Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0508

2007/508/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Diċembru 2006 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 22/06 (ex N 615/05) li l-Italja qed tippjana biex timplimenta għal rifużjonijiet ta’ taxxa fuq emulsjonijiet taż-żejt bl-ilma (notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 5805) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 187, 19.7.2007, pp. 22–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/508/oj

19.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 187/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Diċembru 2006

dwar l-Għajnuna mill-Istat C 22/06 (ex N 615/05) li l-Italja qed tippjana biex timplimenta għal rifużjonijiet ta’ taxxa fuq emulsjonijiet taż-żejt bl-ilma

(notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 5805)

(Il-verżjoni Taljana biss hi awtentika.)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/508/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) ta’ dan,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) ta’ dan,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skond dawk id-dispożizzjoni(jiet) (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Bl-ittra datata l-5 ta’ Marzu 2005, reġistrata bħala riċevuta fit-13 ta’ Diċembru 2005 u supplimentata bl-ittra datata d-9 ta’ Jannar 2006, reġistrata bħala riċevuta fit-12 ta’ Jannar 2006, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżura msemmija hawn fuq skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE. Wara talba mill-Kummissjoni datata s-6 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Taljani ipprovdew tagħrif addizzjonali b’ittra datata s-6 ta’ April 2006.

(2)

Bl-ittra datata s-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li kienet iddeċidiet sabiex tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat ta’ KE fir-rigward tal-miżura.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni seħjet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-partijiet interessati. Għaddiethom lill-Italja, li ingħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti tagħha waslu bl-ittri datati t-13 ta’ Settembru 2006 u d-29 ta’ Settembru 2006.

II.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(5)

Fuels bl-emulsjoni huma taħlita ta’ madwar 15 % ilma u 85 % żejt tal-fuel jew nafta. Għandhom inqas impatt fuq l-ambjent mill-fuels konvenzjonali. Studji riċenti (3) juru li ż-żieda ta’ l-ilma mal-fuels twassal għal kwalità aħjar ta’ kombustjoni f’termini ta’ emissjonijiet. Il-vaporizzazzjoni ta’ l-ilma waqt il-proċess ta’ kombustjoni żżid il-firxa ta’ fuel li tirriżulta f’iżjed spazju ta’ kuntatt bejn il-fuel u l-arja. Dan inaqqas l-emissjonijiet tal-partikolati ta’ PM b’59 %. Il-vaporizzazzjoni ta’ l-ilma tnaqqas ukoll it-temperatura ta’ kombustjoni, b’hekk tnaqqas il-formazzjoni ta’ ossidi ta’ nitroġenu (NOx) b’6 %. Il-proċess effiċjenti ta’ kombustjoni jnaqqas il-monossidu tal-karbonju (CO) bi 32 % (4).

(6)

Madanakollu, il-produzzjoni u l-ħażna ta’ l-emulsjonijiet huma għalja u għalhekk il-prezz għat-taħlita finali hu ogħla mill-prezz tas-suq għal fossil fuels. L-emulsjonijiet għandhom kontenut ta’ enerġija ta’ 10 % inqas mill-fuel konvenzjonali. L-użu ta’ emulsjonijiet jikkawża spejjeż operattivi addizzjonali, per eżempju, l-ispejjeż ta’ l-ipproċessar mill-ġdid f’perjodi li jwaqqaf iż-żewġ komponenti milli jisseparaw, it-tindif ta’ tankijiet u l-ħtieġa għal sistemi ta’ ċirkolazzjoni mill-ġdid ta’ prodotti.

(7)

L-emulsjonijiet ġew adottati fl-Italja għat-trasport pubbliku, il-ġbir ta’ skart u t-trasport ta’ prodotti (madwar 9 000 vettura) minn aktar minn 80 muniċipalità (5). L-emulsjonijiet jintużaw ukoll għall-iskop ta’ tisħin fi djar privati (madwar 100 dar) u bini pubbliku bħal mużewijiet, skejjel u universitajiet (madwar 300 bini msaħħan).

