EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R1795

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1795/2002 tad-9 ta’ Ottubru 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq

ĠU L 272, 10.10.2002, p. 15–18 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R0555

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1795/oj

32002R1795



Official Journal L 272 , 10/10/2002 P. 0015 - 0018


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1795/2002

tad-9 ta’ Ottubru 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE)1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid [1], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) 2528/2001 [2], u partikolarment l-Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1) It-Titlu III, Kapitlu II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 1623/2000 tal-25 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq [3], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) 1315/2002 [4], jipprovdi għal skema ta’ għajnuna għad-distillazzjoni ta’ l-inbid sabiex jiġi prodott l-alkoħol li jinxtorob. Din l-iskema kienet introdotta għall-ewwel darba fis-sena ta’ l-inbid 2000/01. L-esperjenza miksuba mill-ewwel sentejn ta’ applikazzjoni jindikaw il-ħtieġa ta’ tibdil.

(2) Il-perjodu li fih id-distillazzjoni tista’ sseħħ jeħtieġ li jiġi definit mill-ġdid biex jinġieb aktar sinkronizzat mal-produzzjoni ta’ l-inbid fl-Istati Membri produtturi. Għall-istess raġuni għandu jkun hemm perjodu kontinwu għall-konklużjoni jew approvazzjoni tal-kuntratti ta’ distillazzjoni minflok il-perjodi ta’ġimgħatejn preżentement fis-seħħ.

(3) L-esperjenza mis-snin ta’ l-inbid ta’ qabel uriet li l-produtturi aktar qegħdin jagħmlu użu minn distillazzjoni mogħtija b’subkuntratt; dan jirriżulta f’riskju ta’ tfixkil tas-suq ta’ l-alkoħol minħabba li l-prezz ta’ xiri minimu ta’ l-inbid ma jkunx jista’ jiġi verifikat. Għalhekk jeħtieġ li titwaqqaf dik l-opportunità billi jiġi emendat l-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000.

(4) Madankollu, f’ċerti reġjuni tal-Komunità hemm strutturi speċjali ta’ produzzjoni u tas-suq, li jinkludu strutturi ta’ distilleriji li diġà kienu identifikati mill-leġislaturi Ewropej meta l-iskema ta’ distillazzjoni obbligatorja għall-prodotti sekondarji tal-produzzjoni ta’ l-inbid kienu qegħdin jiġu ntrodotti. Dawn huma l-produtturi fiż-żoni fejn jitkabbar l-inbid – żona A, fil-parti Ġermaniża taż-żona B tat-tkabbir ta’ l-inbid jew fiż-żoni mħawwla bid-dwieli fl-Awstrija li, minħabba r-raġunijiet strutturali identifikati, ġew eżentati mid-distillazzjoni obbligatorja. F’waħda minn dawn ir-reġjuni r-regoli li jikkontrollaw id-distillazzjoni f’mument ta’ kriżi kellhom jiġu emendati sabiex jiġu kkunsidrati l-ispejjeż għolja tat-trasport lejn id-distillerji minħabba id-daqs żgħir tagħhom u l-firxa ġeografika. Li kieku ma kienx hemm opportunitajiet biex tintuża distillazzjoni mogħtija b’subkuntratt, il-produtturi f’dawk ir-reġjuni ma kienx ikollhom prattikament l-ebda aċċess għad-distillazzjoni ta’ l-inbid biex jipproduċu l-alkoħol li jinxtorob. Sabiex ma jiġux esklużi dawk il-produtturi milli jieħdu vantaġġ minn dik il-miżura tal-Komunità, għandhom isiru provvedimenti biex ikomplu jużaw id-distillazzjoni permezz ta’ subkuntratturi.

(5) Jeħtieġ ukoll li jiġu definiti mill-ġdid il-perjodi u l-kondizzjonijiet għall-ħażna ta’ l-alkoħol miksub minn distillazzjoni ta’ dan it-tip, inkluża d-definizzjoni ta’ l-unità ta’ kejl għall-għajnuna, biex jittieħed kont aħjar tar-realtajiet ekonomiċi fis-settur ta’ l-alkoħol.

(6) L-esperjenza uriet li ċerti ommissjonijiet fil-mod kif kien imfassal ir-Regolament (KE) 1623/2000, partikolarment dwar it-teħid tas-sigurtà fil-każ li kuntratt ma jkunx ġie mitmum kollu kemm hu, id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet u l-introduzzjoni ta’ marġini ta’ tolleranza għall-volum tal-prodotti tad-distillazzjoni maħżuna. Għandhom ikunu nklużi provvedimenti ġodda f’dan ir-Regolament biex jiġu rimedjati dawn in-nuqqasijiet.

