 pt għan-noti f'qiegħ il-paġna, bi spazju ta' 1,5 bejn kull linja u b'marġni ta' mill-anqas 2,5 ċm fuq, taħt, fuq in-naħa tax-xellug u fuq in-naħa tal-lemin.

    (d)

    Il-paġni tas-sottomissjonijiet għandhom ikunu nnumerati, fir-rokna ta' fuq fuq in-naħa tal-lemin, b'mod kontinwu u b'numri konsekuttivi.

    Fil-każ ta' l-ippreżentar ta' annessi mas-sottomissjonijiet, in-numerazzjoni tal-paġni għandha tkompli skond l-indikazzjonijiet mogħtija fil-punt 52 ta' dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi.

    9.

    Fuq kull kopja ta' kull att ta' proċedura li l-partijiet għandhom jippreżentaw skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-avukat jew l-aġent tal-part kkonċernata għandu jiċċertifika li l-kopja hija konformi ma' l-oriġinal ta' l-att u jiffirmaha.

    C.   Fuq it-tul tas-sottomissjonijiet

    10.

    Skond is-suġġett ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi tal-kawża, in-numru massimu ta' paġni tas-sottomissjonijiet huwa kif ġej:

    50 paġna għar-rikors u għar-risposta;

    20 paġna għar-rikors u għar-risposti fil-kawżi dwar il-proprjetà intelletwali;

    15-il paġna għar-rikors fl-appell u għar-risposta;

    25 paġna għar-replika u għall-kontroreplika;

    20 paġna għas-sottomissjoni ta' l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà u għall-osservazzjonijiet fuqha;

    20 paġna għas-sottomissjonijiet ta' l-intervent u 15-il paġna għall-osservazzjonijiet fuq dawn is-sottomissjonijiet.

    Dawn in-numri massimi m'għandhomx jinqabżu ħlief f'każijiet li jittrattaw punti ta' fatt jew ta' dritt partikolarment ikkumplikati.

    D.   Fuq l-istruttura u l-kontenut tar-rikors u tar-risposta

    D.1.   Azzjonijiet diretti

    11.

    Ir-Regoli tal-Proċedura fihom dispożizzjonijiet li jirregolaw b'mod speċifiku kwistjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali (Artikoli 130 sa 136). Ir-regoli dwar ir-rikorsi u r-risposti fil-kuntest ta' dawn il-kwistjonijiet (D.1.2) huma għalhekk esposti separatament minn dawk dwar ir-rikorsi u r-risposti fil-kuntest tal-kwistjonijiet l-oħra kollha (D.1.1).

    D.1.1.   Rikors u risposta

    Rikors li jiftaħ il-kawża

    12.

    L-informazzjoni obbligatorja għandha tkun inkluża fir-rikors li jiftaħ il-kawża previst fl-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura.

    13.

    Għal raġunijiet prattiċi, fil-bidu tar-rikors għandu jkun hemm:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

    (b)

    l-isem u l-kwalità ta' l-aġent jew ta' l-avukat tar-rikorrent;

    (ċ)

    l-indikazzjoni tal-parti li kontriha qed isir ir-rikors;

    (d)

    id-dikjarazzjonijiet skond l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta' mezzi tekniċi ta' komunikazzjoni).

    14.

    Il-parti introduttiva tar-rikors għandha tiġi segwita minn rendikont qasir tal-fatti li wasslu għall-kawża.

    15.

    L-istruttura ta' l-argumentazzjoni legali għandha tirrifletti r-raġunijiet invokati. Huwa ġeneralment tajjeb li qabel din wieħed jelenka b'mod sistematiku l-motivi invokati.

    16.

    It-talbiet tar-rikorrent għandhom jiġu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-rikors.

    17.

    Mar-rikors għal annullament għandha tiġi annessa kopja ta' l-att ikkontestat, li għandu jiġi identifikat bħala tali.

    18.

    Mar-rikors għandhom jiġu ppreżentati, b'mod separat mid-dokumenti annessi in sostenn tar-rikors, id-dokumenti indikati fl-Artikolu 44(3) u l-Artikolu 44(5)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura.

    19.

    Ma' kull rikors għandu jkun hemm sunt tar-raġunijiet u l-argumenti prinċipali invokati, intiż sabiex jiffaċilita l-abbozzar tal-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 24(6) tar-Regoli tal-Proċedura, li għandha titħejja mir-Reġistru. Dan is-sunt m'għandux ikun itwal minn żewġ paġni.

    20.

    Il-preżentata tal-provi għandha ssir bi preċiżjoni u b'mod espliċitu u b'indikazzjoni ċara tal-fatti li ser jiġu pprovati:

    prova dokumentarja għandha jew tagħmel riferiment għal numru fl-elenku ta' l-annessi jew, jekk id-dokument ma jkunx fil-pussess tar-rikorrent, tindika kif dan id-dokument jista' jinkiseb.

    prova permezz ta' xhieda jew ta' talba għal informazzjoni għandha tindika bi preċiżjoni l-persuna kkonċernata.

    21.

    Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara li ssir talba għal għajuna legali, li għandu bħala effett li jissospendi t-terminu tar-rikors skond l-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura, din l-informazzjoni għandha tissemma fil-bidu tar-rikors li jiftaħ il-kawża.

    Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara n-notifika tad-digriet li jaqta' talba għal għajnuna legali, fir-rikors għandha tissemma wkoll id-data li fiha d-digriet ġie nnotifikat lir-rikorrent.

    Risposta

    22.

    L-informazzjoni obbligatorja għandha tkun inkluża fir-risposta li tiftaħ il-kawża prevista fl-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    23.

    Għal raġunijiet prattiċi, fil-bidu tar-risposta, minbarra n-numru tal-kawża u l-indikazzjoni tar-rikorrent, għandu jkun hemm:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

    (b)

    l-isem u l-kwalità ta' l-aġent jew ta' l-avukat tal-konvenut;

    (ċ)

    id-dikjarazzjonijiet skond l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta' mezzi tekniċi ta' komunikazzjoni).

