EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0339

2007/339/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal- 25 ta' April 2007 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, min-naħa l-oħra

ĠU L 134, 25.5.2007, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/339/oj

Related international agreement

25.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 134/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI TA' L-UNJONI EWROPEA, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

tal-25 ta' April 2007

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, min-naħa l-oħra

(2007/339/KE)

Il-kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-istati Membri mlaqqgħin fil-kunsill ta' l-unjoni ewropea,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità u l-Istati Membri, Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”) skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati.

(2)

Il-Ftehim ġie inizjalat fit-2 ta' Marzu 2007.

(3)

Il-Ftehim negozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat b'mod provviżorju mill-Komunità u mill-Istati Membri, suġġett għall-konklużjoni eventwalment possibbli tiegħu f'data aktar tard.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali sabiex jiġi deċiż, jekk ikun il-każ, kif titwaqqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim u jiġu sospiżi d-drittijiet taħt l-Artikolu 21(3) tal-Ftehim. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Komunità u ta' l-Istati Membri fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 18 tal-Ftehim u fil-proċeduri ta' arbitraġġ previsti fl-Artikolu 19 tal-Ftehim, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim, inklużi dawk li jikkonċernaw is-sigurtà, is-sikurezza, l-għoti u r-revoka tad-drittijiet tat-traffiku u l-appoġġ mill-Gvern,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Iffirmar u applikazzjoni provviżorja

1.   L-iffirmar tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità, suġġett għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim f'isem il-Komunitá, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

3.   Sa meta jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jkun applikat fuq bażi provviżorja mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha, skond l-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, mit-30 ta' Marzu 2008. Dan għandu jiġi konfermat fl-okkażjoni ta' l-iffirmar tal-Ftehim ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

4.   Deċiżjoni sabiex titwaqqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim u sabiex tingħata notifika ta' dan lill-Istati Uniti ta' l-Amerika skond l-Artikolu 25(2) tal-Ftehim, u deċiżjoni sabiex tiġi rtirata tali notifika, għandhom jittieħdu mill-Kunsill, f'isem il-Komunità u l-Istati Membri, waqt li jaġixxi b'unanimità skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

Artikolu 2

Sospensjoni tad-drittijiet tat-traffiku

1.   Jekk ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim tat-tieni fażi sa' tnax-il xahar mill-bidu tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 21(3) tal-Ftehim, kwalunkwe Stat Membru jista', fi żmien il-15-il ġurnata ta' wara, jinnotifika lill-Kummissjoni dwar liema drittijiet tat-traffiku relatati mat-territorju tiegħu, jekk ikun hemm, huwa jixtieq jossospendi. Tali drittijiet tat-traffiku ma jistgħux jinkludu xi dritt speċifikat fil-ftehim imsemmijin fl-Anness I mal-Ftehim.

2.   Abbażi tan-notifiki riċevuti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tad-drittijiet tat-traffiku li jkollhom jiġu sospiżi u tgħaddiha lill-Kunsill. Il-President tal-Kunsill, li jaġixxi f'isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, għandu mbagħad jagħti notifika lill-Istati Uniti ta' l-Amerika tas-sospensjoni tad-drittijiet tat-traffiku inklużi fil-lista skond l-Artikolu 21(3) tal-Ftehim. L-Istati Membri konċernati għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu sospiżi tali drittijiet mill-ewwel ġurnata ta' l-istaġun tat-traffiku ta' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (IATA) li jibda mhux anqas minn tnax-il xahar wara d-data li fiha tingħata n-notifika tas-sospensjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li ma jagħtix notifika tas-sospensjoni jew li jirtiraha sussegwentement.

Artikolu 3

Kumitat Konġunt

1.   Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom ikunu rappreżentati fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 18 tal-Ftehim minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha fil-Kumitat Konġunt rigward kwistjonijiet li jaqgħu fl-Artikolu 14 jew 20 tal-Ftehim jew kwistjonijiet li ma jeħtiġux l-adozzjoni ta' deċiżjoni li jkollha effetti legali.

3.   Għal deċiżjonijiet oħra tal-Kumitat Konġunt rigward kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandha tkun adottata mill-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni.

4.   Għal deċiżjonijiet oħra tal-Kumitat Konġunt rigward kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza ta' l-Istati Membri, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha għandha tkun adottata mill-Kunsill, waqt li jaġixxi b'unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri.

5.   Il-pożizzjoni tal-Komunità u ta' l-Istati Membri fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni, ħlief f'oqsma li jaqgħu esklussivament fil-kompetenza ta' l-Istati Membri, f'liema każ hija għandha tiġi ppreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill jew, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Arbitraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Komunità u lill-Istati Membri fi proċedimenti ta' arbitraġġ taħt l-Artikolu 19 tal-Ftehim.

2.   Deċiżjoni li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-benefiċċji skond l-Artikolu 19(7) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata.

3.   Kwalunkwe azzjoni xierqa oħra li tkun trid tittieħed taħt l-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni, bl-assistenza ta' Kumitat Speċjali ta' rappreżentanti ta' l-Istati Membri maħtura mill-Kunsill.

Artikolu 5

Informazzjoni lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet ta' linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika li huma adottaw taħt l-Artikoli 4 jew 5 tal-Ftehim.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba jew notifika magħmula jew riċevuta minnhom taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim.

3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba jew notifika magħmula jew riċevuta minnhom taħt l-Artikolu 9 tal-Ftehim.

Artikolu 6

Sussidji u appoġġ mill-Gvern

1.   Jekk Stat Membru jemmen li sussidju jew appoġġ li jkun qed jiġi kkunsidrat jew provdut minn entità governattiva fit-territorju ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika ser ikollu l-effetti kompetittivi avversi msemmija fl-Artikolu 14(2) tal-Ftehim, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'din il-kwistjoni, li tista' tikkuntattja lil tali entità jew titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 18 tal-Ftehim.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni meta jiġu kkuntattjati mill-Istati Uniti ta' l-Amerika taħt l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim.

Magħmul fil-Lussemburgu, 25 ta' April 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. TIEFENSEE


FTEHIM DWAR IT-TRASPORT BL-AJRU

L-ISTATI UNITI TA' L-AMERIKA (minn hawn 'il quddiem l-“Istati Uniti”), minn naħa waħda;

u

IR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA,

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA TA' L-ESTONJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-REPUBBLIKA TA' L-UNGERIJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

MALTA,

IR-RENJU TA' L-OLANDA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-PORTUGALL,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVAKKJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-RENJU TA' L-IŻVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

bħala Partijiet għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewopea u bħala Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem l-“Istati Membri”),

u l-KOMUNITÀ EWROPEA, min-naħa l-oħra;

BILLI JIXTIEQU jippromwovu sistema ta' avjazzjoni internazzjonali bbażata fuq il-kompetizzjoni bejn linji ta' l-ajru fis-suq bl-inqas indħil u regolamentazzjoni governattivi;

BILLI JIXTIEQU jiffaċilitaw l-espansjoni ta' l-opportunitajiet tat-trasport internazzjonali bl-ajru, anke permezz ta' l-iżvilupp ta' netwerks tat-trasport bl-ajru sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' passiġġieri u trasportaturi tal-merkanzija għal servizzi konvenjenti tat-trasport bl-ajru;

BILLI JIXTIEQU joħolqu l-possibbiltà għal-linji ta' l-ajru li joffru prezzijiet u servizzi kompetittivi fi swieq miftuħa lill-pubbliku li jivvjaġġa u jittrasporta l-merkanzija;

BILLI JIXTIEQU li s-setturi kollha ta' l-industrija tat-trasport bl-ajru, inklużi l-ħaddiema tal-linji ta' l-ajru, jibbenefikaw minn ftehim liberalizzat;

BILLI JIXTIEQU jiżguraw l-ogħla livell ta' sikurezza u sigurtà fit-trasport internazzjonali bl-ajru u waqt li jaffermaw mill-ġdid it-tħassib serju tagħhom dwar atti jew theddid kontra s-sigurtà ta' l-inġenji ta' l-ajru, li jipperikolaw is-sikurezza ta' persuni jew proprjetà, jolqtu ħażin l-operat tat-trasport bl-ajru, u jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fis-sikurezza ta' l-avjazzjoni ċivili;

FILWAQT LI JINNOTAW il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, miftuħa għall-iffirmar f'Chicago fis-7 ta' Diċembru, 1944;

FILWAQT LI JAGĦRFU li sussidji governattivi jistgħu jolqtu ħażin il-kompetizzjoni bejn il-linji ta' l-ajru u jistgħu jipperikolaw l-objettivi bażiċi ta' dan il-Ftehim;

FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-protezzjoni ta' l-ambjent fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-avjazzjoni internazzjonali;

FILWAQT LI JINNOTAW l-importanza li l-konsumaturi jiġu protetti, inklużi l-protezzjonijiet mogħtija permezz tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, magħmula f'Montreal fit-28 ta' Mejju, 1999;

BIL-ĦSIEB LI JIBNU fuq il-qafas ta' ftehim eżistenti bl-għan li jiftħu l-aċċess għas-swieq u jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji ta' l-ajru, ix-xogħol, u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku;

FILWAQT LI JAGĦRFU l-importanza li jtejbu l-aċċess tal-linji ta' l-ajru tagħhom għal swieq globali kapitali sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġu promossi l-objettivi ta' dan il-Ftehim;

BIL-ĦSIEB LI JISTABBILIXXU preċedent ta' sinifikat globali sabiex jippromwovu l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni f'dan is-settur ekonomiku kruċjali;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, sakemm ma jingħadx diversament, it-terminu:

1.

“Ftehim” tfisser dan il-Ftehim, l-Annessi u l-Appendiċi tiegħu, u kwalunkwe emenda magħmula lilhom;

2.

“Trasport bl-ajru” tfisser it-trasport b'inġenji ta' l-ajru ta' passiġġieri, bagalji, merkanzija, u posta, separatament jew flimkien, offrut lill-pubbliku bi ħlas jew kiri;

3.

“Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, miftuħa għall-iffirmar f'Chicago fis-7 ta' Diċembru 1944, u tinkludi:

(a)

kwalunkwe emenda li daħlet fis-seħħ taħt l-Artikolu 94(a) tal-Konvenzjoni u li ġiet ratifikata kemm mill-Istati Uniti kif ukoll mill-Istat Membru jew l-Istati Membri kif ikun rilevanti għas-suġġett in kwistjoni,

u

(b)

kwalunkwe Anness jew kwalunkwe emenda magħmula lilu adottata taħt l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni, safejn tali Anness jew emenda hija effettiva fi kwalunkwe waqt partikolari kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Istat Membru jew Stati Membri kif ikun rilevanti għas-suġġett in kwistjoni;

4.

“spiża sħiħa” tfisser l-ispiża għall-forniment ta' servizz flimkien ma' ħlas raġonevoli għall-ispejjeż amministrattivi;

5.

“Trasport internazzjonali bl-ajru” tfisser trasport bl-ajru li jgħaddi mill-ispazju ta' l-ajru fuq it-territorju ta' aktar minn Stat wieħed;

6.

“Parti” tfisser jew l-Istati Uniti jew il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

7.

“Prezz” tfisser kull noll, rata jew ħlas għat-trasport bl-ajru ta' passiġġieri, bagalji u/jew merkanzija (eskluża l-posta), inkluż it-trasport bl-art jew bil-baħar b'konnessjoni ma' trasport internazzjonali bl-ajru, jekk japplika, mitluba mill-linji ta' l-ajru, inklużi l-aġenti tagħhom, u l-kondizzjonijiet li jirregolaw id-disponibbiltà ta' tali noll, rata jew ħlas;

8.

“Waqfa għal finijiet mhux ta' traffiku” tfisser inżul għal kwalunkwe skop minbarra dak ta' imbark jew sbark ta' passiġġieri, tagħbija jew ħatt ta' bagalji, merkanzija u/jew posta fi trasport bl-ajru;

9.

“Territorju” tfisser, għall-Istati Uniti, l-artijiet (it-territorju ewlieni u l-gżejjer), l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tagħhom, u, għall-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-artijiet (it-territorju ewlieni u l-gżejjer), l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali li fihom jiġi applikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat u kwalunkwe strument suċċessur; l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għall-ajruport ta' Ġibiltà hija mifhuma li hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tad-disputa dwar is-sovranità dwar it-territorju fejn jinstab l-ajruport, u għas-sospensjoni li għadha fis-seħħ ta' l-Ajruport ta' Ġibiltà minn miżuri ta' avjazzjoni tal-Komunità Ewropea eżistenti fit-18 ta' Settembru 2006 bejn l-Istati Membri, skond id-dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ajruport ta' Ġibiltà miftiehma f'Kordoba fit-18 ta' Settembru 2006;

u

10.

“Ħlas mill-utent” tfisser ħlas impost fuq il-linji ta' l-ajru għall-provvista ta' faċilitajiet jew servizzi ta' l-ajruport, ta' l-ambjent ta' l-ajruport, ta' navigazzjoni fl-ajru, jew ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni inklużi servizzi u faċilitajiet relatati.

Artikolu 2

Opportunità Ġusta u Ugwali

Kull Parti għandha tagħti opportunità ġusta u ugwali lil-linji ta' l-ajru taż-żewġ Partijiet sabiex jikkompetu fil-provvista tat-trasport internazzjonali bl-ajru regolat b'dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Għoti ta' Drittijiet

1.   Kull Parti tagħti lill-Parti l-oħra d-drittijiet li ġejjin għat-twettiq ta' trasport internazzjonali bl-ajru mil-linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra:

(a)

id-dritt li jtiru tul it-territorju tagħha mingħajr inżul;

(b)

id-dritt li jagħmlu waqfiet fit-territorju tagħha għal finijiet mhux ta' traffiku;

(ċ)

id-dritt li jwettqu trasport internazzjonali bl-ajru bejn punti fuq ir-rotot li ġejjin:

(i)

għal-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti (minn hawn 'il quddiem “linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti”), minn punti wara l-Istati Uniti li jgħaddu mill-Istati Uniti u punti intermedji lejn kwalunkwe punt jew punti fi kwalunkwe Stat jew Stati Membri u lil hinn; u għas-servizzi li jġorru biss merkanzija, bejn kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe punt jew punti (inklużi fi kwalunkwe Stat Membru ieħor);

(ii)

għal-linji ta' l-ajru Komunitarji Ewropea u l-Istati Membri tagħha (minn hawn 'il quddiem “linji ta' l-ajru Komunitarji”), minn punti wara l-Istati Membri li jgħaddu mill-Istati Membri u punti intermedji lejn kwalunkwe punt jew punti fl-Istati Uniti u lil hinn; għas-servizzi li jġorru biss merkanzija, bejn l-Istati Uniti u kwalunkwe punt jew punti; u, għal servizzi kombinati bejn kwalunkwe punt jew punti fl-Istati Uniti u kwalunkwe punt jew punti fi kwalunkwe membru ta' l-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni (minn hawn 'il quddiem “ECAA”) mid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim;

u

(d)

id-drittijiet li huma speċifikati diversament f'dan il-Ftehim.

2.   Kull linja ta' l-ajru tista', fir-rigward ta' xi titjira jew tat-titjiriet kollha, u fuq għażla tagħha:

(a)

tħaddem titjiriet f'xi waħda jew fiż-żewġ direzzjonijiet;

(b)

tabbina flimkien numri ta' titjiriet differenti f'operazzjoni waħda ta' inġenju ta' l-ajru;

(ċ)

tħaddem servizz wara, bejn, u lil hinn minn punti u punti fit-territorji tal-Partijiet fi kwalunkwe kombinazzjoni u fi kwalunkwe ordni;

(d)

ma tagħmilx waqfiet fi kwalunkwe punt jew punti;

(e)

tittrasferixxi traffiku minn kwalunkwe inġenju ta' l-ajru tagħha għal kwalunkwe inġenju ta' l-ajru ieħor tagħha fi kwalunkwe punt;

(f)

taqdi punti wara kwalunkwe punt fit-territorju tagħha bi jew mingħajr bidla ta' l-inġenji ta' l-ajru jew in-numru tat-titjira u toffri u tirreklama tali servizzi lill-pubbliku bħala servizzi diretti (through services);

(g)

tagħmel waqfiet skedati fi kwalunkwe punt kemm fit-territorju kif ukoll barra minnu ta' xi waħda mill-Partijiet;

(h)

iġġorr traffiku fi tranżitu mit-territorju tal-Parti l-oħra;

u

(i)

tabbina flimkien traffiku fuq l-istess inġenji ta' l-ajru irrispettivament minn fejn joriġina tali traffiku;

mingħajr limitazzjoni direzzjonali jew ġeografika u mingħajr telf ta' l-ebda dritt li ġġorr traffiku b'mod ieħor permissibbli taħt dan il-Ftehim.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw suġġetti għar- r-rekwiżiti li:

(a)

għal-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti, bl-eċċezzjoni tas-servizzi li jġorru biss merkanzija, it-trasport ikun parti minn servizz li jaqdi lill-Istati Uniti,

u

(b)

għal-linji ta' l-ajru Komunitarji, bl-eċċezzjoni ta' (i) servizzi li jġorru biss merkanzija u (ii) servizzi kombinati bejn l-Istati Uniti u kwalunkwe membru ta' l-ECAA mid-data ta' ffirmar ta' dan il-Ftehim, it-trasport ikun parti minn servizz li jaqdi Stat Membru.

4.   Kull Parti għandha tippermetti lil kull linja ta' l-ajru sabiex tiddetermina l-frekwenza u l-kapaċità tat-trasport internazzjonali bl-ajru li toffri abbażi ta' konsiderazzjonijiet kummerċjali tas-suq. B'mod konsistenti ma' dan id-dritt, l-ebda Parti ma għandha tillimita b'mod unilaterali l-volum ta' traffiku, il-frekwenza jew ir-regolarità tas-servizz, jew it-tip jew tipi ta' inġenji ta' l-ajru operati mil-linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra, lanqas ma għandha teħtieġ il-preżentazzjoni ta' skedi, programmi għal titjiriet charter, jew pjani operattivi minn linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra, ħlief kif jista' jkun meħtieġ għal raġunijiet doganali, tekniċi, operattivi jew ambjentali (konsistenti ma' l-Artikolu 15) taħt kondizzjonijiet uniformi konsistenti ma' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni.

5.   Kull linja ta' l-ajru tista' twettaq trasport internazzjonali bl-ajru mingħajr ebda limitazzjoni ta' bidla f'xi punt, fit-tip jew fl-għadd ta' inġenji ta' l-ajru operati; sakemm, (a) għal-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti, bl-eċċezzjoni ta' servizzi li jġorru biss merkanzija, it-trasport ikun parti minn servizz li jaqdi lill-Istati Uniti, u (b) għal-linji ta' l-ajru Komunitarji, bl-eċċezzjoni ta' (i) servizzi li jġorru biss merkanzija u (ii) servizzi kombinati bejn l-Istati Uniti u membru ta' l-ECAA mid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, it-trasport ikun parti minn servizz li jaqdi Stat Membru.

6.   Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jitqies li jagħti:

(a)

id-dritt lil-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti li jimbarkaw, fit-territorju ta' xi Stat Membru, passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta għall-ġarr b'kumpens u destinati għal punt ieħor fit-territorju ta' dak l-Istat Membru;

(b)

id-dritt lil-linji ta' l-ajru Komunitarji li jimbarkaw, fit-territorju ta' l-Istati Uniti, passiġġieri, bagalji, merkanzija, jew posta għall-ġarr b'kumpens u destinati għal punt ieħor fit-territorju ta' l-Istati Uniti.

