Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0055

    Deċizjoni tal-Kunsill tat- 30 ta' Jannar 2006 dwar il-Prinċipji, Prijoritajiet u Kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Bosnja u Ħerzegovina u li jħassar id-Deċizjoni 2004/515/KE

    ĠU L 35, 7.2.2006, p. 19–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 104–116 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/03/2008; Imħassar b' 32008D0211

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/55/oj

    29.9.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    104


    DEĊIZJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta' Jannar 2006

    dwar il-Prinċipji, Prijoritajiet u Kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Bosnja u Ħerzegovina u li jħassar id-Deċizjoni 2004/515/KE

    (2006/55/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar l-istabbiliment ta' Sħubijiet Ewropej fil-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 endorsja l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz biex tiġi materjalizzata l-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprovdi li l-Kunsill irid jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li għandhom jitniżżlu fis-Sħubiji Ewropej, kif ukoll fi kwalunkwe aġġustament sussegwenti.

    (3)

    Fl-14 ta’ Ġunju 2004 il-Kunsill adotta Sħubija Ewropea (l-ewwel waħda) mal-Bosnja u Ħerzegovina (2). Jixraq li din is-Sħubija tiġi aġġornata sabiex jiġu identifikati prijoritajiet imġedda għal ħidma ulterjuri, abbażi tas-sejbiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2005 dwar it-tħejjijiet tal-Bosnja u Ħerzegovina għal integrazzjoni ulterjuri ma’ l-Unjoni Ewropea.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 iddikjara li s-segwitu għas-Sħubiji Ewropej ser jiġi żgurat fi ħdan il-qafas tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    (5)

    Bi tħejjija għal integrazzjoni ulterjuri ma' l-Unjoni Ewropea, il-Bosnja u Ħerzegovina hija mistennija tiżviluppa pjan bi skeda ta' żmien u miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet ta’ din is-Sħubija Ewropea,

    (6)

    Id-Deċizjoni 2004/515/KE għandha għalhekk tiġi mħassra.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    F'konformità ma' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 533/2004, il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fis-Sħubija Ewropea mal-Bosnja u Ħerzegovina huma mniżżla fl-Anness hawnhekk, li jifforma parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għandha tiġi eżaminata permezz tal-qafas tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, notevolment ir-Rapporti ta' Progress annwali preżentati mill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Id-Deċizjoni 2004/515/KE għandha tiġi mħassra.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-30 ta' Jannar 2006

    Għall-Kunsill

    Il-President

    U. PLASSNIK


    (1)  ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/515/KE ta' l-14 ta' Ġunju 2004 dwar il-Prinċipji, Prijoritajiet u Kundizzjonijiet li Jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Bosnja u Ħerzegovina (ĠU L 221 22.6.2004, p. 10).


    ANNESS

    IL-BOSNJA U ĦERZEGOVINA: SĦUBIJA EWROPEA 2005

    1.   INTRODUZZJONI

    Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki endorsja l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz għall-materjalizzazzjoni tal-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Fl-14 ta’ Ġunju 2004, il-Kunsill adotta l-ewwel Sħubija Ewropea mal-Bosnja u Ħerzegovina. Jixraq li din l-ewwel sħubija tiġi aġġornata abbażi tas-sejbiet tar-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar il-Bosnja u Ħerzegovina. It-tieni Sħubija Ewropea tidentifika prijoritajiet ġodda għal azzjoni. Il-prijoritajiet ġodda huma adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi u l-istadju ta' tħejjija tal-pajjiż u ser jiġu aġġornati kif meħtieġ. Is-Sħubija Ewropea tipprovdi wkoll gwida għal assistenza finanzjarja lill-pajjiż.

    Il-Bosnja u Ħerzegovina hija mistennija tiżviluppa pjan li jinkludi skeda ta' żmien u miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea.

    2.   PRINĊIPJI

    Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa’ l-qafas għad-direzzjoni Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, it-triq kollha sa l-adeżjoni futura tagħhom.

    Il-prijoritajiet prinċipali identifikati għall-Bosnja u Ħerzegovina għandhom x’jaqsmu mal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen ta’ l-1993 u l-kondizzjonijiet għall-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, notevolment il-kundizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ April 1997 u l-21 u t-22 ta’ Ġunju 1999, il-kontenut tad-dikjarazzjoni finali tas-Summit ta' Zagreb ta' l-24 ta' Novembru 2000 u l-Aġenda ta' Tessaloniki.

    3.   PRIJORITAJIET

    Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija Ewropea ġew magħżula abbażi li huwa realistiku li wieħed jistenna li l-Bosnja u Ħerzegovina tkun tista' ġġibhom fi tmiem jew tmexxihom sostanzjalment 'il quddiem matul is-snin li ġejjin. Hija magħmula distinzjoni bejn prijoritajiet għall-perijodu l-qasir, li huma mistennija li jitlestew fi żmien sena jew sentejn, u prijoritajiet għall-perijodu medju, li huma mistennija jitlestew fi żmien tlieta jew erba' snin. Il-prijoritajiet jikkonċernaw kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha.