(8)

L-emulsjonijiet li jinsabu fis-suq Taljan huma prinċipalment ibbażati fuq taħlitiet ta’ nafta/ilma b’kontenut baxx ta’ kubrit u jintużaw għat-trapsort u għat-tisħin. Fl-2005 l-emulsjonijiet użati għat-trasport kienu kollha bbażati fuq iż-nafta, filwaqt li l-emulsjonijiet użati għat-tisħin kienu bbażati jew fuq iż-nafta jew fuq fuel tqil b’kontenut baxx ta’ kubrit. Emulsjonijiet oħra ta’ żejt karburanti tqil imsemmija fin-notifika - b’kontenut ta’ kubrit għoli jew baxx għall-użu industrijali u kontenut għoli ta’ kubrit għat-tisħin – ma kinux fis-suq fl-2005. Meta mqabbel mal-konsum ta’ fuels konvenzjonali, il-konsum ta’ emulsjonijiet fl-Italja hu pjuttost marġinali. Il-volumi ikkunsmati f’tunellati ta’ emulsjonijiet u ta’ fuels konvenzjonali fl-2005 kienu kif ġej:

 

Emulsjonijiet

Fuels konvenzjonali

Nafta għat-trasport

79 359

24,5 miljun

Nafta għat-tisħin

12 574

2,9 miljun

Żejt karburanti għat-tisħin

12 498

151 000

(9)

Fil-Komunità l-emulsjonijiet jintużaw prinċipalment fl-Italja. Madanakollu, l-użu ta’ din it-teknoloġija fit-trasport pubbliku tinsab f’fażi sperimentali f’ċerti Stati Membri, bħal Franza, ir-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka.

(10)

Il-miżura għandha l-għan li tippromwovi l-użu ta’ fuels ta’ emulsjoni billi tiżgura li jkunu disponibbli bi prezz raġjonevoli. L-għajnuna tikkumpensa d-differenza fl-ispiża bejn il-fuels konvenzjonali u l-emulsjonijiet. B’dan il-mod, tindirizza l-falliment fis-suq, jiġifieri li l-benefiċċji ambjentali ta’ l-emulsjonijiet mhumiex riflessi fil-prezz tas-suq tal-fuels konvenzjonali.

(11)

Il-miżura għandha tapplika għal sena: mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006. Il-baġit ippjanat huwa ta’ EUR 8.9 miljun. Il-benefiċjarji ta’ l-iskema jkunu bejn 11 u 50 produttur ta’ emulsjonijiet.

(12)

L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriċità (“Direttiva tat-taxxa dwar l-Enerġija”) (6), u b’mod partikolari r-raba’ inċiż tal-punt 8 fl-Anness II tiegħu, ippermettew lill-Italja sabiex tapplika dazju mnaqqas għal emulsjonijiet ta’ ilma mħallta ma’ nafta jew żejt karburanti sa tmiem l-2005. L-Italja nnotifikat il-miżura għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006, u għas-sena 2006 l-Italja fi ħsiebha tapplika l-iskema billi tuża d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

(13)

Meta mqabbla mar-rata normali għal fossil fuels li tapplika fl-Italja, il-vantaġġi tal-miżura f’termini ta’ rati mnaqqsa huma kif ġej (it-tnaqqis jingħata kollu għal kull litru ta’ l-emulsjoni ta’ nafta u għal kull kilogramm ta’ żejt karburanti tqil in kwistjoni):

Emulsjonijiet

Rata normali

Tnaqqis

Rata mnaqqsa

Livell minimu ta’ taxxa ta’ ETD (*1)

Ilma/nafta, użati bħala fuel għal vetturi fit-trasport

403 EUR

146,3 EUR

256,7 EUR

302 EUR

Ilma/nafta, użati għat-tisħin

403,2 EUR

158 EUR

245,2 EUR

21 EUR

Ilma/żejt karburanti tqil b’livell baxx ta’ kubrit, użati għat-tisħin

64,2 EUR

34,7 EUR

29,5 EUR

15 EUR

In-notifika ssemmi wkoll rati ta’ taxxa mnaqqsa għal emulsjonijiet li ma jinsabux fis-suq bħal emulsjonijiet ta’ ilma/żejt karburanti tqil għall-użu industrijali b’kontenut għoli u baxx ta’ kubrit (EUR 41.6 u EUR 20.8 rispettivament) u emulsjoni ta’ żejt karburanti tqil b’livelli għoli ta’ kubrit għall-użu ta’ tisħin (EUR 99.3).

(14)

Fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jissospendu l-għoti ta’ l-għajnuna taħt l-iskema kurrenti sar-rkupru ta’ kwalunkwe għajnuna inkompatibbli mill-kumpaniji li huma soġġetti għal deċiżjoni ta’ għajnuna mill-Istat negattiva, u b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/128/KE tal-11 ta’ Mejju 1999 dwar l-għajnuna mogħtija mill-Italja sabiex tippromwovi l-impjiegi (ĠU L 42, 15.2.2000, p. 1), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/CE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa u self privileġġjat favur utilitajiet pubbliċi fl-Italja (7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/800/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Italja li tipprevedi miżuri urġenti sabiex jassistu l-impjiegi (8), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/315/KE ta’ l-20 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Italja għal kumpaniji li jinvestu f’muniċipalitajiet effettwati serjament minn diżastri naturali fl-2002 (9).