(7) Il-miżuri li jinsabu f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) 1623/2000 huwa hawn emendat kif ġej:

1. "IL-KAPITLU II ID-DISTILLAZZJONI MHUX OBBLIGATORJA

L-Artikolu 63

L-għan

Dan il-Kapitlu jistabbilixxi r-regoli dettaljati biex jiġu applikati l-arranġamenti għad-distillazzjoni ta’ l-inbid biex jiġi prodott l-alkoħol kif imsemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) 1493/1999.

L-Artikolu 63a

Il-ftuħ tad-distillazzjoni

1. Id-distillazzjoni ta’ l-inbid tal-mejda u l-inbid tajjeb biex jiġi prodott l-inbid tal-mejda msemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KE)1493/1999 għandu jinfetaħ għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Diċembru kull sena ta’ l-inbid, iżda mill-1 Ottubru sat-30 ta’ Diċembru għas-sena ta’ l-inbid 2002/03.

2. Il-volum ta’ inbid tal-mejda u ta’ l-inbid adattat biex jiġi prodott l-inbid tal-mejda li għalih kull produttur jista’ jiffirma kuntratti għandu jkun ristrett għal persentaġġ li jkun speċifikat tal-produzzjoni dikjarata ta’ l-inbid tiegħu f’dawn l-aħħar tlitt snin ta’ l-inbid inkluża l-produzzjoni ta’ dik is-sena jekk tkun diġà ddikjarata. Matul sena partikolari l-produttur ma jistgħax ibiddel is-sena tal-produzzjoni magħżula bħala r-referenza għall-kalkolu ta’ dak il-persentaġġ. Għas-sena ta’ l-inbid 2002/03 dak il-persentaġġ għandu jkun 25 %.

Il-volum ta’ inbid tal-mejda u l-inbid adattat biex jiġi prodott l-inbid tal-mejda prodott għandu jkun biss dak mogħti bħala l-inbid fil-kolonna intitolata "Imbejjed tal-mejda" fid-dikjarazzjoni tal-kwantitajiet prodotti msemmija fit-Tabella Ċ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1282/2001 [5].

3. Kull produttur li, fis-sena kurrenti ta’ l-inbid, ikun ipproduċa inbid tal-mejda jew inbid adattat biex jiġi prodott l-inbid tal-mejda jista’ jikkonkludi kuntratt jew kuntratti jew jagħmel dikjarazzjoni waħda jew iktar kif imsemmi fl-Artikolu 65 ta’ dan ir-Regolament. Il-kuntratti jew dikjarazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn evidenza li kienet ipprovduta sigurtà ta’ ħames Euros għal kull ettolitru. Dawn il-kuntratti jew dikjarazzjonijiet ma jistgħux ikunu trasferiti.

4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Jannar ta’ din is-sena tal-volum totali rappreżentat mill-kuntratti jew dikjarazzjonijiet sottomessi taħt l-Artikolu 65(1) għad-distillazzjoni waqt il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1. Madankollu, għas-sena ta’ l-inbid 2002/03 id-data msemmija hawn fuq għandha tkun il-15 ta’ Jannar.

5. Jekk il-kwantitajiet li jaqgħu taħt il-kuntratti jew dikjarazzjonijiet notifikati lill-Kummissjoni sad-data msemmija fil-paragrafu 4 jeċċedu jew jistgħu jeċċedu il-kwantitajiet li jikkorrispondu mar-riżorsi disponibbli mill-budget jew ikunu sostanzjalment iżjed mill-kapaċità ta’ kemm jista’ jassorbi s-settur ta’ l-alkoħol għax-xorb, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi persentaġġ wieħed għall-aċċettazzjoni tal-kwantitajiet li jaqgħu taħt il-kuntratti jew dikjarazzjonijiet ikkonċernati. F’dak il-każ, is-sigurtà msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi rilaxxata għall-kwantitajiet notifikati imma mhux aċċettati.

6. L-Istati Membri għandhom japprovaw dawn il-kuntratti jew dikjarazzjonijiet bejn il-25 ta’ Jannar u l-15 ta’ Frar:

- għall-kwantità intiera jekk il-Kummissjoni ma tkunx stabbiliet il-persentaġġ ta’ tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 5,

- għall-kwantità li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-persentaġġ ta’ tnaqqis jekk ikun hemm wieħed stabbilit.

Madankollu, għas-sena ta’ l-inbid 2002/03 id-dati msemmija aktar ’il fuq għandhom ikunu l-1 ta’ Frar u l-20 ta’ Frar.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-volum totali taħt kuntratti approvati sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Marzu ta’ din is-sena ta’ l-inbid.