    F'dan l-istadju, din is-sħubija ma tinkludix il-kompiti importanti kollha b'kont meħud ta' l-ispejjeż sostanzjali involuti fis-sodisfazzjon tal-ħtiġiet kollha ta' l-UE kif ukoll tal-kumplessità ta' dawn il-ħtiġiet f'ċerti oqsma. Sħubiji futuri ser ikunu jinkludu prijoritajiet ulterjuri f’konformità mal-progress magħmul mill-pajjiż.

    Fost il-prijoritajiet fit-terminu l-qasir, il-prijoritajiet prinċipali ġew identifikati u miġbura flimkien fi grupp fil-bidu tat-taqsima 3.1. L-ordni ta’ dawn il-prijoritajiet prinċipali ma timplikax it-tqegħid ta' l-importanza tagħhom fi skala.

    3.1.   PRIJORITAJIET GĦALL-PERIJODU QASIR

    Prijoritajiet Prinċipali

    Kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (ICTY) fil-qbid tal-kriminali ta' l-ICTY kollha b’mod ġenerali.

    L-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-Ftehim dwar l-Irristrutturar tal-Pulizija ta’ Ottubru 2005. F’dan il-qafas, l-istabbiliment tad-Direttorat għall-Implimentazzjoni ta' l-Irristrutturar tal-Puluzija sa Diċembru 2005 u l-adozzjoni ta' pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tar-riforma f’konformità mal-prinċipji spjegati mill-Kummissjoni Ewropea fil-limiti ta' żmien stipulati mill-ftehim.

    L-adozzjoni tal-leġislazzjoni kollha meħtieġa dwar ix-xandir pubbliku fuq il-livell ta' l-Istat u ta' Entità u l-bidu ta' l-implimentazzjoni tagħha.

    L-iżgurar tal-fatt li l-ministeri u l-istituzzjonijiet kollha fuq il-livell ta' l-Istat ikunu ffinanzjati b’mod adegwat, operattivi u mgħammra kif suppost, jiġifieri f'termini ta' bini u persunal.

    L-adozzjoni u l-bidu ta’ l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni komprensiv għar-riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika, b'kont meħud tar-riżultati tar-reviżjonijiet funzjonali u settorjali ta’ l-amministrazzjoni pubblika.

    L-iżgurar ta' l-eżistenza ta’ suq intern reali fil-Bosnja u Ħerzegovina.

    Ħtiġiet Politiċi

    Demokrazija u l-istat tad-dritt

    Governanza

    It-teħid ta' passi sabiex l-Assemblea Parlamentari tal-Bosnja u Ħerzegovina tkun provduta bir-riżorsi tekniċi suffiċjenti u persunal.

    It-titjib u t-tisħiħ ulterjuri tal-koordinazzjoni bejn l-Istat u l-Entità permezz ta' l-istabbiliment ta' mekkaniżmi regolari u istituzzjonalizzati għall-koordinazzjoni bejn l-Istat u l-Entitajiet.

    L-iżgurar tas-segwitu għar-rapporti maħruġa mill-Istituzzjonijiet ta' Verifika Suprema tal-Bosnja u Ħerzegovina u t-teħid ta' miżuri adatti kontra dawk responsabbli għall-irregolaritajiet.

    Elezzjonijiet

    It-teħid ta' responsabbilità finanzjarja u organizzattiva sħiħa għall-elezzjonijiet Parlamentari u Presidenzjali ta' l-2006.

    L-emenda tal-leġiżlazzjoni elettorali dwar il-membri tal-Presidenza tal-Bosnja u Ħerzegovina u d-delegati tal-House of Peoples, biex tkun żgurata l-konformità sħiħa mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-impenji ta' wara l-adeżjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

    Il-forniment tal-persunal meħtieġ għad-Dipartiment tal-Verifika tal-Kummissjoni Elettorali.

    Amministrazzjoni pubblika

    Il-forniment lill-Uffiċċju tal-Koordinatur ta' l-Amministrazzjoni Pubblika bir-riżorsi umani u materjali meħtieġa biex iwettaq il-ħidma tiegħu.

    It-teħid ta' miżuri biex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb ta' l-Aġenziji tas-Servizz Ċivili u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' effiċjenti għar-reklutaġġ; l-iżgurar tal-ħatra f’waqtha ta’ nies fiċ-ċivil, b’mod partikolari fuq livell ta' l-Istat, wara proċedura ta’ suċċess tas-servizz ċivili.

    L-implimentazzjoni tal-programm ta’ taħriġ għall-amministrazzjoni pubblika adottat f’Mejju 2005.

