Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0168

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 4 ta' Jannar 2006 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni fil-Komunità ta' embrijuni bovini u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/217/KE (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5796) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 57, 28.2.2006, p. 19–34 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 320–335 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' 32021R0404

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/168/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    320


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta' l-4 ta' Jannar 2006

    li tistabbilixxi l-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni fil-Komunità ta' embrijuni bovini u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/217/KE

    (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5796)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2006/168/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE tal-25 ta' Settembru 1989 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li jirregolaw l-kummerċ intra-Komunitarju u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1) u l-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 9(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 89/556/KEE tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' embrijuni friski u ffriżati ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina.

    (2)

    Dik id-Direttiva tipprovdi, inter alia, li m'għandhomx jintbagħtu embrijuni bovini minn Stat Membru għal ieħor ħlief jekk ikunu ġew konċepiti bl-inseminazzjoni artifiċjali jew fertilizzazzjoni in vitro permezz ta' semen minn donatur miżmum f'ċentru ta' ġbir tas-semen approvat mill-awtorità kompetenti għall-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin ta' semen jew ta' semen importat f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1988 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimal applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjoni ta' semen ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina (2).

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/452/KEE tat-30 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi elenki ta' skwadri ta' ġbir ta' l-embrijuni u skwadri ta' produzzjoni ta' l-embrijuni approvati f'pajjiżi terzi għall-esportazzjoni ta' embrijuni bovini lejn il-Komunità (3) tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jimportaw tali embrijuni minn pajjiżi terzi fil-każ biss li dawn ikunu nġabru, ġew ipproċessati, inkluża l-fertilizzazzjoni in vitro, u nħażnu minn skwadri ta' ġbir ta' l-embrijuni inklużi fl-elenku f'dik id-Deċiżjoni.

    (4)

    Wara li kien hemm problemi kummerċjali marbuta ma' rekwiżiti ġodda u aktar stretti dwar semen bovin użat għall-fertilizzazzjoni, introdotti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/471/KEE (4), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/217/KE tad-9 ta' Marzu 2005 li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u l-ħtiġijiet taċ-ċertifikazjoni veterinarja għall-importazzjoni fil-Komunità ta' embrijuni bovini (5).

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2005/217/KE tipprovdi perjodu ta' tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2006 għal importazzjoni ta' embrijuni bovini miġbura jew prodotti qabel l-1 ta' Jannar 2006 u kkonċepiti bl-użu ta' semen li ma jikkonformax għal kollox mad-Direttiva 88/407/KEE bil-kondizzjoni li dawn l-embrijuni jitqiegħdu f'annimali bovini femminili miżmuma fl-Istat Membru destinatarju u jiġu esklużi mill-kummerċ intra-Komunitarju.

    (6)

    Is-Soċjetà Internazzjonali għat-Trasferimenti ta' l-Embrijuni (The International Embryo Transfer Society — IETS) ivvalutat bħala negliġibbli r-riskju tat-teħid ta' ċertu mard kontaġjuż mir-reċipjenti jew frieħ permezz ta' l-embrijuni, kemm-il darba l-embrijuni jkunu mmaniġġati sew bejn il-ġbir u t-trasferiment tagħhom. Dik ukoll hija l-pożizzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ta' l-Annimali (World Organisation for Animal Health OIE) safejn għandhom x'jaqsmu l-embrijuni miksuba in vivo. Madanakollu, fl-interess tas-saħħa ta' l-annimali, għandu jkun hemm salvagwardji xierqa fl-istadji preċedenti relatati mas-semen użat fil-fertilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' embrijuni ġġenerati in vitro.

    (7)

    Il-ħtiġijiet Komunitarji għall-importazzjoni ta' embrijuni bovini miksuba minn fertilizzazzjoni naturali (in vivo) u prodotti permezz ta' fertilizzazzjoni in vitro, b'mod partikolari fir-rigward tas-semen użat għall-fertilizzazzjoni, għandhom għalhekk jiġu adattati.

    (8)

    Fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-IETS u f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' l-OIE, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta' embrijuni bovini meħuda in vivo għandhom jiġu ssimplifikati filwaqt li ħtiġijiet iktar stretti dwar is-saħħa ta' l-annimali għandhom jinżammu għall-importazzjoni ta' embrijuni prodotti in vitro, b'restrizzjonijiet speċjali fejn iż-żona pelluċida tkun ġarrbet ħsarat matul il-proċess.

    (9)

    Fl-interessi taċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, id-Deċiżjoni 2005/217/KE għandha tiġi revokata u ssostitwita minn din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Madanakollu, sabiex l-operaturi ekonomiċi jitħallew jadattaw għal-ħtiġijiet l-ġodda stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, jixraq li jingħata perjodu ta' tranżizzjoni fejn l-importazzjoni ta' embrijuni ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina miġbura jew prodotti qabel l-1 ta' Jannar 2006 jkunu jistgħu, suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet, jiġu importati fil-Komunità skond il-ħtiġijiet stabbiliti fl-Anness V għal din id-Deċiżjoni.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kondizzjonijiet ġenerali għall-importazzjoni ta' embrijuni

    L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' embrijuni ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina (“embrijuni”) miġbura jew prodotti f'pajjiż terz elenkat fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni minn skwadri approvati ta' ġbir jew ta' produzzjoni ta' l-embrijuni elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni 92/452/KEE.

