Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0771(01)R(01)

2006/771/KE: Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta' Novembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma’ tagħmir għal meded qosra ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

ĠU L 76M, 24.3.2009, pp. 319–323 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/771(2)/corrigendum/2009-03-24/oj

24.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

319


Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma’ tagħmir għal meded qosra

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/771/KE għandha taqra:

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Novembru 2006

dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma’ tagħmir għal meded qosra

(notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 5304)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/771/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Minħabba l-użu mxerred tagħhom fil-Komunità Ewropea u fid-dinja, it-tagħmir għal meded qosra qed ikollu rwol dejjem ikbar fl-ekonomija u fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, b'tipi differenti ta' applikazzjonijiet bħal sistemi tal-allarm, tagħmir ta' komunikazzjonijiet lokali, dispożitivi li jiftħu l-bibien jew impjanti mediċi. L-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq tagħmir għal meded qosra fil-Komunità Ewropea jista' wkoll jgħin biex jinkisbu għanijiet politiċi Komunitarji speċifiċi, bħat-tlestija tas-suq intern, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u r-riċerka, u l-iżvilupp tas-sojetà tal-informazzjoni.

(2)

It-tagħmir għal meded qosra huwa tipikament prodotti għas-suq tal-massa u/jew prodotti li jinġarru li jistgħu faċilment jittieħdu u jintużaw f'pajjiżi oħra; differenzi fil-kundizzjoni tal-aċċess għall-ispettru għalhekk jipprevjenu l-moviment liberu tagħhom, iżidu l-ispejjeż tal-produzzjoni u joħolqu riskji ta' interferenza dannuża ma' applikazzjonijiet u servizzi tar-radjoelettriċi oħrajn. Sabiex jitgawdew il-benefiċċji tas-suq intern għal dan it-tip ta' tagħmir, biex tiġi sostnuta l-kompetittività tal-industrija tal-manifattura tal-UE billi jiżdiedu l-ekonomiji ta' skala u biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-konsumaturi, l-ispettru tar-radju jrid għalhekk isir disponibbli fil-Komunità abbażi ta' kundizzjonijiet tekniċi armonizzati.

(3)

Peress li dan it-tip ta' tagħmir juża spettru tar-radju b'qawwa ta' emissjoni baxxa u b'kapaċità ta' emissjoni għal meded qosra, il-potenzjal li joħloq interferenza għal utenti oħra tal-ispettru hija tipikament limitata. Għalhekk tagħmir bħal dan jista' jaqsam il-meded tal-frekwenza ma' servizzi oħra li jkunu, jew ma jkunux, suġġetti għal awtorizzazzjoni, mingħajr ma' joħloq interferenza dannuża, u jista' jikkoeżisti ma' tagħmir ieħor għal meded qosra. L-użu tagħhom għalhekk m'għandux ikun suġġett għal awtorizzazzjoni individwali skont id-Direttiva ta' Awtorizzazzjoni 2002/20/KE (2). Barra minn hekk, servizzi ta' radjokomunikazzjoni, kif definiti fir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, għandhom prijorità fuq tagħmir għal meded qosra u mhumiex meħtieġa jiżguraw il-ħarsien ta' tipi partikolari ta' tagħmir għal meded qosra minn interferenzi. Peress li għalhekk ma jista' jiġi garantit l-ebda ħarsien minn interferenza lil utenti ta' tagħmir għal meded qosra, hija r-responsabilità tal-manifatturi ta' tagħmir għal meded qosra li jħarsu dan it-tagħmir minn intereferenzi dannużi minn servizzi ta' radjokomunikazzjoni kif ukoll minn tagħmir għal meded qosra ieħor li jopera skont ir-regolamenti Komunitarji jew nazzjonali applikabbli. Skont id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar tagħmir tar-radju u tagħmir terminali tal-telekommunikazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (id-Direttiva R&TTE) (3), il-fabbrikanti għandhom jiżguraw, li tagħmir għal meded qosra effettivament juża l-ispettru tal-frekwenzi tar-radju b'tali mod li jevitaw interferenza dannuża għal tagħmir għal meded qosra ieħor.