III.   BAŻI SABIEX TINBEDA L-PROĊEDURA TA’ L-ARTIKOLU 88(2)

(15)

Fil-każ ta’ emulsjonijiet ta’ nafta użati bħala fuel għall-vetturi l-Italja tapplika rata minima ta’ taxxa ta’ EUR 302 biss għall-parti mit-taħlita li hija fossil fuel. Għalhekk it-taxxa finali għall-emulsjoni hija ta’ EUR 256.7. Il-Kummissjoni iddubitat dwar jekk l-eżenzjoni ta’ taxxa għal emulsjonijiet użati bħala fuel għall-vetturi ikkonformatx mal-livell ta’ tassazzjoni applikabbli taħt id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija u li ma effettwatx il-kundizzjonijiet kummerċjali jew ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni sa punt kuntrarju għall-interess komuni.

(16)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani irrifjutaw li jimpenjaw irwieħhom sabiex jissospendu l-għoti ta’ għajnuna ġdida taħt l-iskema ta’ bħalissa lil kumpaniji li ma għamlux rifużjoni ta’ l-għajnuna inkompatibbli skond id-deċiżjoni ta’ rkupru preċedenti. Għalhekk kien impossibbli għall-Kummissjoni li tqis id-distorsjoni akkumulata li rriżultat mill-għajnuna l-antika u dik il-ġdida.

IV.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(17)

Il-partijiet interessati li ġejjin ressqu l-kummenti tagħhom fuq l-inizjazzjoni tal-proċedura: l-Unione Petrolifera fit-3 ta’ Awwissu 2006 u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifattura taż-Żejt ta’ Emulsjoni (EEFMA) fis-7 ta’ Awwissu 2006.

(18)

L-EEFMA saħqet li ż-żjut ta’ emulsjoni huma l-uniċi żjut li jnaqqsu, simultanjament, l-ossidu ta’ nitroġenu, l-emissjonijiet ta’ partikolati u diossidu tal-karbonju ta’ makni bid-diesel mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwi modifiki tekniċi.

(19)

L-EEFMA elaborat fid-dettall dwar il-kwistjoni li ż-żieda ta’ l-ilma fin-nafta tibdel il-karatteristiċi tal-fuel. Il-preżenza ta’ l-ilma tagħti lill-emulsjoni dehra li tixbah lill-ħalib f’temperatura normali, filwaqt li n-nafta tkun ċara u trasparenti. Il-karatteristika li tiddistingwi l-emulsjoni hi l-istabbilità tagħha biċ-ċentrifugazzjoni. L-intervall ta’ densità ta’ l-emulsjoni, 842-870 kg/m3 hu konsiderevolment ogħla minn dak tan-nafta li hu ta’ 820-845 kg/m3. L-istess japplika għall-intervall ta’ viskożità f’40 °C. Il-qawwa kalorifika medja tan-nafta hi ta’ 10 500 kcal/kg, filwaqt li dik ta’ l-emulsjonijiet hija ta’ 9 300 kcal/kg. Din id-differenza tispjega l-għaliex il-konsum medju ta’ l-emulsjoni għal kull medda ta’ km hu ogħla minn dak tan-nafta.

(20)

L-Unjoni tal-Petroleum indikat li l-benefiċjarji ta’ l-għajnuna mill-Istat in kwistjoni m’humiex benefiċjarji ta’ għajnuna li tqieset bħala illegali skond id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 14.

V.   KUMMENTI MILL-ITALJA

(21)

L-Italja ressqet il-kummenti tagħha fil-11 ta’ Lulju 2006 u ikkummentat fuq l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi b’ittri datati t-13 ta’ Settembru 2006 u t-28 ta’ Settembru 2006.

(22)

L-Italja ddeskriviet il-karattru speċifiku ta’ l-emulsjonijiet fid-dettall. B’mod partikolari, l-Italja indikat li, minħabba l-istruttura fiżika tagħhom, l-emulsjonijiet għandhom jitqiesu bħala magħmula minn żewġ partijiet: waħda “attiva”, magħmula minn idrokarbonji (diesel jew żejt karburanti) u bħala tali, bil-kapaċità li tipproduċi enerġija wara l-karburazzjoni jew kombustjoni; l-oħra kompletament “passiva”, magħmula minn ilma, li hu presenti għall-iskop tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet inkwinanti meta mqabbla ma’ diesel jew żejt karburanti użati fil-kundizzjoni pura tagħhom. L-ilma preżenti fl-emulsjonijiet jassorbi wkoll l-enerġija waqt il-proċess ta’ tisħin u jiġi trasformat fi fwar. Tali emulsjonijiet huma għalhekk prodotti b’karatteristiċi speċifiċi li huma differenti mill-prodotti ta’ petroleum tradizzjonali.

