Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1085

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas- 17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)

ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82–93 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013: This act has been changed. Current consolidated version: 01/03/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1085/oj

31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

82


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1085/2006

tas-17 ta' Lulju 2006

li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 181a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Billi:

(1)

Sabiex ttjieb l-effiċjenza ta' l-Għajnuna Esterna tal-Komunità, ġie previst qafas ġdid għall-ipprogrammar u l-għoti ta' assistenza. L-istrument preżenti jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti ġenerali li jappoġġja direttament l-oqsma ta' politika ta' l-Għajnuna Esterna Ewropea;

(2)

L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li kwalunke Stat Ewropew li jirrispetta l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt jista' japplika biex isir membru ta' l-Unjoni,

(3)

L-applikazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija għas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet ġiet aċċettata mill-Kunsill Ewropew ta' Ħelsinki fl-1999. Assistenza ta' qabel l-adeżjoni kienet disponibbli lir-Repubblika tat-Turkija sa mill-2002. Il-Kunsill Ewropew ta' Brussel fis-16-17 ta' Diċembru 2004 rrakkomanda li negozjati għall-adeżjoni għandhom jinfetħu mat-Turkija,

(4)

Fil-laqgħa tiegħu li nżammet f'Santa Maria da Feira fl-20 ta' Ġunju, 2000, il-Kunsill Ewropew kien saħaq li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kienu kandidati potenzjali għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea,

(5)

Fil-laqgħa tiegħu li nżammet f'Tessaloniki, fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill Ewropew kien fakkar il-konklużjonijiet tal-laqgħat tiegħu li kienu saru f'Kopenħagen f'Diċembru ta' l-2002 u fi Brussel f'Marzu ta' l-2003, u tenna d-determinazzjoni tiegħu li jappoġġja bis-sħiħ u b'mod effettiv il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, waqt li wera li dawn jistgħu jsiru parti integrali mill-Unjoni Ewropea ladarba dawn jilħqu l-kriterji stabbiliti,

(6)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki ta' l-2003 wera wkoll li l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ser jikkostitwixxi l-qafas ġenerali għar-rotta Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li dawn iridu jsegwu għall-adeżjoni tagħhom tal-ġejjieni,

(7)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki, il-Parlament Ewropew għaraf li kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent huwa fi triqtu lejn l-adeżjoni, iżda fl-istess waqt insista li kull pajjiż għandu jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess,

(8)

Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent jistgħu għalhekk jitqiesu bħala pajjiżi kandidati potenzjali; madankollu, għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali,

(9)

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tas-17-18 ta' Ġunju 2004 rrakkomanda li negozjati ta' l-adeżjoni għandhom jinfetħu mal-Kroazja,

(10)

Il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tal-15-16 ta' Diċembru 2005 ddeċieda li jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat lil dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,

(11)

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tas-16-17 ta' Diċembru 2004 rrakkomanda li b'mod parallel għan-negozjati ta' l-adeżjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tidħol fi djalogu politiku u kulturali intensiv ma' kull pajjiż kandidat,

(12)

Fl-interess tal-koerenza u l-konsistenza ta' l-assistenza tal-Komunità, l-assistenza għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-pajjiżi kandidati potenzjali għandha tingħata fil-kuntest ta' qafas koerenti, li jieħu vantaġġ mit-tagħlim li nkiseb minn strumenti ta' qabel l-adeżjoni tal-passat kif ukoll mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta' Diċembru dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 u (KEE) Nru 1360/90 u d-Deċiżjonijiet 97/256/KE u 1999/311/KE (3). L-assistenza għandha tkun ukoll konsistenti ma' l-iżvilupp ta' politika tal-Komunità skond l-Artikolu 181a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

(13)

L-assistenza għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-Pajjiżi kandidati potenzjali għandha titkompla tappoġġahom fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, jirriformaw l-amministrazzjoni pubblika, iwettqu riformi ekonomiċi, jirrispettaw id-drittjiet tal-bniedem kif ukoll tal-minoranzi, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, jappoġġaw l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u jmexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni, u tikontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar f'dawn il-pajjiżi, u għandha għaldaqstant tkun immirata li tappoġġa sensiela wiesgħa ta' miżuri għall-bini ta' l-istituzzjonijiet,

(14)

L-assistenza għall-Pajjiżi kandidati għandha tiffoka wkoll fuq l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire kollu, u b'mod speċjali tħejji lill-Pajjiżi kandidati biex jimplimentaw il-politika agrikola u ta' koeżjoni tal-Komunità,

(15)

L-assistenza għall-Pajjiżi kandidati potenzjali tista' tinkludi xi allinjament ma' l-acquis communautaire, kif ukoll bħala appoġġ għal proġetti ta' investiment, li jimmiraw b'mod partikolari biex jibnu l-kapaċita' ta' ġestjoni fl-oqsma ta' l-iżvilupp reġjonali, tar-riżorsi umani u dak rurali,

(16)

L-assistenza għandha tiġi pprovduta abbażi ta' strateġija komprensiva pluriennali li tirrifletti l-prijoritajiet tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kif ukoll il-prijoritajiet strateġiċi tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni,

(17)

Sabiex tassisti bil-parti finanzjarja ta' din l-istrateġija, u bla ħsara għall-prerogattivi ta' l-Awtorità tal-Baġit, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-intenzjonijiet tagħha għall-allokazzjonijiet finanzjarji li ser jiġu proposti għat-tliet snin li ġejjin permezz ta' qafas finanzjarju pluriennali indikattiv, bħala parti integrali mill-pakkett annwali ta' Tkabbir tagħha,

(18)

