Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0317

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta' April 2005 dwar miżuri ta' emerġenza fir-rigward ta' l-organiżmu ġenetikament immodifikat Bt10 , li mhuwiex awtorizzat fil-prodotti tal-qamħirrum (innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1257) Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 101, 21.4.2005, p. 14–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 272M, 18.10.2005, p. 274–276 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2007; Imħassar b' 32007D0157

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/317/oj

    18.10.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    274


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta' April 2005

    dwar miżuri ta' emerġenza fir-rigward ta' l-organiżmu ġenetikament immodifikat “Bt10”, li mhuwiex awtorizzat fil-prodotti tal-qamħirrum

    (innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1257)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2005/317/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel u li jistipula proċeduri fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 53(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikoli 4(2) u 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (2) dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament immodifikat (GM) jipprevedu li l-ebda ikel u l-għalf ġenetikament immodifikat m'għandu jitqiegħed fi-suq Komunitarju sakemm ma jkunx kopert minn awtorizzazzjoni mogħtija fi qbil ma' dan ir-Regolament. L-Artikoli 4(3) u 16(3) ta' l-istess Regolament jistipulaw illi l-ebda ikel jew għalf ĠM m'għandu jkun awtorizzat sakemm ma jkunx intwera biżżejjed u b'mod xieraq li m'għandux effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew l-ambjent, li ma jqarraqx il-konsumatur jew l-utent, u li m'huwiex differenti mill-ikel jew l-għalf li maħsub biex jissostitwih sal-punt li l-konsum normali tiegħu jista' jkun ta' żvantaġġ għall-bnedmin u l-annimali.

    (2)

    Fit-22 ta' Marzu 2005, l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika (l-awtoritajiet ta' l-Istati Unit) għarrfu lill-Kummissjoni li l-prodotti tal-qamħirrum ikkontaminati bil-qamħirrum ġenetikament immodifikat msejjaħ “Bt10” (il-prodotti kkontaminati), li ma kinux awtorizzati għat-tqegħid fis-suq tal-Komunità, x'aktarx kienu esportati lejn il-Komunità mill-2001 u se jkomplu jkunu esportati fl-2005. Barra minn hekk, dawn l-awtoritajiet għarrfu lill-Kummissjoni li dawk il-prodotti lanqas ma kienu awtorizzati għat-tqegħid fis-suq fl-Istati Uniti ta' l-Amerika.

    (3)

    Bla ħsara għall-obbligi ta' kontroll ta' l-Istati Membri, il-miżuri li jridu jiġu adottati fid-dawl ta' l-importazzjoni probabbli tal-prodotti kkontaminati għandom ikunu soġġetti għal metodu komprensiv u komuni li jippermetti li tittieħed azzjoni rapida u effetiva u li jkunu evitati differenzi bejn l-Istati Membri fit-trattament tas-sitwazzjoni.

    (4)

    L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jadotta miżuri ta' emerġenza Komunitarji xierqa għall-ikel u l-għalf importat minn pajjiż terz sabiex iħares is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew l-ambjent, f'każi fejn ir-riskju ma jkunx jista' jitliġġem b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri meħuda mill-Istati Membri kkonċernati.

    (5)

    Minkejja li l-kontaminazzjoni tal-prodotti ġie rrapurtat minn Syngenta, li hija l-kumpanija li żviluppat il-qamħirrum ġenetikament immodifikat “Bt10”, lill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti f'Diċembru 2004, la Syngenta u lanqas l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti ma pprovdew data li tippermetti valutazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel (l-Awtorità) skond l-istandards stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Skond l-Awtorità (3), fin-nuqqas ta' dan it-tagħrif, is-sigurtà tal-“Bt10” għad trid tiġi kkonfermata.

    (6)

    Fid-dawl tan-nuqqas ta' biżżejjed data li tippermetti valutazzjoni dwar is-sigurtà tal-qamħirrum ġenetikament immodifikat “Bt10” sabiex jinkiseb il-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa magħżul mill-Komunità, u tal-preżunzjoni tar-riskju fuq prodotti mhux awtorizzati skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li jqis il-prinċipju prekawzjonarju stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, jixraq li jittieħdu miżuri ta' emerġenza sabiex ma jitqegħedux dawn il-prodotti kkontaminati fis-suq Komunitarju.

    (7)

    Skond il-ħtiġijiet ġenerali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-operaturi kummerċjali fl-oqsma ta' l-ikel u ta' l-għalf għandhom responsabbiltà legali primarja li jaraw li l-ikel jew l-għalf fi ħdan in-negozju tagħhom iwettaq il-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel u li jivverifikaw li dawn il-livelli meħtieġa qed jintlaħqu. Għalhekk, irid ikun dmir l-operatur responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq li jiġi ppruvat li l-prodotti kkontaminati ma tqegħdux fis-suq. Għal dan il-għan, il-miżuri ta' emerġenza għandhom jeħtieġu li konsenji ta' prodotti speċifiċi li joriġinaw mill-Istati Uniti ta' l-Amerika jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jiġi pprovdut rapport analitiku li juri li l-prodotti mhumiex ikkontaminati minn qamħirrum ġenetikament immodifikat “Bt 10”. Ir-rapport analitiku jrid jinħareġ minn laboratorju akkreditat skond standards magħrufa internazzjonalment.

