This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32004E0569
2004/569/CFSP: Council Joint Action 2004/569/CFSP of 12 July 2004 on the mandate of the European Union Special Representative in Bosnia and Herzegovina and repealing Council Joint Action 2002/211/CFSP
l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/569/PESK tat- 12 ta' Lulju 2004 dwar il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-Boznja u Ħerzegovina u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2002/211/PESK
l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/569/PESK tat- 12 ta' Lulju 2004 dwar il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-Boznja u Ħerzegovina u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2002/211/PESK
ĠU L 252, 28.7.2004, p. 7–9
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 159–161
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 31/01/2006
30.5.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
159 |
L-AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/569/PESK
tat-12 ta' Lulju 2004
dwar il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-Boznja u Ħerzegovina u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2002/211/PESK
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-11 ta' Marzu 2002 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/211/PESK li ħatret lil Lord Ashdown bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE fil-Bosnja u Ħerzegovina (1) u l-Azzjoni Konġunta 2002/210/PESK li stabbiliet il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat is-segwitu tat-Taskforce Internazzjonali tal-Pulizija tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) mill-1 ta' Jannar 2003 (2). |
(2) |
Fis-17-18 ta' Ġunju 2004 il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrategija Ewropea ta' Sigurtà: Politika Komprensiva għall-Bosnja u Ħerzegovina, li ssejjaħ inter alia għal konnessjonijiet espliċiti mar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) safejn ikunu konċernati strumenti tal-PESK/PESD fil-Bosnja u Ħerzegovina sabiex l-EUSR ikun jista' jgħin lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) fl-assigurazzjoni ta' koerenza massima ta' l-isforz ta' l-UE. |
(3) |
Fit-12 ta' Lulju 2004 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/570/PESK dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina (3) li tindika rwol speċifiku għall-EUSR. Il-mandat tiegħu għandu jiġi hekk modifikat u l-Azzjoni Konġunta 2002/211/PESK għandha tiġi mħassra. |
(4) |
L-EUSR għandu jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tmur lura u li tista' tagħmel ħsara lill-għanijiet tal-PESK kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
(5) |
Fis-17 ta' Novembru 2003 il-Kunsill adotta Linji Gwida dwar il-ħatra, il-mandat u l-iffinanzjar ta' l-EUSR, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Lord Ashdown għandu jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) fil-Bosnja u Herzegovina (BiH), skond il-mandat hawn stabbilit.
Artikolu 2
Il-mandat ta' l-EUSR għandu jkun ibbażat fuq l-għanijiet tal-politika ta' l-UE fil-BiH. Dawn jikkonċernaw l-iżjed il-progress sostnut fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi fil-Bosnja u Herzegovina, skond il-Pjan għall-Implimentazzjoni tal-Missjoni ta' l-Uffiċju tar-Rappreżentant Għoli, u fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bil-għan ta' BiH stabbli, vijabbli, paċifika u multietnika, li tikkopera paċifikament mal-ġirien tagħha u li b'mod irriversibbli tkun fuq it-triq ta' sħubija sħiħa ma' l-UE.
Artikolu 3
Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta' l-UE fil-BiH, il-mandat tal-EUSR għandu jkun li:
(a) |
joffri l-pariri u l-faċilitazzjoni ta' l-UE fil-proċess politiku; |
(b) |
jippromwovi l-koordinazzjoni ġenerali tal-politika ta' l-UE fil-BiH, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Komunità; |
(ċ) |
jipprovdi parir politiku lokali lill-Kmandant ta' l-EUFOR, inkluż fejn għandu x'jaqsam mal-kapaċità tat-tip ta' Unita ta' Pulizija Integrata, li minnha hu jista' jieħu, bi ftehim mal-Kmandant ta' l-EUFOR, mingħajr preġudizzju għall-linja ta' kmand; |
(d) |
jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kordinazzjoni u l-koerenza interna ta' l-UE fil-BiH, inkluż permezz ta' laqgħat informattivi lill-Kapijiet tal-Missjoni ta' l-UE u permezz ta' parteċipazzjoni jew rappreżentazzjoni fil-laqgħat regolari tagħhom, billi jippresjedi grupp ta' koordinazzjoni kompost mill-atturi kollha ta' l-UE preżenti fuq il-post bil-għan tal-koordinazzjoni ta' l-aspetti implimentattivi ta' l-azzjoni ta' l-UE, u billi jipprovdilhom gwida dwar relazzjonijiet ma' l-awtoritajiet tal-BiH; |
(e) |
jiżgura konsistenza u koerenza lejn il-pubbliku, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Komunità. Il-kelliem għall-EUSR ikun il-punt ta' kuntatt prinċipali ta' l-UE għall-medja tal- BiH dwar kwestjonijiet tal-PESK/PESD; |
(f) |
iżomm ħarsa ġenerali fuq il-firxa kollha ta' l-attivitajiet fil-qasam ta' l-Istat tad-Dritt u f'dan il-kuntest jipprovdi parir lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni kif meħtieġ; |
(g) |
bħala parti mir-responsabbiltajiet usa tiegħu, ikollu l-awtorità li jagħti direzzjoni, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea; |
(h) |
safejn l-attivitajiet tal-Komunità u l-attivitajiet taħt it-Titolu VI tat-TUE, inkluż l-Europol, huma konċernati, jipprovdi pariri, kif xieraq, u jieħu sehem fil-koordinazzjoni lokali meħtieġa; |
(i) |
bil-għan li jiggarantixxi koerenza u joħloq sinerġiji possibbli, ikompli jiġi kkonsultat dwar prijoritajiet għall-Għajnuna Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, l-Iżvilupp u l-Istabilizzazzjoni. |
Artikolu 4
1. L-EUSR għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u skond id-direzzjoni operattiva tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli. L-EUSR għandu jagħti kont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) għandu jżomm kuntatt privileġġat mal-EUSR u għandu jkun il-punt ewlieni ta' kuntatt mal-Kunsill. Il-PSC għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lill-EUSR fil-qafas tal-mandat.