(23)

L-Italja saħqet li l-ilma hu preżenti biss b’mod temporanju fit-tħejjija għall-iskop tat-titjib fil-kombustjoni bi tnaqqis konsegwenti fl-emissjonijiet inkwinanti u benefiċċji ambjentali.

(24)

L-awtoritajiet Taljani irreferew għall-kummenti mressqa mill-Unione Petrolifera lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-benefiċjarji ta’ l-għajnuna. Fil-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-kummenti, l-awtoritajiet Taljani impenjaw irwieħhom sabiex jissospendu l-ħlas ta’ għajnuna jekk il-benefiċjarju tkun kumpanija li għadha ma għamlitx rifużjoni jew ma’ ħallsitx f’kont imblukkat kwalunkwe għajnuna illegali jew inkompatibbli li ngħatat fuq il-bażi ta’ waħda mill-miżuri ta’ għajnuna msemmija mill-Kummissjoni.

VI.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(25)

L-Italja nnotifikat il-miżura lill-Kummissjoni u d-dħul tagħha fis-seħħ hu soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, għalhekk l-Italja ikkonformat ma’ l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 88(3) tat-Trattat ta’ KE. Billi l-Italja nnotifikat l-għajnna għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006, din l-evalwazzjoni tirrigwarda biss dan il-perjodu u hi mingħajr preġudizzju għall-miżura applikata mill-Italja fl-imgħoddi.

L-eżistenza ta’ għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat ta’ KE

(26)

Skond l-Artikolu 87 tat-Trattat ta’ KE, l-Għajnuna mill-Istat hi (a) kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi Statali (b) li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (ċ) billi tiffavorixxi ċerti impriżi, (d) sakemm teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(27)

L-għan ta’ din il-miżura hu li tikkompensa lill-produtturi ta’ emulsjonijiet għal parti mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom; il-miżura għalhekk tiffavorixxi ċerti impriżi u l-produzzjoni ta’ ċerti prodotti. It-tnaqqis ta’ dazju jingħata minn riżorsi ta’ l-Istat għax bit-tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq il-prodotti l-Istat jitlef il-qligħ.

(28)

Il-miżura hija selettiva għaliex il-produzzjoni ta’ emulsjonijiet titlob għarfien u tagħmir speċifiku u l-emulsjonijiet jinbiegħu lil numru limitat ta’ konsumaturi. Għalhekk, l-ispiża tad-dħul fis-suq ta’ l-emulsjonijiet hija waħda għolja. It-tnaqqis fir-rati ta’ taxxa għal emulsjonijiet jagħti vantaġġ biss lil numru limitat ta’ produtturi ta’ emulsjonijiet.

(29)

B’konsegwenza ta’ rifużjonijiet ta’ taxxa, il-prezzijiet għal emulsjonijiet jistgħu jitnaqqsu għal livell li jkun kompetittiv mal-fossil fuels. Billi l-emulsjonijiet iservu ta’ sostitut għall-fossil fuels, dan il-vantaġġ jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ta’ l-UE. Billi l-fuels huma kummerċjabbli internazzjonalment, il-miżura probabbilment teffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat ta’ KE.

Eżenzjoni taħt l-Artikolu 87 (3)(ċ) tat-Trattat tal-KE

(30)

L-Artikolu 87 (3)(ċ) tat-Trattat tal-KE jipprovdi eżenzjoni mir-regola ġenerali ta’ inkompatibilità mas-suq komuni kif stabbilit fil-paragrafu () ta’ dak l-Artikolu għal għajnuna sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma teffettwax b’mod ħażin il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt kuntrarju għall-interess komuni.

(31)

Il-miżuri ta’ għajnuna proposta huma mfassla sabiex itejbu l-użu ta’ fuels li jħarsu l-ambjent sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet inkwinanti, inklużi l-partikolati, u jnaqqsu ftit l-emissjonijiet ta’ gass b’effett-serra. Il-Kummissjoni tinnota li t-tnaqqis ta’ dawn il-gassijiet u t-tnaqqis ta’ emissjonijiet inkwinanti kienu inkoraġġiti sa mill-1985 b’għadd ta’ miżuri Komunitarji (10), bl-aktar ħarsa riċenti tkun l-Istrateġija Tematika fuq l-Inwkinazzjoni ta’ l-Arja (11). L-għanijiet ta’ l-iskema preżenti huma konformi mal-politika ta’ l-UE f’dan is-settur.