    24.

    It-talbiet tal-konvenut għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta.

    25.

    Il-punti 15, 18 u 20 ta' dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi huma applikabbli għar-risposta.

    26.

    Kull kontestazzjoni dwar il-fatti allegati mill-kontroparti għandha tkun espliċita u għandha tindika bi preċiżjoni l-fatti kkonċernati.

    D.1.2.   Rikors u risposta (fil-kawżi tal-proprjetà intelletwali)

    Rikors li jiftaħ il-kawża

    27.

    L-informazzjoni obbligatorja għandha tkun inkluża fir-rikors li jiftaħ il-kawża previst fl-Artikoli 44 u 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    28.

    Għal raġunijiet prattiċi, fil-bidu tar-rikors għandu jkun hemm:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

    (b)

    l-isem u l-kwalità ta' l-aġent jew ta' l-avukat tar-rikorrent;

    (ċ)

    l-ismijiet tal-partijiet kollha għall-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell u l-indirizzi li dawn indikaw għan-notifika matul din il-proċedura;

    (d)

    id-dikjarazzjonijiet skond l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta' mezzi tekniċi ta' komunikazzjoni).

    29.

    Mar-rikors għal annullament għandha tiġi annessa kopja ta' l-att ikkontestat, li għandu jiġi identifikat bħala tali. Għandha tissemma d-data li fiha din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrent.

    30.

    It-tieni inċiż tal-punt 10, il-punti 14, 15, 16, 18, 20 u 21 ta' dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi huma applikabbli għar-rikorsi fil-kawżi tal-proprjetà intelletwali.

    Risposta

    31.

    L-informazzjoni obbligatorja għandha tkun inkluża fir-risposta li tiftaħ il-kawża prevista fl-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    32.

    Fil-bidu tar-risposta, minbarra n-numru tal-kawża u l-indikazzjoni tar-rikorrent, għandu jkun hemm:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tal-konvenut jew ta' l-intervenjent;

    (b)

    l-isem u l-kwalità ta' l-aġent tal-konvenut jew dawk ta' l-avukat ta' l-intervenjent;

    (ċ)

    id-dikjarazzjonijiet skond l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta' mezzi tekniċi ta' komunikazzjoni).

    33.

    It-talbiet tal-konvenut jew ta' l-intervenjent għandhom jiġu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta.

    34.

    It-tieni inċiż tal-punt 10, il-punti 15, 18, 20 u 26 ta' dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi huma applikabbli għar-risposta.

    D.2.   Appell

    Rikors fl-appell

    35.

    Ir-rikors fl-appell għandu jinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    36.

    Fil-bidu ta' kull rikors fl-appell għandu jkun hemm:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tal-parti li tagħmel l-appell, imsejħa r-rikorrent;

    (b)

    l-isem u l-kwalità ta' l-aġent jew ta' l-avukat tar-rikorrent;

    (ċ)

    l-indikazzjoni tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku suġġetta għal appell (in-natura, il-kulleġġ ġudikanti, id-data u n-numru tal-kawża);

    (d)

    l-isem tal-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

    (e)

    l-indikazzjoni tad-data li fiha d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġiet innotifikata lir-rikorrent fl-appell;

    (f)

    id-dikjarazzjonijiet skond l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta' mezzi tekniċi ta' komunikazzjoni).

    37.

    Fil-bidu jew fl-aħħar tar-rikors, it-talbiet tar-rikorrent fl-appell għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni (Artikolu 139(1) tar-Regoli tal-Proċedura).

    38.

    Ġeneralment mhuwiex neċessarju li ssir deskrizzjoni tal-fatti li wasslu għal kawża u l-għan tal-kawża; huwa biżżejjed li jsir riferiment għad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

    39.

    Huwa preferibbli li wieħed jelenka fil-qosor u b'mod sistematiku l-motivi li wasslu għar-rikors. L-argumenti legali għandhom ikunu strutturati skond il-motivi invokati in sostenn ta' l-appell, b'mod partikolari ta' l-iżbalji ta' dritt invokati.

    40.

    Kopja tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku suġġetta għal appell għandha tiġi annessa mar-rikors.

    41.

    Ma' kull rikors fl-appell għandu jkun hemm sunt tar-raġunijiet u ta' l-argumenti prinċipali invokati, intiż sabiex jiffaċilita l-abbozzar tal-komunikazzjoni għall-Ġurnal Uffiċjali prevista fl-Artikolu 24(6) tar-Regoli tal-Proċedura. Dan is-sunt m'għandux ikun itwal minn żewġ paġni.

    42.

    Mar-rikors fl-appell, għandu jiġi ppreżentat id-dokument imsemmi fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura (dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea), ħlief jekk ir-rikorrent fl-appell ikun Istituzzjoni tal-Komunità jew Stat Membru li huwa rrappreżentat minn aġent.

    Risposta

    43.

    Ir-risposta għandha tinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 141(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

    44.

    Fil-bidu ta' kull risposta, minbarra n-numru tal-kawża u l-indikazzjoni tar-rikorrent fl-appell, għandu jkun hemm:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tal-parti li tippreżentaha;

    (b)

    l-isem u l-kwalità ta' l-aġent jew ta' l-avukat li jippreżentaha;

    (ċ)

    id-data li fiha l-appell ġie nnotifikat lil din il-parti;

    (d)

    id-dikjarazzjonijiet skond l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta' mezzi tekniċi ta' komunikazzjoni).

    45.

    Fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta, it-talbiet tal-parti li tippreżentaha għandhom jiġu fformulati bi preċiżjoni (Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura).

    46.

    Jekk it-talbiet tar-risposta għandhom bħala għan l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq motiv li ma ġiex imqajjem fl-appell, dan għandu jiġi indikat fit-titolu tas-sottomissjonijiet (“risposta b'appell inċidentali”).