(4)

Għadd sinifikanti ta' dan it-tagħmir diġà huwa kklassifikat, jew x'aktarx li se jkun fil-ġejjieni, bħala tagħmir tal-“Klassi 1” skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/299/KE tas-6 ta’ April 2000 li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-bidu ta' tagħmir tar-radju u ta' tagħmir ta' terminali tat-telekommunikazzjoni u ta' identifikanti assoċjati (4) adottata skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva R&TTE. Id-Deċiżjoni 2000/299/KE tagħraf l-ekwivalenza ta' interfaces tar-radju li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' “Klassi 1” sabiex it-tagħmir tar-radju jkun jista' jitqiegħed fis-suq u jitħaddem mingħajr ebda restrizzjoni fil-Komunità kollha.

(5)

Peress li d-disponibilità ta' spettru armonizzat u l-kundizzjonijiet ta' użu assoċjati jiddeterminaw klassifikazzjoni ta' “Klassi 1”, din id-Deċiżjoni se tikkonsilida ulterjorment il-kontinwità ta' klassifikazzjoni bħal din ladarba tinkiseb.

(6)

Fil-11 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni għalhekk ħarġet mandat (5) lis-CEPT, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Ispettru tar-Radju, biex jarmonizza l-użu tal-frekwenzi għal tagħmir għal meded qosra. B'reazzjoni għal dak il-mandat, fir-rapport tiegħu (6) tal-15 ta’ Novembru 2004 s-CEPT stabbilixxa l-lista ta' miżuri ta' armonizzazzjoni volontarja li jeżistu fil-Komunità Ewropea għal tagħmir għal meded qosra u stqarr li hemm bżonn ta' impenn li jorbot iktar mill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-istabilità ġuridika tal-armonizzazzjoni tal-frekwenzi milħuqa fis-CEPT. Għalhekk, hemm bżonn li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex miżuri ta' armonizzazzjoni bħal dawn isiru jorbtu bil-liġi fil-Komunità Ewropea.

(7)

L-Istati Membri jistgħu jippermettu, fil-livell nazzjonali, tagħmir li jopera f'kundizzjonijiet iktar permissivi milli speċifikat f'din id-Deċiżjoni. Madankollu, f'dan il-każ tagħmir bħal dan ma jistax jopera madwar il-Komunità mingħajr restrizzjonijiet u għalhekk jitqies bħala tagħmir tal-“Klassi 2” skont il-klassifikazzjoni fid-Direttiva R&TTE.

(8)

L-armonizzazzjoni skont din id-Deċiżjoni ma teskludix il-possibilità għal Stat Membru li japplika, fejn ikun iġġustifikat, perjodi tranżitorji jew arranġamenti ta’ qsim tal-ispettri tar-radju, skont l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju. Dawn għandhom jinżammu għall-inqas possibbli, peress li jillimitaw il-benefiċċji ta' klassifikazzjoni tal-“Klassi 1”.

(9)

Din id-Deċiżjoni ta' armonizzazzjoni teknika ġenerali tapplika bla ħsara għal miżuri ta' armonizzazzjoni teknika tal-Komunità Ewropea li japplikaw għal frekwenzi speċifiċi u tipi ta' tagħmir, bħad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/545/KE tat-8 ta’ Lulju 2004 dwar l-armonizzazzjoni ta' spektrum tar-radju fil-medda ta' 79 GHz għall-użu ta' tagħmir awtomotiv tar-Radar ta' Medda Qasira fil-Komunità (7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/50/KE tas-17 ta’ Jannar 2005 dwar l-armonizzazzjoni ta' spektrum tar-radju fil-medda ta' 24 GHz għall-użu limitat fiż-żmien ta' tagħmir awtomotiv tar-radar ta' medda qasira fil-Komunità (8), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu armonizzat ta' spettru tar-radju fil-frekwenza ta' 5 GHz għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' aċċess bla fili inklużi netwerks tar-radju taż-żona lokali (WAS/RLANs) (9) jew id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/928/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn il-169,4 u l-169,8125 MHz fil-Komunità (10).