(32)

Il-fuels ta’ emulsjoni mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fid-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar il-promozzjoni ta’ elettriċità prodotta minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fis-suq intern ta’ l-elettriċità (12) u mhumiex meqjusa bħala biofuels mid-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni ta’ l-użu ta’ biofuels jew fuels oħra li jiġġeddu għat-trasport (13). Madanakollu, l-użu ta’ fuels ta’ emulsjoni jirriżulta fi tnaqqis ta’ inkwinament u emissjonijiet ta’ gass b’effett serra. Il-miżura għalhekk fiha benefiċċju ambjentali ċar. Dan kien ikkonfermat ukoll mill-programm Auto-Oil II (14). Il-Kummissjoni tfakkar li fuels ta’ emulsjoni urew li jirriżultaw fi tnaqqis ta’ 59 % f’partikolati, 6 % tnaqqis f’ossidi ta’ nitroġenu (NOx) u 32 % tnaqqis fil-monossidu tal-karbonju (CO) (tnaqqis attwali jiddependi fuq il-proporzjon ta’ ilma-diesel). Testijiet u studji oħra rrappurtaw tnaqqis minuri fl-emissjonijiet ta’ gass b’effett-serra. Dawn il-benefiċċji huma konformi bis-sħiħ mal-politika ambjentali tal-Komunità.

(33)

Skond is-sezzjoni E.3 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent (15) (il-Linji Gwida dwar il-Ħarsien ta’ l-Ambjent), l-għajnuna għall-operat għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded tkun normalment permissibbli. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li tali għajnuna tikkwalifika għal trattament speċjali minħabba d-diffikultajiet li dawn is-sorsi kultant iltaqgħu magħhom sabiex jikkompetu b’mod effettiv mas-sorsi konvenzjonali.

(34)

Il-Punt 6 tal-Linji Gwida dwar l-Ambjent jiddefinixxi l-enerġija li tiġġedded bl-istess mod bħad-Direttiva 2001/77/KE. Kif spjegat hawn fuq, l-emulsjonijiet ma jaqgħux f’din id-definizzjoni. Għar-raġunijiet li ġejjin, madanakollu, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna notifikata tista’ tkun evalwata b’analoġija mal-punt E.3.3. tal-Linji Gwida Dwar l-Għajnuna Ambjentali:

Kif spjegat fil-paragrafu 31 hawn fuq, l-iskema hi konformi ma’ l-għanijiet tal-politika Komunitarja u żżid mat-titjib ta’ l-ambjent.

L-emulsjonijiet jiffaċċjaw diffikultajiet simili għal dawk ta’ fuels derivati minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu (per eżempju biofuels) biex jikkompetu b’mod effettiv ma’ fuel minn sorsi konvenzjonali: Jiġifieri spejjeż (tal-bidu) ta’ produzzjoni għaljin, nuqqas ta’ infrastruttura ta’ akkomodazzjoni fil-katina ta’ distribuzzjoni u nuqqas ta’ utenti b’sistemi ta’ kombustjoni adattati kif xieraq fil-vetturi tagħhom.

Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ fuels konvenzjonali tkun relattivament limitata meta titqies il-pożizzjoni b’saħħitha li għad għandhom il-fuels konvenzjonali fis-suq u meta jitqies l-għadd limitat ta’ utenti ta’ emulsjonijiet.

Id-distorsjonijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ kummerċ fir-rigward ta’ fuels konvenzjonali jkunu limitati wkoll minħabba ħtiġijiet speċifiċi ta’ trasport u ħażna ta’ l-emulsjonijiet, per eżempju l-ħtieġa għal ipproċessari mill-ġdid f’perjodi.

L-Italja se tressaq rapporti ta’ sorveljanza li jippermettu lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-applikazzjoni ta’ l-iskema.

(35)

Skond il-punt 56 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna għall-Ambjent, l-għajnuna ta’ operat għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded tista’ tkun permessa. Il-Punt 56 tal-Linji Gwida dwar l-Ambjent jipprevedi għajnuna sabiex tkun koperta d-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu (fil-każ preżenti, l-emulsjonijiet) u l-prezz fis-suq ta’ dik l-enerġija. Dan jimplika li l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ emulsjonijiet, wara li titqies l-għajnuna, m’għandhomx jikkumpensaw iżżejjed, jiġifieri m’għandhomx ikunu inqas mill-prezz tas-suq ta’ enerġija komparabbli miksuba minn għejun ta’ enerġija fossili li għaliha ma tkun ingħatat l-ebda għajnuna.

