Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0125

    2006/125/EC: Council Decision of 24 January 2006 on the existence of an excessive deficit in the United Kingdom

    ĠU L 51, 22.2.2006, p. 14–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/11/2007; Imħassar b' 32007D0738 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/125(1)/oj

    32006D0125



    Official Journal L 051 , 22/02/2006 P. 0014 - 0016


    Direttiva tal-Kunsill 2006/18/KE

    ta' l- 14 ta' Frar 2006

    li temenda d-Direttiva 77/388/KE fir-rigward tar-rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

    Billi:

    (1) Il-possibbiltà ta' l-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tingħata fir-rigward ta' provvisti ta' tisħin urban, bl-istess mod kif ingħatat għall-provvisti ta' gass naturali u ta' elettriċità, li għalihom il-possibbiltà ta' l-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa hija diġà prevista fis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas- 17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [3].

    (2) Sabiex jiġi apprezzat aħjar l-impatt tar-rati mnaqqsa, jeħtieġ li l-Kummissjoni tfassal rapport ta' valutazzjoni dwar l-impatt tar-rati mnaqqsa applikati għal servizzi provduti lokalment, b'mod partikolari f'termini ta' ħolqien ta' mpjiegi, ta' tkabbir ekonomiku u tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    (3) Konsegwentement, għandu jiġi estiż sal- 31 ta' Diċembru 2010 l-esperiment tar-rati mnaqqsa għas-servizzi li jirrikjedu l-prestazzjoni ta' kwantità kbira ta' xogħol minn ħaddiema u għandha tkun prevista l-possibbiltà għall-Istati Membri kollha li jieħdu sehem fih taħt l-istess kundizzjonijiet.

    (4) Għaldaqstant, l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jibbenefikaw, għall-ewwel darba, mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 77/388/KEE u dawk li jkunu jixtiequ jemendaw il-lista ta' servizzi li għalihom huma applikaw l-imsemmija dispożizzjoni fil-passat, għandhom jippreżentaw talba lill-Kummissjoni, flimkien mad-dettalji relevanti għall-fini ta' valutazzjoni. Tali valutazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni ma tidhirx li hija meħtieġa fil-każ fejn l-Istati Membri jkunu preċedentament ibbenefikaw minn awtorizzazzjoni fil-passat u jkunu ppreżentaw rapport dwar dan is-suġġett lill-Kummissjoni.

    (5) Sabiex tkun żgurata l-kontinwità legali, din id-Direttiva għandha tkun applikabbli mill- 1 ta' Jannar 2006.

    (6) L-implementazzjoni ta' din id-Direttiva ma timplika ebda bidla fid-dispożizzjonijiet leġislattivi ta' l-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 77/388/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

    1. L-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-punt (b) fil-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "(b) L-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa għal provvisti ta' gass naturali, ta' elettriċità u ta' tisħin urban, sakemm ma jkun jeżisti ebda riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. Stat Membru li jkollu l-ħsieb li japplika tali rata għandu jinforma minn qabel lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' xi riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx tat deċiżjoni fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni, jiġi meqjus li ma jkun jeżisti ebda riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni."

    (b) is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 4:

    "Sa mhux aktar tard mit- 30 ta' Ġunju 2007, u abbażi ta' studju mwettaq minn korp indipendenti ta' studju ekonomiku, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill u lill-Paralment Ewropew rapport ta' valutazzjoni globali dwar l-impatt tar-rati mnaqqsa applikati għal servizzi provduti lokalment, inklużi s-servizzi għar-ristoranti, b'mod partikolari f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi, ta' tkabbir ekonomiku u tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern."

    2. Fl-Artikolu 28, il-paragrafu (6) għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru sabiex japplika sa mhux aktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2010 r-rati mnaqqsa previsti fit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 12(3)(a) għas-servizzi elenkati f'massimu ta' tnejn mill-kategoriji esposti fl-Anness K. F'każijiet eċċezzjonali, Stat Membru jista' jiġi awtorizzat japplika r-rati mnaqqsa għal servizzi li jagħmlu parti minn tlieta mill-kategoriji msemmija hawn fuq."

    (b) ir-raba' subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "Kwalunkwe Stat Membru li jkun jixtieq japplika, għall-ewwel darba wara l- 31 ta' Diċembru 2005, rata mnaqqsa għal wieħed jew aktar mis-servizzi msemmija fl-ewwel subparagrafu skond din id-disposizzjoni għandu jinforma lill-Kummissjoni qabel il- 31 ta' Marzu 2006. Huwa għandu jikkomunika lill-Kummissjoni qabel dik id-data d-dettalji relevanti kollha dwar il-miżuri l-ġodda li jixtieq jintroduċi, u b'mod partikolari d-dettalji li ġejjin:

    (a) l-ambitu ta' applikazzjoni tal-miżura u deskrizzjoni preċiża tas-servizzi konċernati;

    (b) id-dettalji li juru li l-kondizzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi ġew sodisfatti;

    (ċ) id-dettalji li juru n-nefqa tal-budget għall-miżura maħsuba."

    Artikolu 2

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandha tkun applikabbli mill- 1 ta' Jannar 2006.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, nhar il- 14 ta' Frar 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K.-H. Grasser

    [1] ĠU C 89 E, 14.4.2004, p. 138.

    [2] ĠU C 32, 5.2.2004, p. 113.

    [3] ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/92/KE (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 19).

    --------------------------------------------------

    Top