(10)

L-użu ta' spettru huwa suġġett għar-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja għas-saħħa pubblika b'mod partikolari d-Direttiva 2004/40/KE (11) u r-Rakkomandazzjoni 1999/519KE (12). Il-ħarsien tas-saħħa għat-tagħmir tar-radju huwa żgurat bil-konformità ta' tagħmir bħal dan mar-rekwiżiit essenzjali skont id-Direttiva R&TTE.

(11)

Madankollu, minħabba bidliet mgħaġġla fit-teknoloġija u t-talbiet tas-soċjetà, ifeġġu applikazzjonijiet ġodda għal tagħmir għal meded qosra, li jkollhom bżonn ta' skrutinju kostanti tal-kundizzjonijiet ta' armonizzazzjoni tal-ispettru, meta jitqiesu l-benefiċċji ekonomiċi tal-applikazzjonijiet il-ġodda u r-rekwiżiti tal-industrija u l-utenti. L-Istati Membri se jkollhom jimmonitorizzaw dawn l-evoluzzjonijiet. Aġġornamenti regolari ta' din id-Deċiżjoni għalhekk se jkunu neċessarji biex jirreaġixxu għall-iżviluppi l-ġodda fis-suq u tat-teknoloġija. L-Anness se jkun rivedut tal-inqas darba fis-sena fuq il-bażi tat-tagħrif miġbur mill-Istati Membri u pprovdut lill-Kummissjoni. Tista' tinbeda reviżjoni f'każijiet fejn se jittieħdu miżuri xierqa minn Stat Membru skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva R&TTE. Jekk reviżjoni tiżvela n-neċessità li d-Deċiżjoni tiġi addattata, il-bidliet jiġu deċiżi wara l-proċeduri speċifikati fid-Deċiżjoni tal-Ispettru tar-Radju għall-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi. L-aġġornamenti jistgħu jinkludu perjodi tranżitorji biex jiġu akkomodati s-sitwazzjonijiet ta' sistemi aktar antiki.

(12)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-fini ta' din id-Deċiżjoni hija li jiġu armonizzati l-meded tal-frekwenzi u l-parametri tekniċi relatati għad-disponibilità u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju għal tagħmir għal meded qosra ħalli tagħmir bħal dan ikun jista' jibbenefika minn klassifikazzjoni ta' “Klassi 1” skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/299/KE.

Artikolu 2

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni:

1.

“tagħmir għal meded qosra” tfisser trażmettituri tar-radju li jipprovdu kommunikazzjoni li tkun jew unidirezzjonali jew bidirezzjonali u li jittrażmettu fuq distanza qasira b'qawwa baxxa;

2.

“bażi bla interferenzi u bla protezzjoni” tfisser li ma tista’ tiġi kkawżata l-ebda interferenza dannuża lil ebda servizz ta' radjukomunikazzjoni u li ma tista’ ssir l-ebda talba għall-protezzjoni ta' dan it-tagħmir minn interferenza dannuża li toriġina minn servizzi ta' radjukomunikazzjoni.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jindikaw u jagħmlu disponibbli, fuq bażi mhux esklussiva, bla interferenzi u bla protezzjoni, il-meded tal-frekwenza għat-tipi ta' tagħmir għal meded qosra, suġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi u l-iskadenza għall-implimentazzjoni, kif stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jitolbu perjodi tranżitorji u/jew arranġamenti ta’ qsim tal-ispettru tar-radju, skont l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni tal-Ispettru tar-Radju;

3.   Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri biex jippermettu l-użu tal-meded ta' frekwenza b'kundizzjonijiet inqas restrittivi minn dawk speċifikati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu tal-meded ta’ frekwenzi taħt skrutinju, u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni regolari u f'waqtha tad-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 9 ta' Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni

ANNESS

Meded ta’ frekwenza armonizzati u parametri tekniċi ta’ tagħmir għal meded qosra

Tip ta’ tagħmir għal meded qosra

Medda/meded ta' frekwenza/Frekwenzi singoli

Qawwa massima/qawwa tal-kamp

Parametri regolatorji addizzjonali Rekwiżiti ta' mitigazzjoni

Restrizzjonijiet oħra

Skadenza tal-implimentazzjoni

Tagħmir għal meded qosra mhux speċifiku (13)

26,957-27,283 MHz

10 mW qawwa effettiva mogħtija (e.r.p.), li tikkorrispondi għal 42 dBµA/m f’10 metri

 

Applikazzjonijiet ta’ vidjow huma esklużi

1 ta’ Ġunju 2007.

40,660-40,700 MHz

10 mW e.r.p.

 

Applikazzjonijiet ta’ vidjow huma esklużi

1 ta’ Ġunju 2007.

433,05-434,79 MHz

10 mW e.r.p.

Ċiklu ta’ ħidma (14): a 10 %

Sinjali ta’ awdjo u vuċi, u applikazzjonijiet ta’ vidjow, huma esklużi

1 ta’ Ġunju 2007

868,0-868,6 MHz

25 mW e.r.p.

Ċiklu ta’ ħidma (14): sa 1 %

Applikazzjonijiet ta’ vidjow huma esklużi

1 ta’ Ġunju 2007

868,7-869,2 MHz

25 mW e.r.p.

Ċiklu ta’ ħidma (14): sa 0,1 %

Applikazzjonijiet ta’ vidjow huma esklużi

1 ta’ Ġunju 2007

869,4-869,65 MHz

500 mW e.r.p.

Ċiklu ta’ ħidma (14): sa 10 %

Spazjar ta’ kanali: irid ikun 25 kHz, ħlief li l-medda kollha tista’ wkoll tintuza bħala kanal wieħed biss għat-trażmissjoni ta’ dejta b’veloċità qawwija

Applikazzjonijiet ta’ vidjow huma esklużi

1 ta’ Ġunju 2007

869,7-870 MHz

5 mW e.r.p.

Applikazzjonijiet ta’ vuċi huma permessi b’tekniki avvanzati ta’ mitigazzjoni

Applikazzjonijiet ta’ awdjo u vidjow huma esklużi

1 ta’ Ġunju 2007

2 400 -2 483,5  MHz

10 mW qawwa isotropika mogħtija ekwivalenti (e.i.r.p.)

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

5 725 -5 875  MHz

25 mW e.i.r.p.

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

Sistemi ta' allarm

868,6-868,7 MHz

10 mW e.r.p.

Spazjar ta’ kanali: 25 kHz

Il-medda kollha ta’ frekwenza tista’ tintuża wkoll bħala kanal wieħed biss għat-trażmissjoni ta’ dejta b’veloċità għolja

Ċiklu ta’ ħidma (14): sa 0,1 %

 

1 ta’ Ġunju 2007

869,25-869,3 MHz

10 mW e.r.p.

Spazjar ta’ kanali: 25 kHz

Ċiklu ta’ ħidma (14): inqas minn 0,1 %

 

1 ta’ Ġunju 2007

869,65-869,7 MHz

25 mW e.r.p.

Spazjar ta’ kanali: 25 kHz

Ċiklu ta’ ħidma (14): inqas minn 10 %

 

1 ta’ Ġunju 2007

Allarmi soċjali (15)

869,20-869,25 MHz

10 mW e.r.p.