    L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-Ombudsman ta’ l-Istat u l-iżgurar tal-merġer ta' l-Ombudsman ta' l-Istat u dak ta' l-Entità.

    Sistema ġudizzjarja

    L-iżgurar tar-responsabilità sħiħa għall-Qorti ta' l-Istat, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-Kunsill Għoli Ġudizzjarju u Prosekuttorjali f’termini ta’ finanzi, amministarazzjoni u persunal; l-iżgurar tal-fatt li dawn qed jaħdmu sew.

    Il-progress magħmul f'li jiġi trattat il-volum ta’ każijiet pendenti quddiem il-qrati.

    L-iżvilupp ta' sistema effiċjenti biex tiġi indirizzata d-delinkwenza tal-minorenni.

    Politika kontra l-korruzzjoni

    It-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni dettaljat kontra l-korruzzjoni abbażi ta’ l-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni.

    L-armonizzazzjoni tal- leġiżlazzjoni ta' kontra l-korruzzjoni fil-Bosnja u Ħerzegovina.

    L-iżgurar ta' l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi dwar Kunflitti ta’ Interess.

    Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

    It-tneħħija ta' referenzi għal piena tal-mewt fil-Kostituzzjoni tar-Republika Srpska.

    L-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali ratifikati mill-Bosnja u Ħerzegovina, inklużi l-ħtiġiet ta’ rappurtar.

    L-iżgurar tal-fatt li l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Qorti Kostituzzjonali tindirizza kull każ ta’ drittiijiet tal-bniedem li għadu ma ġiex solvut.

    It-titjib tal-qafas legali dwar il-minoranzi sabiex dan jissodisfa bis-sħiħ il-ħtiġiet kollha tal-Konvenzjoni Kwardu tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali, u l-iżgurar ta' l-implimentazzjoni tagħha fil-Bosnja u Ħerzegovina kollha.

    L-istabbiliment tal-Kunsill ta' Minoranzi Nazzjonali u l-korpi korrispondenti fuq il-livell ta’ Entità.

    L-iżvilupp u l-bidu ta’ l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni settorjali ta’ l-Istrateġija Nazzjonali għar-Roma bħala parti minn strateġija komprensiva sabiex jitnaqqas il-faqar.

    Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

    It-tkomplija tat-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u l-iżgurar ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, bil-ħsieb, inter alia, tal-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni.

    Il-kontribut għall-iżgurar ta' soluzzjoni tal-kwistjonijiet dwar il-konfini li baqa' pendenti mal-Kroazja u s-Serbja u Montenegro.

    It-titjib b'mod sinifikattiv ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehim bilaterali ta' Kummerċ Liberu u l-ħidma lejn il-Ftehim ta' Kummerċ Liberu reġjonali tal-ġejjieni fl-Ewropa tax-Xlokk.

    Il-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehim ma' pajjiżi ġirien, notevolment dwar il-kooperazzjoni trans-konfini, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-kutrabandu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-amministrazzjoni tal-fruntiera, id-dħul mill-ġdid, l-ambjent, it-trasport u l-enerġija.

    L-iżgurar tal-fatt li l-fond għar-Ritorn tar-Refuġjati jkun iffinanzjat kif jixraq u operattiv b'mod sħiħ. Il-kontribut għall-iżgurar ta' l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo. It-tkomplija tal-proċess tar-ritorn ta' refuġjati/ta' dawk li jerġgħu lura u l-kisba ta' progress sinifikattiv lejn l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom.

    L-indirizzar tal-ħtiġiet kollha pendenti tal-Kunsill ta' l-Ewropa ta' wara l-adeżjoni, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u l-elezzjonijiet.

    Ħtiġiet Ekonomiċi

    L-insegwiment ta’ politika li twassal għal ambjent makro-ekonomiku stabbli u l-għoti ta’ attenzjoni partikolari lit-tkabbir tal-kreditu fil-kuntest ta' l-arranġament tal-bord tal-valuta.

    L-implimentazzjoni tal-Liġi Kwadru ta' l-Istat u l-Liġijiet dwar l-Entitajiet dwar reġistrazzjoni tan-negozju.

    L-appoġġ għall-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma għas-Sostennibiltà Fiskali bil-għan globali li titnaqqas in-nefqa pubblika reali.

    Il-finalizzazzjoni tar-rikonċiljazzjoni ta' pretensjonijiet domestiċi u l-adozzjoni tal-Liġi ta' livell ta’ l-Istat dwar dejn intern għall-gwida ta' pagamenti fuq il-pretensjonijiet domestiċi kollha.

    L-adozzjoni tal-liġi dwar il-Kunsill Fiskali Nazzjonali u l-istabbiliment ta' proċeduri għall-ħidma effiċjenti tagħha.