    47.

    L-argumentazzjoni legali għandha, sa fejn huwa possibbli, tiġi strutturata skond il-motivi invokati mir-rikorrent fl-appell, u/jew, skond il-każ, il-motivi invokati taħt appell inċidentali.

    48.

    Peress illi l-kuntest ta' fatt jew legali huwa ġà s-suġġett tas-sententza kkontestata, dan ma għandux jiġi indikat fir-risposta ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali sa fejn il-preżentazzjoni tiegħu fir-rikors fl-appell jiġi kkontestat jew jitlob xi preċiżazzjonijiet. Kull kontestazzjoni għandha tkun espressa u l-element ta' fatt jew ta' dritt ikkonċernat għandu jiġi indikat bi preċiżjoni.

    49.

    Mar-risposta għandu jiġi ppreżentat id-dokument imsemmi fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura (dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea), ħlief jekk ir-rikorrent li jippreżentah ikun Istituzzjoni tal-Komunità jew Stat Membru li huwa rrappreżentat minn aġent.

    E.   Fuq il-produzzjoni ta' annessi mas-sottomissjonijiet

    50.

    Mas-sottomissjonijiet jistgħu jiġu annessi biss dawk id-dokumenti msemmija fit-test tas-sottomissjonijiet u li huma neċessarji biex jagħtu prova ta', jew jispjegaw il-kontenut tas-sottomissjonijiet.

    51.

    L-annessi jistgħu jiġu prodotti biss, jekk magħhom ikun hemm elenku ta' l-annessi. Għal kull dokument li jiġi anness, dan l-elenku għandu jinkludi:

    (a)

    in-numru ta' l-anness;

    (b)

    deskrizzjoni qasira ta' l-anness b'indikazzjoni tan-natura ta' l-anness (per eżempju “ittra” flimkien ma' indikazzjoni tad-data, ta' l-awtur, tad-destinatarju u tan-numru ta' paġni ta' l-anness);

    (ċ)

    l-indikazzjoni tal-paġna u tan-numru tal-paragrafu li fih id-dokument ikun ġie msemmi fis-sottomissjonijiet u li jiġġustifika l-produzzjoni tiegħu.

    In-numerazzjoni ta' l-annessi għandha tindika s-sottomissjoni li magħha d-dokument huwa anness (per eżempju A.1, A.2, ... għall-annessi tar-rikors; B.1, B.2, ... għar-risposta tad-difiża; C.1, C.2, ... għar-replika; D.1, D.2, ... għall-kontroreplika).

    52.

    Il-paġni tad-dokumenti annessi ma' sottomissjoni għandhom jiġu nnumerati, fin-naħa ta' fuq fil-lemin, b'numri konsekuttivi. In-numerazzjoni tal-paġni tad-dokumenti tista' ssir kemm konsekuttivament għas-sottomissjoni li magħha huma annessi, kemm separatament mis-sottomissjoni in kwistjoni. In-numerazzjoni tippermetti li tassigura permezz ta' l-għadd tal-paġni li, meta l-annessi jiġu skanjati, il-paġni jkunu effettivament inklużi.

    53.

    F'każ li l-annessi jkollhom annessi tagħhom stess, in-numerazzjoni u l-preżentazzjoni tagħhom għandha ssir b'tali mod li tiġi evitata kull possibbiltà ta' konfużjoni, billi jintużaw diviżuri jekk ikun il-każ.

    54.

    Kull referenza għal dokument li jkun ġie prodott għandha tinkludi n-numru ta' l-anness ikkonċernat kif jidher fl-elenku ta' l-annessi, kif ukoll l-indikazzjoni tas-sottomissjoni li magħha l-anness huwa prodott, skond il-forma indikata fil-punt 51 iktar 'il fuq.

    F.   Fuq ir-regolarizzazzjoni tas-sottomissjonijiet

    F.1   Fil-każ ta' regolarizzazzjoni tar-rikorsi

    55.

    Jekk rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin, previsti fl-Artikolu 44(3) sa (5) tar-Regoli tal-Proċedura, dan ma jiġix innotifikat lill-konvenut u jiġi ffissat terminu raġonevoli għar-regolarizzazzjoni:

    (a)

    preżentata ta' dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika bħala avukat (Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (b)

    prova ta' l-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura];

    (ċ)

    mandat [Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura];

    (d)

    prova li l-mandat ingħata regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop [Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura];

    (e)

    preżentata ta' l-att ikkontestat (rikors għal annullament) jew ta' dokument li jiġġustifika d-data ta' talba għal azzjoni (rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni) (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja; Artikolu 44(4) tar-Regoli tal-Proċedura).

    56.

    Fil-kawżi ta' proprjetà intellettwali li jikkontestaw il-legalità ta' deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, rikors li mhuwiex konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin, previsti fl-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, ma jiġix innotifikat lill-parti l-oħra u terminu raġonevoli jiġi ffissat għar-regolarizzazzjoni:

    (a)

    l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell (l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (b)

    id-data li fiha din id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tkun ġiet innotifikata (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (ċ)

    id-deċiżjoni kkontestata, annessa (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura).

    57.

