Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0465

    465/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 465/2006 tal- 21 ta’ Marzu 2006 li jagħlaq investigazzjoni rigward il-possibbiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 408/2002 dwar l-importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu kkunsinnati mill-Każakstan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Każakstan kemm jekk mhux, u li jwaqqaf ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet simili imposti bir-Regolament (KE) Nru 1289/2005

    ĠU L 83, 22.3.2006, p. 6–8 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 330M, 28.11.2006, p. 289–291 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/465/oj

    28.11.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    289


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 465/2006

    tal-21 ta’ Marzu 2006

    li jagħlaq investigazzjoni rigward il-possibbiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 408/2002 dwar l-importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu kkunsinnati mill-Każakstan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Każakstan kemm jekk mhux, u li jwaqqaf ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet simili imposti bir-Regolament (KE) Nru 1289/2005

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri eżistenti u investigazzjonijiet preċedenti

    (1)

    Bir-Regolament (KE) Nru 408/2002 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazji definittivi anti-dumping b'firxa ta' 6.9 % sa 28 % fuq importazzjonijiet ta' l-ossidu taż-żingu b'purità ta' mhux anqas minn 93 % (“ossidi taż-żingu”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

    (2)

    Bir-Regolament (KE) Nru 1623/2003 (3) (“ir-Regolament kontra l-evażjoni”), il-Kunsill estenda d-dażju anti-dumping ta' 28 % impost fuq importazzjonijiet ta' l-ossidu taż-żingu li joriġina mill-RPĊ fuq importazzjonijiet ta’ l-ossidu taż-żingu kkunsinnati mill-Vjetnam, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Vjetnam kif ukoll jekk le, u għall-ossidju taż-żingu ppreżentat imħallat mas-silica li joriġina mir-RPĊ.

    2.   Rikjesta

    (3)

    Fit-27 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni rċeviet rikjesta skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-allegata evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ l-ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-RPĊ. It-talba kienet sottomessa mill-Eurometaux f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 45 % tal-produzzjoni tal-Komunità ta’ l-ossidi taż-żingu.

    (4)

    Ir-rikjesta kien fiha evidenza prima facie li turi li kienet saret bidla fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' l-ossidi taż-żingu li joriġinaw fir-RPĊ, kif muri minn żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet ta’ l-istess prodott mill-Każakstan filwaqt li l-importazzjoni mir-RPĊ naqsu b’mod sostanzjali fl-istess perjodu.

    (5)

    Din il-bidla fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ kienet allegata li nħolqot mit-trasbord ta' l-ossidi taż-żingu li oriġinaw fir-RPĊ vija l-Każakstan. Kien ukoll allegat li ma kienx hemm kawża adegwata suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għal dawn il-bidliet għajr l-eżistenza tad-dazji anti-dumping fuq l-ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-RPĊ.

    (6)

    Finalment, l-applikant allega li l-effetti rimedjali tad-dazji anti-dumping eżistenti fuq l-ossidi taż-żingu li joriġinaw fir-RPĊ kienu qed ikunu mminati kemm f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet u li d-dampjar kien qed iseħħ b’konnessjoni mal-valuri normali li kienu stabbiliti minn qabel għall-ossidi taż-żingu li joriġinaw fir-RPĊ.

    3.   Inizjazzjoni

    (7)

    Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni bir-Regolament (KE) Nru 1289/2005 (4) (“ir-Regolament inizjatur”) dwar l-allegata evażjoni u, skond l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, diretti lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw importazzjonijiet ta' l-ossidi taż-żingu li jaslu mill-Każakstan, kemm jekk iddikjarati li jaslu mill-Każakstan kif ukoll jekk le li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2817 00 00 (Kodiċi Taric 2817000013), mis-6 ta’ Awissu 2005.

    4.   Investigazzjoni

    (8)

    Il-Kummissjoni tat parir lill-awtoritajiet tar-RPĊ u l-Każakstan dwar il-bidu ta’ l-investigazzjoni. Kwestjonarji kienu mibgħuta lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ u l-Każakstan kif ukoll lill-importaturi fil-Komunità msemmija fir-rikjesta jew magħrufa lill-Kummissjoni mill-investigazzjoni oriġinali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament inizjatur.

    (9)

    Produttur/esportatur wieħed fir-RPĊ u produttur/esportatur fil-Każakstan isottomettew tweġiba sħiħa għall-kwestjonarju. Tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarji ġew sottomessi wkoll minn żewġ importaturi/negozjanti fil-Komunità. Il-Kummissjoni għamlet żjarat ta’ verifikazzjoni fil-bini tal-kumpanija li ġejja:

    Produttur/esportatur mill-Kazakh

    JSC Kazzinc, Ust-Kamenogorsk, Każakstan.