    Ir-riforma u t-tnaqqis tar-riġidità tas-sistema li tissettja s-salarji, b’mod partikolari fis-settur pubbliku.

    It-tfassil u l-implimentazzjoni ta' blueprint għall-istituzzjonalizzazzjoni ta’ l-Unità ta’ l-Ippjanar tal-Politika Ekonomika.

    Il-progress sostanzjali dwar il-governanza korporattiva, inter alia permezz ta' l-aċċelerazzjoni tal-proċess ta’ privatizzazzjoni u r-ristrutturar tal-Fondi ta’ Investiment Privat.

    Id-dħul fis-seħħ u l-bidu ta' l-implimentazzjoni tal-Liġi għar-Ristrutturar Finanzjarju.

    L-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tal-qrati kummerċjali u l-iżvilupp tal-funzjonament tal-qrati fit-trattament u l-ipproċessar tal-proċeduri ta’ falliment.

    Standards Ewropej

    Is-suq intern

    Moviment liberu ta’ merkanzija

    L-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni attwali fl-oqsma ta’ l-istandards, iċ-ċertifikazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni u l-valutazzjoni ta’ konformità; l-istabbiliment ta' l-istituzzjonijiet previsti minn din il-leġiżlazzjoni u t-tagħmir tagħhom/l-għoti lilhom ta' persunal sabiex ikunu jistgħu jimplimetaw il-kompiti tagħhom. It-tkomplija ta' l-isforzi għall-allinjament tar-regoli u r-regolament f’dawn l-oqsma ma’ l-acquis, b’mod partikolari għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-kummerċ.

    L-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u notifika intern ta’ regolamenti tekniċi ġodda qabel ma dawn jiġu adottati dwar miżuri li għandhom impatt fuq il-kummerċ.

    L-iżgurar tal-progress kontinwu fl-adozzjoni ta’ l-istandards Ewropej.

    L-istabbiliment ta' l-Aġenzija ta’ Sorveljanza tas-Suq u l-iżgurar li tkun kapaċi twettaq il-kompiti tagħha. It-tkomplija tat-teħid ta' passi lejn l-istabbiliment ta’ struttura għas-sorveljanza tas-suq bi tweġiba għall-ħtiġiet ta’ l-acquis dwar il-moviment liberu ta' merkanzija.

    Moviment ta' persuni, servizzi u dritt ta' stabbiliment

    L-istabbiliment ta' l-Aġenzija ta’ Assigurazzjoni tal-Bosnja u Ħerzegovina u l-iżgurar li ssir kompletament operattiva.

    Li s-superviżjoni bankarja tinġieb għal-livell ta' l-Istat u l-iżgurar tal-funzjonament effettiv ta' l-awtorità ta' superviżjoni.

    L-iżgurar ta' l-adozzjoni ta' liġi fuq livell ta' l-Istat dwar l-edukazzjoni għolja li twitti t-triq għall-implimentazzjoni ta' l-elementi prinċipali tal-proċess ta' Bolonja u l-Konvenzjoni ta' Rikonoxximent ta' Lisbona.

    Dwana u taxxa

    It-tkomplija ta' l-allinjament tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri doganali ma’ l-acquis.

    L-iżgurar tal-fatt li l-qafas legali għal żoni ħielsa jkun kompatibbli ma’ l-istandards ta’ l-UE u l-garanzija tas-sorveljanza adegwata ta' żoni ħielsa.

    It-teħid tal-passi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tajba ta' regoli ta’ oriġini.

    L-implimentazzjoni ta' regoli ta’ valutazzjoni tad-dwana f’konformità ma’ l-istandards u l-prattika internazzjonali.

    Iż-żieda tal-kapaċità amministrattiva biex timplimenta l-leġiżlazzjonijiet doganali u tiġġieled kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità trans-konfini u l-evażjoni fiskali.

    L-iżgurar tal-finanzjament adegwat ta' l-Awtorità tat-Taxxa Indiretta.

    L-implimentazzjoni u l-infurzar bis-sħiħ tal-liġi tal-VAT, u tapprossima ulterjarment il-leġiżlazzjoni tat-taxxa ma’ l-acquis.

    L-impenn mal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Kondotta għat-Taxxa Kummerċjali u l-iżgurar li miżuri ġodda tat-taxxa jkunu f’konformità ma’ dawn il-prinċipji.

    Kompetizzjoni

    It-titjib tal-kapaċità tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jimplimenta b’mod sħiħ il-kompiti tiegħu fir-rigward ta' l-infurzar tar-regoli rilevanti u l-promozzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni.

    L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, u l-allinjament ta' leġiżlazzjoni li diġà teżisti f'konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u ta’ l-għajnuna mill-Istat ta' l-UE.

