Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0082

    Id-Direttiva 2005/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Diċembru 2005 li tirrevoka d-Direttiva 90/544/KEE tal-Kunsill dwar il-meded ta’ frekwenza magħżula għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema terrestri pubblika pan-Ewropea ta’ paging bir-radju fil-Komunità Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 344, 27.12.2005, p. 38–39 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/82/oj

    27.12.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    38


    ID-DIRETTIVA 2005/82/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005

    li tirrevoka d-Direttiva 90/544/KEE tal-Kunsill dwar il-meded ta’ frekwenza magħżula għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema terrestri pubblika pan-Ewropea ta’ paging bir-radju fil-Komunità

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 90/544/KEE (4) kienet tesiġi li l-Istati Membri, sal-31 ta’ Diċembru 1992, fil-medda ta’ l-ispettru tar-radju bejn il-169,4 u l-169,8 MHz jagħżlu erba’ kanali għas-servizz terrestri pubbliku pan-Ewropew ta’ paging bir-radju (minn hawn ’il quddiem “ERMES”) u jħejju, malajr kemm jista’ jkun, pjani sabiex is-servizz terrestri pubbliku pan-Ewropew ta’ paging bir-radju jokkupa l-medda sħiħa ta’ bejn il-169,4 u l-169,8 MHz skond it-talba kummerċjali.

    (2)

    L-użu tal-medda ta’ l-ispettru bejn il-169,4 u l-169,8 MHz ta’ l-ERMES fil-Komunità naqas u saħansitra waqaf, u għalhekk din il-medda bħalissa mhix qed tintuża b’mod effiċjenti mill-ERMES u tista’ tintuża aħjar biex taqdi ħtiġijiet oħra tal-politika Komunitarja.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għal politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (5) stabbiliet qafas politiku u legali Komunitarju sabiex tiżgura l-koordinazzjoni ta’ strateġiji politiċi u, fejn xieraq, kondizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-medda ta’ l-ispettru meħtieġa għall-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern. Dik id-Deċiżjoni tippermetti li l-Kummissjoni tadotta miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet armonizzati għad-disponibbiltà u għall-użu effiċjenti tal-medda ta’ l-ispettru.

    (4)

    Billi l-medda bejn il-169,4 u l-169,8 MHz hija approprjata għal applikazzjonijiet li huma ta’ benefiċċju għal min għandu xi diżabilità jew xkiel ieħor, u billi l-promozzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn hija għan politiku għall-Komunità flimkien ma’ l-għan ġenerali li jiġi żgurat l-operat tas-suq intern, il-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju tat mandat lill-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (minn hawn ’il quddiem is-“CEPT”) sabiex teżamina, inter alia, l-applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-assistenza għal persuni b’diżabilità.

    (5)

    Skond il-mandat, is-CEPT ipproduċiet pjan ġdid għall-frekwenzi, u organizzat il-kanali b’tali mod li sitt tipi ta’ applikazzjonijiet ippreferuti jkunu jistgħu jaqsmu bejniethom il-medda sabiex jaqdu bosta ħtiġijiet tal-politika tal-Komunità.

    (6)

    Għal dawn ir-raġunijiet u bi qbil ma’ l-għanijiet tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, id-Direttiva 90/544/KEE għandha tiġi rrevokata,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 90/544/KEE hija permezz ta’ dan irrevokata b’effett minn 27 ta’ Diċembru 2005.

    Artikolu 2

    Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, nhar l-14 ta’ Diċembru 2005.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. CLARKE


    (1)  Opinjoni mogħtija fis-27 ta’ Ottubru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni mogħtija, wara konsultazzjoni mhux obbligatorja, fis-17 ta’ Novembru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005....

    (4)  ĠU L 310, tad-9.11.1990, p. 28.

    (5)  ĠU L 108, ta’ l-24.4.2002, p. 1.


    Top