(36)

L-Italja ipprovdiet kalkoli tan-nefqa ta’ produzzjoni bbażati fuq id-data għall-2006. Il-fattur ewlieni li jiddetermina l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ emulsjonijiet hu l-prezz tal-materja prima (per eżempju surfattant u anti-freeze) li jiġu miżjuda mal-fossil fuels u l-ilma. Spejjeż oħra huma dawk ta’ loġistika bħal ħażna f’tankijiet speċjali u trasport fi trakkijiet apposta. Flimkien ma’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni tqies ukoll li, minħabba l-valur inqas ta’ enerġija ta’ emulsjonijiet meta mqabbla ma’ fossil fuels, il-konsum ta’ emulsjonijiet hu stmat li huwa 10 % ogħla. Barra minn hekk, l-użu ta’ emulsjonijiet iżid spejjeż operattivi addizzjonali fuq il-konsumaturi (per eżempju t-tindif ta’ tankijiet u sistemi ta’ ċirkolazzjoni mill-ġdid). Il-kalkoli ta’ l-ispejjeż totali tal-produzzjoni ta’ emulsjonijiet jinkludu qligħ ġust ta’ 5 %. Il-prezz tas-suq ta’ fossil fuels rappurtat mill-Italja għal tqabbil ma’ emulsjonijiet ta’ nafta hu medja tal-prezzijiet ta’ nafta fl-ewwel ħmistax-il jum ta’ Marzu 2006 (16).

(37)

Mit-tabella t’hawn taħt, li hi bbażata fuq l-informazzjoni ipprovduta mill-Italja, jidher ċar li l-għajnuna tippermetti lill-produtturi sabiex ibiegħu l-emulsjonijiet bi prezz suffiċjenti sabiex jikkompeti ma’ fossil fuels.

(38)

Sabiex tevita l-kumpens żejjed fil-perjodu sħiħ ta’ l-iskema, l-Italja impenjat ruħha li tissorvelja tibdil fil-prezzijiet ta’ fossil fuels u nefqiet ta’ produzzjoni ta’ emulsjonijiet kull sitt xhur. Fejn id-differenza bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ emulsjonijiet u l-prezz ta’ referenza ta’ fossil fuels taqbeż il-valur tat-tnaqqis, l-Italja taġġusta r-rifużjoni tat-taxxa sabiex tevita l-kumpens żejjed.

 

Emulsjonijiet ta’ ilma bi:

Nafta, użata fit-trasport

nafta, użata għat-tisħin

fuel tqil b’livell baxx ta’ kubrit użat għat-tisħin

Materja prima:

A)

Fossil fuel

387

387

362

B)

Ilma dejonizzat

0,5

0,5

0,5

Ċ)

Surfattant u amortizzazzjoni ta’ riċerka

62

62

14,5

D)

Antifreeze

8

8

 

E)

Cetane improver

3,5

3,5

 

F)

Batteriċida

1

1

 

Spejjeż loġistiċi:

G)

Ħażna f’tankijiet

6

6

6

H)

Trasport f’tankijiet speċjali

4

4

4

I)

Spejjeż oħra (straordinarji)

1

1

1

J)

Spejjeż ta’ produzzjoni

10

10

10

K)

Spejjeż totali: Total minn A sa J

483

483

398

L)

Marġini ta’ profitt: 5 % ta’ K

24,15

24,15

19,9

M)

Total, esklużi t-taxxi K + L

507,15

507,15

417,9

N)

Dazju ta’ l-emulsjoni

256

245

29,5

O)

Fattur ta’ aġġustament tal-kontenut enerġetiku: 10 % de (M + N)

76,31

75,21

44,74

P)

Spejjeż operattivi addizzjonali

10

10

10

R)

Prezz aħħari ta’ emulsjonijiet eskluża l-VAT: (M + N + O + P)

849,46

837,36

502,14

S)

Prezz aħħari ta’ fossil fuels eskluża l-VAT (*2):

843

831

490

Differenza (R – S) (*3)

6,46

6,36

12,14

(39)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-għajnuna hi ristretta sabiex tkopri d-differenza bejn l-ispiża tal-produzzjoni ta’ l-enerġija minn għejun ta’ enerġija li jiġġeddu u l-prezz tas-suq ta’ dik l-enerġija u li m’hemm l-ebda kumpens żejjed fit-tifsira tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali.

