Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006E0120

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/120/PESK ta' l- 20 ta' Frar 2006 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Moldova

    ĠU L 49, 21.2.2006, p. 11–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 230–232 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/120/oj

    29.9.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    230


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/120/PESK

    ta' l-20 ta' Frar 2006

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Moldova

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR) għall-Moldova, kif espost fl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/265/PESK tat-23 ta' Marzu 2005 li taħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Moldova (1) għandu jiskadi fit-28 ta' Frar 2006.

    (2)

    Fl-20 ta' Settembru 2005, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) qabel dwar it-twaqqif ta' Missjoni ta' l-UE tal-Fruntiera għal Moldova-Ukrajna anke permezz tar-rinfurzar tal-grupp ta' l-EUSR għall-Moldova.

    (3)

    Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/265/PESK, il-mandat ta' l-EUSR għandu jiġi estiż b'perjodu ta' 12-il xahar.

    (4)

    L-EUSR sejjer jimplementa l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiħżien u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Il-mandat tas-Sur Adriaan JACOBOVITS de SZEGED bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR) għall-Moldova huwa b'dan estiż sat-28 ta' Frar 2007.

    Artikolu 2

    1.   Il-mandat ta' l-EUSR għandu jkun ibbażat fuq l-għanijiet tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea fil-Moldova. Dawn l-għanijiet jinkludu:

    (a)

    kontribuzzjoni għal riżoluzzjoni paċifika tal-konflitt fit-Transnistrja u għall-implementazzjoni ta' tali riżoluzzjoni abbażi ta' soluzzjoni vijabbli, li tirrispetta s-sovranità u l-integrità tar-Repubblika ta' Moldova fil-limiti tal-fruntieri tagħha li huma internazzjonalment rikonoxxuti;

    (b)

    kontribuzzjoni għat-tisħiħ tad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha tar-Repubblika ta' Moldova;

    (ċ)

    promozzjoni ta' relazzjonijiet tajbin u mill-qrib bejn ir-Repubblika ta' Moldova u l-UE abbażi ta' valuri u interessi komuni u kif stabbilit fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP);

    (d)

    għajnuna fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u ta' l-armi u ta' oġġetti oħra, kemm dak li joriġina mill-Moldova kif ukoll dak li jgħaddi minnha;

    (e)

    kontribuzzjoni għat-tisħiħ ta' l-istabbiltà u l-koperazzjoni fir-reġjun;

    (f)

    tisħiħ ta' l-effikaċja u l-viżibbiltà ta' l-UE fir-Repubblika ta' Moldova u fir-reġjun;

    (g)

    tisħiħ ta' l-effikaċja tal-kontrolli tal-fruntiera u tad-dwana u ta' l-attivitajiet ta' sorveljanza fuq il-fruntiera fil-Moldova u fl-Ukrajna tul il-fruntiera komuni tagħhom, b'attenzjoni partikolari fuq is-sezzjoni tat-Transnistrja, partikolarment permezz ta' Missjoni ta' l-UE tal-Fruntiera.

    2.   L-EUSR għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-Repubblika ta' Moldova u fir-reġjun, u jaħdem f'koperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kapijiet tal-Missjoni ta' l-UE u mal-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea, il-mandat ta' l-EUSR għandu jkun li:

    (a)

    jsaħħaħ il-kontribut ta' l-UE għar-riżoluzzjoni tal-konflitt fit-Transnistrja skond l-għanijiet miftiehma tal-politika ta' l-UE u f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-OSCE, filwaqt li jirrappreżenta lill-UE permezz ta' kuntatti adegwati u fil-fora miftiehma u billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib ma' l-atturi rilevanti kollha;

    (b)

    jgħin fil-preparazzjoni, skond il-każ, tal-kontributi ta' l-UE għall-implementazzjoni ta' riżoluzzjoni eventwali tal-konflitt;

    (ċ)

    jsegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fir-Repubblika ta' Moldova, inkluż ir-reġjun tat-Transnistrja billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-Gvern tar-Repubblika ta' Moldova u ma' atturi domestiċi oħra, u joffri, skond il-każ, il-konsulenza u l-faċilitazzjoni ta' l-UE;

    (d)

    jassisti fl-iżvilupp ulterjuri tal-politika ta' l-UE lejn ir-Repubblika ta' Moldova u r-reġjun, partikolarment fir-rigward tal-prevenzjoni u riżoluzzjoni ta' konflitti;