    5.   Perjodu ta' investigazzjoni

    (10)

    Il-perjodu ta' investigazzjoni kopert mill-perjodu li jibda mill-1 ta' Lulju 2004 sat-30 ta' Ġunju 2005 (“il-PI”). Id-data nġabret mill-2001 sa l-aħħar tal-PI biex tkun investigata l-akkuża allegata fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.

    B.   IR-RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

    1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali/livell ta’ kooperazzjoni

    (a)   Ir-RPĊ

    (11)

    Produttur/esportatur wieħed ta' l-ossidi taż-żingu fir-RPĊ kkoopera fl-investigazzjoni billi ssottometta tweġiba għall-kwestjonarju. Instab li din il-kumpanija ma esportatx ossidi taż-żingu għall-Każakstan matul il-PI.

    (b)   Il-Każakstan

    (12)

    Produttur fil-Każakstan ta’ l-ossidi taż-żingu, il-JSC Kazzine, ikkoopera fl-investigazzjoni. L-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija dwar il-bejgħ ta’ esportazzjonijiet lill-Komunità tista’ tiġi rrikonċiljata ma’ l-importazzjonijiet irreġistrati taħt il-kodiċi NM 2817 00 00 mill-Każakstan matul il-PI, kif rappurtati mill-Eurostat, sabiex juru li JSC Kazzinc kienet l-uniku esportatur għall-Komunità ta’ l-ossidi taż-żingu mill-Każakstan matul il-PI.

    2.   Prodott ikkonċernat u prodott li jixxiebah

    (13)

    Il-prodott ikkonċernat bl-evażjoni possibbli huwa, kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, ossidu taż-żingu (formula kimika: ZnO) b’purità ta’ mhux anqas minn 93 % ta’ l-ossidu taż-żingu li joriġina mir-RPĊ, bħalissa klassifikabbli taħt il-kodiċi tan-NM 2817 00 00.

    (14)

    L-investigazzjoni wriet li l-prodott ikkonċernat huwa importat fil-Komunità b’purità ta' mhux anqas minn 93 % ta’ l-ossidu taż-żingu. L-ossidi taż-żingu li joriġinaw mill-Każakstan għandhom purità ta’ aktar minn 93 % ossidu taż-żingu.

    (15)

    Għalhekk ġie konkluż li l-ossidi taż-żingu esportati lill-Komunità mir-RPĊ u mbagħad ikkunsinnati mill-Każakstan għandhom l-istess karatterisitiki fiżiċi u kimiċi u għandhom l-istess użi. Għalhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    3.   Bidla fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ

    (16)

    Kif dikjarat fil-premessa (5) hawn fuq, din il-bidla fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ kienet allegata li nħolqot mit-trasbord ta' l-ossidi taż-żingu vija l-Każakstan.

    (a)   Ossidi taż-żingu kkunsinnati mill-Każakstan

    (17)

    Skond data tal-Eurostat, l-importazzjonijiet ta’ l-ossidi taż-żingu mill-Każakstan żdiedu minn 0 tunnellati fl-2001 għal 2 700 tunnellata fl-2002. Fl-2003, dawn l-importazzjonijiet żdiedu aktar għal 5 000 tunnellata u fit-tmiem tal-PI kien żdiedu għal 5 640 tunnellata. L-importazzjonijiet ta’ l-ossidi taż-żingu mill-Każakstan fil-fatt bdew fl-2002, u għalhekk fl-istess żmien ta’ l-impożizzjoni ta' dazju anti-dumping definittiv fuq ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-RPĊ. Aktar minn hekk, iż-żieda sostanzjali addizzjonali fis-snin 2003 sat-tmiem tal-PI kkoinċidiet ma’ l-estensjoni tad-dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ l-ossidi taż-żingu kkunsinnati mill-Vjetnam.

    (18)

    Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (12), id-data sottomessa mill-kumpanija li kkooperat il-JSC Kazzine turi li hija kiener l-esportatur uniku ta’ l-ossidi taż-żingu mill-Każakstan matul il-PI.

    (b)   Ossidi taż-żingu impurtati mill-PRC

    (19)

    L-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ l-ossidi taż-żingu mill-RPĊ naqsmu b’mod sostanzjali minn 37 900 tunnellata fl-2001 għal 24 700 tunnellata fl-2002. Matul il-PI l-importazzjonijiet ammontaw għal 18 500 tunnellata. Dan juri tnaqqis kbir ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ seħħ wara l-bidu ta’ l-invetigazzjoni anti-dumping oriġinali u l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi.