Il-kuntratti jew id-dikjarazzjonijiet sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri iżda mhux notifikati lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 4 ma jistgħux ikunu approvati.

7. Minkejja l-paragrafu 5, l-Istati Membri jistgħu japprovaw kuntratti jew dikjarazzjonijiet qabel il-25 ta’ Jannar għal kwantità li ma teċċedix it-30 % tal-kwantità mogħtija fil-kuntratti jew dikjarazzjonijiet. Madankollu, għas-sena ta’ l-inbid 2002/03 dak il-persentaġġ għandu jkun 35 %.

8. L-ammonti ta’ inbid li għandhom jiġu forniti taħt kuntratt għandhom ikunu kkunsinjati lid-distillerija sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju tas-sena ta’ l-inbid.

9. Is-sigurtà msemmija fil-paragrafu 3 għandu tiġi rilaxxata proporzjonalment mal-kwantitajiet forniti meta l-produttur jipprovdi evidenza tal-kunsinna lid-distillerija. Fejn kuntratt jigi maħdum għal mill-inqas 95 % tal-kwantità li għaliha ikun iffirmat, is-sigurtà għandha tiġi rilaxxata kollha kemm hi.

10. L-inbid fornit lid-distillerija għandu jkun distillat sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ l-inbid ta’ wara.

L-Artikolu 64

L-Ammont ta’ għajnuna u r-regoli li japplikaw

1. L-għajnuna primarja msemmija fl-Artikolu 29(4) tar-Regolament (KE) 1493/1999, li għandha titħallas lid-distillaturi jew, f’każi kif imsemmi fl-Artikolu 65(3) ta’ dan ir-Regolament lill-produtturi għall-inbid distillat taħt dan il-Kapitlu għandu jkun iffissat, skond il-qawwa alkoħolika bil-volum għal kull ettolitru tal-prodott miksub mid-distillazzjoni, kif ġej:

- EUR 1,751/% vol/el għall-alkożol mhux imsaffi, id-distillat ta’ l-inbid u l-ispirti distillati mill-inbid,

- EUR 1,884/% vol./el għall-alkoħol newtrali.

L-applikazzjonijiet għall-għajununa għandhom ikunu sottomessi lill-awtorità kompetenti mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru tas-sena ta’ l-inbid li jmiss.

L-awtorità kompetenti għandha tħallas l-għajnuna fi żmien tlitt xhur mid-data tas-sottomissjoni tal-prova msemmija fl-Artikolu 65(8) ta’ dan ir-Regolament.

2. L-għajnuna sekondarja għall-ħażna ta’ l-alkoħol miksub mid-distillazzjoni msemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) 1493/1999 għandu jkun EUR 0,00042/% vol/el tal-prodott miksub mid-distillazzjoni kull jum.

L-applikazzjonijiet għall-ħażna għandhom ikunu sottomessi lill-awtorità kompetenti mhux aktar minn xahar qabel id-data meta ser tkun tibda il-ħażna. L-applikazzjonijiet jistgħu jikkonċernaw biss l-alkoħol li jkun diġà ġie prodott. Dawn għandhom jiddikjaraw ta’ l-inqas il-kwantità u l-karatteristiċi tal-prodott li ser ikun maħżun u d-dati antiċipati tal-bidu u t-tmiem tal-ħażna.

Sakemm l-awtorità kompetenti ma’ tagħmel l-ebda oġġezzjoni fi żmien il-limitu ta’ xahar imsemmi hawn fuq, id-data meta il-ħażna tkun skedata li tibda għandha tittieħed li tkun id-data meta fil-fatt tkun bdiet.

L-għajnuna sekondarja għandha titħallas biss lid-distillaturi, u biss:

- għal mill-inqas 100 ettolitri tal-prodott miksub mid-distillazzjoni maħżun f’kontenituri ta’ kapaċità ta’ mill-inqas 100 ettolitri, u

- għal mhux inqas minn sitt xhur u mhux iktar minn tnax-il xahar. Mis-seba’ xahar, distillaturi li ma jkunux talbu il-flus bil-quddiem skond kif imsemmi fl-Artikolu 66 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jitterminaw il-kuntratt bil-quddiem billi jispeċifikaw id-data finali f’dikjarazzjoni indirizzata lill-awtorità kompetenti mill-inqas xahar qabel id-data magħżula.

Il-kwantità ta’ alkoħol li għalih id-distillatur jista’ jikkonkludi kuntratti ta’ ħażna matul sena partikolari ta’ l-inbid ma tistax teċċedi l-kwantità ta’ prodotti miksuba minn dak id-distillatur b’distillazzjoni taħt dan il-Kapitolu matul dik is-sena ta’ l-inbid jew wieħed mis-sentejn ta’ qabilha.

