Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0854

    Id-Deċiżjoni Nru 854/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 149, 11.6.2005, p. 1–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/854(1)/oj

    11.6.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    1


    ID-DEĊIŻJONI Nru 854/2005/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Mejju 2005

    li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Il-penetrazzjoni ta’ l-internet u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħat-telefown ċellulari għadhom qed jiżdiedu b’mod konsiderevoli fil-Komunità. Flimkien ma’ dan, qed jitfaċċaw perikli u abbużi b’dawn it-teknoloġiji, speċjalment għat-tfal. Sabiex jiġi mħeġġeġ l-isfruttament ta’ l-opportunitajiet li joffru l-internet u t-teknoloġiji online ġodda, hemm bżonn ta’ miżuri li jippromwovu l-użu aktar sigur tagħhom u jipproteġu lill-utent finali minn kontenut mhux mixtieq.

    (2)

    Il-“Pjan ta’ Azzjoni eEurope 2005”, li jiżviluppa l-istrateġija ta’ Liżbona, għandu l-għan li jistimola servizzi, applikazzjonijiet u kontenuti siguri bbażati fuq infrastruttura ta’ broadband disponibbli b’mod wiesgħa. Fost l-għanijiet tiegħu hemm infrastruttura ta’ informazzjoni sigura, l-iżvilupp, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta’ l-aħjar prattiċi, analiżi komparattiva u mekkaniżmu ta’ kordinazzjoni tal-linji politiċi għall-e-policies.

    (3)

    Il-qafas leġiżlattiv li qed jiġi stabbilit fuq livell Komunitarju sabiex jiffaċċja l-isfidi tal-kontenut diġitali fis-soċjetà ta’ l-Informatika fid-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi (3), jinkludi regoli dwar is-servizzi online, b’mod partikolari dawk dwar e-mails kummerċjali mhux mitluba u dwar aspetti importanti tar-responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji ta’ servizzi fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (4), u rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri, l-industrija u l-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni flimkien mal-linji gwida indikattivi dwar il-protezzjoni tal-minuri fir-Rakkomandazzjoni 98/560/KE (5).

    (4)

    Ser ikun hemm ħtieġa kontinwa għal azzjoni kemm fil-qasam tal-kontenut li hu potenzjalment dannuż għat-tfal jew mhux mixtieq mill-utent finali kif ukoll fil-qasam tal-kontenut illegali, b’mod partikolari l-pornografija tat-tfal u l-materjal razzist.

    (5)

    Li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar regoli bażiċi li jorbtu legalment huwa mixtieq, iżda dan mhux ser jintlaħaq faċilment. Anki jekk jintlaħaq tali ftehim, dan ma jkunx biżżejjed fih innifsu sabiex jiżgura li r-regoli jiġu implimentati jew li dawk f’riskju jkunu protetti.

    (6)

    Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet Aktar Sigur (1999-2004), adottat bid-Deċiżjoni Nru 276/1999/KE (6) ipprovda finanzjament mill-Komunità li ħeġġeġ b’suċċess varjetà ta’ inizjattivi u ta valur addizzjonali Ewropew. Aktar finanzjament ser jgħin inizjattivi ġodda biex jibnu fuq ix-xogħol li diġà twettaq.

    (7)

    Għadhom meħtieġa miżuri prattiċi li jħeġġu r-rappurtar ta’ kontenut illegali lil dawk li huma f’pożizzjoni li jieħdu azzjoni dwaru, li jħeġġu l-valutazzjoni tar-riżultati ta’ teknoloġiji ta’ filtrazzjoni u l-analiżi komparattiva ta’ dawk it-teknoloġiji, li jiġu mxerrda l-aħjar prattiċi għal kodiċi ta’ kondotta li jinkorporaw regoli ta’ mġieba li dwarhom hemm ftehim ġenerali, u li jinfurmaw u jedukaw lill-ġenituri u lit-tfal dwar l-aħjar mod sabiex jibbenefikaw b’mod sigur mill-potenzjal ta’ teknoloġiji online ġodda.

    (8)

    Azzjoni fuq il-livell ta’ l-Istati Membri, li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ atturi minn gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, operaturi ta’ networks, ġenituri, għalliema u amministraturi ta’ skejjel hija essenzjali. Il-Komunità tista’ tistimola l-aħjar prattika fl-Istati Membri billi twettaq rwol ta’ orjentament kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq livell internazzjonali u tipprovdi sostenn għal analiżi komparattiva, networking u riċerka applikata fuq livell Ewropew.

    (9)

    Il-koperazzjoni internazzjonali hija wkoll essenzjali u tista’ tiġi stimolata, ikkordinata, trażmessa u implimentata b’azzjoni permezz ta’ l-istrutturi ta’ networking Komunitarji.

    (10)

    Il-miżuri li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta skond is-setgħat implimentattivi mogħtija lilha minn din id-Deċiżjoni huma miżuri amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni ta’ programm b’implikazzjonijiet ta’ baġit sostanzjali fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (7). Dawk il-miżuri għandhom għaldaqstant jiġu adottati skond il-proċedura ta’ amministrazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċizjoni.

    (11)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija ma’ l-inizjattivi u l-programmi Komunitarji relatati, inkluż, inter alia, billi jittieħed kont tax-xogħol imwettaq minn korpi oħra.

    (12)

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fis-sens tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina u t-titjib tal-proċedura tal-baġit (8), u għall-awtorità tal-baġit matul il-proċedura annwali.

    (13)

    Peress li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, iġifieri l-promozzjoni ta’ l-użu aktar sigur ta’ l-internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda u sabiex jiġi miġġieled il-kontenut illegali u mhux mixtieq mill-utent finali, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-karattru transnazzjonali tal-kwistjonijiet involuti, jistgħu għalhekk, minħabba li l-iskala u l-effetti ta’ dimensjoni Ewropea ta’ l-azzjonijiet jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (14)

    Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

    IDDEĊIEDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Għan tal-Programm

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm Komunitarju għall-perjodu bejn l-2005 u l-2008 għall-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda, b’mod partikolari għat-tfal, u biex jiġu miġġielda l-kontenuti llegali jew mhux mixtieqa mill-utent finali.