    (e)

    permezz ta' grupp ta' appoġġ immexxi minn Konsulent Politiku Anzjan għall-EUSR:

    (i)

    jiżgura s-sorveljanza politika ta' l-iżviluppi u l-attivitajiet relatati mal-fruntiera Statali bejn il-Moldova u l-Ukrajna;

    (ii)

    janalizza l-impenn politiku tal-Moldova u ta' l-Ukrajna sabiex itejbu l-ġestjoni tal-funtiera;

    (iii)

    jippromwovi l-koperazzjoni dwar kwistjonijiet dwar il-fruntiera bejn in-naħat tal-Moldova u ta' l-Ukrajna, anke bil-ħsieb li jiġu żviluppati dawk il-prekondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tal-konflitt fit-Transnistrja.

    2.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-mandat tiegħu, l-EUSR għandu jżomm l-attenzjoni tiegħu b'mod ġenerali fuq l-attivitajiet kollha ta' l-UE, partikolarment l-aspetti rilevanti tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ENP.

    Artikolu 4

    1.   L-EUSR għandu jkun responsabbli mill-implementazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ. L-EUSR għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.

    2.   Il-PSC għandu jżomm kuntatt privileġġat ma' l-EUSR u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt mal-Kunsill. Il-PSC għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lill-EUSR fil-qafas tal-mandat.

    Artikolu 5

    1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat ta' l-EUSR għandu jkun ta' EUR 1 030 000.

    2.   In-nefqa finanzjata mill-ammonti stipulati fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-UE bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tiġi kuntrattata bejn l-EUSR u l-Kummissjoni. Id-data meta tkun tista' tibda titwettaq in-nefqa għandha tkun l-1 ta' Marzu 2006.

    4.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 6

    1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u tal-mezzi finanzjarji korrispondenti li jkunu disponibbli, l-EUSR għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu b'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistit mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jinforma l-Presidenza u l-Kummssjoni dwar il-kompożizzjoni finali tal-grupp tiegħu

    2.   L-Istati Membri ta' l-UE u l-Istituzzjonijiet jistgħu jipproponu s-sekondar ta' persunal sabiex jaħdem ma' l-EUSR. Ir-rimunerazzjoni ta' persunal li jista' jiġi sekondat, minn Stat Membru ta' l-UE jew minn Istituzzjoni, ma' l-EUSR għandu jkun kopert mill-Istat Membru ta' l-UE jew Istituzzjoni konċernati, rispettivament.

    3.   Il-karigi kollha tat-tip A li ma jimtlewx permezz ta' sekondar, għandhom jiġu pubbliċizzati kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u għandhom jiġu notifikati wkoll lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-Istituzzjonijiet sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.

    4.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u għall-funzjonament bla xkiel tal-missjoni ta' l-EUSR u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-iskop.

    Artikolu 7

    Bħala regola ġenerali, l-EUSR għandu jirrapporta personalment lis-SĠ/RGħ u lill-PSC u jista' jirrapporta wkoll lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti. Għandhom jiġu ċirkolati rapporti regolari bil-miktub lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-EUSR jista' jirrapporta lill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u għar-Relazzjonijiet Esterni fuq rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ u tal-PSC.

    Artikolu 8

    1.   Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta' l-EUSR għandhom ikunu koordinati ma' dawk tas-SĠ/RGħ, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għandu jinżamm, fil-kamp, kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lill-EUSR fl-implementazzjoni tal-mandat. L-EUSR għandu wkoll iżomm kuntatt ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-kamp.

    2.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, jiżguraw il-koerenza bejn l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità konformement mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan l-iskop.

    Artikolu 9

    L-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-koerenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-UE lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. L-EUSR għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress qabel l-aħħar ta' Ġunju 2006 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2006. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw bażi għal valutazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-Gruppi ta' Ħidma rilevanti u mill-PSC. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-insedjament, l-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-PSC fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 10

    L-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 11

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Maghmul fi Brussell, nhar l-20 ta' Frar 2006.

    Ghall-Kunsill

    Il-President

    J. PRÖLL


    (1)  ĠU L 81, 30.3.2005, p. 50. Azzjoni Konġunta kif emendata l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2005/776/PESK (ĠU L 292, 8.11.2005, p. 13).


    Top