    Jekk rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali li ġejjin, in-notifika ssir tard u terminu raġonevoli jiġi ffissat għar-regolarizzazzjoni:

    (a)

    indikazzjoni ta' l-indirizz tar-rikorrent [l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja; Artikolu 44(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 13(a) ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi];

    (b)

    firma oriġinali ta' l-avukat jew ta' l-aġent fl-aħħar tar-rikors (punt 7 ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi);

    (ċ)

    numerazzjoni tal-paragrafi (punt 6 ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi);

    (d)

    preżentata ta' l-annessi msemmija fin-nota (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (e)

    numru biżżejjed ta' kopji ta' l-annessi msemmija fin-nota (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (f)

    preżentata tan-nota ta' l-annessi (Artikolu 43(4) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 51 ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi);

    (g)

    numru biżżejjed ta' kopji tan-nota (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (h)

    nota ta' l-annessi b'indikazzjoni tal-paġna u tal-paragrafu (paragrafi) [punt 51(c) ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi];

    (i)

    numru biżżejjed ta' kopji tan-nota ta' l-annessi b'indikazzjoni tal-paġna u tal-paragrafu (paragrafi) (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (j)

    numru biżżejjed ta' kopji ta' l-att ikkontestat jew ta' dokument li jiġġustifika d-data ta' talba għal azzjoni (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (k)

    preżentata tal-kopja tal-kuntratt li fih klawżola ta' arbitraġġ (Artikolu 44(5a) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (l)

    numru biżżejjed ta' kopji tal-kopja tal-kuntratt li fih klawżola ta' arbitraġġ (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (m)

    numerazzjoni tar-rikors u ta' l-annessi [punti 8(d) u 52 ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi];

    (n)

    numru biżżejjed ta' kopji regolari tar-rikors (sebgħa għal kawżi ta' proprjetà intellettwali inter partes u sitta għall-kawżi kollha l-oħra) (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (o)

    preżentata tal-kopji awtentikati skond ir-rikors (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 9 ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi).

    58.

    Jekk rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali li ġejjin, ir-rikors jiġi nnotifikat u terminu raġonevoli jiġi ffissat għar-regolarizzazzjoni tiegħu:

    (a)

    l-indirizz għan-notifika (l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta' mezzi tekniċi ta' komunikazzjoni) [Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura; Artikolu 10(3) ta' l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur; punti 4 u 13(d) ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi];

    (b)

    id-dokument li jiċċertifika li avukat huwa awtorizzat jipprattika għal kull avukat supplementari (Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura);

    (ċ)

    is-sunt tal-motivi u argumenti prinċipali (punt 19 ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi);

    (d)

    it-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża flimkien ma dokument f'lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura).

    Fil-każ ta' regolarizzazzjoni ta' rikorsi voluminużi:

    59.

    Rikors li n-numru ta' paġni tiegħu jaqbeż b'40 % n-numru massimu ta' paġni indikat fil-punt 10 ta' dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi jagħti lok għal regolarizzazzjoni, ħlief jekk jingħataw istruzzjonijiet differenti mill-President.

    Rikors li n-numru ta' paġni tiegħu jaqbeż b'inqas minn 40 % l-istess numru massimu ta' paġni indikati fil-punt 10 ta' dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi jista' jagħti lok għal regolarizzazzjoni jekk il-President jagħti istruzzjonijiet f'dan is-sens.

    Meta r-rikorrent jintalab jipproċedi għar-regolarizzazzjoni, in-notifika lill-konvenut tar-rikors, li l-volum tiegħu jeħtieġ regolarizzazzjoni, issir tard.

    F.2   Fil-każ ta' regolarizzazzjoni ta' sottomissjonijiet oħra

    60.

    Il-każijiet ta' regolarizzazzjoni msemmija iktar 'il fuq huma applikabbli safejn huwa rilevanti għal sottomissjonijiet oħra li mhuwiex ir-rikors.

    G.   Fuq it-talba biex kawża tiġi deċiża skond il-proċedura mħaffa

    61.

    In-numru ta' paġni ta' rikors li fir-rigward tiegħu huwa mitlub li tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura mħaffa m'għandux, bħala prinċipju, jaqbeż il-25 paġna. Dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat skond ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 12 sa 19 iktar 'il fuq.

    62.

    It-talba sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi skond proċedura mħaffa, ippreżentata b'att separat skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tkun motivata fil-qosor fir-rigward ta' l-urġenza partikolari tal-kawża u ċ-ċirkustanzi l-oħra rilevanti. Id-dispożizzjonijiet tal-kapitoli B u E iktar 'il fuq huma applikabbli.

    63.

    Huwa rrakkomandat li l-parti li titlob il-benefiċċju tal-proċedura mħaffa tindika, fit-talba tagħha, il-motivi, l-argumenti jew il-partijiet tas-sottomissjonijiet ikkonċernati (rikors jew risposta) li mhumiex preżenti ħlief fil-każ fejn ma jkunx ġie deċiż skond din il-proċedura. Dawn l-indikazzjonijiet, imsemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 76a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jiġu fformulati fit-talba bi preċiżjoni u bl-indikazzjoni tan-numri tal-paragrafi kkonċernati.

    64.

    Huwa wkoll irrakkomandat li t-talba li tittieħed deċiżjoni skond proċedura mħaffa li jkun fiha l-indikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu ta' qabel tiġi annessa magħha verżjoni mqassra tas-sottomissjonijiet ikkonċernati.

    Meta tiġi annessa verżjoni mqassra, din għandha tkun konformi ma' l-istruzzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-verżjoni mqassra għandha tieħu l-forma tal-verżjoni inizjali tas-sottomissjonijiet ikkonċernati li l-partijiet li tneħħew ikunu identifikati permezz ta' parenteżi kwadri li fihom jinkiteb “omissis”;

    (b)

    il-paragrafi li baqgħu fil-verżjoni mqassra jżommu l-istess numerazzjoni bħal dik tal-verżjoni inizjali tas-sottomissjonijiet ikkonċernati;

    (ċ)

    il-lista ta' l-annessi li tkun flimkien mal-verżjoni mqassra, jekk il-verżjoni mqassra ma tirriferix għall-annessi kollha tal-verżjoni inizjali tas-sottomissjonijiet ikkonċernati, il-kitba “omissis” sabiex jiġu identifikati kull anness li tħalla barra;

    (d)

    l-annessi li jinżammu fil-verżjoni mqassra għandhom iżommu l-istess numerazzjoni bħal dik tal-lista ta' l-annessi tal-verżjoni inizjali tas-sottomissjonijiet ikkonċernati;

    (e)

    l-annessi msemmija fil-lista mal-verżjoni mqassra għandhom jiġu mehmuża ma' din il-verżjoni.