Artikolu 5
Ir-rwol ta' l-EUSR ma għandhux bl-ebda mod jippreġudika l-mandat tar-Rappreżentant Għoli fil-Bosnja u Ħerzegovina, inkluż ir-rwol ta' koordinazzjoni tiegħu fir-rigward ta' l-attivitajiet kollha ta' l-organizzazzjonijiet u aġenziji ċivili kollha kif stabbilit fil-GFAP u konklużjonijiet u dikjarazzjonijiet sussegwenti tal-Kunsill dwar l-Implimentazzjoni tal-Paċi.
Artikolu 6
1. L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri l-ispiża relatata mal-mandat ta' l-EUSR għandu jkun ta' EUR 200 000.
2. L-ispiża iffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe prefinanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini tal-pajjiżi li jospitaw u girien jistgħu jipparteċipaw f'sejħiet għall-offerti ta' kuntratti bl-appalt.
3. L-amministrazzjoni ta' l-infiq għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn l-EUSR u l-Kummissjoni.
4. Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew Stati Membri, kif xieraq, għandhom jagħtu sostenn loġistiku fir-reġjun.
5. L-infiq għandu jkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta.
Artikolu 7
1. Persunal dedikat ta' l-UE li juri identità ta' l-UE għandu jiġi assenjat biex jgħin lill-EUSR jimplimenta l-mandat tiegħu u jikkontribwixxi għall-koerenza, viżibilità u effettività ta' l-azzjoni ġenerali ta' l-UE fil-BiH, b'mod partikolari fl-affarijiet politiċi, politiko-militari u ta' sigurtà, u fir-rigward ta' relazzjonijiet ta' komunikazzjoni u medja. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jkunu disponibbli, l-EUSR għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment tat-tijm tiegħu b'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistit mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jinforma l-Presidenza u l-Kummissjoni dwar il-komposizzjoni finali tat-tijm tiegħu.
2. L-Istati Membri ta' l-UE u l-istituzzjonijiet jistgħu jipproponu sekondar ta' persunal sabiex jaħdem ma' l-EUSR. Il-ħlas ta' persunal li jista' jiġi sekondat minn Stat Membru ta' l-UE jew minn Istituzzjoni għal mal-EUSR għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-Istituzzjoni kkonċernata rispettivament.
3. Il-karigi kollha tat-tip A li ma jimtlewx permezz ta' sekondament għandhom jiġu publiċizzati kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u jiġu notifikati wkoll lill-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet sabiex jinħatru l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.
4. Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni ta' l-EUSR u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu stabbiliti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu is-sostenn kollu meħtieġ għal dan l-iskop.
Artikolu 8
Bħala regola, l-EUSR għandu jirrapporta personalment lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u lill-PSC u jista' jirrapporta wkoll lill-grupp ta' ħidma rilevanti. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċirkolati lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-EUSR jista' jirrapporta lill-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u l-PSC.
Artikolu 9
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-azzjoni esterna ta' l-UE, l-attivitajiet ta' l-EUSR għandhom ikunu kkoordinati ma' dawk tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jipprovdi laqgħat informattivi fuq bażi regolari lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni. F'dan il-qasam, għandha tinżamm kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, l-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lill-EUSR fl-implimentazzjoni tal-mandat. L-EUSR għandu wkoll jikkopera ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-qasam, inkluż, inter alia, l-OSCE.
Artikolu 10
L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra ta' l-UE lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. L-EUSR għandu jippreżenta rapport komprensiv bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni xahrejn qabel ma jiskadi l-mandat. Dan ir-Rapport għandu jservi ta' bażi għal stima ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta' ħidma rilevanti u mill-PSC. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-insedjament, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-PSC dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emenda jew it-tmiem tal-mandat.
Artikolu 11
L-Azzjoni Konġunta 2002/211/PESK hija hawn imħassra.
Artikolu 12
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika sat-28 ta' Frar 2005.
Artikolu 13
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, nhar it-12 ta' Lulju 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
B. BOT
(1) ĠU L 70, tat-13.3.2002, p. 7.
(2) ĠU L 70, tat-13.3.2002, p. 1 Azzjoni Konġunta kif l-aħħar emendata mill-Azzjoni Konġunta 2003/188/PESK (ĠU L 73, tad-19.3.2003, p. 9)
(3) Ara paġna 10 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.