    (8)

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli, kull ikel jew għalf ġenetikament immodifikat mqiegħed fis-suq għandu jkun soġġett għal metodu validat ta' lokalizzazzjoni. Syngenta ntalbet tipprovdi l-metodu li tuża biex tillokalizza speċifikament għall-ġrajja il-qamħirrum ġenetikament immdofikat “Bt 10” kif ukoll il-kampjuni ta' kontroll. Minħabba dan, il-laboratorju ta' referenza tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (is-CRL) ntalab jivvalida l-metodu ta' lokalizzazzjoni għal dan il-prodott fuq il-bażi tad-data pprovduta minn Syngenta. Dan il-metodu ta' lokalizzazzjoni huma disponibbli minn Syngenta u jista' jinstab ukoll fuq http://gmo-crl.jrc.it

    (9)

    Meta jitqies li l-miżuri previsti f'din id-deċiżjoni jridu jkunu proporzjonati u ma jirrestrinġux il-kummerċ aktar milli meħtieġ, għandhom ikunu koperti biss il-prodotti meqjusa bħala dawk li għandhom mnejn ikunu kkontaminati bil-qamħirrum ġenetikament immodifikat Bt 10. Skond it-tagħrif li rċevew l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti, la l-ħbub tal-qamħirrum ġenetikament immodfikati u lanqas il-prodotti derivati minnu m'huma importati mill-Istati Uniti ta' l-Amerika lejn il-Komunità, bl-eċċezzjoni ta' l-għalf magħmul mill-glutina tal-qamħ u brewers grains użati għall-għalf. B'dan il-mod, għandhom japplikaw għalihom il-miżuri msemmija għall-prodotti ta' l-aħħar. .

    (10)

    Minkejja t-talbiet li saru mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti ma kinux f'qagħda li jipprovdu xi garanzija dwar in-nuqqas tal “Bt10” fil-għalf magħmul mill-glutina tal-qamħ jew mill-brewers grains li fihom jew li huma prodotti minn organiżmi ġenetikament immodifikati, li huma importati lejn il-Komunità, u dan waqt li jitqies in-nuqqas ta' miżuri ta' traċċabbiltà jew segregazzjoni fl-Istati Uniti ta' l-Amerka għal dawn il-prodotti.

    (11)

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti ta' l-ikel, skond it-tagħrif li għamlet disponibbli l-Kummissjoni, l-ebda qamħirrum ġenetikament immodifikat mill-Istati Uniti ta' l-Amerika m'huwa użat fil-produzzjoni ta' l-ikel fil-Komunità. L-Istati Membri għandhom madankollu jissorveljaw għall-preżenza fis-suq ta' prodotti ta' l-ikel magħmula mill-qamħirrum ġenetikament immodifikat u jekk dawn kinux ikkontaminati mill-“Bt10”. Fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tqis il-ħtieġa ta' kull miżura xierqa.

    (12)

    Dawn il-miżuri għandhom jiġu evalwati wara 6 xhur sabiex wieħed jara jekk għadhomx meħtieġa.

    (13)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għas-Saħħa tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Firxa ta' l-applikazzjoni

    Id-Deċiżjoni tapplika għall-prodotti li joriġinawmill-Istati Uniti ta' l-Amerika.

    għalf magħmul mill-glutin tal-qamħ li fih jew huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament immodifikat fi ħdan il-kodiċi NM 2309 90 20;

    brewers grains li fihom jew huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament immodifikat fi ħdan il-kodiċi NM 2303 30 00.

    Artikolu 2

    Kundizzjonijiet għall-ewwel tqegħid fis-suq

    1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 biss meta rapport analitiku orġinali bbażat fuq metodu xieraq u vvalidat għall-identifikazzjoni speċifika għaċ-ċirkostanzi tal-qamħirrum ġenetikament immodifikat “Bt10” u li jasal flimkien mal-konsenja u li jkun maħruġ minn laboratorju akkreditat jkun juri li l-prodott ma fihx qamħirrum “Bt10” jew għalf prodott mill-qamħirrum “Bt 10”:

    Jekk konsenja ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tinqasam, kopja ċċertifikata tar-rapport analitiku previst fl-ewwel paragrafu ser takkumpanja kull parti tal-konsenja maqsuma

    2.   Fin-nuqqas ta' rapport analitiku bħal dan, l-operatur stabbilit fil-Komunità li huwa responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodott għandu jittestja l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 sabiex jintwera li ma fihomx qamħirrum “Bt10” jew għalf prodott mill-qamħirrum “Bt10”. Sakemm isir disponibbli r-rapport analitiku, il-konsenja m'għandhiexx titqiegħed fis-suq tal-Komunità.

    3.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bir-riżultati pożittivi (mhux favorevoli) permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-ikel u l-għalf.

    Artikolu 3

    Miżuri oħra ta' kontroll

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, fosthom il-kampjunar każwali u l-analiżi fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li diġà qegħdin fis-suq sabiex jiġi vverifikat in-nuqqas tal-qamħirrum “Bt10” jew l-għalf prodott mill-qamħirrum “Bt10” Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bir-riżultati pożittivi (mhux favorevoli) permezz tas-Sistema Rapida ta' Twissija għall-ikel u l-għalf.

    Artikolu 4

    Konsenji kkontaminati

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li jinstab li jkun fihom qamħirrum “BT10” jew għalf prdott mill-qamħirrum “Bt10” ma jitqiegħdux fis-suq.

    Artikolu 5

    L-irkupru ta' l-ispejjeż

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 2 u 4 mill-operaturi responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq.

    Artikolu 6

    Ir-reviżjoni tal-miżura

    Din id-Deċiżjoni se tiġi rreveduta sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2005

    Artikolu 7

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, fit-18 ta' April 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 31, ta' l-1.2.2002, p. 1. Regolament emendet bir-Regolament (KE) Nru 1642/2003 (ĠU L 245, tad-29.9.2003, p. 4).

    (2)  ĠU L 208, tat-18.10.2003, p.1

    (3)  Stqarrija ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel maħruġa fit-12 ta' April 2005.


    Top