    Artikolu 2

    Importazzjoni ta' embrijun in vivo

    L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' embrijuni miksuba minn fertilizzazzjoni in vivo u li jikkonformaw mal-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali stabbiliti fiċ-ċertifikat veterinarju mudell fl-Anness II.

    Artikolu 3

    Importazzjoni ta' embrijuni prodotti in vitro

    1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' embrijuni miksuba minn fertilizzazzjoni in vitro bl-użu ta' semen li huwa konformi mad-Direttiva 88/407/KEE u li jissodisfa l-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali stabbiliti fiċ-ċertifikat veterinarju mudell fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' embrijuni li huma prodotti b'fertilizzazzjoni in vitro permezz ta' semen prodott f'ċentri ta' ġbir approvati jew maħżun f'ċentri ta' ħżin tas-semen f'pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/639/KE (6) u li jikkonformaw mal-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali elenkati fiċ-ċertifikat veterinarju mudell fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni bil-kondizzjoni li tali embrijuni jiġu:

    a)

    esklużi minn kummerċ intra-Komunitarju; u

    b)

    mqiegħda esklussivament f'annimali bovini femminili miżmuma fl-Istat Membru destinatarju indikat fiċ-ċertifikat veterinarju.

    Artikolu 4

    Miżuri tranżizzjonali

    Permezz ta' deroga mill-Artikoli 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw, sal-31 ta' Diċembru 2006, l-importazzjoni ta' embrijuni minn terzi pajjiżi elenkati fl-Anness I sakemm tali embrijuni jikkonformaw ma':

    a)

    il-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali msemmija fiċ-ċertifikat veterinarju mudell fl-Anness V; u

    b)

    il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    i)

    għandhom ikunu nġabru jew prodotti qabel l-1 ta' Jannar 2006;

    ii)

    għandhom jintużaw biss għat-tqegħid f'annimali bovini femminili miżmuma fl-Istat Membru destinatarju indikat fiċ-ċertifikat veterinarju;

    iii)

    għandhom jiġu esklużi minn kummerċ intra-Komunitarju;

    iv)

    għandhom ikunu akkumpanjati b'tali ċertifikat mimli kif suppost qabel l-1 ta' Jannar 2007.

    Artikolu 5

    Revoka

    Id-Deċiżjoni 2005/217/KE hija revokata.

    Artikolu 6

    Applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2006.

    Artikolu 7

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri

    Magħmula fi Brussell, l-4 ta' Jannar 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 302, tad-19.10.1989, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).

    (2)  ĠU L 194, tat-22.7.1988, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/101/KE (ĠU L 30, ta' l-4.2.2004, p. 15).

    (3)  ĠU L 250, 29.8.1992, p. 40. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/774/KE (ĠU L 291, tal-5.11.2005, p. 46).

    (4)  ĠU L 270, 15.9.1992, p. 27. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2004/786/KE (ĠU L 346, 23.11.2004, p. 32).

    (5)  ĠU L 69, tas-16.3.2005, p. 41.

    (6)  ĠU L 292, tal-15.9.2004, p. 21.


    ANNESS I

    Kodiċi

    ISO

    Pajjiż

    Ċertifikat Veterinarju Applikabbli

    Rimarki

    AR

    L-Arġentina

    ANNESS II

    ANNESS II

    ANNESS IV

     

    AU

    L-Awstralja

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

    Il-garanziji addizzjonali ffissati fil-punt 11.5.2 taċ-ċertifikat fl-Anness II u fil-punti 11.6.2 taċ-ċertifikati fl-Anessi III u IV huma obbligatorji.

    CA

    Il-Kanada

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

     

    CH

    L-Iżvizzera (*)

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

     

    HR

    Il-Kroazja

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

     

    IL

    L-Iżrael

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

     

    MK

    (dik li qabel kienet)

    Ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (**)

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

     

    NZ

    New Zealand

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

     

    RO

    Ir-Rumanija

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

     

    US

    L-Istati Uniti

    ANNESS II

    ANNESS III

    ANNESS IV

     


    (*)  Mingħajr preġudizzju għal-ħtiġijiet ta' ċertifikazzjoni speċifiċi stipulati f'xi ftehim rilevanti bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

    (**)  Din il-Kodiċi proviżjonali ma tippreġudika, bl-ebda mod, in-nomenklatura definittiva għal dan il-pajjiż, li se tkun approvata wara l-konklużjoni tan-negozjati li għaddejjin bħalissa fin-Nazzjonijiet Uniti.


    ANNESS II

    Embrijuni miksuba in vivo ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina għall-importazzjoni, miġbura f'konformità mad-direttiva tal-kunsill 89/556/KEE

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    L-ANNESS III

    Embrijuni prodotti in vitro ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina għall-importazzjoni, konċepiti bl-użu ta' semen konformi mad-direttiva tal-kunsill 88/407/KEE

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    L-ANNESS IV

    Embrijuni prodotti in vitro ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina konċepiti bl-użu ta' semen li ġej minn ċentri ta' ġbir jew ħżin tas-semen approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż esportatur

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    L-ANNESS V

    ĊERTIFIKAT VETERINARJUEMBRIJUNI TA' ANNIMALI DOMESTIĊI TA' L-ISPEĊI BOVINA GĦALL-IMPORTAZZJONI MIĠBURA JEW PRODOTTI QABEL L-1el TA' JANNAR 2006

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top