L-Assistenza tat-Transizzjoni u l-Bini ta' l-Istituzzjonijiet, u l-Komponenti tal-Kooperazzjoni Transkonfini għandhom ikunu aċċessibbli għall-pajjiżi benefiċjarji kollha, sabiex jgħinuhom fil-proċess ta' transizzjoni u ta' avviċinament lejn l-UE, kif ukoll biex tiġi inkoraġġuta kooperazzjoni reġjonali bejntiehom,

(19)

Il-Komponent ta' l-Iżvilupp Reġjonali, il-Komponent ta' Żvilupp tar-Riżorsi Umani, u l-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali għandhom ikunu aċċessibbli biss għal Pajjiżi kandidati akkreditati biex jamministraw fondi b'mod deċentralizzat, sabiex jgħinuhom iħejju ruħhom għaż-żmien ta' wara l-adeżjoni, b'mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-linji ta' politika ta' koeżjoni u ta' l-iżvilupp rurali tal-Komunità,

(20)

Pajjiżi kandidati potenzjali u Pajjiżi kandidati li ma ġewx akkredidati biex jamministraw fondi b'mod deċentralizzat madankollu għandhom ikunu eliġibbli, taħt l-Assistenza tat-Transizzjoni u l-Komponent tal-Bini ta' l-Istituzzjonijiet, għal miżuri u azzjonijiet ta' natura simili għal dawk li ser ikunu disponibbli taħt il-Komponent ta' l-Iżvilupp Reġjonali, il-Komponent ta' l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani u l-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali,

(21)

L-assistenza għandha titmexxa skond ir-regoli għall-Għajnuna Esterna li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), bl-użu ta' l-istrutturi li ġew ipprovati tajbin fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni, bħalma huma t-tmexxija deċentralizzata, il-ġemellaġġ u t-TAIEX(Technical Assistance Information Exchange Instrument), iżda għandha tippermetti wkoll għall-approċċi innovattivi bħall-implimentazzjoni tul l-Istati Membri permezz ta' tmexxija mqassma fil-każ ta' programmi transkonfini fuq il-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea. It-trasferiment ta' għarfien u kompetenzi rigward l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire, mill-Istati Membri b'kompetenzi rilevanti għall-benefiċjarji ta' dan ir-Regolament, għandu jkun ta' benefiċċju partikolari f'dan il-kuntest,

(22)

L-azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament huma miżuri ta' tmexxija dwar l-implimentazzjoni tal-programmi b' implikazzjonijiet buġetarji sostanzjali. Dawn għandhom għalhekk jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5), billi jiġu sottomessi d-dokumenti indikattivi ta' ppjanar pluriennali lill-Kumitat ta' Tmexxija.

(23)

Il-programmi annwali jew pluriennali fuq bażi orizzontali u skond kull pajjiż għall-implimentazzjoni ta' assistenza taħt l-Assistenza tat-Transizzjoni u l-Komponent tal-Bini ta' l-Istituzzjonijiet u l-Komponent ta' Kooperazzjoni Transkonfini għandhom ukoll jiġu sottomessi lil Kumitat ta' Tmexxija, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

(24)

Il-programmi pluriennali għall-implimentazzjoni tal-Komponent ta' l-Iżvilupp Reġjonali, il-Komponent ta' Żvilupp tar-Riżorsi Umani, u l-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali għandhom ukoll jiġu sottomessi lil Kumitat ta' Tmexxija, skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE. Peress li dawn il-miżuri ser ikunu allinjati mill-qrib mal-prattiċi tal-Fondi Strutturali u ta' l-Iżvilupp Rurali, dawn għandhom kemm jista' jkun jagħmlu użu mill-Kumitati eżistenti stabbiliti għall-Fondi Strutturali u l-Iżvilupp Rurali,

(25)

Fejn il-Kummissjoni timplimenta dan ir-Regolament permezz ta' tmexxija ċentralizzata, din għandha tħares mill-aħjar li tipproteġi l-interess finanzjarju tal-Komunità, b'mod partikolari billi tapplika r-regoli u l-istandards ta' l-acquis communautaire f'dak ir-rigward, u fejn il-Kummissjoni timplimenta dan ir-Regolament permezz ta' forom oħrajn ta' tmexxija, l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom ikunu salvagwardjati permezz tal-konklużjoni ta' ftehim xieraq li fihom biżżejjed garanziji f'dak ir-rigward,

(26)

Ir-regoli li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-parteċipazzjoni f'offerti u kuntratti ta' għotja, kif ukoll ir-regoli li jikkonċernaw l-oriġini tal-provvisti għandhom ikunu stabbiliti skond żviluppi reċenti fl-Unjoni Ewropea dwar it-taħlil ta' l-assistenza, iżda għandhom iżommu l-flessibilita' għal reazzjoni għal żviluppi ġodda f'dan il-qasam,

(27)

Fejn pajjiż benefiċjarju jikser il-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea, jew ma jagħmilx biżżejjed progress fir-rigward tal-kriterji ta' Kopenħagen u l-prijoritajiet stabbiliti fis-Sħubija Ewropea jew ta' l-Adeżjoni, il-Kunsill għandu, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, jkun f'pożizzjoni li jieħu l-miżuri meħtieġa. Għandha tiġi żgurata informazzjoni sħiħa u immedjata lill-Parlament Ewropew,

(28)

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet biex il-Kunsill ikun jista' jemenda dan ir-Regolament permezz ta' proċedura simplifikata fir-rigward ta' l-istatus ta' pajjiż benefiċjarju kif definit fir-Regolament.

(29)

Il-pajjiżi li jkunu benefiċjarji taħt l-Istrumenti l-oħra ta' Għajnuna Esterna reġjonali għandhom, fuq il-bażi tar-reċiproċità, jieħdu sehem f'azzjonijiet taħt dan ir-Regolament, fejn dan joffri valur miżjud minħabba n-natura reġjonali, transkonfini, transnazzjonali jew globali ta' l-azzjoni in kwistjoni,

(30)

Peress illi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-allinjament progressiv tal-pajjiżi benefiċjarji ma' l-istandards u l-politika ta' l-Unjoni Ewropea, inkluż fejn ikun xieraq l-acquis communautaire, bil-ħsieb li jwasslu għas-sħubija, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, u jista' għaldaqstant jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunita' tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE. Skond il-prinċipju tal-propozjonalita kif stabbilit f' dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.