    Sabiex tkun tista' tiġi ttrattata fl-inqas żmien possibbli, il-verżjoni mqassra għandha tkun konformi ma' l-istruzzjonijiet fuq imsemmija.

    65.

    Meta l-Qorti tal-Prim'Istanza titlob li tiġi ppreżentata verżjoni mqassra tas-sottomissjoni abbażi ta' l-Artikolu 76a(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-verżjoni mqassra għandha tiġi stabbilita, ħlief jekk indikat b'mod kuntrarju, skond l-istruzzjonijiet fuq imsemmija.

    66.

    Jekk ir-rikorrent ma jkunx indika fit-talba tiegħu l-motivi, l-argumenti jew partijiet mir-rikors tiegħu li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss fil-każ fejn ma jiġix deċiż skond il-proċedura mħaffa, il-konvenut għandu jirrispondi, f'terminu ta' xahar, għar-rikors.

    Jekk ir-rikorrent ikun indika fit-talba tiegħu l-motivi, l-argumenti jew partijiet mir-rikors tiegħu li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss fil-każ fejn ma jiġix deċiż skond il-proċedura mħaffa, il-konvenut għandu jirrispondi, f'terminu ta' xahar, għall-motivi u l-argumenti żviluppati fir-rikors fid-dawl ta' l-indikazzjoni mogħtija fit-talba għall-proċedura mħaffa.

    Jekk ir-rikorrent ikun hemeż verżjoni mqassra tar-rikors mat-talba tiegħu, il-konvenut għandu jirrispondi, f'terminu ta' xahar, għall-motivi u l-argumenti f'din il-verżjoni mqassra tar-rikors.

    67.

    Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa qabel mal-konvenut ikun ippreżenta r-risposta tiegħu, it-terminu ta' xahar previst mill-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 76a(2) tar-Regoli tal-Proċedura sabiex din is-sottomissjoni tiġi ppreżentata jiġi pprorogat b'xahar ieħor.

    Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa wara li l-konvenut ikun ippreżenta r-risposta tiegħu fit-terminu ta' xahar previst mill-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 76a(2) tar-Regoli tal-Proċedura, terminu ġdid ta' xahar jingħata lil din il-parti sabiex tiġi kkompletata r-risposta tagħha.

    H.   Fuq it-talbiet għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni u miżuri provviżorji oħra permezz ta' proċedura sommarja

    68.

    It-talba għandha tiġi ppreżentata permezz ta' att separat. Hija għandha tkun tinftiehem waħedha, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsir referenza għar-rikors fil-kawża prinċipali.

    69.

    It-talba għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra għandha tindika, fil-qosor u b'mod konċiż ħafna, is-suġġett tal-kawża, ir-raġunijiet ta' fatt u ta' dritt li fuqhom huwa bbażat ir-rikors prinċipali u li juru prima facie l-mertu tiegħu (fumus boni juris) kif ukoll iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza. Hija għandha tindika bi preċiżjoni l-miżura jew miżuri mitluba. Id-dispożizzjonijiet tal-kapitoli B, D u E iktar 'il fuq huma applikabbli.

    70.

    Peress li t-talba għal miżuri provviżorji twassal għal valutazzjoni tal-fumus boni juris fil-kuntest ta' proċedura sommarja, hija m'għandha fl-ebda ċirkustanza tirriproduċi integralment it-test tar-rikors fil-kawża prinċipali.

    71.

    Sabiex talba għal miżuri provviżorji tkun tista' tiġi ttrattata b'urġenza, in-numru massimu ta' paġni li m'għandux, bħala prinċipju, ikun iktar, huwa skond is-suġġett ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi tal-kawża, minn 25 paġna.

    I.   Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

    72.

    Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tieni u t-tielet subparagrafi ta' l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha biss tieħu in kunsiderazzjoni dawk id-dokumenti u atti li l-avukati u l-aġenti tal-partijiet ikunu setgħu jikkonsultaw u li fuqhom ikunu setgħu jesprimu ruħhom (l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura).

    73.

    Madankollu, parti tista' titlob li ċerti partijiet jew ċerti elementi ta' l-inkartament ikunu ta' natura sigrieta jew kunfidenzjali:

    jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjent (Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura);

    ma jkunux aċċessibbli għal parti fil-kawża magħquda (Artikolu 50(2) tar-Regoli tal-Proċedura).

    Fil-każ ta' talba għal intervent

    74.

    It-talba ta' parti sabiex, skond l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ċerti partijiet jew ċerti elementi tal-proċess jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-parti intervenjenti minħabba n-natura sigrieta jew kunfidenzjali għandha tiġi ppreżentata permezz ta' att separat.

    75.

    Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. Hija f'ebda każ ma tista' tkopri s-sottomissjoni kollha kemm hi u tista' f'ċirkustanzi eċċezzjonali biss tkopri anness sħiħ ta' sottomissjoni. Fil-fatt, il-komunikazzjoni ta' verżjoni mhux kunfidenzjali ta' dokument, li fih, ċerti siltiet, kliem jew ċifri jkunu ġew imħassra, hija normalment possibbli mingħajr ma jiġu kompromessi l-interessi in kwistjoni. Talba li ma tkunx preċiża biżżejjed ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni.

    76.

    Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tindika b'mod preċiż l-elementi jew siltiet ikkonċernati u għandha tinkludi r-raġunijiet fil-qosor tan-natura sigrieta jew kunfidenzjali ta' kull waħda minn dawn l-elementi jew siltiet.

    77.

    Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tinkludi anness li jkun fih verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni jew tad-dokument in kwistjoni u li fihom ikunu mħassra l-elementi jew siltiet li dwarhom tkun saret it-talba.

    Fil-każ ta' kawżi magħquda

    78.

    It-talba ta' parti f'kawża sabiex, skond l-Artikolu 20(2) tar-Regoli tal-Proċedura, certi partijiet jew ċerti elementi tal-proċess ma jkunux aċċessibbli għal parti fil-kawża magħquda minħabba n-natura sigrieta jew kunfidenzjali għandha tiġi ppreżentata permezz ta' att separat.