    L-akkwist pubbliku

    L-iżgurar ta' l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni ta' l-akkwist pubbliku, inkluż allokazzjoni ta' stabbiliment, persunal u tal-budget ta' l-Aġenzija ta’ l-Akkwist Pubbliku u l-Korp ta’ Reviżjoni ta' l-Akkwist Pubbliku.

    Liġi dwar il-proprjetà intelletwali

    L-implimentazzjoni u r-rinforz tal-qafas legali kurrenti, b’mod partikolari bl-iżgurar tat-tħaddim tajjeb ta' l-Istitut għall-Proprjetà Intellettwali.

    Statistika

    L-adozzjoni u l-bidu ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Entitajiet fis-sistema ta' l-istatistika dwar it-titjib tax-xogħol ta’ aġenzija ċentrali ta’ l-istatistika fil-Bosnja u Ħerzegovina.

    Politika settorjali

    Industrija u SME

    L-adozzjoni mingħajr aktar dewmien ta' l-istrateġija ta’ l-SME fuq livell ta' l-Istat proposta attwalment u l-bidu ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet prijoritizzati.

    L-iżvilupp ta' politika ta’ l-industrija soda u komprensiva.

    Agrikoltura u Sajd

    L-iżvilupp ta' strateġija agrikola komprensiva fuq livell ta' l-Istat bbażata fuq ir-Rakkomandazzjonijiet Funzjonali tar-Reviżjoni ta’ Novembru 2004 u l-proviżjoni ta' qafas legali għall-implimentazzjoni tagħha.

    It-tkomplija ta' l-allinjament tal-leġiżlazzjoni fuq l-acquis veterinarju u fitosanitarju ta' l-UE.

    L-istabbiliment u li ssir operattiva ta' l-Aġenzija ta' l-Istat għas-Sigurtà Alimentari. Il-bidu tat-tħaddim ta' l-Aġenzija Fitosanitarja.

    It-titjib tal-laboratorji u l-kapaċità ta’ spezzjoni fis-setturi verterinarji u fitosanitraji, l-istabbiliment ta' laboratorju ta' referenza u l-iżvilupp ta' proċeduri ta' teħid ta' kampjuni f'konformità mal-ħtiġiet ta' l-UE.

    It-tkomplija ta' l-identifikazzjoni ta' l-annimali u r-reġistrazzjoni tal-bovini f'konformità ma' l-UE.

    Ir-rinforz tal-ġbir u l-ipproċessar ta’ l-istatistika ta’ l-agrikultura f’konformità ma’ l-istandards u l-metodoloġija ta’ l-UE.

    Ambjent

    L-adozzjoni ta' Liġi Ambjentali ta' l-Istati biex toħloq l-qafas għal ħarsien ta' l-ambjent armonizzat man-nazzjon kollu.

    L-istabbiliment u l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb ta’ l-Aġenzija Ambjentali ta' l-Istat.

    Enerġija

    Il-bidu ta' l-implimentazzjoni ta' l-impenji meħuda fil-qafas tat-Trattat tal-Komunità dwar l-Enerġija.

    L-iżvilupp u l-adozzjoni ta' Strateġija dwar l-Enerġija komprensiva; l-insegwiment tar-riformi u l-liberalizzazzjoni tas-settur ta’ l-enerġija.

    L-iżgurar li l-Operatur Indipendenti tas-Sistema u l-Kumpanija ta’ Trasmissjoni jsiru operattivi b'mod sħiħ malajr, kull wieħed bħala kumpannija fuq livell ta' l-Istat singolu.

    Politika tat-trasport

    L-implimentazzjoni tal-Liġi ta' l-Istat dwar il-Ferroviji.

    It-tkomplija ta' l-allinjament ta' leġiżlazzjoni ta’ l-avjazzjoni ma’ l-acquis fid-dwal taż-Żona ta' Avjazzjoni Ewropea Komuni (ECAA).

    Soċjeta ta' l-informazzjoni u medja

    L-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Aġenzija tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-istabbiliment ta' din l-Aġenzija.

    Il-liberalizzazzjoni ulterjuri tas-swieq tat-telekomunikazzjoni u l-iżgurar ta' l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti mill-awtorità regolatorja biex tħeġġeġ il-kompetizzjoni.

    It-tisħiħ tar-rwol u l-kapaċità amministrattiva ta’ l-awtorità regolatorja.

    Kontroll Finanzjaru

    L-iżvilupp ta' strateġija ta’ Kontroll Finanzjarju Pubbliku Intern.

    Ġustizzja, libertà u sigurtà

    Il-viżi, il-kontroll fuq il-fruntieri, l-asil u l-migrazzjoni

    Il-proviżjoni ta' persunal adegwat għas-setturi ta' l-asil u l-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tas-Sigurtà.