7.   L-aċċess tal-linji ta' l-ajru Komunitarji għal trasport miksub mill-Gvern ta' l-Istati Uniti għandu jkun regolat mill-Anness 3.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni

Mal-wasla ta' l-applikazzjonijiet minn linja ta' l-ajru ta' Parti waħda, fil-forma u mod preskritti għall-awtorizzazzjoni operattiva u l-permessi tekniċi, il-Parti l-oħra għandha tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa bl-inqas dewmien proċedurali, sakemm:

(a)

għal linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti, id-dritt sostantiv ta' proprjetà u l-kontroll effettiv fir-rigward ta' dik il-linja ta' l-ajru jkunu ta' l-Istati Uniti, ta' ċittadini ta' l-Istati Uniti, jew tat-tnejn li huma, u l-linja ta' l-ajru tkun liċenzjata bħala linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti u jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha f'territorju ta' l-Istati Uniti;

(b)

għal linja ta' l-ajru Komunitarja, id-dritt sostantiv ta' proprjetà u l-kontroll effettiv fir-rigward ta' dik il-linja ta' l-ajru jkunu ta' Stat Membru jew ta' Stati Membri, ta' ċittadini ta' tali Stat jew Stati, jew tat-tnejn li huma, u l-linja ta' l-ajru tkun liċenzjata bħala linja ta' l-ajru Komunitarja u jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha fit-territorju tal-Komunità Ewropea;

(ċ)

il-linja ta' l-ajru hija kkwalifikata sabiex tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti taħt il-liġijiet u r-regolamenti li normalment japplikaw għall-operat ta' trasport internazzjonali bl-ajru mill-Parti li tikkunsidra l-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet;

u

(d)

id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 8 (Sikurezza) u l-Artikolu 9 (Sigurtà) ikunu osservati u amministrati.

Artikolu 5

Revoka ta' l-Awtorizzazzjoni

1.   Kull Parti tista' tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet operattivi jew il-permessi tekniċi jew b'mod ieħor tissospendi jew tillimita l-operat ta' linja ta' l-ajru tal-Parti l-oħra fejn:

(a)

għal linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti, id-dritt sostantiv ta' proprjetà u l-kontroll effettiv fir-rigward ta' dik il-linja ta' l-ajru ma jkunux ta' l-Istati Uniti, ta' ċittadini ta' l-Istati Uniti, jew it-tnejn li huma, u l-linja ta' l-ajru ma tkunx liċenzjata bħala linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti jew ma jkollhiex il-post prinċipali tan-negozju tagħha f'territorju ta' l-Istati Uniti;

(b)

għal linja ta' l-ajru Komunitarja, id-dritt sostantiv ta' proprjetà u l-kontroll effettiv fir-rigward ta' dik il-linja ta' l-ajru ma jkunux ta' Stat Membru jew Membri, ta' ċittadini ta' tali stat jew stati, jew it-tnejn li huma, u l-linja ta' l-ajru ma tkunx liċenzjata bħala linja ta' l-ajru Komunitarja jew ma jkollhiex il-post prinċipali tan-negozju tagħha fit-territorju tal-Komunità Ewropea;

jew

(ċ)

dik il-linja ta' l-ajru tkun naqset milli tikkonforma mal-liġijiet u r-regolamenti msemmija fl-Artikolu 7 (Applikazzjoni tal-Liġijiet) ta' dan il-Ftehim.

2.   Sakemm ma tkunx meħtieġa azzjoni immedjata sabiex jiġi evitat aktar nuqqas ta' konformità mas-subparagrafu 1(ċ) ta' dan l-Artikolu, id-drittijiet stabbiliti b'dan l-Artikolu għandhom jiġu eżerċitati biss wara konsultazzjoni mal-Parti l-oħra.

3.   Dan l-Artikolu ma jillimitax id-drittijiet ta' xi waħda mill-Partijiet li żżomm, tirrevoka, tillimita jew timponi kondizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni operattiva jew il-permess tekniku ta' linja jew linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 (Sikurezza) jew l-Artikolu 9 (Sigurtà).

Artikolu 6

Kwistjonijiet Addizzjonali relatati mad-Dritt ta' Proprjetà, ma' l-Investiment u mal-Kontroll

Minkejja kull dispożizzjoni oħra f'dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness 4 fid-deċiżjonijiet tagħhom taħt il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom dwar id-dritt ta' proprjetà, l-investiment u l-kontroll.

Artikolu 7

Applikazzjoni tal-Liġijiet

1.   Il-liġijiet u r-regolamenti ta' Parti relatati mad-dħul fi jew mat-tluq mit-territorju tagħha ta' inġenji ta' l-ajru involuti fin-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru, jew ma' l-operat jew in-navigazzjoni ta' tali inġenji ta' l-ajru waqt li jkunu fit-territorju tagħha, għandhom jiġu applikati għall-inġenji ta' l-ajru użati mill-linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra, u tali inġenji ta' l-ajru għandhom jikkonformaw magħhom mad-dħul jew mat-tluq minn jew waqt li jkunu fit-territorju ta' l-ewwel Parti.

2.   Waqt id-dħul fit-territorju ta' waħda mill-Partijiet, jew it-tluq minnu, il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli f'dak it-territorju relatati mad-dħul fi jew it-tluq mit-territorju tagħha ta' passiġġieri, ekwipaġġ jew merkanzija fuq l-inġenji ta' l-ajru (inklużi regolamenti relatati ma' dħul, rilaxx, immigrazzjoni, passaporti, dwana u kwarantina jew, fil-każ ta' posta, ma' regolamenti postali) għandhom jiġu osservati minn, jew f'isem, tali passiġġieri, ekwipaġġ jew merkanzija tal-linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra.

Artikolu 8

Sikurezza

1.   L-awtoritajiet responsabbli tal-Partijiet għandhom jirrikonoxxu bħala validi, għall-finijiet ta' l-operat tat-trasport bl-ajru previst f'dan il-Ftehim, ċertifikati ta' adegwatezza għat-titjir, ċertifikati ta' kompetenza, u liċenzji maħruġa jew validati minn xulxin u li jkunu għadhom fis-seħħ, sakemm ir-rekwiżiti għal dawn iċ-ċertifikati jew liċenzji jkunu mill-inqas daqs l-istandards minimi li jistgħu jiġu stabbiliti skond il-Konvenzjoni. L-awtoritajiet responsabbli jistgħu, madankollu, jirrifjutaw li jagħrfu bħala validi għall-finijiet ta' titjir fuq it-territorju tagħhom stess, ċertifikati ta' kompetenza u liċenzji mogħtija lil jew validati fir-rigward taċ-ċittadini tagħhom stess minn tali awtoritajiet oħra.

2.   L-awtoritajiet responsabbli ta' Parti jistgħu jitolbu konsultazzjonijiet ma' awtoritajiet oħra responsabbli rigward l-istandards ta' sikurezza miżmuma minn dawk l-awtoritajiet dwar faċilitajiet aeronawtiċi, ekwipaġġi ta' l-ajru, inġenji ta' l-ajru, u l-operat tal-linji ta' l-ajru sorveljati minn dawk l-awtoritajiet. Tali konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien 45 jum mit-talba sakemm ma jkunx miftiehem diversament. Jekk wara dawn il-konsultazzjonijiet, l-awtoritajiet responsabbli li jagħmlu t-talba jsibu li dawk l-awtoritajiet ma jżommux u ma jamministrawx standards u rekwiżiti ta' sikurezza b'mod effettiv f'dawn l-oqsma li jkunu għall-inqas daqs l-istandards minimi li jistgħu jiġu stabbiliti skond il-Konvenzjoni, l-awtoritajiet responsabbli li jagħmlu t-talba għandhom jinnotifikaw lil dawk l-awtoritajiet b'tali sejbiet u l-passi meqjusa meħtieġa għall-konformità ma' dawn l-istandards minimi, u dawk l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-azzjoni korrettiva xierqa. L-awtoritajiet responsabbli li jagħmlu t-talba jibqgħu bid-dritt li jżommu, jirrevokaw jew jillimitaw l-awtorizzazzjoni operattiva jew il-permessi tekniċi ta' linja jew linji ta' l-ajru li fuqhom dawk l-awtoritajiet jagħmlu s-sorveljanza tas-sikurezza fil-każ li dawk l-awtoritajiet ma jeħdux tali azzjoni korrettiva xierqa fi żmien raġonevoli, u li jieħdu azzjoni immedjata jekk din tkun meħtieġa għall-prevenzjoni ta' xi nuqqas ulterjuri ta' konformità mad-dmir li jinżammu u jiġu amministrati l-istandards u r-rekwiżiti msemmija qabel li jirriżulta f'theddida immedjata għas-sikurezza tat-titjir.

3.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha simultanjament tirċievi t-talbiet u n-notifiki kollha taħt dan l-Artikolu.

4.   Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jimpedixxi lill-awtoritajiet responsabbli tal-Partijiet milli jagħmlu diskussjonijiet dwar is-sikurezza, inklużi dawk relatati mar-rutina ta' l-applikazzjoni ta' standards u rekwiżiti ta' sikurezza jew ma' sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.

Artikolu 9

Sigurtà

1.   Skond id-drittijiet u l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-obbligu tagħhom lejn xulxin sabiex jipproteġu s-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' ndħil illegali jifforma parti integrali minn dan il-Ftehim. Mingħajr ma jillimitaw il-ġeneralità tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali, il-Partijiet għandhom b'mod partikolari jaġixxu f'konformità mal-ftehim li ġejjin: il-Konvenzjoni dwar ir-Reati u Ċerti Atti Oħra Kommessi Abbord Inġenji ta' l-Ajru, magħmula f'Tokyo fl-14 ta' Settembru, 1963, il-Konvenzjoni għat-Trażżin ta' Ħtif Illegali ta' Inġenji ta' l-Ajru, magħmula fl-Aja fis-16 ta' Diċembru, 1970, il-Konvenzjoni għat-Trażżin ta' Atti Illegali kontra s-Sikurezza ta' l-Avjazzjoni Ċivili, magħmula f'Montreal fit-23 ta' Settembru, 1971, u l-Protokoll għat-Trażżin ta' Atti Illegali ta' Vjolenza f'Ajruporti li Jservu l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, magħmula f'Montreal fl-24 ta' Frar, 1988.

2.   Il-Partijiet għandhom jipprovdu, fuq talba, kull għajnuna meħtieġa lil xulxin sabiex tiġi indirizzata kull theddida għas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, inkluża l-prevenzjoni ta' atti ta' ħtif illegali ta' inġenji ta' l-ajru ċivili u atti oħra illegali kontra s-sikurezza ta' tali inġenji ta' l-ajru, tal-passiġġieri u l-ekwipaġġi tagħhom, u ta' ajruporti u faċilitajiet tan-navigazzjoni ta' l-ajru.

3.   Fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għandhom jaġixxu b'konformità ma' l-istandards tas-sikurezza ta' l-avjazzjoni u mal-prattika xierqa rrakkomandata stabbilita mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili u indikati bħala Annessi għall-Konvenzjoni; dawn għandhom jesiġu li l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru tar-reġistru tagħhom, li l-operaturi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom jew ir-residenza permanenti fit-territorju tagħhom, u li l-operaturi ta' l-ajruporti fit-territorju tagħhom jaġixxu f'konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni.

4.   Kull Parti għandha tiżgura li jittieħdu miżuri effettivi fit-territorju tagħha għall-protezzjoni ta' l-inġenji ta' l-ajru u għall-ispezzjoni tal-passiġġieri, l-ekwipaġġi u l-bagalji tagħhom u oġġetti li jġorru magħhom, kif ukoll tal-merkanzija u l-provvisti ta' fuq l-inġenji ta' l-ajru, qabel u waqt l-imbark jew it-tagħbija; u li dawk il-miżuri jiġu aġġustati sabiex jilqgħu għat-theddid li żdied għas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili. Kull Parti taqbel li d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà meħtieġa mill-Parti l-oħra għal tluq mit-territorju ta' dik il-Parti l-oħra u waqt il-preżenza fih għandhom jiġu osservati. Kull Parti għandha tagħti konsiderazzjoni pożittiva għal kwalunkwe talba mill-Parti l-oħra għal miżuri ta' sigurtà speċjali sabiex jilqgħu għal xi theddida partikolari.

5.   B'konsiderazzjoni sħiħa u rispett reċiproku għas-sovranità ta' xulxin, Parti tista' tadotta miżuri ta' sigurtà għad-dħul fit-territorju tagħha. Fejn ikun possibbli, dik il-Parti għandha tieħu kont tal-miżuri ta' sigurtà diġà applikati mill-Parti l-oħra u kull fehma li l-Parti l-oħra tista' toffri. Kull Parti tagħraf, madankollu, li xejn f'dan l-Artikolu ma jillimita l-kapaċità ta' Parti li tirrifjuta d-dħul fit-territorju tagħha ta' xi titjira jew titjiriet li hija tqis bħala theddida għas-sigurtà tagħha.

6.   Parti tista' tieħu miżuri ta' emerġenza inklużi emendi sabiex tilqa' għal xi theddida speċifika għas-sigurtà. Tali miżuri għandhom jiġu notifikati minnufih lill-awtoritajiet responsabbli tal-Parti l-oħra.

7.   Il-Partijiet jenfasizzaw l-importanza li jaħdmu lejn prattika u standards kompatibbli bħala mezz ta' titjib fis-sigurtà tat-trasport bl-ajru u lejn il-minimizzazzjoni ta' diverġenza regolatorja. Għal dan il-għan il-Partijiet għandhom jużaw u jiżviluppaw b'mod sħiħ il-mezzi eżistenti għad-diskussjoni tal-miżuri ta' sigurtà attwali u proposti. Il-Partijiet jistennew li d-diskussjonijiet jindirizzaw, fost kwistjonijiet oħra, miżuri ta' sigurtà ġodda proposti jew f'konsiderazzjoni mill-Parti l-oħra, inkluża r-reviżjoni ta' miżuri ta' sigurtà meħtieġa minn bidla fiċ-ċirkostanzi; miżuri proposti minn xi Parti sabiex tilqa' għar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-Parti l-oħra; possibbiltajiet għall-aġġustament aktar rapidu ta' standards fir-rigward ta' miżuri ta' sigurtà fl-avjazzjoni; u l-kompatibbiltà tar-rekwiżiti ta' Parti ma' l-obbligi leġislattivi tal-Parti l-oħra. Tali diskussjonijiet għandhom iservu sabiex tiġi mħeġġa prattika ta' notifika bikrija u ta' diskussjoni minn qabel ta' inizjattivi u rekwiżiti ġodda tas-sigurtà.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata sabiex tiġi protetta s-sigurtà fit-trasport, il-Partijiet jaffermaw li fil-konsiderazzjoni tal-miżuri tas-sigurtà, Parti għandha tevalwa l-effetti avversi fuq it-trasport internazzjonali bl-ajru u, sakemm ma tkunx kostretta bil-liġi, għandha tieħu kont ta' tali fatturi meta tiddetermina l-miżuri li jkunu meħtieġa u adegwati sabiex jiġu indirizzati dawk il-problemi ta' sigurtà.

9.   Meta jkun hemm inċident jew theddida ta' inċident ta' ħtif illegali ta' inġenji ta' l-ajru jew atti oħra illegali kontra s-sikurezza tal-passiġġieri, l-ekwipaġġi, l-inġenji ta' l-ajru, l-ajruporti jew il-faċilitajiet tan-navigazzjoni fl-ajru, il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin billi jiffaċilitaw il-komunikazzjonijiet u l-miżuri l-oħra xierqa maħsuba sabiex itemmu b'ħeffa u sikurezza tali inċident jew theddida.

10.   Meta Parti jkollha raġunijiet raġonevoli sabiex temmen li l-Parti l-oħra tbiegħdet mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà fl-avjazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet responsabbli ta' dik il-Parti jistgħu jitolbu konsultazzjonijiet immedjati ma' l-awtoritajiet responsabbli tal-Parti l-oħra. Nuqqas ta' qbil sodisfaċenti fi żmien 15-il jum mid-data ta' tali talba jkun jikkostitwixxi raġunijiet għaż-żamma, revoka, limitazzjoni jew impożizzjoni ta' kondizzjonijiet fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni operattiva u tal-permessi tekniċi ta' linja jew linji ta' l-ajru ta' dik il-Parti. Meta dan ikun meħtieġ f'emerġenza, Parti tista' tieħu azzjoni ad interim qabel ma jiskadu 15-il jum.

11.   B'mod separat mill-valutazzjonijiet ta' l-ajruporti magħmula sabiex tiġi ddeterminata l-konformità ma' l-istandards u l-prattika tas-sigurtà fl-avjazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, Parti tista' titlob il-koperazzjoni tal-Parti l-oħra fil-valutazzjoni ta' jekk il-miżuri partikolari tas-sigurtà ta' dik il-Parti l-oħra jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Parti li tagħmel it-talba. L-awtoritajiet responsabbli tal-Partijiet għandhom jikkoordinaw bil-quddiem l-ajruporti li għandhom jiġu vvalutati u d-dati tal-valutazzjoni u jistabbilixxu proċedura sabiex jiġu indirizzati r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet. B'kont meħud tar-riżultati tal-valutazzjonijiet, il-Parti li tagħmel it-talba tista' tiddeċiedi li jiġu applikati miżuri tas-sigurtà ta' standard ekwivalenti fit-territorju tal-Parti l-oħra sabiex il-passiġġieri fi tranżitu, il-bagalji fi tranżitu u/jew merkanzija fi tranżitu jkunu jistgħu jiġu eżentati minn screening mill-ġdid fit-territorju tal-Parti li tagħmel it-talba. Tali deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-Parti l-oħra.

Artikolu 10

Opportunitajiet Kummerċjali

1.   Il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti għandhom ikollhom id-dritt li jistabbilixxu uffiċċji fit-territorju tal-Parti l-oħra għall-promozzjoni u l-bejgħ ta' trasport bl-ajru u attivitajiet relatati.

2.   Il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti għandhom ikunu intitolati, f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti l-oħra dwar dħul, residenza, u impjieg, li jdaħħlu u jżommu fit-territorju tal-Parti l-oħra persunal maniġerjali, tal-bejgħ, tekniku, operattiv u ieħor speċjalizzat li jkun meħtieġ sabiex jappoġġaw il-provvista ta' trasport bl-ajru.

3.

(a)

Mingħajr preġudizzju għas-subparagrafu (b) hawn taħt, kull linja ta' l-ajru għandha jkollha fir-rigward ta' assistenza fuq l-art fit-territorju tal-Parti l-oħra:

(i)

id-dritt li twettaq il-groundhandling tagħha stess (“self-handling”) jew, jekk ikun irid

(ii)

id-dritt li tagħżel minn fost fornituri kompetituri li jipprovdu servizzi kompleti jew parzjali ta' groundhandling fejn tali fornituri jingħataw aċċess għas-suq abbażi ta' liġijiet u regolamenti ta' kull Parti, u fejn tali fornituri jkunu preżenti fis-suq.

(b)

Id-drittijiet taħt (i) u (ii) fis-subparagrafu (a) ta' hawn fuq għandhom ikunu suġġetti biss għal restrizzjonijiet speċifiċi ta' disponibbiltà ta' spazju jew ta' daqs li jirriżultaw mill-ħtieġa li tinżamm is-sikurezza fl-operat ta' l-ajruport. Fejn tali limiti ma jippermettux self-handling u fejn ma jkun hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri li jipprovdu servizzi ta' groundhandling, tali servizzi kollha għandhom ikunu disponibbli għat-trasportaturi bl-ajru kollha fuq bażi ta' ugwalanza u ta' adegwatezza; il-prezzijiet ta' tali servizzi ma għandhomx jeċċedu n-nefqa sħiħa tagħhom inkluż qligħ raġonevoli fuq l-assi, wara d-deprezzament.