    (20)

    Mill-figuri t’hawn fuq, wieħed jista’ jikkonkludi li kien hemm bidla ċara fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ li tinvolvi esportazzjonijiet mir-RPĊ u l-Każakstan lill-Komunità, li kkonċidiet mad-dħul fis-seħħ tal-miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ f'Marzu 2002 u bl-estensjoni ta' dazji simili ta' importazzjonijiet ta' l-ossidi taż-żingu kkunsinjati mill-Vjetnaw fis-sena 2003.

    4.   Kawża adegwata insuffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika

    (21)

    JSC Kazzinc bdiet tipproduċi u tesporta l-ossidi taż-żingu qabel is-sena 2000, għalkemm ebda esportazzjonijiet ta' dan il-prodott ma' ntbagħtu lill-Komunità. L-importazzjonijiet ta’ l-ossidi taż-żingu lill-Komunità bdew fl-2002, u għalhekk fl-istess żmien ta’ l-impożizzjoni ta' dazju anti-dumping definittiv fuq ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-RPĊ. Kif iddikjarat fil-premessa (12), l-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija dwar il-bejgħ ta’ esportazzjonijiet lill-Komunità fil-perjodu analizzat u matul il-PI setgħu jiġu rrikonċiljati ma' l-importazzjonijiet reġistrati, kif murija mill-Eurostat. Instab li l-esportazzjonijiet lill-Komunità kienu destinati għal importatur wieħed fi Spanja.

    (22)

    Aktar minnhekk, instab li la l-ossidi taż-żingu mibjugħa minn JSC Kazzinc u lanqas materja prima għall-manifaturra ta’ dan il-prodott ma nxtrat mir-RPĊ. Fil-fatt, il-materjali kollha għall-produzzjoni ta’ l-ossidi taż-żingu jiġu mill-prodizzjoni tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-JSC Kazzinc stess. Għalhekk, ġie konkluż li l-kumpanija trid tiġi kkunsidrata bħala produttur ġenwin ta' l-ossidi taż-żingu.

    (23)

    L-investigazzjoni wriet ukoll li, għall-anqas mis-sena 2002 'il quddiem, il-JSC Kazzinc kienet fil-fatt kapaċi li waħedha tipproduċi l-kwantità ta' ossidi taż-żingu esportati mill-Każakstan lill-Komunità. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa kkunsidrat li t-trasbord ta' l-ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-RPĊ vija l-Każakstan ma seħħx. Aktar minn hekk, skond id-data miġbura mill-Gvern Kazakh, l-importazzjonijiet ta’ l-ossidi taż-żingu li daħlu fil-Każakstan mir-RPĊ, li bdew fl-2203 ammontaw għal 1.5 tunnellata u żdiedu għal 42 tunnellata fis-sena 2004.

    (24)

    Fuq il-bażi ta’ dawn is-sejbiet, ġie konkluż li l-kumpanija, u għalhekk, il-Każakstan in ġenerali, wera li kien hemm bażi ekonomika raġonevoli, apparti l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ l-ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-RPĊ, għall-bidla fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ imsemmija taħt il-premessi (17) sa (20) hawn fuq.

    C.   TMIEM

    (25)

    Fid-dawl tas-sejbiet t’hawn fuq, jidher xieraq li l-invetigazzjoni kurrenti dwar l-evażjoni tintemm. Ir-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet ta’ l-ossidi taż-żingu kkunsinnati mill-Każakstan introdtti bir-Regolament ta’ bidu għandhom għalhekk jitwaqqfu, u r-Regolament għandu għalhekk jiġi revokat.

    (26)

    Il-partijiet interessati kienu informati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ttemm l-investigazzjoni u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. L-ebda wieħed mill-kummenti li waslu ma kienu ta’ natura li jibdlu l-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-investigazzjoni mibdija mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1289/2005 rigward il-possibiltà li kien hemm ħrib mill-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 408/2002 dwar l-importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu kkunsinnati mill-Każakstan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Każakstan jew le, u jagħmel tali importazzjoni suġġetta għar-reġistrazzjoni huwa b’dan mitmum.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba biex iwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet stabbiliti b’konformità ma’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1289/2005.

    Artikolu 3

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1289/2005 huwa hawnhekk imħassar.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, nhar l-21 ta’ Marzu 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Peter MANDELSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU L 62, 5.3.2002, p. 7.

    (3)  ĠU L 232, 18.9.2003, p. 1.

    (4)  ĠU L 204, tat-5.8.2005, p. 7.


    Top