    Il-programm għandu jkun magħruf bħala l-programm “Safer Internet Plus” (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Programm”).

    2.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Programm imsemmi fil-paragrafu 1, l-azzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu indirizzati:

    (a)

    il-ġlieda kontra l-kontenut illegali,

    (b)

    it-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż,

    (ċ)

    il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sigur,

    (d)

    sensibilizzazzjoni.

    L-attivitajiet li għandhom jiġu mwettqa taħt dawk l-azzjonijiet huma stabbiliti fl-Anness I.

    Il-Programm għandu jiġi implimentat skond l-Anness III.

    Artikolu 2

    Il-Parteċipazzjoni

    1.   Il-parteċipazzjoni fil-programm għandha tkun miftuħa għall-entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri.

    Il-parteċipazzjoni fil-programm hija miftuħa wkoll għal entitajiet legali stabbiliti fil-pajjiżi kanditati skond ftehimiet bilaterali eżistenti jew li ser jiġu konklużi ma’ dawk il-pajjiżi.

    2.   Il-parteċipazzjoni fil-programm tista’ tinfetaħ għal entitajiet legali stabbiliti fl-Istati ta’ l-EFTA, li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet tal-protokoll nru 31 għal dak il-ftehim.

    3.   Il-parteċipazzjoni fil-programm tista’ tinfetaħ, mingħajr appoġġ finanzjarju mill-Komunità taħt il-programm, għal entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi u għal organizzazzjonijiet internazzjonali, meta tali parteċipazzjoni tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-programm. Id-deċiżjoni li tippermetti tali parteċipazzjoni għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2).

    Artikolu 3

    Il-Kompetenzi tal-Kummissjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal programm ta’ ħidma abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.

    3.   Fl-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni għandha, b’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, tiżgura li b’mod ġenerali dan ikun konsistenti u kumplementari ma’ linji politiċi, programmi u azzjonijiet Komunitarji oħra rilevanti, b’mod partikolari l-programmi Komunitarji ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku u l-programmi Daphne II (9), Modinis (10) u eContentplus (11).

    4.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2) għall-finijiet ta’ dan li ġej:

    (a)

    l-adozzjoni u l-modifiki tal-programm ta’ ħidma;

    (b)

    it-tqassim ta’ l-ispiża tal-baġit;

    (ċ)

    id-determinazzjoni tal-kriterji u l-kontenut ta’ sejħiet għal proposti, skond l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1;

    (d)

    il-valutazzjoni tal-proġetti proposti wara sejħiet għal proposti għal finanzjament Komunitarju meta l-kontribut Komunitarju stmat ikun ekwivalenti għal, jew aktar minn, EUR 500 000;

    (e)

    kwalunkwe tbegħid mir-regoli stabbiliti fl-Anness III;

    (f)

    l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-valutazzjoni tal-programm.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 4 dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programm.

    Artikolu 4

    Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

    3.   Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    Artikolu 5

    Il-Monitoraġġ u l-Valutazzjoni

    1.   Sabiex tiżgura li l-għajnuna Komunitarja tintuża b’mod effiċjenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li azzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni huma soġġetti għal stima minn qabel, segwitu u valutazzjoni sussegwenti.

    2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ proġetti taħt dan il-program u tivvaluta l-mod kif ġew imwettqa l-proġetti u l-impatt ta’ l-implimentazzjoni tagħhom sabiex jiġi magħruf jekk intlaħqux l-għanijiet ewlenin.

    3.   Il-Kumissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(2) lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, sa mhux aktar tard min-nofs is-sena 2006. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-konsistenza ta’ l-ammont għall-2007-2008 mal-perspettiva finanzjarja. Jekk ikun applikabbli, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa fi ħdan il-proċeduri tal-baġit għall-2007-2008 sabiex tiżgura l-konsistenza ta’ l-approprjazzjonijiet annwali mal-perspettiva finanzjarja.

    Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta’ valutazzjoni finali fi tmiem il-programm.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-riżultati tal-klassifikazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa għall-emendar ta’ din id-Deċiżjoni. Ir-riżultati għandhom jintbagħtu qabel il-preżentazzjoni ta’ l-abbozz tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007 u 2009 rispettivament.

    Artikolu 6

    Id-Dispożizzjonijiet Finanzjarji

    1.   Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet Komunitarji skond din id-Deċiżjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008 hu b’dan stabbilit għal EUR 45 miljun, li minnhom EUR 20 050 000 huma għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    Għall-perjodu wara l-31 ta’ Diċembru 2006, l-ammont għandu jitqies li ġie kkonfermat jekk ikun konsistenti għal din il-fażi mal-perspettiva finanzjarja fis-seħħ għall-perjodu li jibda fl-2007.

    L-approprjazzjonijiet annwali għall-perijodu mill-2005 sa l-2008 għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

    2.   It-tqassim indikattiv ta’ l-ispiża huwa mogħti fl-Anness II.

    Artikolu 7

    Id-Dħul fis-Seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Strasburgu, nhar il-11 ta’ Mejju 2005.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. P. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. SCHMIT


    (1)  L-opinjoni tas-16 ta’ Diċembru 2004 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Diċembru 2004 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2005.

    (3)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 li tirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fil-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37).

    (4)  Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar certi aspetti legali tas-servizzi minn socjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerc elettroniku, fis-suq intern (ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1).

    (5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 98/560/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-iżvilupp tal-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u ta’ l-informazzjoni permezz tal-promozzjoni ta’ oqfsa nazzjonali bil-għan li jinkiseb livell ta’ protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem komparabbli u effettiv (ĠU L 270, tas-7.10.1998, p. 48).