4.   Kwalunkwe linja ta' l-ajru ta' kull Parti tista' tieħu sehem fil-bejgħ ta' trasport bl-ajru fit-territorju tal-Parti l-oħra direttament u/jew, skond kif tagħżel il-linja ta' l-ajru, permezz ta' l-aġenti tal-bejgħ tagħha jew intermedjarji oħra maħtura mill-linja ta' l-ajru. Kull linja ta' l-ajru għandha jkollha d-dritt li tbigħ tali trasport, u kwalunkwe persuna għandha tkun libera li tixtri dan it-trasport, fil-valuta ta' dak it-territorju jew f'valuti li jissarrfu liberament.

5.   Kull linja ta' l-ajru għandha jkollha d-dritt li ssarraf u tibgħat flus mit-territorju tal-Parti l-oħra lejn it-territorju ta' pajjiżha u, ħlief fejn dan ma jkunx konformi mal-liġi jew regolamentazzjoni ġeneralment applikabbli, lejn il-pajjiż jew il-pajjiżi ta' l-għażla tagħha, fuq talba, id-dħul finanzjarju lokali li jibqa' żejjed fuq ammonti ta' flus imħallsa lokalment. It-tisrif u r-rimessa għandhom ikunu permessi fil-pront mingħajr restrizzjonijiet jew taxxi fuqhom bir-rata tal-kambju applikabbli għal transazzjonijiet u rimessi kurrenti fid-data li t-trasportatur jagħmel l-applikazzjoni inizjali għar-rimessa.

6.   Il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti għandhom jitħallew iħallsu għall-ispejjeż lokali, inklużi dawk għax-xiri ta' karburant, fit-territorju tal-Parti l-oħra bil-valuta lokali. Skond l-għażla tagħhom, il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti jistgħu jħallsu għal tali spejjeż fit-territorju tal-Parti l-oħra b'muniti li jissarrfu liberament skond ir-regolamenti tal-valuta lokali.

7.   Fl-operat u l-offerta ta' servizzi taħt il-Ftehim, kwalunkwe linja ta' l-ajru ta' Parti tista' tidħol fi ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni koperattiva, bħal ftehim ta' spazju magħluq jew ta' code sharing, ma':

(a)

kwalunkwe linja jew linji ta' l-ajru tal-Partijiet;

(b)

kwalunkwe linja jew linji ta' l-ajru ta' pajjiż terz;

u

(ċ)

fornitur ta' trasport fuq l-art jew fuq il-baħar minn kwalunkwe pajjiż;

sakemm (i) il-parteċipanti kollha f'tali ftehim ikollhom l-awtorità xierqa u (ii) il-ftehim jissodisfaw il-kondizzjonijiet preskritti fil-liġijiet u r-regolamenti applikati normalment mill-Partijiet għall-operat u l-offerta ta' trasport internazzjonali bl-ajru.

8.   Il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti għandhom ikunu intitolati li jidħlu f'arranġamenti ta' konċessjoni (franchising) jew ta' branding ma' kumpanniji, inklużi linji ta' l-ajru, ta' kull Parti jew pajjiżi terzi, sakemm il-linji ta' l-ajru jżommu l-awtorità adegwata u jissodisfaw il-kondizzjonijiet preskritti taħt il-liġijiet u r-regolamenti normalment applikati mill-Partijiet għal tali arranġamenti. L-Anness 5 għandu japplika għal tali arranġamenti.

9.   Il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti jistgħu jidħlu f'arranġamenti għal provvista ta' inġenji ta' l-ajru bl-ekwipaġġ għal trasport internazzjonali bl-ajru ma':

(a)

kull linja jew linji ta' l-ajru tal-Partijiet;

u

(b)

kull linja jew linji ta' l-ajru ta' pajjiż terz;

sakemm il-parteċipanti kollha f'dawn l-arranġamenti jkollhom l-awtorità xierqa u jissodisfaw il-kondizzjonijiet preskritti fil-liġijiet u r-regolamenti applikati normalment mill-partijiet għal arranġamenti bħal dawn. L-ebda waħda mill-Partijiet ma għandha teħtieġ minn linja ta' l-ajru ta' xi waħda mill-Parti li tipprovdi l-inġenji ta' l-ajru li jkollha drittijiet tat-traffiku taħt dan il-Ftehim għar-rotot li fuqhom l-inġenji ta' l-ajru jkunu operati.

10.   Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan il-Ftehim, il-linji ta' l-ajru u l-fornituri indiretti ta' trasport tal-merkanzija tal-Partijiet għandhom jitħallew, mingħajr restrizzjoni, li jużaw b'konnessjoni mat-trasport internazzjonali bl-ajru kull trasport bl-art jew bil-baħar ta' merkanzija lejn jew minn xi punti fit-territorji tal-Partijiet, jew f'pajjiżi terzi, inkluż trasport lejn jew mill-ajruporti kollha b'faċilitajiet ta' dwana, u inkluż, fejn applikabbli, id-dritt tat-trasport ta' merkanzija f'depożtu doganali taħt il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli. Tali merkanzija, kemm jekk tinġarr bil-baħar jew bl-ajru, għandha jkollha aċċess għall-ipproċessar u għall-faċilitajiet doganali ta' l-ajruport. Il-linji ta' l-ajru jistgħu jagħżlu li jagħmlu t-trasport tagħhom stess bl-art jew il-baħar jew li jipprovduha permezz ta' arranġamenti ma' trasportaturi oħra bl-art jew il-baħar, inkluż trasport bl-art jew il-baħar operat minn linji ta' l-ajru oħra u fornituri indiretti ta' trasport tal-merkanzija bl-ajru. Tali servizzi intermodali ta' ġarr ta' merkanzija jistgħu jiġu offruti għal prezz wieħed li jinkludi t-trasport bl-ajru u dak bil-baħar konġunt, sakemm l-operaturi li jibagħtu u jirċievu l-merkanzija ma jkunux żgwidati dwar il-fatti li jikkonċernaw tali trasport.

Artikolu 11

Dazji u Ħlasijiet tad-Dwana

1.   Mal-wasla fit-territorju ta' Parti waħda, l-inġenji ta' l-ajru operati fit-trasport internazzjonali bl-ajru mil-linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra, it-tagħmir regolari tagħhom, it-tagħmir ta' l-art, il-karburant, il-lubrikanti, il-provvisti tekniċi konsumabbli, partijiet tal-bdil (inklużi magni), provvisti ta' l-inġenji ta' l-ajru (inklużi iżda mhux limitati għal oġġetti bħal ikel, xorb u xorb alkoħoliku, tabakk u prodotti oħra maħsuba għal bejgħ lill-passiġġieri jew għall-użu tagħhom fi kwantitajiet limitati waqt it-titjira), u oġġetti oħra maħsuba jew użati biss f'rabta ma' l-operat jew manutenzjoni ta' l-inġenji ta' l-ajru li jaħdmu fit-trasport internazzjonali bl-ajru għandhom ikunu eżenti, abbażi ta' reċiproċità, mir-restrizzjonijiet kollha fuq l-importazzjoni, it-taxxi fuq il-proprjetà u t-taxxi fuq il-kapital, id-dazju tad-dwana, it-taxxi tas-sisa, u l-miżati u l-ħlasijiet simili li (a) jkunu imposti mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-Komunità Ewropea, u (b) li ma jkunux ibbażati fuq l-ispejjeż tas-servizzi provduti, sakemm dan it-tagħmir u provvisti jibqgħu abbord l-inġenji ta' l-ajru.

2.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati wkoll, abbażi ta' reċiproċità, mit-taxxi, mis-sisa, mid-dazji, mill-miżati u mill-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ħlief għal ħlasijiet ibbażati fuq il-prezz tas-servizz provdut:

(a)

il-provvisti ta' l-inġenji ta' l-ajru mdaħħla jew fornuti fit-territorju ta' Parti u imbarkati, f'limiti raġonevoli, għall-użu fuq inġenji ta' l-ajru li jkunu ddestinati għal barra u li jkunu ta' linja ta' l-ajru tal-Parti l-oħra involuta fi trasport internazzjonali bl-ajru, anke meta dawn il-provvisti jkunu għall-użu fuq parti mill-vjaġġ magħmul fuq it-territorju tal-Parti li minnha jkunu ġew imbarkati;

(b)

it-tagħmir ta' l-art u partijiet tal-bdil (inklużi magni) imdaħħla fit-territorju ta' Parti għall-manutenzjoni ordinarja, manutenzjoni jew tiswija ta' inġenji ta' l-ajru ta' linja ta' l-ajru tal-Parti l-oħra użati fit-trasport internazzjonali bl-ajru;

(ċ)

il-karburant, lubrikanti u provvisti tekniċi konsumabbli mdaħħla jew provduti fit-territorju ta' Parti għall-użu fuq inġenji ta' l-ajru ta' linja ta' l-ajru tal-Parti l-oħra involuta fi trasport internazzjonali bl-ajru, anke meta dawn il-provvisti jkunu għal użu fuq parti mill-vjaġġ magħmul fuq it-territorju tal-Parti fejn jiġu imbarkati;

u

(d)

materjal stampat, kif previst fil-liġi tad-dwana ta' kull Parti, imdaħħal jew provdut fit-territorju ta' Parti waħda u imbarkat għall-użu fuq inġenji ta' l-ajru sabiex jintuża għal barra u li jkun ta' linja ta' l-ajru tal-Parti l-oħra involuta fi trasport internazzjonali bl-ajru, anke meta dawn il-provvisti jkunu għall-użu fuq parti mill-vjaġġ magħmul fuq it-territorju tal-Parti fejn jiġu imbarkati.

3.   It-tagħmir u l-provvisti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jkunu meħtieġa jibqgħu taħt is-superviżjoni jew il-kontroll ta' l-awtoritajiet adegwati.

4.   L-eżenzjonijiet previsti minn dan l-Artikolu għandhom ikunu applikabbli wkoll fejn il-linji ta' l-ajru ta' Parti waħda jkunu għamlu ftehim ma' linja ta' l-ajru oħra, li bħalhom tgawdi mill-istess eżenzjonijiet mill-Parti l-oħra, għas-self jew it-trasferiment fit-territorju tal-Parti l-oħra ta' l-oġġetti speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

5.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jimpedixxi kwalunkwe Parti milli timponi taxxi, sisa, dazji, miżati jew ħlasijiet fuq oġġetti mibjugħa lill-passiġġieri, minbarra għall-konsum abbord, matul parti mis-servizz bl-ajru bejn żewġ punti ta' destinazzjoni fit-territorju tagħha stess li fihom l-imbark u l-iżbark ikunu permessi.

6.   Fil-każ li żewġ Stati Membri jew aktar jipprevedu l-applikazzjoni, fir-rigward tal-karburant fornut lil inġenji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti fit-territorji ta' tali Stati Membri għal titjiriet bejn tali Stati Membri, ta' xi rinunzja ta' l-eżenzjoni inkluża fl-Artikolu 14 (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003, il-Kumitat Konġunt għandu jikkonsidra dik il-kwistjoni, skond il-paragrafu 4(e) ta' l-Artikolu 18.

7.   Parti tista' titlob l-għajnuna tal-Parti l-oħra, f'isem il-linja jew linji ta' l-ajru tagħha, sabiex tikseb eżenzjoni mit-taxxi, id-dazji, il-ħlasijiet u l-miżati imposti mill-gvernijiet jew l-awtoritajiet statali u lokali fuq l-oġġetti speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll minn ħlasijiet fuq il-volum ta' karburant, fiċ-ċirkostanzi deskritti f'dan l-Artikolu, ħlief safejn il-ħlasijiet ikunu bbażati fuq l-ispiza għall-forniment tas-servizz. B'risposta għal talba bħal din, il-Parti l-oħra għandha ġġib il-fehmiet tal-Parti li tagħmel it-talba għall-attenzjoni ta' l-unità jew l-awtorità governattiva u tħeġġeġ li dawk il-fehmiet jingħataw konsiderazzjoni adegwata.

Artikolu 12

Ħlasijiet mill-Utent

1.   Il-ħlasijiet mill-utent li jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet jew korpi kompetenti ta' kull Parti li jitolbu l-ħlasijiet mil-linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra għandhom ikunu ġusti, raġonevoli, ma jkunux diskriminatorji b'mod inġust, u jkunu mqassma b'mod ekwu bejn il-kategoriji ta' l-utenti. Fi kwalunkwe każ, dawn il-ħlasijiet mill-utent għandhom jiġu vvalutati fuq il-linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra skond termini li ma jkunux inqas favorevoli mit-termini l-aktar favorevoli applikabbli għal kwalunkwe linja ta' l-ajru oħra fiż-żmien li l-ħlasijiet jiġu vvalutati.

2.   Il-ħlasijiet mill-utent imposti fuq il-linji ta' l-ajru tal-Parti l-oħra jistgħu jirriflettu, iżda ma għandhomx jaqbżu, l-ispiża sħiħa magħmula mill-awtoritajiet jew korpi kompetenti li jitolbu l-ħlasijiet sabiex jipprovdu faċilitajiet u servizzi xierqa ta' l-ajruport, ta' l-ambjent ta' l-ajruport, ta' navigazzjoni fl-ajru u ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni fl-ajruport jew fis-sistema ta' l-ajruport. Tali ħlasijiet jistgħu jinkludu qligħ raġonevoli fuq l-assi, wara d-deprezzament. Il-faċilitajiet u s-servizzi li għalihom jintalbu ħlasijiet għandhom jiġu provduti fuq bażi effiċjenti u ekonomika.

3.   Kull Parti għandha tinkoraġġixxi konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet jew korpi kompetenti li jitolbu l-ħlasijiet fit-territorju tagħha u l-linji ta' l-ajru li jużaw is-servizzi u l-faċilitajiet, u għandha tħeġġeġ lill-awtoritajiet jew korpi kompetenti li jitolbu l-ħlasijiet u l-linji ta' l-ajru sabiex jiskambjaw informazzjoni li tista' tkun meħtieġa sabiex tkun tista' ssir analiżi eżatta dwar kemm ikunu raġonevoli l-ħlasijiet skond il-prinċipji tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Kull Parti għandha tħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti li jitolbu l-ħlasijiet sabiex jagħtu lill-utenti avviż raġonevoli ta' kull proposta ta' bidliet fil-ħlasijiet mill-utent sabiex l-utenti jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel isiru l-bidliet.

4.   Fil-proċeduri tas-soluzzjoni ta' disputi skond l-Artikolu 19, l-ebda Parti ma titqies li tkun qed tikser xi dispożizzjoni ta' dan l-Artikolu, sakemm (a) ma tonqosx li fi żmien raġonevoli tagħmel analiżi tal-ħlas jew tal-prattika li tkun is-suġġett ta' lment mill-Parti l-oħra; jew (b) wara tali analiżi, ma tonqosx li tieħu l-passi kollha fis-setgħa tagħha sabiex tirrimedja kwalunkwe ħlas jew prattika li tkun inkonsistenti ma' dan l-Artikolu.

Artikolu 13

Determinazzjoni ta' prezzijiet

1.   Il-prezzijiet għas-servizzi tat-trasport bl-ajru operati skond dan il-Ftehim għandhom ikunu stabbiliti b'mod liberu u ma għandhomx ikunu suġġetti għal approvazzjoni, u lanqas ma għandu jinħtiġilhom li jiġu reġistrati.

2.   Minkejja l-paragrafu 1:

(a)

L-introduzzjoni jew il-kontinwazzjoni ta' prezz propost li jkun se jiġi mitlub jew li jkun mitlub minn linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti għal trasport internazzjonali bl-ajru bejn punt fi Stat Membru u punt fi Stat Membru ieħor għandha tkun konformi ma' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2409/92 tat-23 ta' Lulju 1992, jew regolament suċċessur li ma jkunx iżjed restrittiv minnu.

(b)

Skond dan il-paragrafu, il-linji ta' l-ajru tal-Partijiet għandhom jipprovdu aċċess immedjat, meta jintalab, għal informazzjoni fuq il-prezzijiet ta' qabel, dawk eżistenti u dawk proposti lill-awtoritajiet responsabbli tal-Partijiet b'mod u f'format aċċettabbli għal dawk l-awtoritajiet.

Artikolu 14

Sussidji u Għajnuniet mill-Gvern

1.   Il-Partijiet jagħrfu li s-sussidji u l-għajnuniet mill-gvern jistgħu jolqtu ħażin l-opportunità ġusta u ugwali tal-linji ta' l-ajru li jikkompetu fil-provvista tat-trasport internazzjonali bl-ajru regolat b'dan il-Ftehim.

2.   Jekk Parti waħda temmen li xi sussidju jew għajnuna mill-gvern li qed tiġi kkunsidrata jew provduta mill-Parti l-oħra għal jew lil-linji ta' l-ajru ta' dik il-Parti l-oħra tkun ser tolqot ħażin jew qed tolqot ħażin dik l-opportunità ġusta u ugwali sabiex il-linji ta' l-ajru ta' l-ewwel Parti jikkompetu, hija tista' tressaq osservazzjonijiet lil dik il-Parti. Barra minn hekk, hija tista' titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt kif provdut fl-Artikolu 18, sabiex tikkunsidra l-kwistjoni u tiżviluppa risposti adegwati għat-tħassib li jkun irriżulta leġittimu.

3.   Kull Parti tista' tavviċina entitajiet governattivi responsabbli fit-territorju tal-Parti l-oħra, inklużi entitajiet fil-livell statali, provinċjali jew lokali, jekk taħseb li xi sussidju jew għajnuna li qed jiġu kkunsidrati jew provduti minn dawn l-entitajiet ser ikollhom l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Jekk Parti tiddeċiedi li tagħmel tali kuntatt dirett għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Parti l-oħra permezz ta' kanali diplomatiċi. Hija tista' wkoll titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt.

4.   Il-kwistjonijiet imqajma taħt dan l-Artikolu jistgħu jinkludu, per eżempju, injezzjonijiet ta' kapital, sussidju inkroċjat, għotjiet, garanziji, id-dritt ta' proprjetà, tnaqqis jew eżenzjoni mit-taxxa, magħmula minn kwalunkwe entità governattiva.

Artikolu 15

Ambjent

1.   Il-Partijiet jagħrfu l-importanza tal-protezzjoni ta' l-ambjent waqt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika ta' avjazzjoni internazzjonali. Il-Partijiet jagħrfu li l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' miżuri għall-protezzjoni ta' l-ambjent għandhom jitqiesu bir-reqqa fl-iżvilupp ta' politika ta' avjazzjoni internazzjonali.

2.   Meta Parti tkun qed tikkonsidra miżuri ambjentali proposti, din għandha tevalwa l-possibbiltà ta' effetti ħżiena fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet kontenuti f'dan il-Ftehim, u, jekk tali miżuri jiġu adottati, hija għandha tieħu l-passi adegwati sabiex jiġu mitigati tali effetti negattivi.

3.   Meta jiġu stabbiliti miżuri ambjentali, l-istandards ambjentali għall-avjazzjoni adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili fl-Annessi għal din il-Konvenzjoni għandhom jiġu segwiti ħlief fejn ġew reġistrati differenzi. Il-Partijiet għandhom japplikaw kwalunkwe miżura ambjentali li tolqot is-servizzi ta' l-ajru skond dan il-Ftehim b'konformita ma' l-Artikolu 2 u 3(4) ta' dan il-Ftehim.