(31)

Meta jitqies li l-Artikolu 181 (a) tat-Trattat KE jistipula li miżuri fiż-żona ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma' pajjiżi terzi għandhom ikunu komplementari għal dawk imwettqa mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma impenjati li jiżguraw koordinazzjoni, koerenza u komplementarjetà ta' l-assistenza tagħhom, skond il-linji gwida stabbiliti ta' l-UE ta' l-2001 għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operattiva bejn il-Komunità u l-Istati Membri fil-qasam ta' l-assistenza esterna, b'mod partikolari permezz ta' konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni rilevanti matul il-fażijiiet differenti taċ-ċiklu ta' assistenza,

(32)

Ammont finanzjarju ta' referenza, fis-sens tal-punt 38 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u t-tmexxija finanzjarja tajba (6) hu inkluż f'din id-Deċiżjoni għaż-żmien kollu ta' l-istrument, mingħajr ma dan jaffettwa s-setgħat ta' l-awtorità tal-baġit kif imfissra mit-Trattat KE,

(33)

L-istituzzjoni ta' sistema ġdida ta' assistenza Komunitarja ta' qabel l-adeżjoni teħtieġ li jitħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar l-għajnuna ekonomika lir-Repubblika ta' l-Ungerija u lir-Repubblika tal-Poplu Pollakk (7), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2760/98 tat-18 ta' Diċembru 1998 dwar l-implimentazzjoni ta' programm għal kooperazzjoni bejn il-fruntieri fil-qafas tal-programm PHARE (8), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1266/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar il-koordinazzjoni ta' l-għajnuna lill-pajjiżi applikanti fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni (9), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi Strument għal Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni (10), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar l-għajnuna mill-Komunità għal miżuri ta' qabel l-Adeżjoni għal żvilupp agrikolu u rurali fil-pajjiżi applikanti ta' l-Ewropa ċentrali u ta' lvant fil-perjodu ta' qabel l-Adeżjoni (11), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 555/2000 tat-13 ta' Marzu 2000 dwar l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni għar-Repubblika ta' Ċipru u r-Repubblika ta' Malta (12), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2500/2001 tas-17 ta' Diċembru 2001 li jikkonċerna għajnuna finanzjarja ta' qabel is-sħubija għat-Turkija (13) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2112/2005 tal-21 ta' Novembru 2005 dwar l-aċċess għall-għajnuna esterna tal-Komunità. Dan ir-Regolament għandu wkoll jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnia u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (14), li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I:

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Benefiċjarji u għan ġenerali

Il-Komunità għandha tgħin lill-pajjiżi elenkati fl-Anness I u II fl-allinjament progressiv tagħhom ma' l-istandards u l-politika ta' l-Unjoni Ewropea, inkluż fejn xieraq l-acquis communautaire, bil-ħsieb li dawn ikunu jistgħu jaslu għas-sħubija.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   L-assistenza għandha, fejn xieraq, tintuża fil-pajjiżi benefiċjarji elenkati fl-Annessi I u II biex jiġu appoġġati l-oqsma li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll l-istat tad-dritt, inkluż l-infurzar tiegħu,

(b)

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett imsaħħaħ lejn id-drittijiet tal-minoranzi, il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u non-diskriminazzjoni,

(ċ)

ir-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-istabbiliment ta' sistema li tippermetti d-deċentralizzazzjoni tat-tmexxija ta' l-assistenza lill-pajjiż benefiċjarju skond ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (15),

(d)

ir-riforma ekonomika,

(e)

l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili,

(f)

l-inklużjoni soċjali,

(g)

ir-rikonċiljazzjoni, il-miżuri ta' bini ta' kunfidenza u r-rikostruzzjoni,

(h)

il-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali.

2.   Fil-każ ta' pajjiżi elenkati fl-Anness 1, l-assistenza għandha tintuża wkoll biex jiġu appoġġati l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire,

(b)

l-appoġġ għall-iżvilupp tal-politika kif ukoll it-tħejjija għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-politika komuni tal-Komunità dwar l-agrikoltura u l-koeżjoni.

3.   Fil-każ ta' pajjiżi elenkati fl-Anness II, l-assistenza għandha tintuża wkoll biex jiġu appoġġati l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-allinjament progressiv ma' l-acquis communautaire,

(b)

żvilupp soċjali, ekonomiku u teritorjali inkluż, inter alia, attivitajiet relatati ma' l-infrastruttura u l-investiment, b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-iżvilupp reġjonali, tar-riżorsi umani u rurali.

Artikolu 3

Komponenti

1.   L-assistenza għandha tkun ipprogrammata u implimentata skond il-komponenti li ġejjin:

(a)

Assistenza għat-Transizzjoni u l-Bini ta' l-Istituzzjonijiet

(b)

Kooperazzjoni Transkonfini

(ċ)

Żvilupp Reġjonali

(d)

Żvilupp tar-Riżorsi Umani

(e)

Żvilupp Rurali

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u koerenza bejn l-assistenza li tingħata taħt il-komponenti differenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' l-IPA imsemmi fl-Artikolu 14(1).