(40)

Billi l-miżura tirrigwarda rifużjoni ta’ dazju għal prodott ta’ enerġija, il-Kummissjoni evalwatha wkoll fir-rigward tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

(41)

Id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija tistabbilixxi livelli minimi ta’ tassazzjoni għal prodotti ta’ enerġija. Sa fejn jirrigwarda t-taħlitiet ta’ fuel, il-livell minimi huma applikabbli għall-prodotti finali. Sabiex ikunu implimentati politiki xierqa għal ċirkostanzi nazzjonali, id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija tippermetti lill-Istati Membri sabiex japplikaw eżenzjonijiet u rifużjonijiet ta’ taxxa meta ma jkunux ta’ dannu għall-operat xieraq tas-suq intern u ma jirriżultawx f’distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(42)

Fil-prinċipju, l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija jippermetti lill-Istati Membri sabiex inaqqsu r-rati ta’ taxxa ta’ prodotti ta’ fuel finali mir-rata normali għal l ivell mhux inqas mil-livell minimu ta’ tassazzjoni f’ċerti każijiet, per eżempju meta jkun hemm titjib fil-kwalità tal-fuels. L-Artikolu 16 jippermetti lill-Istati Membri sabiex japplikaw eżenzjoni jew rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-parti li tiġġedded u dik ta’ ilma tat-taħlita.

(43)

Sabiex ikun applikat l-Artikolu 5 bħala ġustifikazzjoni għar-rifużjonijiet ta’ taxxa, l-emulsjonijiet għandhom ikunu fuels ta’ kwalità mtejba meta mqabbla ma’ fossil fuels korrispondenti. It-tagħrif ipprovdut mill-Italja u l-kummenti tal-partijiet terzi juru b’mod ċar li ż-żieda ta’ l-ilma ma’ fossil fuels tibdel il-karatteristiċi fiżiċi tagħhom u ġġib benefiċċji ambjentali.

(44)

Wara li jiżdied l-ilma, il-fuel jinbidel fid-dehra, id-densità, il-viskożità u l-valur kaloriku tiegħu. Il-preżenza ta’ l-ilma ttejjeb il-kwalità ta’ kombustjoni u tirriżulta f’emissjonijiet inqas inkwinanti ta’ partikolati PM, ossidi ta’ nitroġenu u diossidu tal-karbonju. Għalhekk l-emulsjonijiet jistgħu jkunu trattati bħala titjib fil-kwalità ta’ fossil fuels bħala tali. L-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 għall-emulsjonijiet jippermetti t-tnaqqis tar-rata ta’ dazju għal-livell minimu speċifikat fid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

(45)

Fil-każ ta’ emulsjonijiet ta’ nafta użata bħala fuel għall-vetturi, l-Italja tuża l-Artikolu 16 u, filwaqt li tibda mil-livell minimu Komunitarju ta’ tassazzjoni ta’ EUR 302, tagħmel eżenzjoni fuq il-parti ta’ l-ilma fit-taħlita. Għalhekk it-taxxa finali għal dawn l-emulsjonijiet hija 15 % inqas mir-rata minima ta’ taxxa u tammonta għal EUR 256.7.

(46)

Il-Kummissjoni sabet li, fil-każ partikolari ta’ l-emulsjonijiet, dan l-approċċ hu ġustifikat bl-Artikolu 5 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija, meqjusa b’mod konġunt. Iż-żieda ta’ l-ilma f’fossil fuels tirriżulta fi prodott fiżikament differenti, bi kwalità mtejba ta’ kombustjoni u benefiċċji ambjentali konsegwenti. Dan iġib l-applikazzjoni ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva. Simultanjament, il-prodott finali fih 15 % ilma, li hu eliġibbli għal koċessjonijiet fuq taxxa skond l-Artikolu 16.

(47)

Għar-raġunijiet t’hawn fuq, it-tnaqqis f’tassazzjoni għall-emulsjonijiet propost mill-Italja hu konformi mad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

(48)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat il-problema ta’ l-akkumulazzjoni potenzjali ta’ distorsjoni li tiġi mill-għajnuna taħt l-iskema ta’ tnaqqis tad-dazju u distorsjonijiet oħra li ġejjin minn għajnuna oħra illegali u inkompatibbli, b’mod partikolari taħt l-iskemi msemmija fil-paragrafu 14, li li għadha ma ngħatatilhiex rifużjoni. Skond id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997 (17), il-kompatibilità ta’ għajnuna ġdida tista’ tiddependi fuq l-eżistenza ta’ kwalunkwe għajnuna illegali preċedenti li ma ġietx imħallsa lura, ladarba l-effett kumulattiv ta’ l-għajnuna jista’ joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq komuni sa punt sinifikattiv.