4.   Jekk Parti waħda temmen li kwistjoni li tinvolvi l-protezzjoni ambjentali mill-avjazzjoni tqajjem tħassib dwar l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, hija tista' titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt, skond l-Artikolu 18, sabiex jikkunsidra l-kwistjoni u jiżviluppa risposti adegwati għal tħassib li jkun irriżulta leġittimu.

Artikolu 16

Protezzjoni tal-Konsumatur

Il-Partijiet jaffermaw l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u kull Parti tista' titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt sabiex jiddiskuti kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li l-Parti li tagħmel it-talba tidentifika bħala sinifikanti.

Artikolu 17

Sistemi ta' Prenotazzjoni Kompjuterizzata

1.   Il-bejjiegħa ta' Sistemi ta' Prenotazzjoni Kompjuterizzata (CRS) li joperaw fit-territorju ta' Parti waħda għandhom ikunu intitolati li jdaħħlu, jżommu, u jagħmlu s-CRSs tagħhom disponibbli liberament għall-aġenziji ta' l-ivvjaġġar jew kumpanniji ta' l-ivvjaġġar li n-negozju prinċipali tagħhom ikun id-distribuzzjoni ta' prodotti relatati ma' l-ivvjaġġar fit-territorju tal-Parti l-oħra sakemm is-CRS tikkonforma ma' kwalunkwe rekwiżit regolatorju rilevanti tal-Parti l-oħra.

2.   L-ebda Parti ma għandha, fit-territorju tagħha, timponi jew tippermetti l-impożizzjoni, fuq il-bejjiegħa tas-CRS tal-Parti l-oħra, ta' rekwiżiti aktar stretti, fir-rigward ta' wiri (inklużi parametri ta' editjar u wiri), ta' l-operat, ta' prattika, ta' bejgħ jew tad-dritt ta' proprjetà, minn dawk imposti fuq il-bejjiegħ tas-CRS tagħha stess.

3.   Is-sidien/l-operaturi ta' CRSs ta' Parti waħda li jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti tal-Parti l-oħra, jekk ikun hemm, għandhom ikollhom l-istess opportunità li jkunu sidien ta' CRSs fit-territorju tal-Parti l-oħra li jkollhom is-sidien/l-operaturi ta' dik il-Parti.

Artikolu 18

Kumitat Konġunt

1.   Kumitat Konġunt li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena sabiex imexxi konsultazzjonijiet relatati ma' dan il-Ftehim u sabiex jirrivedi l-implimentazzjoni tiegħu.

2.   Parti tista' titlob ukoll laqgħa tal-Kumitat Konġunt sabiex tfittex li ssolvi kwistjonijiet relatati ma' l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Madankollu, fir-rigward ta' l-Artikolu 20 jew l-Anness 2, il-Kumitat Konġunt jista' jikkunsidra biss kwistjonijiet relatati mar-rifjut ta' wieħed mill-Parteċipant li jimplimenta l-impenji li ntrabat bihom, u l-impatt tad-deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni fuq l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Laqgħa bħal din għandha tibda fl-aktar data kmieni possibbli, iżda mhux iktar tard minn 60 jum mid-data tal-wasla tat-talba, sakemm ma jkunx miftiehem diversament.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jirrivedi, mhux aktar tard mill-ewwel laqgħa annwali u minn hemm 'il quddiem skond kif ikun xieraq, l-implimentazzjoni ġenerali tal-Ftehim, inkluż kwalunkwe effett tar-restrizzjonijiet ta' l-infrastruttura ta' l-avjazzjoni fuq l-operat tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 3, l-effetti tal-miżuri ta' sigurtà meħuda skond l-Artikolu 9, l-effetti fuq il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, anke fil-qasam tas-Sistemi ta' Prenotazzjoni Kompjuterizzata u kwalunkwe effett soċjali ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiżviluppa wkoll il-koperazzjoni billi:

(a)

jrawwem skambji f'livell ta' esperti dwar inizjattivi u żviluppi leġislattivi jew regolatorji ġodda, anke fl-oqsma tas-sigurtà, ta' sikurezza, ta' l-ambjent, ta' l-infrastruttura ta' l-avjazzjoni (inklużi slots), u tal-protezzjoni tal-konsumatur;

(b)

jikkunsidra l-effetti soċjali tal-Ftehim kif ikun qed jiġi implimentat u jiżviluppa risposti adegwati għal tħassib li jirriżulta leġittimu;

(ċ)

jikkunsidra oqsma potenzjali għal aktar żvilupp tal-Ftehim, inkluża r-rakkomandazzjoni ta' emendi għall-Ftehim;

(d)

iżomm inventarju ta' kwistjonijiet dwar sussidji jew għajnuniet mill-gvern imressqa minn xi Parti fil-Kumitat Konġunt;

(e)

jieħu deċiżjonijiet, abbażi ta' kunsens, dwar kwalunkwe materja li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-paragrafu 6 ta' l-Artikolu 11;

(f)

jiżviluppa, fi żmien sena mill-applikazzjoni provviżorja, approċċi għal determinazzjonijiet regolatorji fir-rigward ta' ċittadinanza u adegwatezza tal-linja ta' l-ajru, bl-għan li jintlaħaq rikonoxximent reċiproku ta' tali determinazzjonijiet;

(g)

jiżviluppa fehim komuni tal-kriterji użati mill-Partijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom f'każijiet dwar kontroll tal-linji ta' l-ajru, hekk li jkunu konsistenti mar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità;

(h)

irawwem konsultazzjoni, fejn xieraq, dwar kwistjonijiet ta' trasport bl-ajru ttrattati f'organizzazzjonijiet internazzjonali u f'relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, inkluża l-konsiderazzjoni jekk għandux jiġi adottat approċċ konġunt;

(i)

jieħu, abbażi ta' kunsens, id-deċiżjonijiet li għalihom jirriferu l-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 1 ta' l-Anness 4 u l-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 2 ta' l-Anness 4.

5.   Il-Partijiet jikkondividu l-għan li jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji ta' l-ajru, ix-xogħol, u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku billi jestendu dan il-Ftehim sabiex jinkludi pajjiżi terzi. Għal dan l-għan, il-Kumitat Konġunt għandu jaħdem sabiex jiżviluppa proposta dwar il-kondizzjonijiet u l-proċeduri, inkluża kwalunkwe emenda meħtieġa għal dan il-Ftehim, li tkun meħtieġa għal pajjiżi terzi sabiex jaderixxu ma' dan il-Ftehim.

6.   Il-Kumitat Konġunt għandu jopera fuq bażi ta' kunsens.

Artikolu 19

Arbitraġġ

1.   Kull disputa dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim, minbarra kwistjonijiet li jqumu taħt l-Artikolu 20 jew l-Anness 2, li ma tkunx solvuta permezz ta' laqgħa tal-Kumitat Konġunt tista', bi ftehim mal-Partijiet, titressaq quddiem persuna jew korp għal deċiżjoni. Jekk il-Partijiet ma jaqblux hekk, id-disputa għandha, fuq talba ta' kwalunkwe Parti, tiġi mressqa għal arbitraġġ skond il-proċeduri stabbiliti hawn taħt.

2.   Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux diversament, l-arbitraġġ għandu jsir permezz ta' tribunal ta' tliet arbitri kkostitwit kif ġej:

(a)

Fi żmien 20 jum mill-wasla tat-talba għall-arbitraġġ, kull Parti għandha tinnomina arbitru. Fi żmien 45 jum minn meta dawn iż-żewġ arbitri jkunu ġew nominati, huma għandhom bi ftehim jaħtru t-tielet arbitru, li għandu jaġixxi ta' President tat-tribunal.

(b)

Jekk xi waħda mill-Partijiet tonqos milli taħtar arbitru, jew jekk it-tielet arbitru ma jiġix maħtur skond is-subparagrafu (a) ta' dan il-paragrafu, kull Parti tista' titlob lill-President tal-Kunsill ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili sabiex jaħtar l-arbitru jew l-arbitri meħtieġa fi żmien 30 jum mill-wasla ta' dik it-talba. Jekk il-President tal-Kunsill ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili jkun ta' nazzjonalità ta' l-Istati Uniti jew ta' Stat Membru, il-Viċi President l-iktar anzjan ta' dak il-Kunsill li m'huwiex skwalifikat għal dik ir-raġuni għandu jagħmel il-ħatra.

3.   Ħlief fejn ikun miftiehem diversament, it-tribunal għandu jiddetermina l-limiti tal-ġurisdizzjoni tiegħu skond dan il-Ftehim u għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess. Fuq talba ta' Parti, it-tribunal, ladarba jkun iffurmat, jista' jitlob lill-Parti l-oħra sabiex timplimenta miżuri interim ta' rimedju sad-determinazzjoni finali tat-tribunal. B'ordni tat-tribunal jew fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, għandha ssir konferenza mhux iktar tard minn 15-il jum wara li t-tribunal ikun kostitwit kollu sabiex it-tribunal jiddetermina l-kwistjonijiet preċiżi għall-arbitraġġ u l-proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu segwiti.

4.   Ħlief fejn ikun miftiehem diversament jew b'ordni tat-tribunal:

(a)

Id-dikjarazzjoni tat-talba għandha titressaq fi żmien 30 jum mid-data li fiha t-tribunal ikun ġie kkostitwit kollu, u d-dikjarazzjoni tad-difiża għandha titressaq fi żmien l-40 jum ta' wara. Kull tweġiba mill-pretendent għandha tiġi mressqa fi żmien 15-il jum mit-tressiq tad-dikjarazzjoni tad-difiża. Kull tweġiba mill-konvenut għandha titressaq fi żmien il-15-il jum ta' wara.

(b)

It-tribunal għandu jagħmel smigħ fuq talba ta' kwalunkwe Parti, jew jista' jagħmel smigħ fuq l-inizjattiva tiegħu stess, fi żmien 15-il jum wara li titressaq l-aħħar tweġiba.

5.   It-tribunal għandu jipprova jagħti deċiżjoni bil-miktub fi żmien 30 jum wara li jitlesta s-smigħ jew, jekk ma jsir l-ebda smigħ, fi żmien 30 jum wara li titressaq l-aħħar tweġiba. Għandha tipprevalixxi d-deċiżjoni tal-maġġoranza tat-tribunal.

6.   Il-Partijiet jistgħu jressqu talbiet għal kjarifika tad-deċiżjoni fi żmien għaxart ijiem wara li tingħata u kwalunkwe kjarifika li tingħata għandha tinħareġ fi żmien 15-il jum minn tali talba.

7.   Jekk it-tribunal jiddetermina li kien hemm ksur ta' dan il-Ftehim u l-Parti responsabbli ma tirrimedjax dan il-ksur, jew ma tilħaqx qbil mal-Parti l-oħra dwar soluzzjoni sodisfaċenti għat-tnejn fi żmien 40 jum wara n-notifika tad-deċiżjoni tat-tribunal, il-Parti l-oħra tista' tissospendi l-applikazzjoni ta' benefiċċji komparabbli li joħorġu minn dan il-Ftehim sakemm il-Partijiet jaqblu fuq soluzzjoni għall-kwistjoni. Xejn f'dan il-paragrafu ma għandu jinftiehem li jillimita d-dritt ta' kwalunkwe Parti li tieħu miżuri proporzjonali skond il-liġi internazzjonali.

8.   L-ispejjeż tat-tribunal, inklużi l-ħlasijiet u l-ispejjeż ta' l-arbitri, għandhom jinqasmu ndaqs bejn il-Partijiet. L-ispejjeż kollha magħmula mill-President tal-Kunsill ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili, jew minn kwalunkwe Viċi President ta' dak il-Kunsill, b'rabta mal-proċeduri tal-paragrafu 2(b) ta' dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala parti mill-ispejjeż tat-tribunal.

Artikolu 20

Kompetizzjoni

1.   Il-Partijiet jagħrfu li l-kompetizzjoni bejn il-linji ta' l-ajru fis-suq transatlantiku hija importanti sabiex tippromwovi l-għanijiet ta' dan il-Ftehim, u jikkonfermaw li huma japplikaw is-sistemi kompetittivi rispettivi tagħhom sabiex iħarsu u jtejbu l-kompetizzjoni ġenerali u mhux kompetituri individwali.

2.   Il-Partijiet jagħrfu li jistgħu jinqalgħu differenzi dwar l-applikazzjoni tas-sistemi kompetittivi rispettivi tagħhom għall-avjazzjoni internazzjonali li jolqtu s-suq transatlantiku, u li l-kompetizzjoni bejn il-linji ta' l-ajru f'dak is-suq tista' titrawwem billi jitnaqqsu kemm jista' jkun dawk id-differenzi.

3.   Il-Partijiet jagħrfu li l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom isservi sabiex tippromwovi kompetizzjoni fis-swieq u għandha l-potenzjal li tippromwovi riżultati regolatorji kompatibbli u li tnaqqas id-differenzi fil-metodu tar-reviżjonijiet rispettivi tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' ftehim bejn l-operaturi tat-trasport bl-ajru. Konsegwentement, il-Partijiet għandhom ikomplu din il-koperazzjoni sa fejn huwa fattibbli, b'kont meħud tar-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u l-proċeduri differenti ta' l-awtoritajiet, skond l-Anness 2.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiġi mgħarraf kull sena bir-riżultati tal-koperazzjoni taħt l-Anness 2.

Artikolu 21

Negozjati tat-Tieni Stadju

1.   Il-Partijiet jikkondividu l-għan li jkomplu jiftħu l-aċċess għas-swieq u li jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji ta' l-ajru, ix-xogħol, u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku, inkluża l-faċilitazzjoni ta' investiment sabiex jiġu riflessi aħjar ir-realtajiet ta' industrija globali ta' l-avjazzjoni, it-tisħiħ tat-trasport bl-ajru transatlantiku, u l-istabbiliment ta' qafas li ser jinkoraġġixxi pajjiżi oħrajn sabiex jiftħu swieq ta' servizzi ta' l-ajru tagħhom stess. Il-Partijiet għandhom jibdew negozjati mhux iktar tard minn 60 jum wara d-data ta' l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim, bl-għan li jiżviluppaw l-istadju li jmiss bla telf ta' żmien.

2.   Għal dak l-għan, l-aġenda għan-negozjati tat-tieni stadju għandha tinkludi l-punti li ġejjin ta' interess prijoritarju għal waħda mill-Partijiet jew it-tnejn li huma:

(a)

Aktar liberalizzazzjoni ta' drittijiet tat-traffiku;

(b)

Opportunitajiet ta' investiment barrani addizzjonali;

(ċ)

L-effet ta' miżuri ambjentali u restrizzjonijiet infrastrutturali fuq l-eżerċizzju ta' drittijiet tat-traffiku;

(d)

Aktar aċċess għal trasport bl-ajru ffinanzjat mill-Gvern;

u

(e)

Provvista ta' inġenji ta' l-ajru bl-ekwipaġġ.

3.   Il-Partijiet għandhom jirrivedu l-progress tagħhom lejn ftehim tat-tieni stadju mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-data meta n-negozjati għandhom jibdew skond il-paragrafu 1. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim tat-tieni stadju mill-Partijiiet fi żmien tnax-il xahar mill-bidu tar-reviżjoni, minn hemm 'il quddiem kull Parti tirriżerva d-dritt li tissospendi d-drittijiet speċifikati f'dan il-Ftehim. Tali sospensjoni tidħol fis-seħħ mhux qabel il-bidu ta' l-staġun tat-traffiku ta' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) li jibda mhux anqas minn tnax-il xahar wara d-data li fiha tingħata n-notifika ta' sospensjoni.

Artikolu 22

Relazzjoni ma' Ftehim Oħrajn

1.   Waqt il-perijodu ta' l-applikazzjoni provviżorja skond l-Artikolu 25 ta' dan il-Ftehim, il-ftehim bilaterali elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness 1, għandhom jiġu sospiżi, ħlief safejn previst fit-Taqsima 2 ta' l-Anness 1.

2.   Mad-dħul fis-seħħ skond l-Artikolu 26 ta' dan il-Ftehim, dan il-Ftehim għandu jieħu post il-ftehim bilaterali elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness 1, ħlief safejn previst fit-Taqsima 2 ta' l-Anness 1.

3.   Jekk il-Partijiet isiru partijiet għal xi ftehim multilaterali, jew japprovaw deċiżjoni adottata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili jew minn xi organizzazzjoni internazzjonali oħra li tindirizza materji koperti b'dan il-Ftehim, dawn għandhom jikkonsultaw fil-Kumitat Konġunt sabiex ikun stabbilit jekk dan il-Ftehim għandux jiġi rivedut sabiex jittieħed kont ta' tali żviluppi.

Artikolu 23

Terminazzjoni

Kull waħda mill-Partijiet tista', fi kwalunkwe żmien, tagħti avviż bil-miktub permezz ta' mezzi diplomatiċi lill-Parti l-oħra dwar id-deċiżjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim. Dan l-avviż għandu jintbagħat b'mod simultanju lill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili. Dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat f'nofs il-lejl GMT fi tmiem l-istaġun tat-traffiku ta' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) li jkun għaddej sena wara d-data ta' l-avviż ta' terminazzjoni bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi qbil bejn il-Partijiet qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu.

Artikolu 24

Reġistrazzjoni ma' l-ICAO

Dan il-Ftehim u l-emendi kollha għalih għandhom ikunu reġistrati ma' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili.

Artikolu 25

Applikazzjoni Provviżorja

Sa meta jidħol fis-seħħ skond l-Artikolu 26:

1)

Il-Partijiet jiftiehmu li japplikaw dan il-Ftehim mit-30 ta' Marzu 2008.

2)

Kull Parti tista', f'kull waqt, tagħti avviż bil-miktub permezz ta' kanali diplomatiċi lill-Parti l-oħra dwar deċiżjoni sabiex ma tibqax tapplika aktar dan il-Ftehim. F'dak il-każ, l-applikazzjoni tieqaf f'nofs il-lejl GMT fi tmiem l-istaġun tat-traffiku ta' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) li jkun għaddej sena wara d-data ta' l-avviż bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi qbil bejn il-Partijiet qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu.

Artikolu 26

Dħul fis-Seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ xahar wara d-data tan-nota ta' l-aħħar fi skambju ta' noti diplomatiċi bejn il-Partijiet li tikkonferma li l-proċeduri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim tlestew. Għall-finijiet ta' dan l-iskambju, l-Istati Uniti għandha twassal lill-Komunità Ewropea n-nota diplomatika lill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-Komunità Ewropea għandha twassal lill-Istati Uniti n-nota jew in-noti diplomatiċi mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Din in-nota diplomatika jew noti mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandha tinkludi komunikazzjonijiet minn kull Stat Membru li jikkonfermaw li l-proċeduri tagħhom neċessarji għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim tlestew.

BĦALA XHIEDA TA' DAN il-firmatarji t'hawn taħt, awtorizzati kif dovut, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL fi Brussell fil-hamsa u għoxrin jum ta' April, 2007 u f'Washington fit-tlettax-il jum ta' April, 2007, f'żewġ kopji.

За Репyблика Бългaрия

Image

Pour le Royaume de Belgique

Voor het Koninkrijk België

Für das Königreich Belgien

Image

Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.

Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.

Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.