    (6)  Deċiżjoni Nru 276/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 1999 li tadotta Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju Pluriennali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u tat-teknoloġiji online ġodda billi tikkumbatti l-kontenut illegali u ta’ ħsara primarjament fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal u tal-minuri (ĠU L 33, tas-6.2.1999, p. 1). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 12).

    (7)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    (8)  ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1. Ftehim kif emendat mid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 147, ta’ l-14.6.2003, p. 25).

    (9)  Deċiżjoni Nru 803/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tadotta programm ta’ azzjoni Komunitarja (mill-2004 sa l-2008) li jimpedixxi u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u jipproteġi l-vittmi u l-gruppi f’riskju (il-programm Daphne II) (ĠU L 143, tat-30.4.2004, p. 1).

    (10)  Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 li tadotta programm pluriennali (mill-2003 sa l-2005) għall-monitoraġġ tal-pjan ta’ azzjoni eEwropa 2005, it-tixrid ta’ prattiċi tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-networks u ta’ l-informazzjoni (MODINIS) (ĠU L 336, tat-23.12.2003, p. 1). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE.

    (11)  Deċiżjoni Nru 456/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-Komunità biex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir iżjed aċċessibbli u jkun jista’ jiġi wżat u sfruttat iktar (ĠU L 79, ta’ l-24.3.2005, p. 1).


    ANNESS I

    AZZJONIJIET

    1.   AZZJONI 1: IL-ĠLIEDA KONTRA L-KONTENUT ILLEGALI

    Il-hotlines jippermettu lill-membri tal-pubbliku jirrappurtaw kontenut illegali. Huma jgħaddu r-rapporti lill-korp xieraq (il-fornitur tas-servizz ta’ l-internet (ISP), il-pulizija jew hotline xierqa) sabiex tittieħed azzjoni. Il-hotlines ċivili jikkomplimentaw il-hotlines tal-pulizija, fejn jeżistu. L-irwol tagħhom hu differenti minn dak ta’ l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, peress li ma jinvestigawx reati, jarrestaw jew iħarrku lil min jikser il-liġi. Jistgħu jikkostitwixxu ċentri ta’ kompetenza li jipprovdu gwida lil fornituri tas-servizzi ta’ l-internet dwar liema kontenut jista’ jkun illegali.

    In-network ta’ hotlines eżistenti huwa struttura unika li ma kenitx tiġi stabbilita mingħajr il-finanzjament mill-Komunità. Kif indikat fil-rapport ta’ valutazzjoni ta’ l-2002 għall-Pjan ta’ Azzjoni Internet Aktar Sigur, in-network kellu suċċess kbir fiż-żieda ta’ membri u għandu medda internazzjonali. Sabiex il-hotlines jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, hu meħtieġ li jiġu żgurati kopertura u koperazzjoni fl-Ewropa kollha, u tiżdied l-effettività permezz ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u l-esperjenza. Fondi Komunitarji għandhom jiġu wżati wkoll biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-hotlines, biex dawn isiru aktar effettivi.

    Għajnuna finanzjarja għandha tiġi pprovduta lill-hotlines, magħżula wara sejħa għal proposti, sabiex iservu ta’ punti strateġiċi fin-network u jikkoperaw ma’ punti strateġiċi oħrajn fin-network tal-hotlines Ewropej.

    Jekk meħtieġ, linji telefoniċi ta’ għajnuna jistgħu jiġu appoġġjati, fejn permezz tagħhom it-tfal ikunu jistgħu jqajmu tħassib dwar kontenut illegali u dannuż fuq l-internet.

    Għall-fini tal-valutazzjoni ta’ l-effettività tal-hotlines, għandu jittieħed kont ta’ diversi indikaturi. Għandha tiġi miġbura data kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-hotlines, in-numru ta’ punti strateġiċi nazzjonali, il-kopertura ġeografika fl-Istati Membri, in-numru ta’ rapporti rċevuti, in-numru u l-livell ta’ esperjenza tal-persunal tal-hotlines, ir-rappori mibgħuta għal azzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri tas-servizzi ta’ l-internet u, fejn possibbli, dwar l-azzjoni meħuda bħala riżultat, b’mod partikolari n-numru u t-tip ta’ paġni ta’ l-internet irtirati mill- fornituri tas-servizzi ta’ l-internet bħala riżultat ta’ informazzjoni provduta mill-hotlines. Jekk ikun possibbli dik id-data għandha ssir pubblika u tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti.

    Sabiex jiġi żgurat li l-programm ikun effettiv, huma meħtieġa hotlines fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati kollha fejn bħalissa ma jeżistux. Dawn il-hotlines ġodda għandhom jiġu nkorporati malajr u b’mod effettiv fin-network Ewropew eżistenti, u jingħataw inċentivi biex jitħaffef il-proċess tat-twaqqif tagħhom. Kollegamenti bejn dan in-network u l-hotlines f’pajjiżi terzi (b’mod partikolari f’pajjiżi Ewropej oħra fejn il-kontenut illegali huwa ospitat u prodott) għandhom jiġu promossi, biex b’hekk jiġi permess li approċċi komuni jkunu żviluppati u li t-tagħrif u l-aħjar prattika jkunu trasferiti. Skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u fejn xieraq u meħtieġ, mekkaniżmi għall-koperazzjoni bejn il-hotlines ċivili u l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi għandhom jiġu mtejjba aktar, inkluż, per eżempju, l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta għal tali hotlines. Fejn xieraq, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li l-persunal tal-hotlines jiċievu taħriġ legali u tekniku. Il-parteċipazzjoni attiva tal-hotlines fin-networking u fl-attivitajiet trans-konfini tkun obbligatorja.