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

Artikolu 4

Qafas politiku għall-assistenza

L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta skond il-qafas ġenerali tal-politika għal qabel l-adeżjoni, definit mis-Sħubiji Ewropej u ta' l-Adeżjoni, u billi jittieħdu in konsiderazzjoni b'mod xieraq ir-Rapporti u d-Dokument Strateġiku inkluż fil-pakkett annwali tat-Tkabbir tal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar allokamenti finanzjarji indikattivi proposti

1.   Bil-ħsieb li jiġi appoġġat l-ippjanar strateġiku kif provdut fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni ser tippreżenta annwalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-intenzjonijet tagħha għall-allokamenti finanzjarji li ser jiġu proposti għat-tliet snin li ġejjin, fil-forma ta' qafas finanzjarju indikattiv pluriennali, meta jitqies il-qafas finanzjarju, kif ukoll is-Sħubiji Ewropej, is-Sħubiji ta' Adeżjoni, ir-Rapporti u d-Dokument Strateġiku.

2.   Dan il-qafas finanzjarju pluriennali indikattiv għandu jippreżenta l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni għall-allokazzjon ta' fondi, mqassmin skond il-komponent, il-pajjiż u l-azzjoni multi-nazzjonali. Huwa għandu jiġi elaborat abbażi ta' sett ta' kriterji oġġettivi u trasparenti, incluż valutazzjoni ta' ħtiġijiet, kapaċità ta' assorbiment, rispett ta' kondizzjonalitajiet u kapaċità ta' tmexxija. Għandu jittieħed ukoll kont xieraq ta' kwalunkwe miżuri eċċezzjonali ta' assistenza jew programmi ta' rispons interim adottati taħt Regolament li jistabbilixxi l-Istrument ta' Stabbiltà.

3.   Il-qafas finanzjarju indikattiv pluriennali għandu jiġi inkluż fil-pakkett annwali tat-Tkabbir tal-Kummissjoni, filwaqt li jżomm orizzont ta' ppjanar ta' tliet snin.

Artikolu 6

Ippjanar ta' l-Assistenza

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta abbażi ta' dokumenti indikattivi ta' ppjanar pluriennali stabbiliti skond il-pajjiż f'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex tappoġġa strateġiji nazzjonali u tiżgura l-impenn u l-involviment tal-pajjiż ikkonċernat. Is-soċjeta Ċivili u l-partijiet interessati l-oħrajn se jiġu assoċjati fejn xieraq. Programmi oħrajn ta' assistenza ser jiġu wkoll ikkunsidrati.

2.   Għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I, l-assistenza ser tkun ibbażata b'mod partikolari fuq is-Sħubiji ta' Adeżjoni. L-assistenza għandha tkopri l-prijoritajiet u l-istrateġija ġenerali li jirriżultaw minn analiżi regolari tas-sitwazzjoni f'kull pajjiż u li fuqhom għandhom jikkonċentraw it-tħejjijiet għall-adeżjoni. L-assistenza għandha tiġi ppjanata bil-ħsieb tal-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ta' Ġunju 1993 u tal-progress li sar fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire, kif ukoll tal-kooperazzjoni reġjonali.

3.   Għall-pajjiżi elenkati fl-Anness II, l-assistenza għandha tkun ibbażata b'mod partikolari fuq is-Sħubiji Ewropej. L-assistenza għandha tkopri l-prijoritajiet u l-istrateġija ġenerali li jirriżultaw minn analiżi regolari tas-sitwazzjoni f'kull pajjiż u li fuqhom għandha tikkonċentra t-tħejjija għal integrazzjoni ulterjuri fl-Unjoni Ewropea. L-assistenza għandha tiġi ppjanata bil-ħsieb tal-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ta' Ġunju 1993 u tal-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni reġjonali.

4.   Dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali għandhom jippreżentaw allokamenti indikattivi għall-prijoritajiet ewlenin f'kull komponent, b'kont meħud ta' l-istatistika indikattiva skond kull pajjiż u kull komponent propost fil-qafas finanzjarju indikattiv pluriennali. Huma għandhom jistabbilixxu wkoll, kif xieraq, kwalunkwe finanzjament provdut għall-programmi multi-nazzjonali u inizjattivi orizzontali.

5.   Dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali għandhom jiġu stabbiliti wara perspettiva ta' tliet snin. Huma għandhom jiġu riveduti kull sena.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta d-dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali u reviżjonijiet annwali tagħhom skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2)(a).

Artikolu 7

Programmazzjoni

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta permezz ta' programmi pluriennali jew annwali, stabbiliti skond il-pajjiż u l-komponent, jew, kif xieraq, skond il-grupp ta' pajjiżi jew it-tema skond il-prijoritajiet definiti fid-dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali.

2.   Programmi għandhom jispeċifikaw l-objettivi segwiti, l-oqsma ta' intervenzjoni, ir-riżultati mistennija, il-proċeduri ta' tmexxija u l-ammont totali ta' finanzjament ippjanat. Huma għandu jkun fihom deskrizzjoni mqassra tat-tip ta' operati li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni ta' l-ammonti allokati għal kull tip ta' operat u skeda indikattiva ta' implimentazzjoni. Fejn rilevanti, huma għandhom jinkludu r-riżultati ta' kwalunkwe tagħlim li nkiseb mill-assistenza ta' qabel. L-objettivi għandhom ikunu speċifiċi, rilevanti u li jistgħu jiġu mkejla u jkollhom punti ta' referenza marbuta maż-żmien.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi pluriennali u annwali, u kwalunkwe reviżjonijiet tagħhom, skond il-proċeduri previsti fl-Artikolu 14(2).

TITOLU II:

REGOLI DWAR IL-KOMPONENTI SPEĊIFIĊI

Artikolu 8

Komponenti ta' Assistenza għat-Transizzjoni u l-Bini ta' l-Istituzzjonijiet

1.   Il-Komponent ta' l-assistenza għat-Transizzjoni u l-Bini ta' l-Istituzzjonijiet għandu jgħin lill-pajjiżi li huma mniżżla fl-Annessi I u II biex jilħqu l-objettivi ta' l-Artikolu 2.