Za Českou republiku

Image

På Kongeriget Danmarks vegne

Image

Für die Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi nimel

Image

Για την Ελληνική Δημοκρατία

Image

Por el Reino de España

Image

Pour la République française

Image

Thar cheann Na hÉireann

For Ireland

Image

Per la Repubblica italiana

Image

Για την Κυπριακή Δημοκρατία

Image

Latvijas Republikas vārdā

Image

Lietuvos Respublikos vardu

Image

Pour le Grand-Duché de Luxembourg

Image

A Magyar Köztársaság részéről

Image

Għal Malta

Image

Voor het Koninkrijk der Nederlanden

Image

Für die Republik Österreich

Image

W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pela Repύblica Portuguesa

Image

Pentru România

Image

Za Republiko Slovenijo

Image

Za Slovenskύ republiku

Image

Suomen tasavallan puolesta

Image

För Konungariket Sverige

Image

For the United Kingdom of Great Britain and Northerm Ireland

Image

За Европейсkatа общнoст

For the European Community

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenstvί

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspόlnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Eurόpske spoločenstvo

za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Image

Image

For the United States of America

Image

Image

ANNESS I

Taqsima 1

Kif previst fl-Artikolu 22 ta' dan il-Ftehim, il-ftehim bilaterali li ġejjin bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri għandhom jiġu sospiżi jew sostitwiti b'dan il-Ftehim:

a.

Ir-Repubblika ta' l-Awstrija: Il-ftehim dwar is-servizzi ta' l-ajru, iffirmat fi Vjenna fis-16 ta' Marzu, 1989; emendat fl-14 ta' Ġunju 1995.

b.

Ir-Renju tal-Belġju: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, li sar permezz ta' skambju ta' noti f'Washington fit-23 ta' Ottubru, 1980; emendat fit-22 ta' Settembru u fit-12 ta' Novembru, 1986; emendat fil-5 ta' Novembru, 1993 u fit-12 ta' Jannar, 1994.

(l-emenda konkluża fil-5 ta' Settembru, 1995 (applikata provviżorjament).)

c.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija: Il-Ftehim dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, iffirmat f'Sofia fl-24 ta' April, 1991.

d.

Ir-Repubblika Ċeka: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat fi Praga fl-10 ta' Settembru, 1996; emendat fl-4 ta' Ġunju, 2001 u fl-14 ta' Frar, 2002.

e.

Ir-Renju tad-Danimarka: Il-ftehim relatat mas-servizzi tat-trasport bl-ajru, li sar permezz ta' skambju ta' noti f'Washington fis-16 ta' Diċembru, 1944; emendat fis-6 ta' Awissu, 1954; emendat fis-16 ta' Ġunju, 1995.

f.

Ir-Repubblika tal-Finlandja: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Ħelsinki fid-29 ta' Marzu, 1949; il-protokoll relatat iffirmat fit-12 ta' Mejju, 1980; il-ftehim li jemenda l-ftehim ta' l-1949 u l-protokoll ta' l-1980 konkluż fid-9 ta' Ġunju, 1995.

g.

Ir-Repubblika Franċiża: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Washington fit-18 ta' Ġunju, 1998; emendat fl-10 ta' Ottubru, 2000; emendat fit-22 ta' Jannar, 2002.

h.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru u skambji ta' noti, iffirmati f'Washington fis-7 ta' Lulju, 1955; emendati fil-25 ta' April, 1989.

(il-protokoll relatat konkluż fl-1 ta' Novembru, 1978; il-ftehim relatat konkluż fl-24 ta' Mejju, 1994; il-protokoll li jemenda l-ftehim ta' l-1955 konkluż fit-23 ta' Mejju, 1996; il-ftehim li jemenda l-protokoll ta' l-1996 konkluż fl-10 ta' Ottubru, 2000 (kollha applikati provviżorjament).)

i.

Ir-Repubblika Ellenika: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Ateni fil-31 ta' Lulju, 1991; estiż sal-31 ta' Lulju, 2007 permezz ta' skambju ta' noti tat-22 u t-28 ta' Ġunju, 2006.

j.

Ir-Repubblika ta' l-Ungerija: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru u l-memorandum ta' ftehim, iffirmati f'Budapest fit-12 ta' Lulju, 1989; estiżi sat-12 ta' Lulju, 2007 permezz ta' skambju ta' noti tal-11 u l-20 ta' Lulju, 2006.

k.

L-Irlanda: Il-ftehim relatat mas-servizzi tat-trasport bl-ajru, li sar permezz ta' skambju ta' noti f'Washington fit-3 ta' Frar, 1945; emendat fil-25 ta' Jannar, 1988 u fid-29 ta' Settembru, 1989; emendat fil-25 ta' Lulju u fis-6 ta' Settembru, 1990.

(Il-memorandum ta' konsultazzjonijiet, iffirmat f'Washington fit-28 ta' Ottubru, 1993 (applikat provviżorjament).)

l.

Ir-Repubblika Taljana: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, b'memorandum u skambju ta' noti, iffirmat f'Ruma fit-22 ta' Ġunju, 1970; emendat fil-25 ta' Ottubru, 1988; il-memorandum ta' ftehim relatat iffirmat fis-27 ta' Settembru, 1990; l-emenda tal-ftehim ta' l-1970 u l-MTF (Memorandum ta' Ftehim) ta' l-1990 konklużi fit-22 ta' Novembru u t-23 ta' Diċembru, 1991; l-emenda tal-ftehim ta' l-1970 u l-MTF ta' l-1990 konklużi fit-30 ta' Mejju u fil-21 ta' Ottubru, 1997; il-ftehim li jissupplimenta l-ftehim ta' l-1970 konkluż fit-30 ta' Diċembru 1998 u fit-2 ta' Frar, 1999.

(Il-protokoll li jemenda l-ftehim ta' l-1970 konkluż is-6 ta' Diċembru, 1999 (applikat provviżorjament).)

m.

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat fil-Lussemburgu fid-19 ta' Awissu, 1986; emendat fis-6 ta' Ġunju, 1995; emendat fit-13 u fil-21 ta' Lulju 1998.

n.

Malta: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Washington fit-12 ta' Ottubru, 2000.

o.

Ir-Renju ta' l-Olanda: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Washington fit-3 ta' April, 1957; il-protokoll li jemenda l-ftehim ta' l-1957 konkluż fil-31 ta' Marzu, 1978; l-emenda tal-protokoll ta' l-1978 konkluża fil-11 ta' Ġunju, 1986; l-emenda tal-ftehim ta' l-1957 konkluża fit-13 ta' Ottubru u t-22 ta' Diċembru, 1987; l-emenda tal-ftehim ta' l-1957 konkluża fid-29 ta' Jannar u t-13 ta' Marzu, 1992; l-emenda tal-ftehim ta' l-1957 u l-protokoll ta' l-1978 konkluża fl-14 ta' Ottubru, 1992.

p.

Ir-Repubblika tal-Polonja: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Varsavja fis-16 ta' Ġunju, 2001.

q.

Il-Repubblika tal-Portugall: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Liżbona fit-30 ta' Mejju, 2000.

r.

Ir-Rumanija: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f'Washington fil-15 ta' Lulju, 1998.

s.

Ir-Repubblika tas-Slovakkja: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat fi Bratislava fit-22 ta' Jannar, 2001.

t.

Ir-Renju ta' Spanja: Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru ffirmat f'Madrid fl-20 ta' Frar, 1973; il-ftehim relatat ta' l-20 ta' Frar, il-31 ta' Marzu u s-7 ta' April 1987; l-emenda tal-ftehim ta' l-1973 konkluża l-31 ta' Mejju, 1989; l-emenda tal-ftehim ta' l-1973 konkluża fis-27 ta' Novembru, 1991.

u.

Ir-Renju ta' l-Iżvezja: Il-ftehim relatat mas-servizzi tat-trasport bl-ajru, li sar permezz ta' skambju ta' noti f'Washington fis-16 ta' Diċembru, 1944; emendat fis-6 ta' Awissu, 1954; emendat fis-16 ta' Ġunju, 1995.

v.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq: Il-Ftehim dwar is-servizzi ta' l-ajru u skambju ta' ittri, iffirmati f'Bermuda fit-23 ta' Lulju, 1977; il-ftehim dwar in-nollijiet ta' l-ajru ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana, konkluż fis-17 ta' Marzu, 1978; il-ftehim li jemenda l-ftehim ta' l-1977, konkluż fil-25 ta' April, 1978; il-ftehim li jimmodifika u jestendi l-ftehim ta' l-1978 dwar in-nollijiet ta' l-ajru ta' l-Atlantiku tat-tramuntana konkluż fit 2 u d-9 ta' Novembru, 1978; il-ftehim li jemenda l-ftehim ta' l-1977, konkluż fl-4 ta' Diċembru, 1980; il-ftehim li jemenda l-ftehim ta' l-1977, konkluż fl-20 ta' Frar, 1985; il-ftehim li jemenda l-Artikolu 7, l-Anness 2 u l-Anness 5 mal-Ftehim ta' l-1977, konkluÿ fil-25 ta' Mejju, 1989; il-ftehim dwar l-emendar tal-ftehim ta' l-1977; it-terminazzjoni ta' l-Arbitraġġ Stati Unit/Renju Unit Dwar il-ħlasijiet mill-Utenti fl-Ajurport ta' Heathrow u t-talba għall-arbitraġġ magħmula mir-Renju Unit fin-nota ta' l-ambaxxata tagħha Nru 87 tat-13 ta' Ottubru 1993 u s-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li qanqlu dawk il-proċeduri, konklużi fil-11 ta' Marzu, 1994; il-ftehim li jemenda l-ftehim ta' l-1977, konkluż fis-27 ta' Marzu, 1997.

(L-arranġamenti, li qed jiġu applikati provviżorjament, li jinsabu fil-memorandum ta' konsultazzjonijiet datat il-11 ta' Settembru, 1986; l-arranġamenti li jinsabu fl-iskambju ta' ittri datat is-27 ta' Lulju, 1990; l-arranġamenti li jinsabu fil-memorandum ta' konsultazzjonijiet tal-11 ta' Marzu, 1991; l-arranġamenti li jinsabu fl-iskambju ta' ittri datat is-6 ta' Ottubru, 1994; l-arranġamenti li jinsabu fil-memorandum ta' konsultazzjonijiet tal-5 ta' Ġunju, 1995; l-arranġamenti li jinsabu fl-iskambju ta' ittri datat il-31 ta' Marzu u t-3 ta' April, 2000 (kollha applikati provviżorjament).)

Taqsima 2

Minkejja t-Taqsima 1 ta' dan l-Anness, għaż-żoni li ma jkunux inklużi fid-definizzjoni ta' “territorju” fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim, il-ftehim fil-paragrafi (e) (Danimarka-Stati Uniti), (g) (Franza-Stati Uniti), u (v) (Renju Unit-Stati Uniti) ta' dik it-Taqsima għandhom ikomplu japplikaw, skond it-termini tagħhom.

Taqsima 3

Minkejja l-Artikolu 3 ta' dan il-Ftehim, il-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti m'għandux ikollhom id-dritt li jipprovdu servizzi li jġorru biss merkanzija, li ma jkunux parti minn servizz li jaqdi lill-Istati Uniti, lejn jew minn punti fl-Istati Membri, ħlief lejn jew minn punti fir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Portugall, u r-Repubblika tas-Slovakkja.

Taqsima 4

Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan il-Ftehim, din it-Taqsima għandha tapplika għat- trasport bl-ajru kombinat fi skedat u charter, bejn l-Irlanda u l-Istati Uniti b'effett mill-bidu ta' l-istaġun tax-Xitwa 2006/2007 ta' l-IATA sa tmiem l-istaġun tax-Xitwa 2007/2008 ta' l-IATA.

a.

(i)

Kull linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti u l-Komunità tista' topera 3 titjiriet diretti bejn l-Istati Uniti u Dublin għal kull titjira diretta li l-linja ta' l-ajru topera bejn l-Istati Uniti u Shannon. Dan id-dritt għal titjiriet diretti lejn jew minn Dublin għandhom ikunu bbażati fuq medja ta' operazzjonijiet tul il-perjodu transitorju intier ta' tliet staġuni. Titjira għandha titqies bħala titjira diretti lejn jew minn Dublin, jew titjira diretta lejn jew minn Shannon, skond l-ewwel punt tad-dħul fi, jew l-aħħar punt tat-tluq minn, l-Irlanda.

(ii)

Ir-rekwiżit li Shannon jiġi moqdi fis-subparagrafu (a)(i) ta' din it-Taqsima għandu jintemm jekk kwalunkwe linja ta' l-ajru tinawgura servizz kombinat fi skedat jew charter bejn Dublin u l-Istati Uniti, f'xi direzzjoni, mingħajr ma topera ta' l-inqas titjira waħda diretta lejn Shannon għal kull tliet titjiriet diretti lejn Dublin, kalkolati bħala medja fuq il-perijodu transitorju.

b.

Għal servizzi bejn l-Istati Uniti u l-Irlanda, il-linji ta' l-ajru Komunitarji jistgħu jaqdu biss lil Boston, New York, Chicago, Los Angeles, u 3 punti addizzjonali fl-Istati Uniti, li għandhom jiġu nnotifikati lill-Istati Uniti meta jintgħażlu jew jinbidlu. Dawn is-servizzi jistgħu joperaw permezz ta' punti intermedji fi Stati Membri oħrajn jew f'pajjiżi terzi.

ċ.

Il-code sharing għandu jiġi awtorizzat bejn l-Irlanda u l-Istati Uniti permezz ta' punti oħrajn fil-Komunità Ewropea biss. Arranġamenti oħra ta' code-sharing jiġu kkunsidrati abbażi ta' korteżija u reċiproċità.

ANNESS 2

Dwar Il-Koperazzjoni fir-Rigward ta' Kwistjonijiet ta' Kompetizzjoni fl-Industrija tat-Trasport bl-Ajru

Artikolu 1

Il-koperazzjoni kif stabbilita f'dan l-Anness għandha tiġi implimentata mid-Dipartiment tat-Trasport ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Parteċipanti”), b'mod konsistenti mal-funzjonijiet rispettivi tagħhom fl-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' kompetizzjoni fl-industrija tat-trasport bl-ajru li jinvolvu lill-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea.

Artikolu 2

Għan

L-għan ta' din il-koperazzjoni huwa:

1.

Li jiżdied il-fehim reċiproku ta' l-applikazzjoni mill-Parteċipanti tal-liġijiet, tal-proċeduri u tal-prattika taħt is-sistemi ta' kompetizzjoni rispettivi tagħhom sabiex tiġi mħeġġa l-kompetizzjoni fl-industrija tat-trasport bl-ajru;

2.

Li jiġi ffaċilitat il-fehim bejn il-Parteċipanti dwar l-impatt ta' żviluppi fl-industrija tat-trasport bl-ajru fuq il-kompetizzjoni fis-suq internazzjonali ta' l-avjazzjoni;

3.

Li jitnaqqas il-potenzjal għal konflitti fl-applikazzjoni tal-Parteċipanti tas-sistemi ta' kompetizzjoni rispettivi tagħhom għal ftehim u arranġamenti koperattivi oħrajn li għandhom impatt fuq is-suq transatlantiku;

u

4.

Li jiġu promossi approċċi regolatorji kompatibbli mal-ftehim u arranġamenti koperattivi oħrajn permezz ta' fehim aħjar tal-metodoloġiji, tekniki analitiċi li jinkludu d-definizzjoni tas-suq/swieq rilevanti u l-analiżi ta' l-effetti kompettitivi, u r-rimedji li l-Parteċipanti jużaw fir-reviżjonijiet ta' kompetizzjoni indipendenti rispettivi tagħhom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan l-Anness, it-terminu “sistema ta' kompetizzjoni” ifisser il-liġijiet, proċeduri u prattika li jirregolaw l-eżerċizzju mill-Parteċipanti tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom fir-reviżjoni tal-ftehim u arranġamenti koperattivi oħrajn fost il-linji ta' l-ajru fis-suq internazzjonali. Għall-Komunità Ewropea, dan jinkludi, iżda mhux limitat għal, l-Artikoli 81, 82, u 85 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u r-Regolamenti implimentattivi tagħhom skond l-imsemmi Trattat, kif ukoll kwalunkwe emenda tiegħu. Għad-Dipartiment tat-Trasport, dan jinkludi, iżda mhux limitat għal, it-Taqsimiet 41308, 41309, u 41720 tat-Titolu 49 tal-Kodiċi ta' l-Istati Uniti, u r-Regolamenti implimentattivi tiegħu u l-preċedenti legali stabbiliti konformement miegħu.

Artikolu 4

Oqsma ta' Koperazzjoni

Suġġett għall-kwalifiki fis-subparagrafi 1(a) u 1(b) ta' l-Artikolu 5, it-tipi ta' koperazzjoni bejn il-Parteċipanti għandhom jinkludu dan li ġej:

(1)

Laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-Parteċipanti, li għandhom jinkludu esperti tal-kompetizzjoni, fil-prinċipju fuq bażi semi-annwali, bil-għan li jiġu diskussi żviluppi fl-industrija tat-trasport bl-ajru, kwistjonijiet ta' politika dwar il-kompetizzjoni ta' interess reċiproku, u approċċi analitiċi għall-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni għall-avjazzjoni internazzjonali, b'mod partikolari fis-suq transatlantiku. Id-diskussjonijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta' fehim aħjar ta' l-approċċi rispettivi tal-Parteċipanti lejn kwistjonijiet ta' kompetizzjoni, inklużi fatturi komuni eżistenti u għal aktar kompatibbiltà f'dawk l-approċċi, b'mod partikolari fir-rigward ta' ftehim bejn it-trasportaturi.

(2)

Konsultazzjonijiet fi kwalunkwe waqt bejn il-Parteċipanti, permezz ta' ftehim reċiproku jew fuq it-talba ta' wieħed mill-Parteċipanti, sabiex tiġi diskussa kwalunkwe kwistjoni relatata ma' dan l-Anness, inklużi każijiet speċifiċi.

(3)

Kull Parteċipant jista', fid-diskrezzjoni tiegħu, jistieden rappreżentanti ta' awtoritajiet governattivi oħrajn sabiex jipparteċipaw kif xieraq fi kwalunkwe laqgħa jew konsultazzjoni li ssir skond il-paragrafi 1 jew 2 hawn fuq.

(4)

Notifiki f'waqthom tal-proċedimenti jew kwistjonijiet li ġejjin, li fil-ġudizzju tal-Parteċipant li jagħmel in-notifika jista' jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-interessi ta' kompetizzjoni tal-Parteċipant l-ieħor:

a.

Fir-rigward tad-Dipartiment tat-Trasport, (i) proċedimenti għar-reviżjoni ta' applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' ftehim u arranġamenti koperattivi oħrajn fost il-linji ta' l-ajru li jinvolvu t-trasport internazzjonali bl-ajru, b'mod partikolari għall-immunità mill-anti-trust li tinvolvi l-linji ta' l-ajru organizzati taħt il-liġijiet ta' l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea, u (ii) r-riċezzjoni mid-Dipartiment tat-Trasport ta' ftehim ta' impriża konġunta skond it-Taqsima 41720 tat-Titolu 49 tal-Kodiċi ta' l-Istati Uniti;

u

b.

Fir-rigward tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, (i) proċedimenti għar-reviżjoni ta' ftehim u arranġamenti koperattivi oħrajn fost il-linji ta' l-ajru li jinvolvu t-trasport internazzjonali bl-ajru, b'mod partikolari għall-alleanza u ftehim koperattivi oħrajn li jinvolvu il-linji ta' l-ajru organizzati taħt il-liġijiet ta' l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea u (ii) l-konsiderazzjoni ta' eżenzjonijiet individwali jew globali mil-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea;

(5)

Notifiki tad-disponibbiltà, u kwalunkwe kondizzjoni li tirregola dik id-disponibbiltà, ta' informazzjoni u data mogħtija lil Parteċipant, f'forma elettronika jew b'mod ieħor, li, fil-ġudizzju ta' dak il-Parteċipant, jistgħu ikollhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-interessi ta' kompetizzjoni tal-Parteċipant l-ieħor,

u

(6)

Notifiki ta' tali attivitajiet oħrajn relatati mal-politika dwar il-kompetizzjoni tat-trasport bl-ajru kif jista' jidher xieraq għall-Parteċipant li jagħmel in-notifika.