    Il-hotlines għandhom ikunu marbuta ma’ inizjattivi ta’ l-Istati Membri, appoġġjati fuq livell nazzjonali u għandhom ikunu finanzjarjament vijabbli sabiex jiġi żgurat li jib għu eżistenti wara li jintemm dan il-programm. Il-kofinanzjament huwa intiż għall-hotlines ċivili, u għalhekk mhux se ikun provdut għal hotlines amministrati mill-pulizija. Il-hotlines jagħmluha ċara lill-utenti d-differenza bejn l-attivitajiet tagħhom u dawk ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, u jinfurmawhom bl-eżistenza ta’ metodi alternativi għar-rappurtar ta’ kontenut illegali.

    Sabiex jintlaħaq il-livell massimu ta’ impatt u effettività bil-finanzjament disponibbli, in-network ta’ hotlines għandu jopera bl-aktar mod effiċenti possibbli. Dan jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod billi jiġi assenjat punt ta’ kordinazzjoni lin-network, li jiffaċilita l-ftehim bejn il-hotlines sabiex jiġu żviluppati linji gwida fuq livell Ewropew, metodi ta’ ħidma u prattiċi li jirrispettaw il-limiti tal-liġijiet nazzjonali li japplikaw għall-hotlines individwali.

    Il-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni se:

    jippromwovi n-network kollu, sabiex jiġġenera l-viżibbiltà tiegħu fuq livell Ewropew u jissensibilizza lill-pubbliku dwaru fl-Unjoni Ewropea, billi jipprovdi per eżempju identità u punt ta’ dħul wieħed li jagħtu aċċess faċli lill-kuntatt nazzjonali xieraq;

    jagħmel kuntatt mal-korpi xierqa bil-għan li tiġi kompluta l-kopertura tan-network fl-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati;

    itejjeb l-effiċenza operazzjonali tan-network;

    ifassal linji gwida għall-aħjar prattika għall-hotlines u jadattahom għal teknoloġija ġdida;

    jorganizza skambji regolari ta’ informazzjoni u esperjenza bejn il-hotlines;

    jipprovdi grupp ta’ esperti għall-konsulenza u għal proċess ta’ taħriġ għall-bidu tal-ħidma tal-hotlines, b’mod partikolari fil-pajjiżi kandidati;

    jiżgura kollegament ma’ hotlines f’pajjiżi terzi;

    iżomm relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib mal-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni (ara punt 4 hawn isfel) sabiex jiġu żgurati l-koeżjoni u l-effettività ta’ l-operazzjonijiet ġenerali tal-programm u tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-hotlines;

    jipparteċipa fil-Forum Internet Aktar Sigur u avvenimenti rilevanti oħrajn, filwaqt li jikkordina l-kontributi u l-osservazzjonijiet mil-hotlines.

    Il-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni għandu jagħmel monitoraġġ ta’ l-effikaċja tal-hotlines u jiġbor statistika preċiża u sinifikattiva dwar il-funzjonament tagħhom (numru u tip ta’ rapporti rċevuti, azzjoni meħuda u riżultat eċċ.). Dawn l-istatistiċi għandhom ikunu komparabbli għall-Istati Membri kollha.

    In-network tal-hotlines għandu jiżgura kopertura ta’ u l-iskambju ta’ rapporti dwar it-tipi ewlenin ta’ kontenut illegali li jqanqal tħassib — li jestendi lil hinn mill-qasam tal-pornografija tat-tfal. Jistgħu jkunu meħtieġa mekkaniżmi u kompetenzi differenti sabiex jiġu trattati oqsma oħra bħal kontenut razzist, li jistgħu jinvolvu tipi oħrajn ta’ punti strateġiċi li jittrattaw il-kwistjonijiet varji. Billi r-riżorsi finanzjarji u amministrattivi tal-Programm huma limitati, mhux dawn il-punti strateġiċi kollha neċessarjament jirċievu finanzjament, li jista’ jkollu jiġi kkonċentrat fuq rwol rinfurzat għall-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni f’dawk l-oqsma.

    2.   AZZJONI 2: IT-TRATTAMENT TA’ KONTENUTI MHUX MIXTIEQA U DANNUŻI

    Barra mill-azzjoni għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali fis-sors tiegħu, l-utenti — adulti responsabbli fejn l-utenti huma minuri — jistgħu jeħtieġu għodda tekniċi. L-aċċessibiltà għal dawn l-għodda tista’ tiġi promossa sabiex l-utenti ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar kif jittrattaw kontenut dannuż u mhux mixtieq (responsabilizzazzjoni ta’ l-utent).

    Għandu jiġi provdut aktar finanzjament sabiex tiżdied l-informazzjoni disponibbli dwar il-prestazzjoni u l-effettività ta’ software ta’ filtrazzjoni u servizzi sabiex l-utent ikun jista’ jagħmel għażla infurmata. L-organizzazzjonijiet ta’ l-utenti u l-istituti ta’ riċerka xjentifika jistgħu jkunu sħab prezzjużi f’dan l-isforz.

    Sistemi ta’ valutazzjoni u tikketti tal-kwalità, flimkien ma’ teknoloġiji ta’ filtrazzjoni, jistgħu jgħinu sabiex l-utenti jkunu jistgħu jagħżlu l-kontenut li jixtiequ jirċievu u jipprovdu lill-ġenituri u lill-edukaturi Ewropej bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jieħdu deċiżjonijiet skond il-valuri kulturali u lingwistiċi tagħhom. B’kunsiderazzjoni għar-riżultati tal-proġetti preċedenti, jista’ jingħata finanzjament għal proġetti li l-għan tagħhom hu li jadattaw is-sistemi ta’ valutazzjoni u t-tikketti tal-kwalità biex jittieħed kont tal-konverġenza tat-telekomunikazzjonijiet, tal-mijdja awdjoviżiva u tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni, u ta’ inizjattivi awtoregolatorji sabiex tiġi sostnuta l-affidabbiltà ta’ l-awto-tikkettatura u s-servizzi sabiex tiġi verifikata l-preċiżjoni tat-tikketti ta’ awto-valutazzjoni. Jista’ jkun meħtieġ ukoll aktar xogħol sabiex tiġi mħeġġa l-adozzjoni ta’ sistemi ta’ valutazzjoni u tikketti ta’ kwalità mill-fornituri tal-kontenut.