    79.

    Il-punti 75 sa 77 ta' dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi huma applikabbli mutatis mutandis għat-talba għal trattament kunfidenzjali ppreżentata fil-każ ta' kawżi magħquda.

    J.   Fuq it-talbiet ta' replika fl-appelli

    80.

    Fuq talba ppreżentata fit-terminu previst mill-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President jista', skond din id-dispożizzjoni, jawtorizza l-preżentata ta' replika jekk dan ikun neċessarju sabiex jippermetti lir-rikorrent jiddefendi l-perspettiva tiegħu jew sabiex huwa jkun jista' jipprepara d-deċiżjoni dwar l-appell.

    81.

    Din it-talba m'għandhiex, ħlief f'ċirkustanzi partikolari, tkun itwal minn 2 sa 3 paġni u għandha biss tindika fil-qosor ir-raġunijiet speċifiċi li għalihom, skond l-opinjoni tar-rikorrent, replika hija neċessarja. It-talba għandha minnha nfisha tinftiehem mingħajr il-bżonn li tirreferi għar-rikors fl-appell jew għar-risposta.

    K.   Fuq it-talbiet ta' seduta fl-appelli

    82.

    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar l-appell mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura, ħlief jekk waħda mill-partijiet tippreżenta talba sabiex tippreżenta s-sottomissjonijiet orali tagħha fit-terminu previst fl-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura.

    83.

    It-talba għandha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema'. Din il-motivazzjoni għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta li seduta tkun utli għall-parti in kwistjoni u għandha tindika l-elementi ta' l-inkartament jew ta' l-argument li din il-parti tqis neċessarja li tiżviluppa jew li tiċħadha iktar matul is-seduta. Motivazzjoni ta' natura ġenerali li tirreferi għall-importanza tal-kawża jew ta' kwistjonijiet li jridu jiġu kkjarifikati mhijiex biżżejjed.

    L.   Fuq it-talbiet għal għajnuna legali

    84.

    L-użu ta' formola huwa obbligatorju sabiex tiġi ppreżentata talba għal għajnuna legali. Il-formola hija aċċessibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-indirizz li ġej www.curia.europa.eu.

    Il-formola tista' wkoll tinkiseb billi tintalab mingħand ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza [numru tat-telefon: (352) 4303-3477], billi tintbagħat posta elettronika lill-indirizz li ġej CFI.Registry@curia.europa.eu, bl-indikazzjoni ta' l-isem u l-indirizz, jew billi tinkiteb ittra lill-indirizz li ġej:

    Greffe du Tribunal de première instance

    Rue du Fort Niedergrünewald

    L-2925 Luxembourg

    85.

    Talba għal għajnuna legali ppreżentata b'mezz ieħor li mhijiex il-formola ma tittiħiedx in kunsiderazzjoni; din twassal għar-risposta mir-Reġistratur li fiha jfakkar in-natura obbligatorja ta' l-użu tal-formola li jehmeż b'anness mar-risposta tiegħu.

    86.

    L-oriġinali tat-talba għal għajnuna legali għandha tiġi ffirmata minn min jagħmel it-talba jew mill-avukat tiegħu.

    87.

    Jekk it-talba għal għajnuna legali tiġi ppreżentata mill-avukat ta' min jagħmel it-talba qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, flimkien ma' din it-talba jrid ikun hemm dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

    88.

    Il-formola tippermetti lill-Qorti tal-Prim'Istanza jkollha, skond l-Artikolu 95(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-informazzjoni neċessarja sabiex effettivament tiddeċiedi fuq it-talba għal għajnuna legali. Dan jirrigwarda:

    informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta' min jagħmel it-talba

    u,

    fil-każ fejn ir-rikors għadu ma ġiex ippreżentat, ta' l-informazzjoni dwar l-għan ta' dan ir-rikors, il-fatti tal-kawża u l-argumenti dwaru.

    Min jagħmel it-talba għandu jippreżenta, mal-formola, id-dokument li jiġġustifikaw l-allegazzjonijiet tiegħu.

    89.

    Il-formola mimlija kollha u d-dokumenti ta' prova msemmija għandhom ikunu jinftehmu minnhom nfushom, mingħajr il-bżonn li jsir riferiment eventwali għal korrispondenza oħra ppreżentata lill-Qorti tal-Prim'Istanza minn min jagħmel it-talba.

    90.

    Bla ħsara tal-possibbiltà għall-Qorti tal-Prim'Istanza li titlob informazzjoni jew li tippreżenta dokumenti addizzjonali skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal għajnuna legali ma tistax tiġi kkompletata billi jiġu ppreżentati addendum oħra wara; dawn l-addendum, jekk jiġu ppreżentati mingħajr mal-Qorti tal-Prim'Istanza tkun talbithom, jintbagħtu lura. F'każijiet eċċezzjonali, id-dokumenti ta' prova li jipprovaw in-nuqqas ta' mezzi ta' min jagħmel it-talba jistgħu madankollu jiġu aċċettati wara, billi tingħata spjegazzjoni xierqa għalfejn ġew ippreżentati tard.

    91.

    Bis-saħħa ta' l-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentata ta' talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors li għaliha tirreferi t-talba sad-data tan-notifika tad-digriet li jaqta' din it-talba jew, meta avukat ma jkunx ġie maħtur sabiex jirrappreżenta l-interessat f'dan id-digriet, sad-data tan-notifika tad-digriet li jaħtar l-avukat sabiex jassisti min jagħmel it-talba.

    Is-sospensjoni tidħol fis-seħħ mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-formola jew, meta t-talba għal għajnuna legali tiġi ppreżentata mingħajr użu tal-formola, mid-data tad-depożitu ta' din it-talba bil-kundizzjoni li l-formola tintbagħat fit-terminu mogħti mir-Reġistratur għal dan il-għan imsemmi fil-punt 85 iktar 'il fuq. Jekk il-formola ma tintbagħatx fit-terminu mogħti, is-sospensjoni tidħol fis-seħħ mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-formola.