Artikolu 5

Użu u Żvelar ta' Informazzjoni

1.   Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Anness, l-ebda Parteċipant ma huwa mistenni li jipprovdi informazzjoni lill-Parteċipant l-ieħor jekk l-iżvelar ta' l-informazzjoni lill-Parteċipant li jagħmel it-talba:

a.

huwa pprojbit mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mill-prattika tal-Parteċipant li jkollu l-informazzjoni;

jew

b.

ikun inkompatibbli ma' l-interessi importanti tal-Parteċipant li jkollu l-informazzjoni.

2.   Kull Parteċipant għandu safejn ikun possibbli jżomm il-kunfidenzjalità ta' kwalunkwe informazzjoni provduta lilu b'mod kunfidenzjali mill-Parteċipant l-ieħor taħt dan l-Anness u jopponi kwalunkwe applikazzjoni għall-iżvelar ta' tali informazzjoni lil parti terza li ma tkunx awtorizzata sabiex tirċievi l-informazzjoni mill-Parteċipant li qed jgħaddi l-informazzjoni. Kull Parteċipant għandu l-intenzjoni li jinnotifika lill-Parteċipant l-ieħor kull meta kwalunkwe informazzjoni proposta li tiġi skambjata f'diskussjonijiet jew bi kwalunkwe mod ieħor tista' tkun meħtieġa li tiġi żvelata fi proċediment pubbliku.

3.   Fejn skond dan l-Anness xi Parteċipant jipprovdi informazzjoni fuq bażi kunfidenzjali lill-Parteċipant l-ieħor għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 2, dik l-informazzjoni għandha tintuża għal dik il-fini biss mill-Parteċipant li jirċeviha.

Artikolu 6

Implimentazzjoni

1.   Kull Parteċipant qed jaħtar rappreżentant sabiex ikun responsabbli għall-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet stabbiliti taħt dan l-Anness.

2.   Dan l-Anness, u l-attivitajiet kollha mwettqa minn Parteċipant konformement miegħu, huma

a.

maħsuba sabiex jiġu implimentati biss sa fejn huwa konsistenti mal-liġijiet, ir-regolamenti, u l-prattika kollha applikabbli għal dak il-Parteċipant;

u

b.

maħsuba sabiex jiġu implimentati mingħajr preġudizzju għall-Ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika Rigward l-Applikazzjoni tal-Liġijiet tal-Kompetizzjoni tagħhom.

ANNESS 3

Dwar Servizz ta' Trasport Akkwistat mill-Gvern ta' l-Istati Uniti

Il-linji ta' l-ajru Komunitarji għandhom ikollhom id-dritt li jittrasportaw passiġġieri u merkanzija fuq titjiriet skedati u charter li għalihom dipartiment, aġenzija, jew strumentalità ċivili tal-Gvern ta' l-Istati Uniti (1) jakkwista t-trasport għalih innifsu jew fit-twettiq ta' arranġament li taħtu jsir ħlas mill-Gvern jew isir ħlas minn ammonti provduti għall-użu tal-Gvern, jew (2) jipprovdi t-trasport lejn jew għal pajjiż barrani jew organizzazzjoni internazzjonali jew organizzazzjoni oħra mingħajr rimborż, u dak it-trasport ikun (a) bejn kwalunkwe punt fl-Istati Uniti u kwalunkwe punt fi Stat Membru, ħlief - fir-rigward ta' passiġġieri biss - bejn punti li għalihom hemm fis-seħħ tariffa ta' kuntratt bejn żewgt ibliet, jew (b) bejn kwalunkwe żewġ punti barra mill-Istati Uniti. Dan il-paragrafu m'għandux japplika għat-trasport miksub jew iffinanzjat mis-Segretarju tad-Difiża jew is-Segretarju ta' dipartiment militari.

ANNESS 4

Dwar Kwistjonijiet Addizzjonali Relatati mad-Dritt ta' Proprjetà, ma' l-Investiment u mal-Kontroll

Artikolu 1

Id-Dritt ta' Proprjetà fuq Linji ta' l-Ajru ta' Parti

1.   Id-dritt ta' proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru jew Stati Membri fuq sehem ta' linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti għandu jkun permess suġġett għal żewġ limitazzjonijiet. L-ewwel, id-dritt ta' proprjetà taċ-ċittadini barranin kollha fuq aktar minn 25 fil-mija ta' ishma bi dritt tal-vot ta' korporazzjoni huwa pprojbit. It-tieni, il-kontroll effettiv ta' linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti minn ċittadini barranin huwa pprojbit ukoll. Suġġett għal-limitazzjoni ġenerali ta' 25 fil-mija fuq id-dritt ta' proprjetà f'idejn barranin fuq ishma bi dritt tal-vot:

a.

id-dritt ta' proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru jew Stati Membri ta':

i

sa 25 fil-mija fuq ishma bi dritt tal-vot;

u/jew

ii

sa 49,9 fil-mija fuq l-ishma totali

ta' linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti m'għandux jitqies, fih innifsu, li jikkostitwixxi kontroll ta' dik il-linja ta' l-ajru;

u

b.

id-dritt ta' proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru jew Stati Membri fuq 50 fil-mija jew aktar mit-total fuq l-ishma ta' linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti m'għandux jiġi preżunt li jikkostitwixxi kontroll ta' dik il-linja ta' l-ajru. Tali dritt ta' proprjetà għandu jiġi kkunsidrat każ b'każ.

2.   Id-dritt ta' proprjetà ta' ċittadini ta' l-Istati Uniti fuq linja ta' l-ajru Komunitarja għandu jkun permess suġġett għal żewġ limitazzjonijiet. L-ewwel, il-linja ta' l-ajru għandha tkun il-proprjetà ta' l-Istati Membri u/jew taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri. It-tieni, il-linja ta' l-ajru għandha tkun effettivament kontrollata minn tali stati u/jew tali ċittadini.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu (b) ta' l-Artikolu 4 u s-subparagrafu 1(b) ta' l-Artikolu 5 ta' dan il-Ftehim, membru ta' l-ECAA mid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim u ċ-ċittadini ta' tali membru għandhom jiġu ttrattati bħala Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu, rispettivament. Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li din id-dispożizzjoni għandha tapplika għall-membri ġodda ta' l-ECAA u ċ-ċittadini tagħhom.

4.   Minkejja l-paragrafu 2, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jirriżervaw id-dritt li jillimitaw investimenti miċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti fis-sehem tal-vot ta' linja ta' l-ajru Komunitarja magħmula wara l-firma ta' dan il-Ftehim għal livell ekwivalenti għal dak permess mill-Istati Uniti għal ċittadini barranin fil-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti, dment li l-eżerċizju ta' dak id-dritt ikun konsistenti mad-dritt internazzjonali.

Artikolu 2

Id-Dritt ta' Proprjetà u l-Kontroll fir-rigward tal-Linji ta' l-Ajru ta' Pajjiżi Terzi

1.   L-ebda Parti m'għandha teżerċita xi dritt disponibbli taħt l-arranġamenti tas-servizzi ta' l-ajru ma' pajjiż terz sabiex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita awtorizzazzjonijiet jew permessi għal kwalunkwe linja ta' l-ajru ta' dak il-pajjiż terz għar-raġuni li d-dritt sostanzjali ta' proprjetà fuq dik il-linja ta' l-ajru ikun tal-Parti l-oħra, taċ-ċittadini tagħha, jew tat-tnejn.

2.   L-Istati Uniti m'għandha teżerċita ebda dritt disponibbli taħt l-arranġamenti tas-servizzi ta' l-ajru sabiex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita awtorizzazzjonijiet jew permessi għal kwalunkwe linja ta' l-ajru tal-Prinċipat ta' Liechtenstein, tal-Konfederazzjoni Svizzera, ta' membru ta' l-ECAA mid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, jew ta' kwalunkwe pajjiż fl-Afrika li jkun qed jimplimenta ftehim ma' l-Istati Uniti dwar servizzi ta' l-ajru Open-Skies mid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, għar-raġuni li l-kontroll effettiv ta' dik il-linja ta' l-ajru ngħata lil Stat Membru jew Stati Membri, liċ-ċittadini ta' tali stat jew stati, jew lit-tnejn.

3.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li l-ebda Parti m'għandha teżerċita d-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tal-linji ta' l-ajru ta' pajjiż speċifiku jew pajjiżi speċifiċi.

Artikolu 3

Kontroll tal-Linji ta' l-Ajru

1.   Ir-regoli applikabbli fil-Komunità Ewropea dwar id-dritt ta' proprjetà u l-kontroll fir-rigward tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji huma attwalment stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar liċenzjar ta' air carriers. Taħt dan ir-Regolament, ir-responsabbiltà għall-għoti ta' Liċenzja ta' l-Operat lil trasportatur bl-ajru Komunitarju hija ta' l-Istati Membri. L-Istati Membri japplikaw ir-Regolament 2407/92 skond ir-regolamenti u proċeduri nazzjonali tagħhom.

2.   Ir-regoli applikabbli fl-Istati Uniti huma attwalment stabbiliti fit-Taqsimiet 40102(a)(2), 41102 u 41103 tat-Titolu 49 tal-Kodiċi ta' l-Istati Uniti (U.S.C.), li jirrikjedu li liċenzji għal “trasportatur bl-ajru” ta' l-Istati Uniti maħruġa mid-Dipartiment tat-Trasport, kemm jekk ċertifikat, eżenzjoni, jew liċenzja ta' l-ivvjaġġar, sabiex iwettaq “trasport bl-ajru” bħala trasportatur komuni, jistgħu jinżammu biss minn ċittadini ta' l-Istati Uniti kif definit fl-49 U.S.C §40102(a)(15). Dik it-Taqsima tirrikjedi li l-president u żewġ terzi mill-bord tad-diretturi u uffiċjali amministrattivi oħrajn ta' korporazzjoni jkunu ċittadini ta' l-Istati Uniti, li mill-inqas 75 fil-mija ta' l-istokk tal-vot ikun il-proprjetà ta' ċittadini ta' l-Istati Uniti, u li l-korporazzjoni tkun taħt il-kontroll effettiv ta' ċittadini ta' l-Istati Uniti. Ir-rekwiżit għandu jiġi sodisfatt inizjalment minn applikant, u jkompli jiġi sodisfatt minn linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti li jkollha liċenzja.

3.   Il-prattika segwita minn kull Parti fl-applikazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tagħha hija esposta fl-Appendiċi ta' dan l-Anness.

ANNESS 5

Dwar Konċessjonijiet (Franchising) u Marki (Branding)

1.

Il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti m'għandhomx jiġu preklużi milli jidħlu f'arranġamenti ta' konċessjoni (franchising) jew ta' branding, inklużi kondizzjonijiet relatati mal-protezzjoni ta' marki (brands) u ma' materji operattivi, dment li: huma jikkonformaw, b'mod partikolari, mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli dwar il-kontroll; l-abbiltà tal-linja ta' l-ajru li teżisti barra mill-konċessjoni ma titqiegħedx f'periklu; l-arranġament ma jirriżultax fl-involviment ta' linja ta' l-ajru barranija f'operazzjonijiet ta' kabotaġġ; u jkun hemm konformità mar-regolamenti applikabbli, bħad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi dawk rigward l-iżvelar ta' l-identità tal-linja ta' l-ajru li topera s-servizz. Dment li dawk ir-rekwiżiti jintlaħqu, relazzjonijiet ta' negozju mill-qrib u arranġamenti koperattivi bejn il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti u negozji barranin huma permissibbli, u kull wieħed mill-aspetti individwali li ġejjin, fost l-oħrajn, ta' arranġament ta' konċessjoni jew ta' branding minnu nnifsu ma jqajjimx, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, kwistjonijiet ta' kontroll:

a)

l-użu u l-wiri ta' marka jew trademark speċifika ta' konċessur (franchisor), inklużi dispożizzjonijiet dwar iż-żona ġeografika li fiha l-marka jew trademark tista' tintuża;

b)

il-wiri tal-kuluri u l-logo tad-ditta tal-konċessur fuq l-inġenju ta' l-ajru tar-riċevitur tal-konċessjonarju (franchisee), inkluż il-wiri ta' tali marka, trademark, logo jew identifikazzjoni simili b'mod prominenti fuq l-inġenju ta' l-ajru tiegħu u fuq l-uniformijiet tal-persunal tiegħu;

ċ)

l-użu u l-wiri tal-marka, tat-trademark jew tal-logo fuq jew flimkien mal-faċilitajiet u t-tagħmir tal-konċessjonarju fl-ajruport;

d)

iż-żamma ta' standards ta' servizz tal-konsumatur maħsuba għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni;

e)

iż-żamma ta' standards ta' servizz tal-konsumatur maħsuba għall-protezzjoni ta' l-integrità tal-marka tal-konċessjoni;

f)

il-provvediment għall-ħlasijiet tal-liċenzji fuq termini kummerċjali standard;

g)

il-provvediment għall-parteċipazzjoni fi programmi frequent flyer, inkluża l-akkumulazzjoni ta' benefiċċji;

u

h)

il-provvediment fil-ftehim ta' konċessjoni jew ta' branding għad-dritt tal-konċessur jew tal-konċessjonarju li jtemm l-arranġament u jirtira l-marka, dment li ċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti jew l-Istati Membri jibqa' jkollhom kontroll tal-linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti jew tal-Kommunità, rispettivament.

2.

L-arranġamenti ta' konċessjoni u ta' branding huma indipendenti minn, iżda jistgħu jeżistu flimkien ma', arranġament ta' code-sharing li jkun jeħtieġ li ż-żewġ linji ta' l-ajru jkollhom l-awtorità meħtieġa mill-Partijiet, kif previst fil-paragrafu 7 ta' l-Artikolu 10 ta' dan il-Ftehim.

Dikjarazzjoni Konġunta

Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Uniti u tal-Komunità Ewropa u l-Istati Membri tagħha kkonfermaw li l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru inizjalat fi Brussel fit-2 ta' Marzu 2007 u previst li jiġi ffirmat fit-30 ta' April 2007 għandu jiġi awtentikat f'lingwi oħra, kif previst permezz ta' skambji ta' ittri, qabel l-iffirmar tal-Ftehim, jew permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, wara l-iffirmar tal-Ftehim.

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta hija parti integrali mill-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru.

Għall-Istati Uniti:

Image

Data: 18 ta' April 2007

Għall-Komunità Ewropa

u l-Istati Membri tagħha: ad referendum

Image

Data: 18 ta' April 2007

MEMORANDUM TA' KONSULTAZZJONIJIET

1.

Id-delegazzjonijiet li jirrappreżentaw il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti ta' l-Amerika ltaqgħu fi Brussel is-27 ta' Frar – it-2 ta' Marzu 2007, sabiex itemmu n-negozjati ta' ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru. Il-listi tad-delegazzjonijiet jidhru bħala Anness A.

2.

Id-delegazzjonijiet laħqu qbil ad referendum dwar, u inizjalaw it-test ta', Ftehim (il-“Ftehim”, mehmuż bħala l-Anness B). Id-delegazzjonijiet bi ħsiebhom jippreżentaw l-abbozz tal-Ftehim lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom għall-approvazzjoni bil-għan li dan jidħol fis-seħħ fil-futur qarib.

3.

Fir-rigward tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 1, id-delegazzjonijiet affermaw li d-definizzjoni ta' “trasport bl-ajru” kienet tinkludi kull forma ta' servizz bl-ajru tat-tip charter. Barra minn hekk, huma nnotaw li r-referenza għall-ġarr “offrut lill-pubbliku” ma kinitx tippreġudika r-riżultat tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-kwistjoni tad-dritt frazzjonali ta' proprjetà.

4.

Fir-rigward tal-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 1, id-delegazzjoni ta' l-UE nnotat li taħt id-dritt Komunitarju titjiriet bejn l-Istati Membri huma kkunsidrati bħala titjiriet intra-Komunitarji.

5.

Fir-rigward tal-paragrafu 6 ta' l-Artikolu 1, id-delegazzjoni ta' l-UE nnotat li xejn f'dan il-Ftehim ma jolqot id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha li jirriżultaw mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

6.

Id-delegazzjoni ta' l-UE kkonfermat li t-territorji barranin li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huma: id-dipartimenti extra-Ewropej ta' Franza (il-Guadeloupe, il-Martinique, ir-Reunion, il-Guyane), l-Azores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji.

7.

Bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti, id-delegazzjoni ta' l-UE affermat li, taħt il-leġislazzjoni Komunitarja Ewropea, linja ta' l-ajru Komunitarja għandha tirċievi kemm l-AOC tagħha kif ukoll il-liċenzja ta' l-operat tagħha mill-pajjiż li fih hija għandha l-post prinċipali ta' negozju tagħha. Barra dan, l-ebda linja ta' l-ajru ma jista' jkollha AOC jew liċenzja ta' l-operat minn aktar minn pajjiż wieħed.

8.

Fir-rigward tal-paragrafi 1, 3 u 5 ta' l-Artikolu 3, il-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 1 ta' l-Anness 4 u l-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 2 ta' l-Anness 4, u bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti, id-delegazzjoni ta' l-UE fissret li mid-data tal-firma tal-Ftehim il-membri ta' l-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni jinkludu, minbarra l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, ir-Repubblika ta' l-Albanija, il-Bosnja u Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika ta' l-Islanda, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tas-Serbja u l-Missjoni ta' Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo.

9.

Bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-UE, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti fissret li l-pajjiżi li ġejjin qegħdin jimplimentaw il-ftehim ma' l-Istati Uniti dwar is-servizzi bl-ajru Open-Skies mid-data tal-firma tal-Ftehim: il-Burkina Faso, ir-Repubblika tal-Kap Verde, ir-Repubblika tal-Kamerun, ir-Repubblika taċ-Ċad, ir-Repubblika tal-Gabon, ir-Repubblika tal-Gambja, ir-Repubblika tal-Gana, ir-Repubblika Demokratika Federali ta' l-Etjopja, ir-Repubblika tal-Liberja, ir-Repubblika tal-Madagaskar, ir-Repubblika ta' Mali, ir-Renju tal-Marokk, ir-Repubblika tan-Namibja, ir-Repubblika Federali tan-Niġerja, ir-Repubblika tas-Senegal, ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija u r-Repubblika ta' l-Uganda. Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti indikat ukoll li kien bi ħsiebha titratta l-linji ta' l-ajru tar-Repubblika tal-Kenja bl-istess mod bħal-linji ta' l-ajru ta' l-istati li jimplimentaw ftehim dwar servizzi bl-ajru Open-Skies għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 2 ta' l-Anness 4.

10.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 4, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti nnotat li d-Dipartiment tat-Trasport kien jeħtieġ lil kwalunkwe trasportatur bl-ajru barrani li jkun qed jipprova jikseb awtorità sabiex jopera s-servizzi skond il-Ftehim sabiex jindika l-awtorità responsabbli li tkun ħarġet l-AOC u l-liċenzja ta' l-operat tiegħu, u b'hekk jagħmilha ċara liema awtorità hija responsabbli għas-sikurezza, is-sigurtà u s-superviżjoni regolatorja oħra tat-trasportatur.