    L-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Moviment u s-Soġġorn ta' Aljeni ta' l-2003. L-iżgurar li kwalunkwe emenda għal din il-liġi tkun konformi ma' l-acquis u l-istandards internazzjonali, u li jirrappreżentaw valur miżjud għar-regolamenti eżistenti.

    It-tnaqqis ulterjuri tan-numru ta’ viżi maħruġa fuq il-fruntiera.

    L-implimentazzjoni ta' l-obbligi internazzjonali u reġjonali kollha fil-qasam ta' l-amministrazzjoni tal-fruntiera.

    Money laundering

    L-għoti sħiħ ta' persunal lill-Unità ta' Tagħrif Sigriet Finanzjarja (FIU).

    It-titjib ulerjuri tal-koopreazzjoni bejn l-FIU u d-Dipartiment ta’ l-Investigazzjoni Kriminali ta’ l-Aġenzija ta’ l-Investigazzjoni u l-Protezzjoni ta’ l-Istat.

    L-iżgurar ta' l-implimentazzjoni adegwata u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra l-money laundering u t-t-titjib ulterjuri ta' din il-leġiżlazzjoni.

    L-aderenza mal-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti.

    Drogi

    L-iżvilupp ta' Politika dwar id-Droga fuq livell ta' l-Istat f'konformità ma' l-istandards ta' l-UE.

    L-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni ta' Abbuż min-Narkotiċi u l-Prekursuri tagħhom.

    Pulizija

    It-tisħiħ ulterjuri ta' l-Aġenzija ta’ l-Investigazzjoni u l-Protezzjoni ta’ l-Istat, partikolarment billi ttemm ir-reklutaġġ tal-persunal fit-totalità tiegħu.

    Tiġġieled il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu

    L-iżgurar ta' l-implimentazzjoni xierqa tal-Pjan ta’Azzjoni Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin.

    It-teħid ta' miżuri għall-ħarsien ta’ vittmi ta' traffikar u għall-implimentazzjoni adegwata tal-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tax-xiehda.

    It-titjib tal-kapaċità ta' l-Aġenzija ta' l-Istat għall-Investigazzjoni u l-Protezzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; it-titħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, inkluż permezz ta' l-implimentazzjoni xierqa tal-konvenzjonijiet internazzjonali.

    L-adozzjoni tal-liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali u l-istabbiliment ta' l-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Data.

    3.2.   PRIJORITAJIET GĦALL-PERIJODU MEDJU

    Ħtiġiet Politiċi

    Governanza

    L-iżgurar tal-progress kontinwu fit-teħid ta' responsabbiltà nazzjonali sħiħa għall-formulazzjoni tal-politika u t-teħid tad-deċiżjoni.

    Amministrazzjoni pubblika

    L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni komprensiv għar-riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika.

    Il-bini tal-kapaċità ta' taħriġ għal ħaddiema taċ-ċivil fil-Bosnja u Ħerzegovina u t-tkomplija tat-titjib tal-kapaċitajiet ta' tfassil tal-politika u l-koordinazzjoni.

    Iż-żieda tal-kapaċità għal armonizzazzjoni legali progressiva ma’ l-acquis u l-espansjoni ulterjuri tar-rwol tal-Bosnja u Ħerzegovina fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' l-assistenza, bil-għan li tiġi mħejjija d-deċentralizzazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja.

    Riforma fil-Pulizija

    L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għar-ristrutturar fil-puluzija.

    Sistema ġudizzjarja

    L-iżgurar ta' taħriġ adegwat tas-sistema ġudizzjarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar kwistjonijiet relatati ma’ l-implimentazzjoni ta’ Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-ġejjieni.

    Il-garanzija li l-Qrati kollha jkollhom it-tagħmir tekniku meħtieġ u l-mezzi finanzjarji biex iwasslu l-ġustizzja b’mod effiċjenti u tajjeb.

    Politika kontra l-korruzzjoni

    L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-korruzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati tal-Kunsill Ewropew Kontra l-Korruzzjoni (GRECO).

    L-iżgurar tal-fatt li l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-korruzzjoni jiġu implimentati kif suppost u li l-korruzzjoni fil-fatt tkun imnaqqsa.

    Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

    L-iżgurar tal-kompatibilità sħiħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    L-iżgurar tal-ħarsien tal-minoranzi skond l-istandards internazzjonali u dawk ta’ l-UE.

    L-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Nazzjonali għar-Romau l-pjanijiet ta’ azzjoni settorjali tagħha.

    Ħtiġiet Ekonomiċi

    L-iżgurar tal-kontinwazzjoni ta’ l-istabbiltà makro-ekonomika u l-ħidma lejn it-titjib tas-sostenibbiltà tal-kontijiet esterni.

    Aktar xogħol lejn it-tnaqqis ta’ l-ispiża pubblika bħala persentaġġ tal-GDP.