Spazjar ta’ kanali: 25 kHz

Ċiklu ta’ ħidma (14): inqas minn 0,1 %

 

1 ta’ Ġunju 2007

Applikazzjonijiet induttivi (16)

20,05-59,75 kHz

72 dBµA/m f’10 metri

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

59,75-60,25 kHz

42 dBµA/m f’10 metri

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

60,25-70 kHz

69 dBµA/m f’10 metri

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

70-119 kHz

42 dBµA/m f’10 metri

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

119-127 kHz

66 dBµA/m f’10 metri

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

127-135 kHz

42 dBµA/m f’10 metri

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

6 765 -6 795  kHz

42 dBµA/m f’10 metri

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

13,553-13,567 MHz

42 dBµA/m f’10 metri

 

 

1 ta’ Ġunju 2007

Impjantazzjonijiet mediċi attivi (17)

402-405 MHz

25 µW e.r.p.

Spazjar ta’ kanali: 25 kHz

Restrizzjoni oħra fuq tqassim ta’ kanali: trażmettituri individwali jistgħu jikkombinaw kanali maġenb xulxin għal wisa' ikbar tal-medda b'tekniki ta' mitigazzjoni avvanzati

 

1 ta’ Ġunju 2007

Applikazzjonijiet awdjo bla fili (18)

863-865 MHz

10 mW e.r.p.

 

 

1 ta’ Ġunju 2007


(1)   ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(3)   ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

(4)   ĠU L 97, 19.4.2000, p. 13.

(5)  Mandat lis-CEPT biex janalizza armonizzazzjoni ulterjuri ta' frekwenzi li qed jintużaw għal tagħmir għal meded qosra.

(6)  Rapport finali mill-ECC b'reazzjoni għall-mandat tal-KE lis-CEPT dwar armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal tagħmir għal meded qosra.

(7)   ĠU L 241, 13.7.2004, p. 66.

(8)   ĠU L 21, 25.1.2005, p. 15.

(9)   ĠU L 187, 19.7.2005, p. 22.

(10)   ĠU L 344, 27.12.2005, p. 47.

(11)  Id-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi), ĠU L 159, 30.4.2004, p. 1.

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni tal-espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għal kampi elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz), ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59.

(13)  Din il-kategorija hija disponibbli għal kwalunkwe tip ta' applikazzjonijiet li tissodisfa l-kundizzjonijiet tekniċi (użi tipiċi huma t-telemetrija, remote control, sistemi ta' allarmi, dejta b'mod ġenerali u applikazzjonijiet simili oħrajn).

(14)   “Ċiklu ta’ ħidma” tfisser il-proporzjon ta’ ħin matul kwalunkwe perjodu ta’ siegħa meta l-apparat ikun qed jittrażmetti b’mod attiv.

(15)  Tagħmir ta’ allarmi soċjali jintużaw biex jgħinu nies anzjani jew bi bżonnijiet speċjali li jgħixu d-dar meta jkunu f’periklu.

(16)  Din il-kategorija tkopri, pereżempju, tagħmir għall-immobilizzazzjoni tal-karozzi, l-identifikazzjoni ta' annimali, sistemi ta' allarmi, detezzjoni ta' kejbil, ġestjoni ta' skart, identifikazzjoni personali, ħoloq bil-vuċi bla fili, kontroll ta' aċċess, sensuri ta' prossimità, sistemi kontra s-serq inklużi sistemi RF induttivi kontra s-serq, trasferiment ta' dejta għal tagħmir li jinżamm fl-idejn, identifikazzjoni awtomatika ta’ oġġetti, sistemi ta’ kontroll bla fili u nollijiet tat-toroq awtomatiċi.

(17)  Din il-kategorija tkopri l-parti tal-frekwenzi tar-radju ta’ tagħmir impjantabbli mediku attiv, kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE tal-20 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem u l-periferali tagħhom.

(18)  Applikazzjonijiet għal sistemi ta’ awdjo bla fili, fosthom: loudspeakers bla fili; headphones bla fili; headphones bla fili li jinġarru, pereżempju tagħmir ta' CD, casette jew tar-radju li jinġarru fuq il-persuna; headphones bla fili għall-użu f’vettura, pereżempju għall-użu ma’ radju jew mowbajl, eċċ.; tagħmir ta’ monitoraġġ li jiddaħħal fil-widna, għall-użu f’kunċerti u produzzjonijiet oħra tal-palk.


Top