    Ikun mixtieq li wieħed jipprova jieħu kont ta’ l-użu sigur mit-tfal meta teknoloġiji ġodda jkunu qed jiġu żviluppati, minflok ma wieħed jipprova jittratta kwalunkwe konsegwenza tat-teknoloġiji l-ġodda wara li jkunu ġew imfassla. Is-sigurtà ta’ l-utent finali hija kriterju li jrid jiġi meqjus flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet tekniċi u kummerċjali. Mod kif dan jista’ jsir jkun li jiġi mħeġġeġ skambju ta’ opinjonijiet bejn l-ispeċjalisti fil-kura tat-tfal u l-esperti tekniċi. Madankollu, għandu jittieħed kont tal-fatt li mhux kull prodott żviluppat għad-dinja online huwa maħsub għall-użu mit-tfal.

    Il-programm, għalhekk, jipprovdi finanzjament għal miżuri teknoloġiċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ l-utenti u li jippermettulhom li jillimitaw l-ammont ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż, u li jamministraw l-ispemm mhux mixtieq, li jirċievu, inklużi:

    il-valutazzjoni ta’ l-effettività tat-teknoloġija ta’ filtrazzjoni disponibbli u l-provvediment ta’ din l-informazzjoni lill-pubbliku b’mod ċar u sempliċi li jiffaċilita l-paragun;

    it-tħaffif u l-kordinazzjoni ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ l-aħjar prattika dwar modi effettivi għat-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż;

    iż-żieda fl-adozzjoni ta’ sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-kontenut u tikketti tal-kwalità tas-siti minn fornituri tal-kontenut u l-addattament tal-klassifikazzjoni tal-kontenut u t-tikketti sabiex jittieħed kont tad-disponibbiltà ta’ l-istess kontenut permezz ta’ mekkaniżmi differenti ta’ trasmissjoni (konverġenza);

    jekk meħtieġ, kontribut għall-aċċessibiltà ta’ teknoloġiji ta’ filtrazzjoni notevolment f’lingwi mhux koperti b’mod adegwat mis-suq. Fejn xieraq, it-teknoloġiji wżati għandhom jissalvagwardjaw id-dritt għall-privatezza skond id-Direttivi 95/46/KE (1) u 2002/58/KE.

    L-użu ta’ miżuri teknoloġiċi li jsaħħu l-privatezza jiġu mħeġġa. Attivitajiet previsti f’din l-azzjoni jieħdu kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar attakki kontra sistemi ta’ informazzjoni (2).

    L-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni ser tkun ikkordinata mill-qrib m0a’ l-azzjonijiet għall-promozzjoni ta’ ambjent aktar sigur (azzjoni awtoregolatorja) u ta’ sensibilizzazzjoni (li jinfurmaw lill-pubbliku dwar mezzi għat-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż).

    3.   AZZJONI 3: PROMOZZJONI TA’ AMBJENT AKTAR SIGUR

    Sistema ta’ awto-regolazzjoni li tiffunzjona bis-sħiħ hija element essenzjali biex jiġi limitat il-fluss ta’ kontenut dannuż u illegali. L-awto-regolazzjoni tinvolvi numru ta’ komponenti: il-konsultazzjoni u r-rappreżentazzjoni xierqa tal-partijiet konċernati; kodiċi ta’ kondotta; korpi nazzjonali li jiffaċilitaw il-koperazzjoni fuq livell Komunitarju u l-valutazzjoni nazzjonali ta’ oqfsa awto-regolatorji (3). Hemm ħtieġa kontinwa għal ħidma Komunitarja f’dan il-qasam sabiex tħeġġeġ lill-Internet Ewropew u lill-industriji tat-teknoloġiji online il-ġodda biex jimplimentaw kodiċi ta’ kondotta.

    Il-Forum Internet Aktar Sigur żviluppat fl-2004 taħt il-Pjan ta’ Azzjoni Internet Aktar Sigur għandu jsir forum ta’ diskussjoni li jinkludi rappreżentanti ta’ l-industrija, awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, dawk responsabbli mit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u organizzazzjonijiet ta’ l-utenti (p.e. organizzazzjonijiet tal-ġenituri u ta’ l-għalliema, gruppi għall-protezzjoni tat-tfal, korpi għall-protezzjoni tal-konsumatur, organizzazzjonijiet għad-drittijiet ċivili u diġitali). Dan jipprovdi pjattaforma biex korpi nazzjonali ko-regolatorji jew awto-regolatorji jiskambjaw l-esperjenzau jipprovdi l-opportunità sabiex jiġu diskussi modi li bihom l-industrija tkun tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali.

    Il-Forum Internet Aktar Sigur jipprovdi punt fokali għal diskussjoni fuq livell ta’ esperti u pjattaforma biex jinkiseb kunsens, u jiġu fformulati konklużjonijiet, rakkomandazzjonijiet, linji gwida eċċ. għall-kanali nazzjonali u Ewropej rilevanti.