    It-tkomplija tat-titjib tal-klima tan-negozju u l-governanza korporattiva u t-tkomplija tar-ristrutturazzjoni tas-settur korporattiv, inklużi s-servizzi pubbliċi.

    It-tkomplija tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika fiskali u dik ekonomika.

    L-iżgurar tal-funzjonament adegwat ta' l-Unità ta’ l-Ippjanar tal-Politika Ekonomika ta' l-Aġenzija għat-Taxxa Indiretta.

    Il-produzzjoni ta' kontijiet tal-gvern komprensivi u kkonsolidati.

    It-tisħiħ tal-proċeduri għat-tħejjijiet, l-eżerkuzzjoni u l-kontabbilità tal-budget.

    L-implimentazzjoni tal-politika bil-għan li jitnaqqas il-qgħad, b’mod partikolari l-qgħad għal perjodu fit-tul.

    It-titjib tal-koordinazzzjoni bejn l-aġenziji ta’ l-impjieg fil-pajjiż kollu u li jsiru sforzi għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol.

    Iż-żieda ta' l-isforzi għat-titjib tas-sistema ta' l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni primarja, u għall-ħolqien ta' sistema ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali moderna. L-indirizzar tal-problema tal-fragmentazzjoni tas-sistema edukattiva u t-trikkib tal-funzjonijiet bejn il-livelli differenti ta’ organizzazzjoni. It-tisħiħ ta' l-iżvilupp tal-politika u l-ippjanar strateġiku għat-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni.

    It-tkomplija tar-riformi meħtieġa għal konformità mar-regoli u l-obbligi tad-WTO, sabiex ikun aċċellerat il-proċess ta' adeżjoni tad-WTO.

    Standards Ewropej

    Suq intern u kummerċ

    Moviment liberu ta’ merkanzija

    It-tkomplija ta' l-allinjament ta' leġiżlazzjoni fl-oqsma ta’ l-istandards, taċ-ċertifikazzjoni, tal-metroloġija, l-akkreditazzjoni u tal-valutazzjoni tal-konformità ma' l-acquis, u t-transposizzjoni tad-direttivi ta' l-Approċċ Ġdid u Globali u dawk ta’ l-Approċċ il-Qadim.

    Dwana u Taxxa

    L-iżgurar ta' l-approssimazzjoni kontinwa tal-leġislazzjoni doganali u tat-taxx ma' l-acquis, u ż-żieda ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni ta' din il-leġislazzjoni, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità trans-konfini u l-evażjoni fiskali.

    It-titjib tat-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ l-UE għall-faċilitazzjoni ta' l-infurzar tal-miżuri li jiprevjenu l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxi.

    Il-kompetizzjoni

    L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat.

    Il-preżentazzjoni ta' inventorju ta' għajnuna mill-Istat komprensiv.

    L-akkwist pubbliku

    L-iżgurar tal-fatt li l-qafas legali ta' l-akkwist pubbliku tal-Bosnja u Ħerzegovina jkun kompatibbli ma’ l-acquis u li l-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku jkunu implimentati kif xieraq.

    Statistika

    L-iżvilupp ta' statistika ekonomika ta' minn joqgħod fuqha u l-bini fuq il-kapaċità istituzzjonali li tipproduċi u tippubblika data dwar l-istatistika bażika ma' standards Ewropej, b'mod partikolari fl-oqsma ta' kontijiet nazzjonali, statistika tax-xogħol u statistika tan-negozju.

    Politika settorjali

    Industrija u SME

    L-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta’ l-SME.

    L-iżgurar ta' l-implimentazzjoni tal-politika ta’ l-industrija.

    Il-bidu tat-tfassil u l-applikazzjoni ta' politika tar-riċerka integrata.

    Agrikoltura u Sajd

    L-implimentazzjoni ta' strateġija agrikola komprensiva fuq livell ta' l-Istat.

    Il-bidu ta' azzjoni fid-dawl ta’ l-identifikazzjoni tan-nagħaġ u l-mogħoż u r-reġistrazzjoni taċ-ċaqliq tagħhom.

    It-tħejjija ta' programm għall-aġġornament ta' stabbilimenti għall-ipproċessar ta’ l-ikel biex jissodisfaw il--ħtiġiet ta’ l-UE.

    Il-bidu ta' azzjonijiet bil-ħsieb li jiġi żgurat il-kontroll effiċjenti tal-produzzjoni tal-pjant domestiku partikolarment għal prodotti li għandhom ħtiġiet speċifiċi ta’ l-UE.

    Ambjent

    It-tkomplija tat-tisħiħ tal-kapaċità amminstrattiva ta’ l-istituzzjonijiet involuti fil-ħarsien ta’ l-ambjent, b'mod partikolari fuq livell ta' l-Istat, u l-iżgurar ta' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni diġà trasposta.