    92.

    Fil-każ li l-formola tiġi ppreżentata b'faks jew bil-posta elettronika, l-oriġinali ffirmat għandu jasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara din il-preżentata sabiex id-data tad-depożitu tal-faks jew tal-posta elettronika tittieħed in kunsiderazzjoni għas-sospensjoni tat-terminu tar-rikors. Fin-nuqqas ta' preżentata ta' l-oriġinal f'dan it-terminu ta' għaxart ijiem, is-sospensjoni tat-terminu tar-rikors jidħol fis-seħħ fid-data tal-preżentata ta' l-oriġinali. Fil-każ ta' differenzi bejn l-oriġinali ffirmat u l-kopja ppreżentata qabel, huwa biss l-oriġinali ffirmat li jittieħed in kunsiderazzjoni u d-data meqjusa għas-sospensjoni tat-terminu tar-rikors tkun dik tal-preżentata ta' dan l-oriġinali.

    II.   FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

    93.

    Il-proċedura orali tikkonsisti fi:

    li tfakkar, skond il-każ, il-pożizzjoni meħuda, fil-qosor ħafna, billi tenfasizza l-motivi essenzjali żviluppati bil-miktub;

    li tikkjarifika, jekk neċessarju, ċerti argumenti żviluppati matul il-proċedura bil-miktub u sabiex eventwalment tippreżenta l-argumenti l-ġodda li jirriżultaw minn avvenimenti reċenti li seħħu minn meta tkun ġiet magħluqa l-proċedura bil-miktub u li, minħabba f'dan il-fatt, ma setgħux jiġu inklużi fis-sottomissjonijiet;

    li tirrispondi għad-domandi eventwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

    94.

    Kull konsulent għandu jevalwa, fid-dawl ta' l-għan tal-proċedura orali hekk kif tkun ġiet iddefinita fil-punt ta' qabel, jekk trattazzjoni tkunx fil-fatt utli jew jekk sempliċi riferiment għall-osservazzjonijiet jew sottomissjonijiet bil-miktub ikunx biżżejjed. Il-proċedura orali tista għalhekk tikkonċentra fuq ir-risposti għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Jekk il-konsulent iqis neċessarju l-bżonn li jitkellem, ikun dejjem aħjar li jillimita ruħu li jesponi ċertu punti u li jirreferi għas-sottomissjonijiet għal oħrajn.

    95.

    Jekk parti tastjeni milli tagħmel trattazzjoni, is-silenzju tagħha qatt ma jista' jiġi interpretat bħala kunsens għat-trattazzjoni żviluppata mill-parti l-oħra jekk l-argument in kwistjoni ġa jkun ġie miċħud fil-proċedura bil-miktub. Dan is-silenzju ma jżommx lil din il-parti milli tirreplika għat-trattazzjoni tal-parti l-oħra.

    96.

    F'ċerti ipoteżi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tqis li huwa preferibbli li jingħata bidu għal proċedura orali permezz ta' mistoqsijiet magħmula mill-membri tagħha lill-konsulenti tal-partijiet. F'dan il-każ, dawn ta' l-aħħar huma mitluba li jieħdu in kunsiderazzjoni jekk wara jkunux iridu jagħtu trattazzjoni qasira.

    97.

    Bil-ħsieb ta' ċarezza u sabiex tippermetti li t-trattazzjonijiet jinftehmu b'mod aħjar mill-membri tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ġeneralment huwa preferibbli li wieħed jitkellem liberament abbażi ta' noti milli billi jinqara test. Huwa wkoll mitlub lill-konsulenti tal-partijiet li jissemplifikaw, sa fejn huwa possibbli, il-preżentazzjoni tagħhom tal-kawża. Serje ta' frażijiet qosra hija dejjem preferibbli għal sentenza twila u kkumplikata. Barra minn dan, il-konsulenti jgħinu lill-Qorti tal-Prim'Istanza billi jistrutturaw it-trattazzjonijiet tagħhom u billi jippreċiżaw qabel kull żvilupp il-pjan li bi ħsiebhom jadottaw.

    Jekk, madankollu, it-trattazzjoni hija ppreparata bil-miktub, għall-elaborazzjoni tat-test, jingħata l-parir li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi ppreżentat b'mod orali u għalhekk għandu jkun l-iktar possibbli qrib ta' preżentazzjoni orali. Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni, l-aġenti u l-avukati huma mistiedna jibagħtu minn qabel bil-faks it-test eventwali jew b'mezz ieħor bil-mitkub tat-trattazzjonijiet tagħhom lid-diviżjoni ta' l-interpretazzjoni [numru tal-faks (352) 4303-3697].

    Il-kunfidenzjalità tan-noti tat-trattazzjonijiet mibgħuta hija assigurata. Sabiex jiġi evitat kull ekwivoku, l-isem tal-parti għandha tiġi indikata. In-noti tat-trattazzjonijiet ma jiġux inklużi fl-inkartament tal-kawża.

    98.

    Qed jiġi mfakkar lill-konsulenti li, skond il-każ, ċerti membri biss tal-Qorti tal-Prim'Istanza jsegwu t-trattazzjoni fil-lingwa tal-kawża u li l-oħrajn jisimgħu l-interpretazzjoni simultanja. Qed jiġi rrakkomandat ħafna lill-konsulenti, fl-interess ta' żvolġiment aħjar tal-proċeduri u sabiex jinżamm il-livell tal-kwalità ta' l-interpretazzjoni simultanja, li jitkellmu bil-mod u fil-mikrofonu.

    Meta l-konsulenti jkollhom l-intenzjoni li jiċċitaw litteralment partijiet minn ċerti testi jew dokumenti, b'mod partikolari partijiet mhux imsemmija fl-inkartament, ikun utli li jindikawhom lill-interpreti qabel is-seduta. Bl-istess mod, jista' jkun utli li jindikaw kliem li eventwalment ikunu diffiċli li jiġu tradotti.