2.   Dan jista' jintuża inter alia biex jiffinanzja l-kapaċità u l-bini ta' l-istituzzjonijiet kif ukoll l-investiment, sakemm dan ta' l-aħħar ma jkunx kopert bl-Artikoli 9 sa 12.

3.   L-assistenza taħt dan il-komponent tista' wkoll tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi elenkati fl-Annessi I u II fi programmi u aġenziji tal-Komunità. Barra minn hekk, l-assistenza tista' tiġi provduta għal programmi reġjonali u orizzontali.

Artikolu 9

Komponent tal-Kooperazzjoni Transkonfini

1.   Il-Komponent tal-Kooperazzjoni Transkonfini jista' jappoġġa lill-pajjiżi elenkati fl-Annessi I u II f'kooperazzjoni transkonfini, u, fejn xieraq, transnazzjonali u inter-reġjonali bejniethom u bejn dawn u l-Istati Membri ta' l-UE.

2.   Tali kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tippromwovi relazzjonijiet tal-viċinat tajbin, tkattar l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fl-interess reċiproku tal-pajjiżi kollha kkonċernati, u li tinkoraġġixxi l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli tagħhom.

3.   Fil-każ ta' kooperazzjoni transkonfini ma' Stati Membri, ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-ERDF u f' dan ir-Regolament għandhom ikunu d-dispożizzjonijet rilevanti ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni. (16)

4.   Il-kooperazzjoni għandha tiġi koordinata ma' strumenti Komunitarji oħrajn għal kooperazzjoni transkonfini, transnazzjonali u interreġjonali. Fil-każ ta' kooperazzjoni transkonfini ma' l-Istati Membri, dan il-komponent għandu jkopri r-reġjuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera jew fruntieri rispettivi, kemm terrestri jew marittimi.

5.   Fl-objettivi ta' dan l-artikolu, dan il-komponent jista' jintuża inter alia biex jiffinanzja l-kapaċità u l-bini ta' l-istituzzjonijiet kif ukoll l-investiment.

Artikolu 10

Komponent ta' l-Iżvilupp Reġjonali

1.   Il-Komponent ta' l-Iżvilupp Reġonali għandu jappoġġa lill-pajjżi elenkati fl-Anness I fl-iżvilupp tal-politika kif ukoll fit-tħejjija għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-politika ta' koeżjoni Komunitarja, b'mod partikolari fit-tħejjija tagħhom għall-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni.

2.   Dan jista' b'mod partikolari jikkontribwixxi għall-iffinanzjar tat-tip ta' azzjonijiet ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1080/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (17) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi l-Fond ta' Koeżjoni (18).

Artikolu 11

Komponent ta' l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani

1.   Il-Komponent ta' l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani għandu jappoġġa l-pajjiżi elenkati fl-Anness I fl-iżvilupp tal-politika kif ukoll fit-tħejjija għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-politika ta' koeżjoni Komunitarja, b'mod partikolari fit-tħejjija tagħhom għall-Fond Soċjali Ewropew.

2.   Dan jista' jgħin l-aktar fl-iffinanzjar ta' dawk l-azzjonijiet ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (19).

Artikolu 12

Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali

1.   Il-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali għandu jappoġġa lill-pajjiżi elenkati fl-Anness I fl-iżvilupp tal-politika kif ukoll fit-tħejjija għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-politika agrikola komuni tal-Komunità. Dan għandu jgħin l-aktar fl-adattament sostenibbli tas-settur agrikolu u l-inħawi rurali u biex il-Pajjiżi kandidati jħejju ruħhom għall-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire b'rabta mal-Politika Agrikola Komuni u politika oħra relatata.

2.   Dan jista' jikkontribwixxi b'mod partikolari għall-finanzjament ta' dawk l-azzjonijiet ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (20).

TITOLU III:

TMEXXIJA U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 13

Tmexxija ta' l-Assistenza, Rappurtar

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 u r-regoli ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3).

2.   Azzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu mmexxija, monitorjati, valutati u rapportati skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. B'mod partikolari, l-iffinanzjar tal-Komunità jista' jieħu l-għamla ta' ftehim ta' ffinanzjar bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju, kuntratti ta' akkwist jew ftehim ta' għajnuna ma' korpi settorjali nazzjonali jew internazzjonali jew inkella ma' persuni fiżiċi jew legali li jkunu responsabbli li jwettqu dik l-azzjoni, jew inkella kuntratti ta' xogħol. Għal programmi transkonfini ma' Stati Membri skond l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, il-ħidmiet ta' implimentazzjoni jistgħu jiġu ddelegati lill-Istati Membri, f'liema każ għandhom jiġu implimentati permezz ta' tmexxija komuni skond id-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) 1605/2002. Fil-każ ta' tmexxija komuni, l-awtorità tat-tmexxija għandha taġixxi skond il-prinċipji u r-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1083/2006.

3.   Il-Kummissjoni tista' wkoll tirċievi u tmexxi fondi minn donaturi oħrajn, bħala dħul assenjat skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, sabiex timplimenta l-azzjonijiet ma' dawn id-donaturi.

4.   F'każijiet debitament ġustifikati, i-Kummissjoni tista', skond l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tiddeċiedi li tafda ħidmiet ta' awtorità pubblika, u b'mod partikolari ħidmiet ta' implimentazzjoni tal-baġit, lill-korpi elenkati fl-Artikolu 54 (2) ta' dak ir-Regolament. Il-korpi definiti fl-Artikolu 54 (2) (ċ) ta' l dak ir-Regolament jistgħu jkunu fdati b'ħidmiet ta' awtorità pubblika jekk dawn ikunu ta' reputazzjoni internazzjonali magħrufa, jikkonformaw ma' sistemi ta' tmexxija u kontroll rikonoxxuti internazzjonalment, u jkunu kkontrollati minn awtorità pubblika.