    Il-Forum Internet Aktar Sigur ikopri l-azzjonijiet kollha, jiffaċilita d-diskussjoni u jistimola azzjoni rilevanti għal kontenut illegali, mhux mixtieq u dannuż. Filwaqt li jkun jikkonsisti f’sessjonijiet plenarji u, fejn meħtieġ għal kwistjonijiet speċifiċi, fi gruppi ta’ ħidma b’għanijiet u skadenzi ċari, ikun post fejn jiltaqgħu l-atturi mill-oqsma kollha — inklużi aġenziji u programmi governattivi, korpi normattivi, industrija, servizzi fi ħdan il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet ta’ l-utenti (p.e. organizzazzjonijiet tal-ġenituri u ta’ l-għalliema, gruppi għall-protezzjoni tat-tfal, korpi għall-protezzjoni tal-konsumatur u organizzazzjonijiet għad-drittijiet ċivili u diġitali). Il-Forum jipprovdi opportunità għal persuni attivi fuq livell nazzjonali u Ewropew, speċjalment dawk involuti fi programmi u inizjattivi ta’ l-Istati Membri, biex jiskambjaw opinjonijiet, informazzjoni u esperjenzi. Fejn xieraq, il-Forum Internet Aktar Sigur għandu jiskambja l-informazzjoni u jikkopera ma’ organizzazzjonijiet rilevanti attivi f’oqsma relatati, bħas-sigurtà tan-networks u ta’ l-informazzjoni.

    Il-Forum Internet Aktar Sigur ikollu l-għanijiet speċifiċi li:

    1.

    Jistimola n-networking ta’ l-istrutturi approprjati fl-Istati Membri u jiżviluppa kuntatti ma’ korpi awto-regolatorji barra mill-Ewropa;

    2.

    Jistimola l-kunsens u l-awto-regolazzjoni fuq kwistjonijiet bħaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità ta’ siti web, il-klassifikazzjoni tal-kontenuti li jinsab fuq varjetà ta’ medja, tekniki ta’ klassifikazzjoni u ta’ filtrazzjoni u jestendihom għal forom ġodda ta’ kontenuti bħal logħob online u forom ġodda ta’ aċċess bħat-telefowni ċellulari;

    3.

    Iħeġġeġ il-fornituri tas-servizzi biex ifasslu kodiċi ta’ kondotta dwar kwistjonijiet bħat-trattament tal-proċeduri ta’ Notifika u Tneħħija b’mod trasparenti u kuxjenzjuż u jinforma lill-utenti dwar użu aktar sigur ta’ l-Internet u l-eżistenza ta’ hotlines biex jiġu rrappurtati kontenuti illegali;

    4.

    Jippromwovi r-riċerka dwar l-effikettività tal-proġetti ta’ valutazzjoni u tat-teknoloġiji ta’ filtrazzjoni. L-organizzazzjonijiet ta’ l-utenti u l-istituti ta’ riċerka xjentifika jistgħu jkunu sħab prezzjużi f’dan l-isforz.

    Ir-riżultati ta’ u s-sejbiet minn proġetti li għaddejjin u dawk lesti ko-finanzjati mill-Programm jidħlu fil-proċess. Billi jipprovdi pjattaforma miftuħa, il-Forum jgħin biex jiżdiedu l-livelli ta’ sensibilizzazzjoni u jattira l-involviment ta’ l-istati kandidati u pajjiżi terzi oħrajn, u dan jipprovdi arena internazzjonali sabiex tiġi indirizzata problema globali. Għandu, għalhekk, jiżgura li assoċjazzjonijiet prinċipali, bħal organizzazzjonijiet ta’ l-utenti (p.e. organizzazzjonijiet tal-ġenituri u ta’ l-għalliema, gruppi għall-protezzjoni tat-tfal, korpi għall-protezzjoni tal-konsumatur u organizzazzjonijiet għad-drittijiet ċivili u diġitali) industriji u korpi pubbliċi huma konxji ta’, jiġu konsultati dwar u jikkontribwixxu għal inizjattivi għal użu aktar sigur fil-Komunità u fuq livell internazzjonali.

    Parteċipazzjoni fil-Forum Internet Aktar Sigur se tkun miftuħa għal partijiet interessati minn barra l-Komunità u l-pajjiżi kandidati. Il-koperazzjoni internazzjonali tissaħħaħ permezz ta’ round table marbuta mal-Forum sabiex jiġi żgurat djalogu regolari dwar l-aħjar prattika, il-kodiċi ta’ kondotta, l-awto-regolazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-kwalità. Il-Kummissjoni tiżgura li sinerġiji ma’ fora relatati u inizjattivi simili jkunu sfruttati bis-sħiħ.

    Tista’ tiġi organizzata sejħa għal offerti sabiex jiġi provdut segretarjat għas-sostenn tal-Forum Internet Aktar Sigur inklużi esperti fil-qasam tas-suġġett biex jissuġġerixxu temi għal studju, iħejju dokumenti ta’ ħidma, jimmoderaw diskussjonijiet u jirreġistraw konklużjonijiet.

    Tip ieħor ta’ attività li tattira l-appoġġ finanzjarju fuq livell “Komunitarju jista” per eżempju jinkludi proġetti awto-regolatorji sabiex ifasslu kodiċi ta’ kondotta trans-fruntiera. Tista’ tiġi provduta konsulenza u assistenza sabiex tiġi żgurata l-koperazzjoni fuq livell Komunitarju permezz ta’ networking tal-korpi approprjati fl-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati u permezz ta’ reviżjoni sistematika u rappurtar ta’ kwistjonijiet legali u regolatorji rilevanti, sabiex jgħinu biex jiġu żviluppati metodi ta’ valutazzjoni u ċertifikazzjoni ta’ l-awto-regolazzjoni, sabiex tiġi provduta assistenza prattika lill-pajjiżi li jixtiequ jistabbilixxu korpi awto-regolatorji u biex iżidu l-kuntatti ma’ korpi awto-regolatorji barra mill-Ewropa.