11.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 8, “awtoritajiet responsabbli” tirriferi, minn naħa waħda, għall-Amministrazzjoni Federali ta' l-Avjazzjoni ta' l-Istati Uniti u, min-naħa l-oħra, għall-awtoritajiet tal-Komunità Ewropea u/jew l-Istati Membri li jkollhom ir-responsabbiltà għall-ħruġ jew il-validazzjoni taċ-ċertifikati u l-liċenzji msemmija fil-paragrafu 1 jew għaż-żamma u l-amministrazzjoni ta' l-istandards u r-rekwiżiti tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 2, kif rilevanti għall-materja in kwistjoni. Barra minn hekk, fejn ikunu meħtieġa konsultazzjonijiet skond il-paragrafu 2, l-awtoritajiet responsabbli għandhom jiżguraw l-inklużjoni fil-konsultazzjonijiet ta' kwalunkwe awtorità territorjali jew reġjonali li, b'liġi jew b'regolament jew fil-prattika, qegħda teżerċita r-responsabbiltà għas-superviżjoni tas-sikurezza rilevanti għall-materja in kwistjoni.

12.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 9, id-delegazzjonijiet affermaw li, sa kemm huwa prattikabbli, il-Partijiet bi ħsiebhom jiżguraw l-ogħla livell possibbli ta' koperazzjoni dwar miżuri proposti ta' sigurtà sabiex tiġi minimizzata t-theddida u jittaffew il-konsegwenzi potenzjalment avversi ta' kwalunkwe miżura ġdida. Id-delegazzjonijiet innotaw ukoll li l-mezzi msemmija fil-paragrafu 7 ta' l-Artikolu 9 huma disponibbli sabiex jiġu kkunsidrati miżuri alternattivi għar-rekwiżiti ta' sigurtà attwali u proposti, b'mod partikolari id-Djalojgu tal-Politika dwar is-Sigurtà tal-Fruntieri u t-Trasport u l-Grupp ta' Koperazzjoni UE-Stati Uniti dwar is-Sigurtà tat-Trasport. Barra minn dan, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti stqarret li l-proċess ta' regolamentazzjoni għall-adozzjoni tar-regolamenti tipprovdi l-opportunità fuq bażi regolari lill-partijiet interessati sabiex jikkumentaw fuq, u jipproponu alternattivi għal, regolamenti proposti u li tali kummenti jiġu kkunsidrati fil-proċediment tar-regolamentazzjoni.

13.

Matul id-diskussjoni tal-paragrafu 6 ta' l-Artikolu 9, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti fissret li l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà tat-Trasport (AST) għandha immedjatament toħroġ direttiva ta' sigurtà meta l-AST tiddetermina li jkunu meħtieġa miżuri ta' emerġenza għall-protezzjoni tas-sigurtà tat-trasport. Tali miżuri huma maħsuba sabiex jindirizzaw it-theddida sottostanti għas-sigurtà u għandhom ikunu limitati fil-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien. Miżuri ta' emerġenza ta' natura itwal ser jiġu inkorporati fir-rekwiżiti ta' l-AST bl-użu ta' proċeduri ta' notifika u kumment pubbliku.

14.

Fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi stabbilita taħt il-paragrafu 11 ta' l-Artikolu 9, id-delegazzjonijiet ikkonfermaw il-ħtieġa li jiġi stabbilit protokoll għat-tħejjija, għall-implimentazzjoni u għall-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet imwettqa abbażi ta' dan il-paragrafu.

15.

Fir-rigward tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 10, id-delegazzjonijiet affermaw ir-rieda tagħhom li jiffaċilitaw konsiderazzjoni f'waqtha mill-awtoritajiet rilevanti ta' talbiet għal permessi, viżi, u dokumenti għall-persunal imsemmi f'dak il-paragrafu, anke f'ċirkostanzi fejn id-dħul jew ir-residenza tal-persunal huma meħtieġa fuq bażi ta' emerġenza jew dik temporanja.

16.

Id-delegazzjonijiet innotaw li r-referenza għal “liġi jew regolamentazzjoni ġeneralment applikabbli” fil-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 10 tinkludi sanzjonijiet ekonomiċi li jirrestrinġu transazzjonijiet ma' pajjiżi u persuni speċifiċi.

17.

Iż-żewġ delegazzjonijiet għarfu li, taħt il-paragrafu 7 ta' l-Artikolu 10, il-linji ta' l-ajru ta' kull Parti li jkollhom l-awtorità xierqa jistgħu joffru servizzi ta' code-sharing, suġġett għat-termini u l-kondizzjonijiet li japplikaw fuq bażi non-diskriminatorja lil-linji ta' l-ajru kollha, lejn u mill-punti kollha fit-territorju tal-Parti l-oħra, li fihom kwalunkwe linja ta' l-ajru oħra toffri trasport internazzjonali bl-ajru fuq titjiriet diretti, indiretti, online, jew interline, dment li tali servizzi ta' code-sharing:

(i)

jikkonformaw b'mod ieħor mal-Ftehim;

u

(ii)

jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regoli ta' distribuzzjoni tat-traffiku fis-sistema rilevanti ta' l-ajruport.

18.

Id-delegazzjonijiet iddiskutew l-importanza li l-passiġġieri jiġu avżati liema linja ta' l-ajru jew fornitur ta' trasport tal-wiċċ ser fil-fatt jopera kull settur tas-servizzi meta kwalunkwe arranġament ta' code-sharing huwa involut. Huma nnotaw li kull naħa kellha regolamenti li kienu jeħtieġu tali żvelar.

19.

Fir-rigward tal-paragrafu 7 (ċ) ta' l-Artikolu 10, id-delegazzjonijiet esprimew il-fehim tagħhom li fornituri ta' trasport tal-wiċċ m'għandhomx ikunu suġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti li jirregolaw it-trasport bl-ajru abbażi biss li tali trasport tal-wiċċ jiġi offrut minn linja ta' l-ajru taħt isimha stess. Barra minn dan, il-fornituri tat-trasport tal-wiċċ, bħal-linji ta' l-ajru, għandhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu jekk jidħlux f'arranġamenti koperattivi. Meta jiddeċiedu fuq kwalunkwe arranġament partikolari, il-fornituri tat-trasport tal-wiċċ jistgħu jikkunsidraw, fost affarijet oħrajn, l-interessi tal-konsumatur u r-restrizzjonijiet tekniċi, ekonomiċi, ta' spazju, u ta' kapaċità.

20.

Bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-UE, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti affermat li, taħt l-interpretazzjoni attwali tad-dritt ta' l-Istati Uniti, il-ġarr tat-trasport bl-ajru ffinanzjat mill-Gvern ta' l-Istati Uniti (it-traffiku Fly America) minn trasportatur ta' l-Istati Uniti jinkludi t-trasport mibjugħ taħt il-kodiċi ta' trasportatur ta' l-Istati Uniti skond arranġament ta' code-sharing, iżda trasportat fuq inġenju ta' l-ajru operat minn trasportatur bl-ajru barrani.

21.

Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti fissret li taħt l-Anness 3 mal-Ftehim, u fin-nuqqas ta' kuntratt bejn żewgt ibliet mogħti mill-Amministrazzjoni tas-Servizzi Ġenerali ta' l-Istati Uniti, impjegat tal-Gvern ta' l-Istati Uniti jew individwu ieħor li t-trasport tiegħu huwa mħallas mill-Gvern ta' l-Istati Uniti (ħlief għal impjegat, membru militari, jew individwu ieħor li t-trasport tiegħu huwa mħallas mid-Dipartiment tad-Difiża ta' l-Istati Uniti jew dipartiment militari) jista' jirriżerva titjira, anke fuq linja ta' l-ajru Komunitarja, bejn l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea, jew bejn kwalunkwe żewġ punti barra mill-Istati Uniti, li, bl-inqas spiża għall-Gvern, tissodisfa l-ħtiġijiet tal-vjaġġatur. Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti nnotat ukoll li l-pari ta' żewġt ibliet li għalihom jingħataw kuntratti jinbidlu minn sena fiskali għal oħra. Dipartiment, aġenzija jew strumentalità tal-Gvern ta' l-Istati Uniti, ħlief id-Dipartiment tad-Difiża jew dipartiment militari, jistgħu jibagħtu merkanzija fuq titjira, anke fuq linja ta' l-ajru Komunitarja, bejn l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea, jew bejn kwalunkwe żewġ punti barra mill-Istati Uniti, li, bl-inqas spiża għall-Gvern, tissodisfa l-ħtiġijiet ta' l-aġenzija.

22.

Id-delegazzjoni ta' l-UE fissret li l-UE m'għandhiex programm simili għal Fly America.

23.

Iż-żewġ delegazzjonijiet esprimew l-intenzjonijiet tagħhom li jfittxu possibbilitajiet oħrajn għaż-żieda ta' l-aċċess għat-trasport bl-ajru miksub mill-gvern.

24.

Bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-UE rigward l-awtorità operattiva ekonomika li l-linji ta' l-ajru Komunitarji għandhom jiksbu mid-Dipartiment tat-Trasport ta' l-Istati Uniti, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti bdiet billi tinnota li, matul is-snin, il-proċeduri ekonomiċi ta' liċenzjar tad-DOT ġew razzjonalizzati. Meta linji ta' l-ajru barranin ikunu qegħdin ifittxu awtorità prevista fi ftehim dwar is-servizzi ta' l-ajru, l-applikazzjonijiet tagħhom normalment jistgħu jiġu pproċessati malajr. Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti kompliet sabiex tfisser li linja ta' l-ajru Komunitarja għandha l-għażla li tippreżenta applikazzjoni waħda għall-awtorità kollha tar-rotta prevista fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 3, li tinkludi kemm drittijiet skedati kif ukoll charter. Fit-23 ta' Awissu, 2005, id-DOT ħabbar proċeduri aktar imħaffa li taħthom huwa kkontemplat li trasportaturi bl-ajru barranin li jkunu qegħdin ifittxu awtorità tar-rotta ġdida jressqu applikazzjonijiet konkurrenti għall-eżenzjoni u l-permess. Jekk wieħed jassumi li d-DOT ikun f'pożizzjoni li jaġixxi b'mod favorevoli, abbażi ta' dak li sar fil-passat u ta' konsiderazzjonijiet ta' l-interess pubbliku rilevanti għad-deċiżjonijiet ta' liċenzjar tiegħu, id-DOT għandu jipproċedi bil-ħruġ ta' ordni waħda (1) li tagħti t-talba għal eżenzjoni għal kien x'kien it-tul ta' żmien li normalment kien jingħata, jew sakemm l-awtorità għall-permess issir effettiva, liema minnhom hija l-iqsar, u (2) jiddeċiedi b'mod tentattiv (jiġifieri, show-cause) sabiex jagħti permess korrispondenti, ukoll għat-tul ta' żmien standard li normalment kien jingħata (bħal indefinit għal sistemi ta' ftehim). Fejn it-trasportaturi diġà applikaw kemm għall-awtorità għall-eżenzjoni kif ukoll għall-permess, u fejn ir-rekord rigward dawk l-applikazzjonijiet baqa' attwali, id-DOT beda jipproċessa dawk l-applikazzjonijiet skond l-approċċ tat-23 ta' Awissu.

25.

Jekk linja ta' l-ajru Komunitarja tixtieq teżerċita kwalunkwe awtorità permezz ta' code sharing skond il-paragrafu 7 ta' l-Artikolu 10, il-linji ta' l-ajru imsieħba fil-code-sharing jistgħu jressqu applikazzjoni konġunta għall-awtorità meħtieġa. Il-linja ta' l-ajru li tkun qed tikkummerċjalizza s-servizz għall-ħtiġijiet tal-pubbliku teħtieġ l-awtorità ekonomika sottostanti mid-DOT għal kwalunkwe tip ta' servizz (skedat jew charter) li jkun ser jinbiegħ taħt il-kodiċi tagħha. Bl-istess mod, il-linja ta' l-ajru li topera l-inġenji ta' l-ajru teħtieġ awtorità ekonomika sottostanti mid-DOT: awtorità ta' charter sabiex tipprovdi l-kapaċità lil-linja ta' l-ajru l-oħra sabiex tikkummerċjalizza s-servizz tagħha, u jew awtorità ta' charter jew dik skedata għall-kapaċità li bi ħsiebha tikkummerċjalizza hi stess. Il-linja ta' l-ajru operattiva teħtieġ ukoll dikjarazzjoni ta' awtorizzazzjoni sabiex tqiegħed il-kodiċi ta' l-imsieħeb tagħha fuq dawk it-titjiriet. Linja ta' l-ajru operattiva tista' titlob dikjarazzjoni ġenerali ta' awtorizzazzjoni għal tul ta' żmien indefinit għar-relazzjoni ta' code-sharing, li tidentifika s-swieq speċifiċi li fihom hija mitluba l-awtorità għall-code-sharing. Swieq addizzjonali jistgħu jiżdiedu b'avviż ta' 30 jum minn qabel lid-DOT. Dikjarazzjoni ta' awtorizzazzjoni ta' code-share hija speċifika għal-linja ta' l-ajru, u kull sħubija barranija ta' code-sharing teħtieġ id-dikjarazzjoni ta' awtorizzazzjoni tagħha stess, u, jekk applikabbli, verifika tas-sikurezza tal-code-share mil-linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti taħt il-Linji Gwida ppubblikati tad-DOT.

26.

Jekk, skond il-paragrafu 9 ta' l-Artikolu 10, linja ta' l-ajru Komunitarja tixtieq tipprovdi inġenju ta' l-ajru sħiħ bl-ekwipaġġ lil-linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti għall-operazzjonijiet taħt il-kodiċi tal-linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti, il-linja ta' l-ajru Komunitarja tkun teħtieġ bl-istess mod li jkollha awtorità ta' charter mid-DOT, kif ukoll dikjarazzjoni ta' awtorizzazzjoni. Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti indikat it-twemmin tagħha li kważi l-linji ta' l-ajru Komunitarji kollha li issa jipprovdu servizz skedat lill-Istati Uniti għandhom ukoll awtorità dinjija ta' charter mid-DOT. Għalhekk, minn perspettiva ekonomika ta' linċenzjar, huma jkunu jeħtieġu biss dikjarazzjoni ta' awtorizzazzjoni sabiex jipprovdu inġenju ta' l-ajru sħiħ bl-ekwipaġġ lil-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti. Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti indikat ukoll li ma kinitx tantiċipa li applikazzjonijiet għal awtorità ta' charter minn linji ta' l-ajru Komunitarji oħrajn kellha tqajjem diffikutajiet.

27.

Il-ħruġ ta' dikjarazzjoni ta' awtorizzazzjoni, kemm għal code sharing jew għall-forniment ta' inġenju ta' l-ajru sħiħ bl-ekwipaġġ, jeħtieġ sejba mid-DOT li l-operazzjonijiet proposti huma fl-interess pubbliku. Din is-sejba hija ffaċilitata b'mod qawwi minn determinazzjoni li s-servizzi proposti huma koperti minn ftehim applikabbli dwar is-servizzi ta' l-ajru. L-inklużjoni tad-drittijiet fi ftehim tistabbilixxi wkoll li teżisti r-reċiproċità.

28.

Fir-rigward kemm tal-code sharing kif ukoll il-forniment ta' inġenju ta' l-ajru sħiħ bl-ekwipaġġ taħt il-paragrafi 7 u 9 ta' l-Artikolu 10, l-attenzjoni primarja ta' l-analiżi ta' l-interess pubbliku tkun fuq jekk:

saritx verifika tas-sikurezza tal-linja ta' l-ajru barranija mil-linja ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti

il-pajjiż li jkun qed joħroġ l-AOC tat-trasportatur barrani huwiex IASA kategorija 1

il-pajjiż ta' oriġini tal-linja ta' l-ajru barranija jitrattax mat-trasportaturi ta' l-Istati Uniti abbażi ta' reċiproċità sostanzjali

l-approvazzjoni tikkawżax tħassib dwar il-kompetizzjoni

29.

Fir-rigward tal-forniment ta' inġenji ta' l-ajru bl-ekwipaġġ, l-analiżi ta' l-interess pubbliku addizzjonalment ikun jiffoka fuq jekk:

il-ftehim tal-kiri jipprovdix li l-kontroll ta' l-operat jibqa' għand it-trasportatur kerrej

ir-responsabbiltà regolatorja għas-superviżjoni tibqax għand l-awtorità tal-ħruġ ta' l-AOC tal-kerrej

l-approvazzjoni tal-kiri ma tagħtix vantaġġ irraġonevoli lil kwalunkwe parti f'disputa dwar ix-xogħol fejn l-inabbiltà li jiġi akkomodat it-traffiku f'suq huwa riżultat tad-disputa

30.

Id-dikjarazzjonijiet ta' awtorizzazzjoni għall-forniment ta' inġenju ta' l-ajru sħiħ bl-ekwipaġġ jinħarġu, mill-inqas inizjalment, fuq bażi ta' żmien limitat (eż., minn sitta sa disa' xhur) jew fuq bażi eċċezzjonali, li huwa konsistenti ma' l-approċċ fl-Unjoni Ewropea.

31.

Bi tweġiba għal tħassib li esprimiet id-delegazzjoni ta' l-UE dwar id-diskrezzjoni li d-DOT għandu taħt l-istandard ta' “interess pubbliku”, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti stqarret li, fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta' l-avjazzjoni sema miftuħ, id-DOT sab li l-arranġamenti ta' code-sharing huma fl-interess pubbliku u ħareġ dikjarazzjonijiet ta' awtorizzazzjoni b'mod konsistenti bl-inqas dewmien proċedurali. Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti indikat li, fir-rigward ta' kemm code sharing kif ukoll il-forniment ta' inġenji ta' l-ajru bl-ekwipaġġ li jinvolvi biss il-linji ta' l-ajru tal-Partijiet, id-DOT, sakemm mhux ippreżentat b'ċirkostanzi atipiċi, bħal dawk relatati mas-sigurtà, is-sikurezza jew il-kriminalità nazzjonali, kien jiffoka l-analiżi tiegħu ta' l-interess pubbliku fuq l-elementi deskritti hawn fuq. Barra minn hekk, fil-każ li jeżistu tali ċirkostanzi atipiċi, l-Istati Uniti għandu jinforma lill-Parti l-oħra bla telf ta' żmien.

32.

Bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti, id-delegazzjoni ta' l-UE affermat li, taħt il-leġislazzjoni applikabbli bħalissa fl-UE (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992), inġenji ta' l-ajru użati minn linja ta' l-ajru Komunitarja huma meħtieġa li jkunu reġistrati fil-Komunità. Madankollu, Stat Membru jista' jagħti eżoneru għal dan ir-rekwiżit fil-każ ta' arranġamenti ta' kiri għal żmien qasir sabiex jiġu sodisfatti ħtiġijiet temporanji jew diversament f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Linja ta' l-ajru Komunitarja li hija parti għal tali arranġament għandha tikseb approvazzjoni minn qabel mill-awtorità ta' liċenzjar xierqa, u Stat Membru jista' ma japprovax ftehim li jipprovdi inġenji ta' l-ajru bl-ekwipaġġ lil-linja ta' l-ajru li lilha tat liċenzja ta' l-operat sakemm l-istandards tas-sikurezza ekwivalenti għal dawk imposti taħt id-dritt Komunitarju jew, fejn rilevanti, id-dritt nazzjonali ma jintlaħqux.

33.