5.   L-impenji tal-baġit għal azzjonijiet li jkunu ta' aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.

6.   Kull sena l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja taħt dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar l-azzjonijiet iffinanzjati matul is-sena u dwar ir-riżultati tax-xogħol ta' monitoraġġ, u għandu jagħti valutazzjoni tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni ta' l-assistenza.

Artikolu 14

Kumitati

1.   Kumitat ta' l-IPA għandu jiġi stabbilit, iffurmat mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Huwa għandu jassisti lill-Kummissjoni b'mod partikolari fil-ħidma tagħha biex tiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza bejn l-assistenza mogħtija taħt il-komponenti differenti kif meħtieġ bl-Artikolu 3(2).

Il-Kumitat ta' l-IPA għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

2.

(a)

Il-Kummissjoni għandha tadotta d-dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali u r-reviżjonijiet annwali tagħhom msemmija fl-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, u l-programmi dwar l-assistenza li ser tiġi pprovduta taħt l-Artikoli 8 u 9 ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat ta' l-IPA.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

(b)

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi dwar l-assistenza li sre tiġi pprovduta taħt l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Għal dak l-effett, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Kordinazzjoni tal-Fondi msemmi fl-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) 1083/1999.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

(ċ)

Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat il-Kumitat ipprovdut fl-Artikolu 147 tat-Trattat KE, tadotta l-programmi dwar l-assistenza li ser tiġi pprovduta taħt l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Għal dak l-effett, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Kordinazzjoni tal-Fondi msemmi fl-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

(d)

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi dwar l-assistenza li ser tiġi pprovduta taħt l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. għal dak l-effett, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Iżvilupp Rurali stabbilit mill-Artikolu 90 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

3.   Deċiżjonijiet ta' finanzjament mhux koperti minn programm pluriennali jew annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, skond il-proċedura pprovduta fil-paragrafu 2(a) ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-emendi għall-programmi pluriennali u annwali u d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 3 fejn huma ma jinkludux tibdiliet sostanzjali fin-natura tal-programmi u l-azzjonijiet oriġinali u, fir-rigward ta' l-element finanzjarju, fejn ma jeċċedux 20 % ta' l-ammont totali allokat għall-programm jew l-azzjoni in kwistjoni, soġġett għal-limitu ta' EUR 4 miljuni. Il-Kumitat li ta opinjoni dwar il-programm jew l-azzjoni oriġinali għandu jkun infurmat bid-deċiżjonijiet emendatorji kollha.

5.   Osservatur mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitati dwar dawk il-kwistjonijiet li jkunu jikkonċernaw il-Bank.

Artikolu 15

Tipi ta' Assistenza

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament tista', inter alia, tiffinanzja investimenti, kuntratti ta' akkwist, għotjiet, inklużi sussidji fuq ir-rati ta' l-interessi, self speċjali, garanziji ta' self u assistenza finanzjarja, appoġġ għall-baġit, u għamliet speċifiċi oħrajn ta' assistenza tal-baġit, u l-kontribuzzjoni għall-kapital ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew il-banek ta' l-iżvilupp reġjonali sakemm ir-riskju finanzjarju tal-Komunità huwa limitat għall-ammont ta' dawn il-fondi. L-appoġġ għall-baġit għandu jkun eċċezzjonali, b'objettivi preċiżi u punti ta' referenza relatati, u dipendenti fuq l-amministrazzjoni ta' finanzi pubbliċi tal-pajjiż benefiċjarju li tkun suffiċjentement trasparenti, kredibbli u effiċjenti, u fuq linji ta' politika settorjali jew makro-ekonomiċi definiti tajjeb u approvati fil-prinċipju minn istituzzjonijiet internazzjonali ta' finanzjament li jkunu ġew stabbiliti. Il-ħruġ ta' appoġġ tal-baġit għandu jkun kondizzjonali fuq il-progress sodisfaċenti lejn il-kisba ta' għanijiet f'termini ta' impatt u riżultati.

2.   L-assistenza tista' tiġi implimentata permezz ta' miżuri ta' kooperazzjoni amministrattiva li jinvolvu l-esperti tas-settur pubbliku mibgħuta mill-Istati Membri. Tali proġetti għandhom ikunu implimentati skond ir-regoli ta' implimentazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni.

3.   L-assistenza tista' wkoll tintuża biex tkopri l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni Komunitarja f'missjonijiet internazzjonali, inizjattivi jew organizzazzjonijiet attivi fl-interess tal-pajjiż benefiċjarju, inklużi l-ispejjeż amministrattivi.

4.   Il-finanzjament Komunitarju fil-prinċipju m'għandux ikun użat għall-ħlas ta' taxxi, dazji jew spejjeż f'pajjiżi benefiċjarji elenkati fl-Annessi I u II.

Artikolu 16

Miżuri ta' Appoġġ

L-assistenza tista' tintuża wkoll biex tkopri l-ispejjeż ta' azzjonijiet li jkunu marbuta mat-tħejjija, is-segwitu, il-kontroll, il-verifika u l-valutazzjoni li jkunu meħtieġa direttament għall-amministrazzjoni tal-programm u biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, l-aktar studji, laqgħat, tagħrif u pubbliċità, spejjeż marbuta ma' networks ta' l-informatika li jkunu mmirati lejn l-iskambju ta' tagħrif, kif ukoll dawk l-ispejjeż l-oħra għall-għajnuna amministrattiva u teknika li l-Kummissjoni tista' tuża għall-amministrazzjoni tal-programm. F'każ ta' tmexxija devoluta ta' programm, din tkopri wkoll l-ispiża ta' l-appoġġ amministrattiv fid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f'pajjiżi terzi.

Artikolu 17

Implementazzjoni ta' l- Assistenza

1.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jikkonkludu ftehim kwadru dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza.