    L-iżgurar tal-fatt li teżisti sistema li taħdem għall-monitoraġġ ambjentali.

    Politika tat-trasport

    It-tkomplija tar-ristrutturar u l-liberalizzazzjoni tas-settur tal-ferroviji.

    L-iżgurar ta' l-approssimazzjoni progressiva ta' leġiżlazzjoni ma’ l-acquis tat-trasport, partikolarment fir-rigward ta' standards tekniċi u ta' sigurtà, standards soċjali u l-liberalizzazzjoni tas-suq.

    L-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Fehim tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali Prinċipali ta' l-Ewropa tax-Xlokk inkluż l-Osservatorju għat-Trasport.

    Enerġija

    L-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ l-Entitajiet għar-ristturazzjoni tas-settur ta’ l-enerġija.

    Il-konsolidazzjoni tar-Regolaturi ta’ l-Enerġija ta’ l-Istat u l-Entità.

    It-teħid ta' passi għall-kisba ta' progress konkret fir-rigward tas-settur tal-gass, inter alia permezz ta' l-iżvilupp ta' strateġija tal-gass, l-istabbiliment ta' operatur u regoloatur tas-sistema u l-iżvilupp tas-suq intern tal-gass.

    Soċjeta ta' l-informazzjoni u medja

    L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tax-xandir pubbliku u t-tkomplija tar-riforma strutturali tas-settur tax-xandir pubbliku.

    L-allinjament tal-leġiżlazzjoni għal qafas regolatorju ta’ l-UE għal komunikazzjonijiet u s-servizzi elettroniċi u l-iżgurar ta' l-implimentazzjoni tiegħu.

    L-allinjament mal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Trans-Konfini u d-Direttiva tat-televiżjoni mingħajr Fruntieri.

    Kontroll finanzjarju,

    L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ kontabilità maniġerjali deċentralizzata u verifika interna li taħdem b’mod indipendenti skond l-istandards aċċettati fuq livell internazzjonali u l-aqwa prattika ta’ l-UE.

    It-tisħiħ tal-kapaċità operattiva u indipendenza funzjonali kif ukoll finanzjarja ta’ l-Istituzzjoni Suprema tal-Verifika.

    L-iżvilupp ta' proċeduri u kapaċitajiet amministrattivi għall-iżgurar tal-protezzjoni effettiva ta’ l-interessi finanzjarji ta’ l-UE.

    Ġustizzja, libertà u sigurtà

    Il-viżi, il-kontroll fuq il-fruntieri, l-asil u l-migrazzjoni

    L-implimentazzjoni sħiħa ta' l-istrateġija ta’ Amministrazzjoni tal-Fruntieri Integrata u l-kisba ta' amministrazzjoni effettiva tal-fruntiera.

    L-assunzjoni ta' appartenenza sħiħa fir-rigward tal-funzjonament taċ-ċentri ta’ lqugħ.

    Money laundering

    L-iżgurar tat-titjib kontinwu tar-rekord ta’ infurzar fir-rigward tal-money laundering.

    Drogi

    L-iżgurar tal-fatt li l-korpi ta’ l-infurzar tal-liġi jkunu mgħammra b’mod xieraq biex jiġġieldu kontra t-traffikar tad-drogi u jtejbu ulterjarment il-kooperazzjoni fuq livell internazzjonali u bejn l-aġenziji; il-kisba ta' riżultati tanġibbli f’dan il-qasam.

    L-istabbiliment ta' Uffiċċju għan-Narkotiċi fuq livell ta' l-Istat.

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu

    L-iżgurar ta' l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri kollha inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-Kriminalità Organizzata.

    4.   PROGRAMMAR

    L-assistenza Komunitarja taħt il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ser tkun provduta taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti, b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja (1). Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma hu ser ikollha l-ebda implikazzjoni finanzjara. Il-Bosnja u Ħerzegovina jista' jkollha aċċess għal finanzjament minn programmi orizzontali mfassla għal diversi pajjiżi.

    5.   KONDIZZJONIJIET

    Assistenza Komunitarja taħt il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent tingħata jekk isir progress ulterjuri fis-sodisfazzjoni tal-kriterji ta’ Kopenħagen kif ukoll progress fis-sodisfazzjoni ta' prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija Ewropea. Li dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux rispettati jista' jwassal lill-Kunsill biex jieħu miżuri xierqa abbażi ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000. Assistenza Komunitarja se tkun soġġetta wkoll għall-kundizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ April 1997, u tal-21-22 ta’ Ġunju 1999 b’mod partikolari fir-rigward ta' l-impenn min-naħa ta' dawk li jirċevuha li jwettqu riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali.

    6.   MONITORAĠĠ

    L-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għandha tiġi eżaminata permezz tal-qafas tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, partikolarment ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1, Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, tat-27.12.2005, p. 23).


    Top