Iż-żewġ delegazzjonijiet għarfu li n-nuqqas ta' awtorizzazzjoni lil-linji ta' l-ajru sabiex jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija fil-Ftehim jew dewmien żejjed fl-għoti ta' tali awtorizzazzjoni jistgħu jolqtu l-opportunità ġusta u ugwali sabiex linja ta' l-ajru tikkompeti. Jekk xi waħda mill-Partijiet temmen li l-linji ta' l-ajru tagħha ma jkunux qegħdin jirċievu l-awtorità operattiva ekonomika li għaliha huma intitolati taħt il-Ftehim, din tista' tirriferi l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

34.

Fir-rigward tal-paragrafu 4 ta' l-Artikolu 14, id-delegazzjoni ta' l-UE fakkret li, skond l-Artikolu 295 tiegħu, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea bl-ebda mod ma jippreġudika r-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tad-dritt ta' proprjetà. Bi tweġiba d-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti nnotat il-fehma tagħha li d-dritt ta' proprjetà fuq linja ta' l-ajru f'idejn il-gvern jista' jolqot ħażin l-opportunità ġusta u ugwali tal-linji ta' l-ajru li jikkompetu fil-forniment tat-trasport internazzjonali bl-ajru regolat b'dan il-Ftehim.

35.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 15, id-delegazzjonijiet innotaw l-importanza ta' kunsens internazzjonali fil-kwistjonijiet ambjentali ta' l-avjazzjoni fil-qafas ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO). B'konnessjoni ma' dan, huma ssottolinjaw is-sinifikat tal-qbil unanimu li ntalaħaq fil-35 Assemblea ta' l-ICAO, li jkopri kemm il-kwistjonijiet ta' l-istorbju kif ukoll ta' l-emissjonijiet mill-inġenji ta' l-ajru (ir-Riżoluzzjoni A35-5). Iż-żewġ naħat huma impenjati li jirrispettaw dik ir-Riżoluzzjoni bis-sħiħ. Skond din ir-Riżoluzzjoni, iż-żewġ naħat huma impenjati li japplikaw il-prinċipju ta' “approċċ bilanċjat” għall-miżuri meħuda sabiex jiġi mmaniġġjat l-impatt ta' l-istorbju mill-inġenji ta' l-ajru (inklużi restrizzjonijiet sabiex jiġi limitat l-aċċess ta' inġenji ta' l-ajru għall-ajruporti f'ħinijiet partikolari) u sabiex jiġi żgurat li ħlasijiet għall-emissjonijiet mill-magni ta' l-inġenji ta' l-ajru fil-livell ta' l-ajruport għandhom ikunu bbażati fuq l-ispejjeż sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali ta' dawk l-emissjonijiet mill-magni ta' l-inġenji ta' l-ajru li huma identifikati sew u attribwiti direttament għat-trasport bl-ajru. Iż-żewġ naħat innotaw ukoll li fejn kienu jeżistu obbligi legali rilevanti, kemm jekk fil-livell internazzjonali, reġjonali, nazzjonali jew lokali, dawn ukoll kellhom jiġu rispettati bis-sħiħ; għall-Istati Uniti d-data rilevanti kienet il-5 ta' Ottubru, 2001, u għall-Komunità Ewropea, id-data rilevanti kienet it-28 ta' Marzu, 2002.

36.

Id-delegazzjonijiet innotaw ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-Bidla fil-Klima, l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli li jinstabu fil-“Gleneagles Communiqué” ta' l-2005 tan-nazzjonijiet G8 kif ukoll il-qafas għall-koperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru fil-Memorandum ta' Ftehim iffirmat mill-Amministrazzjoni Federali ta' l-Avjazzjoni u l-Kummissjoni fit-18 ta' Lulju, 2006. Id-delegazzjonijiet innotaw l-intenzjoni ta' l-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Uniti u l-UE sabiex iżidu l-koperazzjoni teknika, anke fl-oqsma tar-riċerka fix-xjenza tal-klima u l-iżvilupp teknoloġiku, li għandha tkabbar is-sikurezza, ittejjeb l-effiċjenza tal-karburant, u tnaqqas l-emissjonijiet fit-trasport bl-ajru. Wara li kkunsidraw il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom dwar il-kwistjoni ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali, iż-żewġ delegazzjonijiet innotaw li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea bi ħsiebhom jaħdmu fil-qafas ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili.

37.

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kumitat konġunt, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti indikat li kienet l-intenzjoni ta' l-Istati Uniti li jkollha rappreżentazzjoni minn diversi aġenziji, ippreseduta mid-Dipartiment ta' l-Istat. Id-delegazzjoni ta' l-UE indikat li l-UE kienet ser tkun rappreżentata mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Iż-żewġ delegazzjonijiet indikaw ukoll li l-parteċipazzjoni mill-partijiet interessati kienet ser tkun element importanti tal-proċess tal-Kumitat Konġunt, u li r-rappreżentanti tal-partijiet interessati kienu għalhekk ser ikunu mistiedna bħala osservaturi, ħlief fejn deċiż diversament minn Parti waħda jew miż-żewġ Partijiet.

38.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 18, id-delegazzjonijiet affermaw l-intenzjoni tagħhom li jkollhom laqgħa preliminari tal-Kumitat Konġunt mhux aktar tard minn 60 jum wara d-data tal-firma ta' dan il-Ftehim.

39.

Id-Delegazzjonijiet ikkonfermaw il-fehim tagħhom li prattika bħar-rekwiżit tad-dritt ta' l-ewwel rifjut, il-proporzjon ta' uplift, il-miżata mingħajr oġġezzjoni, jew kwalunkwe restrizzjoni oħra fir-rigward tal-kapaċità, frekwenza jew traffiku huma inkonsistenti mal-Ftehim.

40.

Id-delegazzjoni ta' l-UE ssuġġeriet li ż-żewġ Partijiet għandhom jifhmu b'mod kemm jista' jkun ċar safejn ir-rappreżentanti tad-Dipartiment tat-Trasport (DOT) ta' l-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni koperti mill-Anness 2 mal-Ftehim taħt il-liġijiet, ir-regolament u l-prattika rispettivi tagħhom, b'mod partikolari rigward data u perspettivi dwar kwistjonijiet li jinvolvu proċedimenti li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati b'mod attiv minn dawk l-awtoritajiet.

41.

Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti indikat li l-proċedimenti koperti mill-Anness 2 mal-Ftehim huma ġudizzji taħt id-dritt ta' l-Istati Uniti u huma suġġetti għal restrizzjonijiet statutarji, regolatorji u ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni ta' l-aġenzija hi bbażata biss fuq l-informazzjoni li hi inkluża fid-dokument tal-proċediment, inkluża informazzjoni pubblika li d-DOT iddetermina li uffiċjalment tidher, li l-partijiet kellhom opportunità li jikkumentaw dwarha qabel id-deċiżjoni finali ta' l-aġenzija.

42.

Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti fissret li dawn ir-restrizzjonijiet ma jipprekludux lir-rappreżentanti li jagħtu parir lil min jieħu d-deċiżjonijiet fid-DOT waqt proċediment attiv milli jiddiskutu mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet bħal (1) l-istat tal-kompetizzjoni fi kwalunkwe suq ibbażat fuq data mhux kunfidenzjali; (2) l-impatt ta' alleanzi eżistenti jew intrapriżi koperattivi oħrajn u r-riżultati ta' kondizzjonijiet imposti preċedentament jew limitazzjonijiet oħrajn sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' kompetizzjoni; (3) approċċi ġenerali għall-analiżi jew il-metodoloġija tal-kompetizzjoni; (4) każijiet tal-passat, inklużi rekords u deċiżjonijiet; (5) liġi sostantiva, politika, u proċeduri applikabbli għal kwalunkwe każ; (6) kwistjonijiet li jistgħu jitqajmu minn każijiet potenzjali li ma nbdewx formalment, sakemm ir-rappreżentanti tad-DOT ma “jippreġudikawx” il-fatti jew ir-riżultati ta' tali każijiet; u (7) fi proċedimenti attivi, liema kwistjonijiet diġà tqajmu mill-partijiet u x'evidenza mhux kunfidenzjali ingħatat għar-rekord, ukoll sal-punt ta' preġudizzju potenzjali tal-fatti u l-eżitu.

43.

Hemm żewġ restrizzjonijiet proċedurali bażiċi fid-diskussjoni ta' każijiet li għaddejjin bħalissa. L-ewwel waħda tapplika l-aktar għal komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni lid-DOT: id-deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar ma tistax tkun ibbażata fuq kwalunkwe informazzjoni jew argument sostantiv li ma jkunx disponibbli għall-kummenti tal-partijiet kollha fuq ir-rekord qabel id-deċiżjoni finali. Jekk tali informazzjoni tkun riċevuta, din ma tkunx tista' titqies fid-deċiżjoni sakemm ma ssirx disponibbli. It-tieni restrizzjoni tinvolvi komunikazzjonijiet mid-DOT aktar milli lilu: l-aġenzija ma tistax turi jew tidher li turi “preġudizzju” tal-kwistjonijiet — jiġifieri, li tissemma' konklużjoni qabel ma jkun intemm ir-rekord tal-każ u tinħareġ deċiżjoni finali għall-pubbliku. Din ir-restrizzjoni tapplika għad-DOT fi kwalunkwe kuntest, kemm jekk fid-diskussjonijiet ma' l-UE jew ma' kwalunkwe entità li mhix leġġittimament parti mill-proċess intern tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Gvern ta' l-Istati Uniti, kemm jekk interessata jew jekk le. Id-DOT bi ħsiebu jinnotifika lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni immedjatament kull meta, fl-esperjenza tiegħu, il-preġudizzju jew l-input deċiżjonali ssir konsiderazzjoni fid-diskussjoni ta' suġġett partikolari, sabiex ir-rappreżentanti jkunu jistgħu jiddeċiedu kif jipproċedu.

44.

Id-delegazzjoni ta' l-UE talbet assigurazzjoni mid-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti li l-kriterju statutarju ta' “interess pubbliku” ma jintużax taħt is-sistema ta' kompetizzjoni ta' l-Istati Uniti sabiex jiġu ppreferuti l-interessi tal-linji ta' l-ajru individwali ta' l-Istati Uniti minn dawk ta' linji ta' l-ajru oħrajn, ta' l-Istati Uniti jew barranin. Id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti wieġbet li dan il-kriterju u l-istandards ta' kompetizzjoni li d-DOT għandu juża għad-deċiżjonijiet tiegħu huma mfassla u użati sabiex jipproteġu l-kompetizzjoni fis-swieq kollha kemm huma, mhux kompetituri individwali tal-linji ta' l-ajru. Fost konsiderazzjonijiet oħrajn, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti nnotat li l-“interess pubbliku” fit-trasport internazzjonali bl-ajru huwa definit bl-istatut li jinkludi ugwaljanza ta' opportunità fost il-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti u dawk barranin, kif ukoll kompetizzjoni massima. Barra minn dan, il-kriterju ta' interess pubbliku fl-istatuti li jirregolaw l-approvazzjoni tad-DOT ta', u l-immunità mill-antitrust għal, ftehim bejn it-trasportaturi, ma jkunx “eċċezzjoni” għall-analiżi tal-kompetizzjoni li għandha ssegwi l-aġenzija, iżda saħansitra rekwiżit addizzjonali li għandu jiġi sodisfatt qabel id-DOT ikun jista' jagħti l-immunità mill-antitrust. Fl-aħħarnett, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti enfasizzat li d-deċiżjonijiet kollha tad-DOT għandhom ikunu konsistenti mad-dritt domestiku u l-obbligi internazzjonali, inklużi ftehim dwar l-avjazzjoni ċivili li jkun fihom uniformament ir-rekwiżit li l-Partijiet kollha jipprovdu “opportunità ġusta u ugwali sabiex jikkompetu” lil-linji ta' l-ajru tal-Partijiet l-oħrajn.

45.

Fil-kuntest ta' din id-diskussjoni, iż-żewġ delegazzjonijiet affermaw li s-sistemi ta' kompetizzjoni rispettivi tagħhom jiġu applikati b'mod li jirrispetta l-opportunità ġusta u ugwali sabiex jikkompetu mogħtija lil-linji ta' l-ajru kollha tal-Partijiet, u skond il-prinċipju ġenerali ta' protezzjoni ta' u żieda fil-kompetizzjoni fis-swieq kollha kemm huma, minkejja l-possibbiltà ta' interessi kuntrarji tal-kompetituri individwali tal-linji ta' l-ajru.

46.

Rigward il-proċeduri tal-Kummissjoni Ewropea, id-delegazzjoni ta' l-UE fissret li l-limitazzjoni prinċipali fuq l-abbiltà tal-Kummissjoni Ewropea li tidħol f'koperazzjoni attiva ma' aġenziji governattivi barranin tirriżulta minn restrizzjonijiet fuq l-abbiltà li tikkomunika informazzjoni kunfidenzjali. Informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri matul investgazzjoni, u li hija tat-tip kopert mis-sigriet professjonali, hija suġġetta għall-Artikolu 287 tat-Trattat KE u l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) 1/2003. Essenzjalment, dan jirriferi għal informazzjoni li ma tkunx disponibbli għall-pubbliku u li tista' tiġi skoperta matul investigazzjoni, tiġi kkomunikata fi tweġiba għall-informazzjoni jew li tista' tiġi volontarjament ikkomunikati lill-Kummissjoni. Din l-informazzjoni tinkludi wkoll sigrieti tan-negozju jew tal-kummerċ. Tali informazzjoni ma tista tiġi żvelata lil ebda aġenzija ta' pajjiż terz, ħlief bil-qbil espliċitu tas-sors ikkonċernat. Għaldaqstant, fejn ikun kkunsidrat xieraq u mixtieq li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali lil aġenzija(i) barranija(barranin), għandu jinkiseb il-kunsens tas-sors ta' dik l-informazzjoni permezz ta' rinunzja.

47.

L-informazzjoni li hija relatata mat-tmexxija ta' investgazzjoni, jew it-tmexxija possibbli ta' investigazzjoni, ma tkunx sottomessa għad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq. Tali informazzjoni tinkludi l-fatt li tkun qed issir investigazzjoni, il-materja ġenerali ta' l-investigazzjoni, l-identità ta' l-intrapriża(i) li tkun qed tiġi investigata (għalkemm din tista' wkoll tkun, f'xi ċirkostanzi, informazzjoni protetta), l-identità tas-settur li fih tkun qed isseħħ l-investigazzjoni, u l-passi proposti li jittieħdu matul l-investigazzjoni. Din l-informazzjoni normalment tinżamm kunfidenzjali sabiex jiġi żgurat trattament xieraq ta' l-investigazzjoni. Madankollu, din tista' tiġi kkomunikata lid-DOT, peress li dan ta' l-aħħar huwa obbligat iżomm il-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni taħt it-termini ta' l-Artikolu 5 ta' l-Anness 2 mal-Ftehim.

48.

Bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-UE, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti kkonfermat li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Uniti ser jipprovdu konsiderazzjoni ġusta u mingħajr dewmien ta' applikazzjonijiet kompleti għall-immunità mill-antitrust ta' ftehim għall-koperazzjoni kummerċjali, inklużi ftehim riveduti. Id-delegazzjoni ta' l-Istat Uniti kkonfermat li, għal-linji ta' l-ajru Komunitarji, il-Ftehim bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar it-Trasport bl-Ajru, li qed jiġi applikat skond l-Artikolu 25 jew li huwa fis-seħħ skond l-Artikolu 26, ser jissodisfa r-rekwiżit tad-Dipartiment tat-Trasport li, sabiex tiġi kkunsidrata tali applikazzjoni minn linji ta' l-ajru barranin għall-immunità mill-antitrust jew sabiex titkompla tali immunità, għandu jeżisti ftehim Open-Skies bejn l-Istati Uniti u l-pajjiż(i) ta' oriġini tal-linja(i) ta' l-ajru applikanti barranija(barranin). L-assigurazzjoni msemmija qabel ma tapplikax għal applikanti mill-Irlanda sakemm tiskadi t-Taqsima 4 ta' l-Anness 1.

49.

Bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-UE, id-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti stqarret li r-regoli kollha tad-DOT dwar is-sistemi ta' prenotazzjoni kompjuterizzata (“CRSs” jew “sistemi”) intemmu fil-31 ta' Lulju, 2004. Id-DOT, madankollu, iżomm l-awtorità li jipprojbixxi prattika inġusta u qarrieqa u metodi inġusti ta' kompetizzjoni fil-linja ta' l-ajru u l-industriji ta' distribuzzjoni tal-linji ta' l-ajru, u d-DOT jista' juża dik l-awtorità sabiex jindirizza prattika anti-kompetittiva evidenti minn sistema fil-kummerċjalizzazzjoni tiegħu tas-servizzi tal-linji ta' l-ajru. Barra minn dan, id-Dipartiment tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ għandhom il-ġurisdizzjoni li jindirizzaw ilmenti li sistema hija involuta f'imġieba li tikser il-liġijiet ta' l-antitrust.

50.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 25, id-delegazzjoni ta' l-UE fissret li f'xi Stati Membri l-applikazzjoni provviżorja għandha l-ewwel tiġi approvata mill-parlamenti tagħhom skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom.

51.

Iż-żewġ delegazzjonijiet ikkonfermaw li, fil-każ li waħda mill-Partijiet tiddeċiedi li twaqqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim skond l-Artikolu 25(2), l-arranġamenti fit-Taqsima 4 ta' l-Anness 1 mal-Ftehim jistgħu jkomplu japplikaw jekk il-Partijiet jiddeċiedu hekk.

52.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 26, id-delegazzjoni ta' l-UE fissret li f'xi Stati Membri l-proċeduri msemmija f'dan l-Artikolu jinkludu r-ratifika.

53.

Bi tweġiba għal mistoqsija mid-delegazzjoni ta' l-Istati Uniti dwar restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-elementi residwi ta' ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri dwar is-servizzi ta' l-ajru, id-delegazzjoni ta' l-UE affermat li kwalunkwe tali restrizzjoni li tolqot l-abbiltà tal-linji ta' l-ajru ta' l-Istati Uniti u tal-Komunità li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija b'dan il-Ftehim m'għandhiex tiġi applikata aktar.

54.

Iż-żewġ delegazzjonijiet enfasizzaw li xejn fil-Ftehim ma jinċidi b'xi mod fuq il-pożizzjonijiet legali u ta' politika rispettivi tagħhom dwar kwistjonijiet ambjentali diversi relatati ma' l-avjazzjoni.

55.

Iż-żewġ delegazzjonijiet innotaw li l-ebda naħa m'hi ser tikkwotaw il-Ftehim jew xi parti minnu bħala bażi sabiex jopponu fl-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili konsiderazzjoni ta' linji politiċi alternattivi dwar kwalunkwe kwistjoni koperta mill-Ftehim.

56.

Kwalunkwe ftehim dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Uniti u Stat Membru li l-applikabbiltà tiegħu kienet dubjuża ma' l-iffirmar tal-Ftehim ma ġiex elenkat fit-Taqsima 1 għall-Anness 1 tal-Ftehim. Madankollu, id-delegazzjonijiet għandhom l-intenzjoni li l-Ftehim jiġi applikat provviżorjament mill-Istati Uniti u tali Stat jew Stati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 25 tal-Ftehim.

Għad-Delegazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha

Daniel CALLEJA

Għad-Delegazzjoni ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika

John BYERLY

Dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tiġi ppreżentata lill-Istati Uniti ta' l-Amerika ma' l-iffirmar f'isem il-KE u l-Istati Membri tagħha

Dan il-Ftehim ser jiġi applikat fuq bażi provviżorja sakemm jidħol fis-seħħ mill-Istati Membri in bona fides u skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li hemm fis-seħħ.


Top