    99.

    Peress li l-awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza huma mgħammra b'sistema awtomatika ta'mikrofoni, il-konsulenti huma mitluba jagħfsu l-buttuna tal-mikrofonu sabiex jixegħluh u jistennew li jixgħel id-dawl qabel ma jibdew jitkellmu. Għandu jiġi evitat li tingħafas il-buttuna fil-waqt li mħallef jew persuna oħra tkun qed titkellem, sabiex ma jintfilux il-mikrofonu.

    100

    It-tul tat-trattazzjonijiet jista' jvarja skond kemm il-kawża tkun waħda komplessa u l-eżistenza jew in-nuqqas ta' elementi ġodda ta' fatt. L-avukati u l-aġenti tal-partijiet prinċipali huma mitluba jillimitaw it-tul tat-trattazzjonijiet għal madwar 15-il minuta għal kull parti u dawk ta' l-intervenjent għal 10 minuti, sa kemm ir-Reġistratur ma jkunx tahom indikazzjonijiet oħra f'dan ir-rigward. Dan il-limitu jikkonċerna biss it-trattazzjoni nfisha u ma jinkludix iż-żmien użat sabiex tingħata risposta għall-mistoqsijiet magħmula fis-seduta.

    Jekk iċ-ċirkustanzi jitolbu hekk, talba għal deroga minn dan it-tul ta' ħin normali, motivata debitament u li tippreċiża t-tul tal-ħin meqjus li huwa neċessarju, tista' tiġi indirizzata lir-Reġistratur, mhux iktar tard minn ħmistax-il ġurnata (jew fi stadju iktar tard f'każ ta' ċirkustanzi eċċezzjonali, debitament immotivati) qabel id-data tas-seduta. Il-konsulenti jiġu informati bit-tul tat-trattazzjonijiet li jiddisponu minnhom wara li tkun saret talba bħal din.

    101.

    Meta parti tkun irrappreżentata minn iktar minn konsulent wieħed, bħala regola mhux iktar minn tnejn biss fosthom ikunu jistgħtu jittrattaw u t-total ta' l-interventi orali tagħhom m'għandux jaqbeż it-tul tal-ħin ippreċiżat iktar 'il fuq. Ir-risposti għall-mistoqsijiet ta' l-imħallfin u r-repliki lill-konsulenti l-oħra jistgħu madankollu jingħataw minn konsulenti oħra differenti minn dawk li ttrattaw.

    Meta numru ta' partijiet jiddefendu l-istess teżi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ipoteżi b'mod partikolari ta' interventi jew ta' kawżi magħquda), il-konsulenti tagħhom huma mistiedna jaħdmu flimkien qabel is-seduta, sabiex tiġi evitata kull ripetizzjoni fit-trattazzjoni.

    102.

    Ir-rapport tas-seduta, ifformulat mill-imħallef relatur, jikkostitwixxi sinteżi oġġettiva tal-kawża li ma tinkludix il-partijiet kollha ta' l-argumenti tal-partijiet u hija intiża, minn naħa, li tippermetti lill-partijiet jivverifikaw li l-motivi u l-argumenti tagħhom jinftehmu korrettament u, min-naħa l-oħra, li jiffaċilitaw l-istudju ta' l-inkartament mill-imħallfin l-oħra tal-kulleġġ ġudikanti.

    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tagħmel mill-aħjar sabiex tagħti r-rapport għas-seduta lill-konsulenti tal-partijiet tliet ġimgħat qabel is-seduta. Ir-rapport għas-seduta jservi biss sabiex titħejja l-proċedura orali qabel is-seduta.

    103.

    Jekk ir-rapport għas-seduta fih xi żbalji ta' fatt, il-konsulenti huma mitluba jinformaw lir-Reġistratur bil-miktub qabel is-seduta. Bl-istess mod, meta r-rapport tas-seduta ma jittraduċix korrettament l-argumenti essenzjali ta' parti, il-konsulenti jistgħu jissuġġerixxu l-emendi li jidhrilhom li huma xierqa.

    Jekk il-konsulenti jippreżentaw is-sottomissjonijiet orali fis-seduta fuq ir-rapport tas-seduta, dawn jitniżżlu mir-Reġistratur jew minn min qed jaġixxi bħala Reġistratur.

    104.

    Il-konsulenti huma mitluba, meta jiċċitaw minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Prim'Istanza jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jindikaw ir-referenzi kollha, inklużi l-isem tal-partijiet u jippreċiżaw, skond il-każ, in-numru tal-paġna tal-Ġabra fejn tinsab il-parti in kwistjoni.

    105.

    Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma taċċettax dokumenti ppreżentati fis-seduta ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali u biss wara tkun li semgħet il-partijiet f'dan ir-rigward.

    106.

    Talba għall-użu ta' ċerti mezzi tekniċi għal preżentata għandha titressaq fiż-żmien stipulat. Il-metodi għall-użu ta' mezzi bħal dawn hawn jiġu ddeterminati mir-Reġistratur, u dan sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni ta' l-ostakli eventwali ta' natura teknika u prattika.

    III.   DĦUL FIS-SEĦĦ TAL-PREŻENTI ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI

    107.

    Il-preżenti Istruzzjonijiet prattiċi jħassru u jissostitwixxu l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet ta' l-14 ta' Marzu 2002 (ĠU 2002 L 87, 4.4.2002, p. 48), kif ukoll in-“Noti intiżi biex iservu ta' gwida għall-konsulenti legali tal-partiiet matul is-sottomissjonijiet orali”.

    108.

    Il-preżenti Istruzzjonijiet prattiċi għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Huma jidħlu fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

    Magħmula fil-Lussemburgu, fil-5 ta' Lulju 2007.

    Ir-Reġistratur

    E. COULON

    Il-President

    B. VESTERDORF


    Top