    4.   AZZJONI 4: SENSIBILIZZAZZJONI

    Azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni għandhom jindirizzaw sensiela ta’ kategoriji ta’ kontenut illegali, mhux mixtieq u dannuż (inkluż p.e. kontenut meqjus mhux tajjeb għat-tfal, u kontenut razzist u ksenofobiku) u, fejn xieraq, jieħdu kont ta’ kwistjonijiet relatati fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà ta’ l-informazzjoni u n-networks (viruses/spam). Għandhom jittrattaw il-kontenut distribwit fil-World Wide Web kif ukoll forom ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni interattivi li saru possibbli permezz tal-firxa mgħaġġla ta’ l-Internet u t-telefownija ċellulari (p.e. servizzi peer-to-peer, video fuq broadband, messaġġi istantaneji, chat-rooms, eċċ.).

    Il-Kummissjoni ser tkompli tieħu passi sabiex tħeġġeġ mezzi ta’ distribuzzjoni ta’ informazzjoni ekonomikament effettivi lil numru kbir ta’ utenti, b’mod partikolari bl-użu ta’ organizzazzjonijiet “multiplikaturi” u kanali ta’ disseminizzazzjoni elettronika sabiex jintlaħqu l-gruppi ta’ mira maħsuba. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra b’mod partikolari l-użu tal-medja tal-massa u d-distribuzzjoni ta’ materjal informattiv lil skejjel u lil Internet Cafés.

    Il-Programm jipprovdi appoġġ lil korpi xierqa li jiġu magħżula wara sejħa pubblika għal proposti sabiex jaġixxu ta’ punti ta’ sensibilizzazzjoni f’kull Stat Membru u pajjiż kandidat u li jwettqu azzjonijiet u programmi ta’ sensibilizzazzjoni f’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-atturi rilevanti kollha fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Valur miżjud Ewropew jiġi provdut minn punt strateġiku ta’ kordinazzjoni li ser jikkollabora mill-qrib ma’ punti strateġiċi oħra sabiex jiġi żgurat li l-aħjar prattika tiġi skambjata.

    Korpi li jfittxu li jaġixxu ta’ punti strateġiċi ta’ sensibilizzazzjoni jkunu jridu juru li għandhom is-sostenn qawwi ta’ l-awtoritajiet nazzjonali. Għandu jkollhom mandat ċar biex jedukaw lill-pubbliku dwar l-użu aktar sigur ta’ l-Internet u teknoloġiji online ġodda jew biex iħarrġuh dwar il-medja u l-informazzjoni, u għandu jkollhom ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex dak il-mandat jiġi implimentat.

    Il-punti strateġiċi ta’ sensibilizzazzjoni jkunu mistennija li:

    joħolqu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni koeżiva, ta’ impatt qawwi u mmirata bl-użu tal-medja l-aktar xierqa, b’kont meħud ta’ l-aħjar prattika u l-esperjenza f’pajjiżi oħra;

    jistabbilixxu u jżommu sħubija (formali jew informali) ma’ l-atturi prinċipali (aġenziji tal-gvern, gruppi ta’ l-istampa u tal-medja, assoċjazzjonijiet ta’ l-ISP, organizzazzjonijiet ta’ l-utenti, partijiet interessati fil-qasam ta’ l-edukazzjoni) u azzjonijiet f’pajjiżhom relatati ma’ użu aktar sigur ta’ l-Internet u teknoloġiji online ġodda;

    jippromwovu d-djalogu u l-iskambju ta’ informazzjoni b’mod partikolari bejn partijiet interessati mill-oqsma ta’ l-edukazzjoni u tat-teknoloġija;

    fejn xieraq, jikkoperaw f’xogħol f’oqsma relatati ma’ dan il-Programm, bħal fl-oqsma usa tal-medja u tat-taħriġ dwar il-medja u l-informazzjoni jew il-protezzjoni tal-konsumatur;

    jinfurmaw lill-utenti dwar software ta’ filtrazzjoni u servizzi Ewropej u dwar hotlines u skemi ta’ awto-regolazzjoni;

    jikkoperaw b’mod attiv ma’ punti strateġiċi nazzjonali oħrajn fin-network Ewropew billi jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, jipparteċipaw f’laqgħat u jiddisinjaw u jimplimentaw approċċ Ewropew, adattat kif meħtieġ għall-preferenzi lingwistiċi u kulturali nazzjonali;

    jipprovdu grupp ta’ esperti u assistenza teknika għal punti strateġiċi ta’ sensibilizzazzjoni li jkunu għadhom qed jibdew (punti strateġiċi ġodda jistgħu jiġu “adottati” minn punt strateġiku b’aktar esperjenza).

    Sabiex jiġu żgurati koperazzjoni u effettività massimi, il-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni għandu jiġi ffinanzjat sabiex jipprovdi sostenn loġistiku u ta’ infrastruttura għal punti strateġiċi f’kull Stat Membru, u b’hekk tiġi żgurata viżibbiltà fuq livell Ewropew, komunikazzjoni tajba u skambju ta’ esperjenzi sabiex il-lezzjonijiet meħuda jkunu jistgħu jiġu applikati fuq bażi kontinwa (per eżempju billi jiġi adattat materjal użat biex jissensibilizzalill-pubbliku).