2.   Għandhom jiġu konklużi ftehim sussidjarji dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju jew l-awtoritajiet ta' implimentazzjoni tiegħu, skond kif ikun meħtieġ.

Artikolu 18

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji

1.   Kull ftehim li jkun ġej minn dan ir-Regolament għandu jkollu dispożizzjonijiet li jiżguraw il-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, l-aktar dwar frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet oħra skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (21), Regolament (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (22) u Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (23).

2.   Il-ftehim għandhom jipprovdu espressament li l-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jingħataw is-setgħa ta' verifika, abbażi tad-dokumenti u fuq il-post, fir-rigward tal-kuntratturi u s-sub-kuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi Komunitarji. Dawn għandhom espressament jawtorizzaw ukoll lill-Kummissjoni biex din twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2185/96.

3.   Il-kuntratti kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' assistenza għandhom jiżguraw id-drittijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti ta' l-Awdituri kif previsti fil-paragrafu 2, waqt u kif ukoll wara l-implimentazzjoni ta' kuntratti.

Artikolu 19

Regoli tal-parteċipazzjoni u oriġini, eliġibbiltà għal għotjiet

1.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta' u għall-persuni ġuridiċi kollha li huma stabbiliti fi Stat Membru, pajjiż li hu benefiċjarju ta' dan ir-Regolament, pajjiż li hu benefiċjarju ta' l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija, jew Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea.

2.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa wkoll għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta' u għall-persuni ġuridiċi kollha li huma stabbiliti fi kwalunkwe pajjiż minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, fejn ġie stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna tagħhom.

Għandu jkun stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna tal-Komunità permezz ta' deċiżjoni speċifika dwar pajjiż partikolari jew grupp reġjonali ta' pajjiżi partikolari. Tali deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 14(2)(a) u għandha tkun fis-seħħ għal perjodu minimu ta' sena.

L-għoti ta' aċċess reċiproku għall-assistenza esterna tal-Komunità għandu jkunu bbażat fuq tqabbil bejn il-Komunità u donaturi oħrajn u għandu jipproċedi fuq livell settorjali jew ta' pajjiż sħiħ, kemm jekk hu pajjiż donatur jew destinatarju. Id-deċiżjonijiet li tingħata din ir-reċiproċità lil pajjiż donatur għandha tkun ibbażati fuq it-trasparenza, il-konsistenza u l-proporzjonalità ta' l-għajnuna pprovduta minn dak id-donatur, inkluża n-natura kwalitativa u kwantitattiva tagħha. Il-pajjiżi benefiċjarji għandhom jiġu kkonsultati fil-proċess deskritt f'dan il-paragrafu.

3.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew għotja ffinanzjata taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

4.   L-esperti proposti fil-kuntest ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti mhumiex meħtieġa li jkunu konformi mal-kondizzjoni ta' nazzjonalità tal-paragrafi 1 u 2.

5.   Il-fornimenti u l-materjali kollha mixtrija taħt kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament għandhom joriġinaw mill-Komunità jew minn pajjiż eliġibbli skond il-paragrafi 1 u 2. It-terminu “oriġini” għall-iskop ta' dan ir-Regolament hu definit fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti dwar regoli ta' oriġini għal skopijiet ta' dwana.

6.   Il-Kummissjoni tista', f'każijiet eċċezzjonali ssostanzjati b'mod debitu, tawtorizza l-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi li huma ċittadini ta' u persuni ġuridiċi li huma stabbiliti f'pajjiżi oħrajn barra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jew ix-xiri ta' provvisti u materjali ta' oriġini differenti minn dak stabbilit fil-paragrafu 5. Derogi jistgħu jiġu ġġustifikati abbażi ta' nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, għal raġunijiet ta' urġenza estrema, jew jekk ir-regoli eliġibbli jagħmlu r-realizzazzjoni ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew diffiċli żżejjed.

7.   B'konformità ma' l-Artikolu 114 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 persuni fiżiċi jistgħu jirċievu għotjiet.

8.   Kull meta finanzjament Komunitarju jkopri operazzjoni implimentata permezz ta' organizzazzjoni internazzjonali, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri kuntrattwali xierqa għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li huma eliġibbli skond il-paragrafi 1 u 2 kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li huma eliġibbli skond ir-regoli ta' dik l-organizzazzjoni, waqt li tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li jingħata trattament ugwali lid-donaturi kollha. L-istess regoli għandhom japplikaw fir-rigward ta' provvisti, materjali u esperti.

Kull meta finanzjament tal-Komunità jkopri operazzjoni ko-finanzjata ma' Stat Membru, ma' pajjiż terz, soġġett għar-reċiproċità kif definit f'paragrafu 2, jew ma' organizzazzjoni reġjonali, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri kuntrattwali xierqa għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi jew legali kollha li huma eliġibbli skond il-paragrafi 1, 2 u 3 kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li huma eliġibbli skond ir-regoli ta' tali Stat Membru, pajjiż terz jew organizzazzjoni reġjonali. L-istess regoli għandhom japplikaw fir-rigward ta' provvisti, materjali u esperti.

Artikolu 20

Koerenza, kompatibbiltà u koordinazzjoni

1.   Programmi u proġetti ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mal-linji politiċi ta' l-UE. Huma għandhom jikkonformaw mal-ftehim konklużi mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji u jirrispettaw l-impenji taħt ftehim multilaterali li tagħhom jagħmlu parti.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koerenza bejn assistenza Komunitarja provduta skond dan ir-Regolament u assistenza finanzjarja provduta mill-Komunità u l-Istati Membri permezz ta' strumenti finanzjarji interni u esterni oħrajn u mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni tal-programmi ta' assistenza rispettivi tagħhom bil-mira li jiżdiedu l-effikaċja u l-effiċjenza fit-twassil ta' l-assistenza skond il-linji gwida stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operattiva fil-qasam ta' l-assistenza esterna, u għall-armonizzazzjoni ta' linji politiċi u proċeduri. Il-koordinazzjoni għandha tinvolvi konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni rilevanti matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' assistenza, b'mod partikolari fuq livell nazzjonali u għandha tikkostitwixxi pass ewlieni fil-proċess ta' programmazzjoni ta' l-Istati Membru u l-Komunità.