Il-prodotti tad-distillazzjoni eliġibbli għal kuntratti ta’ ħażna għandhom ikunu akkwistati mid-distillatur stess waqt is-snin ta’ l-inbid imsemmija fil-paragrafu t’hawn fuq jew, fejn applikabbli, matul is-snin ta’ l-inbid ta’ qabel.

Marġini ta’ tolleranza ta’ 0,2 % kull xahar ikkalkulat skond il-kontenut ta’ alkoħol għandu jkun konċess għall-volum maħżun ta’ prodotti miksuba mid-distillazzjoni. Fejn dak il-persentaġġ ma jinqabiżx l-għajnuna tibqa paggabbli; jekk jinqabeż, l-ebda għajnuna ma għandha titħallas.

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom ikunu sottomessi lill-awtorità kompetenti mhux aktat tard minn sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu tal-ħażna. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għal dan.

L-awtorità kompetenti għandha tħallas l-għajnuna sekondarja mhux aktar tard minn tlitt xhur wara d-data li fiha l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun ġiet sottomessa.

3. Il-prodotti tad-distillazzjoni li jikkwalifikaw għal għajnuna taħt dan l-Artikolu ma jistgħux wara jiġu mixtrija mill-awtoritajiet pubbliċi. Jekk madankollu id-distillaturi jkunu jixtiequ jbiegħu l-alkoħol tagħhom lill-awtoritajiet pubbliċi, għandhom l-ewwel jagħtu lura l-għajnuna li jkunu rċevew.

Bħala eċċezzjoni, l-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-kwantitajiet ta’ alkoħol mibjugħ mill-awtoritajiet pubbliċi taħt programmi li ma jfixklux l-użi tradizzjonali, bħal programmi agroambjentali għall-bejgħ ta’ alkoħol lis-settur tal-karburanti."

2. L-Artikolu 65 huwa emendat, kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3. Il-produtturi kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li huma stess ikollhom faċilitajiet ta’ distillazzjoni u li jkollhom ħsieb iwettqu d-distillazzjoni li taqa’ taħt dan il-kapitolu għandhom jissottomettu dikjarazzjoni tal-kunsinna għad-distillazzjoni, minn hawn il-quddiem tissejjaħ "id-dikjarazzjoni", lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni qabel data li għadha trid tiġi mxandra.

Il-produtturi fiż-żona tat-tkabbir ta’ l-inbid A jew fil-parti Ġermaniża taż-żona fejn jitkabbar l-inbid B jew f’żoni mħawwla bid-dwieli fl-Awstrija kif imsemmi fl-Artikolu 27(7) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jistgħu jwettqu d-distillazzjoni msemmija f’dan il-Kapitolu fil-post ta’ distillatur approvat li jkun qed jaħdem fuq bażi ta’ subkuntrattur. Għal dak il-għan huma għandhom jissottomettu dikjarazzjoni ta’ kunsinna għad-distillazzjoni, minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ "id-dikjarazzjoni" lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni qabel data li għad trid tiġi mxandra."

(b) Fil-paragrafu 7, is-sentenza li ġejja hija miżjuda:

"L-Istati Membri jistgħu jistipulaw żmienijiet iqsar jew dati speċifiċi għall-preżentazzjoni ta’ dik il-prova lill-awtoritajiet kompetenti."

(ċ) Fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"8. Id-distillaturi għandhom jibgħatu lill-awtorità kompetenti, fiż-żmien stabbilit mill-Istat Membru:

(a) id-dettalji tal-kwantità, il-kulur u l-qawwa alkoħolika effettiva skond il-volum ta’ l-inbid f’kull kunsinna mingħand kull produttur li mingħandu jkunu rċevew kunsinni ta’ l-inbid, flimkien man-numru tad-dokument kif stabbilit fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) 1493/1999 użat għat-trasport ta’ l-inbid lill-post tad-distillatur;

(b) prova li l-kwantità totali ta’ inbid stipulata fil-kuntratt jew dikjarazzjoni tkun ġiet distillata fiż-żmien permess;

(ċ) prova li jkunu ħallsu lill-produttur il-prezz tax-xiri msemmi fil-paragrafu 6 fiż-żmien permess."

L-Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-9 ta’ Ottubru 2002.

F’isem il-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 345, tad-29.12.2001, p. 10.

[3] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 45.

[4] ĠU L 192, ta’ l-20.7.2002, p. 24.

[5] ĠU L 176, tad-29.6.2001, p. 14.

--------------------------------------------------

Top