    Il-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni għandu:

    jipprovdi komunikazzjoni effettiva u jiżgura li informazzjoni u l-aħjar prattika jkunu skambjati fi ħdan in-network;

    jipprovdi taħriġ fl-użu aktar sigur ta’ l-Internet u t-teknoloġiji online il-ġodda għall-persunal tal-punt strateġiku ta’ sensibilizzazzjoni (taħriġ għal min iħarreġ);

    jipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi kandidati li jixtiequ jistabbilixxu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni;

    jikkordina l-forniment ta’ kompetenza u assistenza teknika mill-punti ta’ sensibilizzazzjoni għall-punti strateġiċi ta’ sensibilizzazzjoni li jkunu għadhom qed jibdew;

    jipproponi indikaturi u jamministra l-ġbir, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni statistika dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jiġi valutat l-impatt tagħhom;

    jipprovdi infrastruttura għal repositorju trans-nazzjonali (web portal) uniku u komprensiv ta’ l-informazzjoni u r-riżorsi ta’ sensibilizzazzjoni u dawk ta’ riċerka b’kontenut lokalizzat (jew sotto-siti lokali skond kif xieraq) li jkunu rilevanti, li jistgħu jinkludu siltiet minn aħbarijiet, artikli u fuljetti ta’ aħbarijiet li joħorġu kull xahar f’bosta lingwi u jipprovdi viżibbiltà lill-attivitajiet tal-Forum Internet Aktar Sigur;

    jespandi r-rabtiet ma’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni barra mill-Ewropa;

    jipparteċipa fil-Forum Internet Aktar Sigur u avvenimenti rilevanti oħra, filwaqt li jikkordina l-kontributi u l-feedback minn networks ta’ sensibilizzazzjoni.

    Għandha titwettaq ukoll riċerka fuq bażi komparabbli dwar il-mod kif il-persuni, speċjalment it-tfal, jużaw it-teknoloġiji online il-ġodda. Aktar azzjoni fuq livell Komunitarju tista’ per eżempju tinkludi appoġġ għal servizzi ta’ l-Internet tajbin għat-tfal jew l-għoti ta’ premju għall-aħjar attività ta’ sensibilizzazzjoni tas-sena.


    (1)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31). Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

    (2)  ĠU L 69, tas-16.3.2005, p.67.

    (3)  Ara l-linji gwida indikattivi għall-implimentazzjoni, fuq livell nazzjonali, ta’ qafas ta’ awto-regolazzjoni għall-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem fis-servizzi awdjoviżivi u ta’ informazzjoni on-line fir-Rakkomandazzjoni 98/560/KE.


    ANNESS II

    ANALIŻI INDIKATTIVA TA’ L-ISPIŻA

    1)

    Il-ġlieda kontra l-kontenuti illegali

    25-30 %

    2)

    It-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż

    10-17 %

    3)

    Il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sigur

    8-12 %

    4)

    Is-sensibilizzazzjoni

    47-51 %


    ANNESS III

    IL-MEZZI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM

    1.

    Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skond il-kontenut tekniku speċifikat fl-Anness I.

    2.

    Il-Programm għandu jiġi mwettaq permezz ta’ azzjoni indiretta li tinkludi:

    (a)

    azzjonijiet bi spejjeż maqsuma

    (i)

    Proġetti pilota u azzjonijiet ta’ l-aħjar prattika. Proġetti ad-hoc f’oqsma rilevanti għall-Programm, inklużi proġetti li juru l-aħjar prattika jew li jinvolvu użi innovattivi ta’ teknoloġija eżistenti.

    (ii)

    Networks: networks li jlaqqgħu flimkien varjetà ta’ partijiet interessati sabiex tiġi żgurata azzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha u sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ kordinazzjoni u t-trasferiment ta’ l-għarfien. Dawn jistgħu jiġu marbuta ma’ azzjonijiet ta’ l-aħjar prattika.

    (iii)

    Riċerka applikata madwar l-Ewropa kollha mwettqa fuq bażi komparabbli dwar il-mod kif in-nies, speċjalment it-tfal, jużaw it-teknoloġiji online il-ġodda.

    Il-finanzjament Komunitarju normalment ma’ jaqbiżx 50 % ta’ l-ispiża tal-proġett. Korpi tas-settur pubbliku jistgħu jiġu rimborsati abbażi ta’ 100 % ta’ l-ispejjeż addizzjonali.

    (b)

    miżuri ta’ akkumpanjament

    Il-miżuri ta’ akkumpanjament li ġejjin jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Programm jew għall-preparazzjoni ta’ attivitajiet futuri:

    (i)

    analiżi komparattiva u stħarriġ ta’ opinjoni sabiex tiġi prodotta data affidabbli dwar l-użu aktar sigur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda għall-Istati Membri kollha miġbura permezz ta’ metodoloġija komparabbli;

    (ii)

    valutazzjoni teknika ta’ teknoloġiji bħal filtrazzjoni ddisinnjata għall-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda. Il-valutazzjoni tieħu kont ukoll ta’ jekk dawn it-teknoloġiji jsaħħux il-privatezza jew le;

    (iii)

    studji li jsostnu l-Programm u l-azzjonijiet tiegħu, inklużi l-awto-regolazzjoni u x-xogħol tal-Forum Internet Aktar Sigur, jew il-preparazzjoni ta’ attivitajiet futuri;

    (iv)

    kompetizzjonijiet bi premji għall-aħjar prattika;

    (v)

    skambju ta’ informazzjoni, konferenzi, seminars, workshops jew laqgħat oħra u l-amministrazzjoni ta’ attivitajiet raggruppati;

    (vi)

    attivitajiet ta’ disseminazzjoni, informazzjoni u komunikazzjoni.

    Il-miżuri dedikati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, proċessi jew servizzi, għal attivitajiet ta’ marketing u għall-promozzjoni ta’ bejgħ huma esklużi.

    3.

    L-għażla ta’ azzjonijiet bi spejjeż maqsuma tkun ibbażata fuq sejħiet għal proposti ppublikati fis-sit ta’ l-Internet tal-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet finanzjarji fis-seħħ.

    4.

    Applikazzjonijiet għal appoġġ Komunitarju għandhom jinkludu, fejn xieraq, pjan finanzjarju li jsemmi l-komponenti kollha tal-finanzjament tal-proġetti, inkluż l-appoġġ finanzjarju mitlub mill-Komunità, u kwalunkwe talba oħra għal jew għotjiet ta’ appoġġ minn sorsi oħra.

    5.

    Il-miżuri ta’ akkumpanjament jiġu mplimentati permezz ta’ sejħiet għal offerti skond id-dispożizzjonijiet finanzjarji fis-seħħ.


    Top