4.   Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, ser tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura koordinazzjoni u armonizzazzjoni u kooperazzjoni xierqa ma' organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, bħal istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, fondi u programmi, u donaturi mhux mill-UE.

Artikolu 21

Sospensjoni ta' l-assistenza

1.   Ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u l-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u għall-għoti ta' l-assistenza prevista taħtu. L-assistenza Komunitarja għall-Albanija, il-Bosnia u Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Montenegro u s-Serbja, inkluż il-Kosovo, għandha tkun soġġetta wkoll għall-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, l-aktar fejn għandu x'jaqsam l-impenn ta' min ikun qed jirċievi l-assistenza biex iwettaq riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali.

2.   Fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli jirrispetta dawn il-prinċipji jew l-impenji li hemm fis-Sħubija rilevanti ma' l-UE jew fejn il-progress biex jintlaħqu l-kriterji tas-sħubija ma jkunx biżżejjed, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jieħu l-miżuri xierqa dwar kull assistenza li tkun ingħatat taħt dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat bis-sħiħ u immedjatament b'kwalunkwe deċiżjoni meħuda f'dan il-kuntest.

Artikolu 22

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni għandha regolarment tagħmel valutazzjoni tar-riżultati u l-effiċjenza ta' linji politiċi u programmi u l-effettività ta' l-ipprogrammar sabiex taċċerta jekk l-objettivi ntlaħqux u tkun tista' tifformula rakkomandazzjonijiet bil-għan li jittejbu operazzjonijiet futuri. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapporti ta' valutazzjoni rilevanti lill-Kumitati msemmija fl-Artikolu 14 għal diskussjoni. Dawn ir-riżultati għandhom iwasslu lura għall-ipprogrammar u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

TITOLU IV:

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 23

Status ta' Pajjiż Benefiċjarju

Jekk pajjiż benefiċjarju mniżżel fl-Anness II jingħata status ta' kandidat għal adeżjoni ma' l-UE, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni għandu jittrasferixxi dak il-pajjiż mill-Anness II għall-Anness I.

Artikolu 24

Dispożizzjoni Inter-Strumentali

Biex ikunu żgurati l-konsistenza u l-effiċjenza ta' l-assistenza Komunitarja, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2)(a), li pajjiżi terzi, territorji u reġjuni oħrajn jistgħu jgawdu minn azzjonijiet taħt dan ir-Regolament, jekk il-proġett jew il-programm in kwistjoni jkollu karattru reġjonali, transkonfini, transnazzjonali jew globali. Waqt li tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tevita d-duplikazzjoni fir-rigward ta' strumenti oħrajn ta' assistenza finanzjarja esterna.

Artikolu 25

Dispożizzjonijiet Transitorji

1.   Ir-Regolament (KEE) Nru 3906/89, Regolament (KE) Nru 2760/98, Regolament (KE) Nru 1266/1999, Regolament (KE) Nru 1267/1999, Regolament (KE) Nru 1268/1999, Regolament (KE) Nru 555/2000, Regolament (KE) Nru 2500/2001, Regolament (KE) Nru 2112/2005, għandhom jitħassru b' effett mill-1 ta' Jannar, 2007.

Dawn ir-Regolamenti, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 2666/2000, għandhom ikomplu japplikaw għal atti legali u impenji li jimplimentaw is-snin tal-baġit ta' qabel l-2007, u għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 31 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi bbażata l-Unjoni Ewropea (24).

2.   Jekk ikunu meħtieġa miżuri speċifiċi biex titħaffef it-transizzjoni mis-sistema stabbilita bir-Regolamenti (KEE) Nru 3906/1989, (KE) Nru 2760/1998, (KE) Nru 1266/1999, (KE) Nru 1267/1999, (KE) Nru 1268/1999, (KE) Nru 555/2000, (KE) Nru 2666/2000 jew (KE) Nru 2500/2001 għal dik stabbilita b'dan ir-Regolament, dawn il-miżuri għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Ammont ta' referenza finanzjarja

L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-perjodu 2007-2013 għandu jkun ta' EUR 11 468 miljun. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 27

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta' Diċembru 2010, rapport li jevalwa l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-ewwel tliet snin, jekk ikun il-każ bi proposta leġislattiva li tintroduċi l-modifiki neċessarji għal dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara li jkun ġie pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar is-17 ta' Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. TUOMIOJA


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-6 ta' Lulju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 231, 20.9.2005, p. 67.

(3)  ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 375, 23.12.1989, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2257/2004 (ĠU L 389, 31.12.2004, p. 1).

(8)  ĠU L 345, 19.12.1998, p. 49. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1045/2005 (ĠU L 172, 5.7.2005, p. 78).

(9)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 68.

(10)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 73.Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005.(ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).

(11)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 87.Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005.

(12)  ĠU L 68, 16.3.2000, p. 3.Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 769/2004 (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 1).

(13)  ĠU L 342, tas-27.12.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005.

(14)  ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 2112/2005.

(15)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(16)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(17)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(18)  Ara paġna 79 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(19)  Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(20)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1

(21)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(22)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(23)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(24)  ĠU L 157, 21.6.2005


ANNESS I

Kroazja

Turkija

Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja


ANNESS II

Albanija

Bosnja u Ħerzegovina

Montenegro

Serbja, inkluż il-Kosovo (1)


(1)  Kif definit fil-UNSCR 1244.


Top