(49)

Il-Kummissjoni tinnota li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-deċiżjoni fuq Deggendorf, l-awtoritajiet Taljani irreferew għall-kummenti mressqa lill-Kummissjoni mill-Unione Petrolifera, li stqarru li: “il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna in kwistjoni huma differenti mill-benefiċjarji ta’ l-hekk imsejħa għajnuna illegali”. Fil-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-kummenti, l-awtoritajiet Taljani impenjaw irwieħhom sabiex jissospendu l-ħlas ta’ għajnuna jekk il-benefiċjarju tkun kumpanija li għadha ma għamlitx rifużjoni jew ma’ ħallsitx f’kont imblukkat kwalunkwe għajnuna illegali jew inkompatibbli li waslet fuq il-bażi ta’ waħda mill-miżuri ta’ għajnuna msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura.

(50)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li waqt il-proċedura taħt l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE ma rċeviet l-ebda kumment minn partijiet terzi li l-għajnuna proposta tista’ teffettwa l-kundizzjonijiet ta’ kummerċ u toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni sa punt kuntrarju għall-interess komuni.

VII.   KONKLUŻJONIJIET

(51)

Fuq il-bażi ta dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hi konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna Ambjentali applikati b’analoġija u d-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija. Barra minn hekk, l-Italja impenjat ruħha sabiex tissospendi l-għoti ta’ għajnuna ġdida taħt l-iskema ta’ bħalissa lil kumpaniji li ma għamlux rifużjoni ta’ l-għajnuna inkompatibbli skond id-deċiżjoni ta’ rkupru preċedenti relevanti. Il-miżura għalhekk tista’ titqies bħala waħda kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li l-Italja qed tippjana sabiex timplimenta għal rifużjonijiet ta’ taxxa fuq emulsjonijiet għall-2006, li jammontaw għal EUR 8.9 miljun, hi kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat.

L-implimentazzjoni tal-miżura hi awtorizzata skond dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Italja.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Diċcembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 157, 6.7.2006, p. 8.

(2)  Ara n-nota 1 t’isfel.

(3)  Studji mwettqa minn Laboratori ENI Tecnologie u ċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta ta’ l-Unjoni Ewropea f’Ispra (per eżempju, riċerka mwettqa fl-Azzjoni 2113 – Karatterizzazzjoni u Inventarji ta’ l-Emissjonijiet).

(4)  Tnaqqis attwali jiddependi fuq il-proporzjon ta’ petrol-diesel.

(5)  Inklużi bliet kbar bħal Milan, Ruma, Napli, Turin u Genoa.

(6)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(*1)   ETD – Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija

(7)   ĠU L 77, 24.3.2003, p. 21.

(8)   ĠU L 352, 27.11.2004, p. 10.

(9)   ĠU L 100, 20.4.2005, p. 46.

(10)  Fost l-oħrajn, il-White Paper ta’ l-1997 dwar enerġiji li jiġġeddu (COM(1997) 599 finali, 26.11.1997), il-Green paper tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-forniment ta’ enerġija fl-Unjoni Ewropea (COM(2000) 769, 29.11.2000), u l-komunikat tal-Kummissjoni dwar fuels alternattivi għal trasport fit-triq u dwar sett ta’ miżuri sabiex ikun promoss l-użu ta’ biofuels (COM(2001) 547, 7.11.2001).

(11)  COM(2005)446.

(12)   ĠU L 283, 27.10.2001, p. 33.

(13)   ĠU L 123, 17.5.2003, p. 42.

(14)  Ara r-rapport finali dwar il-Programm imħejji għad-DĠ Enerġija dwar il-website li ġejja: http://ec.europa.eu/energy/oil/fuels/doc/alternative_fuels_en.pdf.

(15)   ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

(16)  Għal tqabbil ma’ emulsjonijiet ta’ żejt karburanti tqil intuża prezz medju tas-suq mistħarreġ mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan.

(*2)   Din tirreferi għall-prezz medju għad-Diesel b’kubrit baxx Platt fl-ewwel 15-il jum ta’ Marzu 2006 + EUR 25/1 000 litru li jikkorrispondu għal medja tad-differenza bejn il-prezz extra-network u ta’ Platt. Tqies li d-densità tan-nafta hi ta’ 0 845 kg/l. Għal żejt tqil għat-tisħin il-prezz jirreferi għall-prezz medju tas-suq mistħarreġ mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan.

(*3)   Jekk id-differenza tkun pożittiva, il-livell ta’ għajnuna jkun permissibbli. Jekk id-differenza tkun negattiva, il-livell ta’ għajnuna jkun għoli wisq u jirriżulta f’kumpens żejjed.

(17)  Il-Każ C-355/95P Textilwerke Deggendorf GmbG (TWD) v l-Kummissjoni [1997] ECR I-2549, paragrafi 25-27.


Top