Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R1342

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2002 ta’ l-24 ta’ Lulju 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1227/2000 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, fir-rigward tal-potenzjal ta’ produzzjoni

    ĠU L 196, 25.7.2002, p. 23–25 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R0555

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1342/oj

    32002R1342



    Official Journal L 196 , 25/07/2002 P. 0023 - 0025


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2002

    ta’ l-24 ta’ Lulju 2002

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1227/2000 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, fir-rigward tal-potenzjal ta’ produzzjoni

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2585/2001 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 10, 15 u 80 tiegħu,

    Billi:

    (1) Sabiex tkun solvuta problema prattika partikolari, il-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għal derogazzjoni mill-Artikolu 2(2) għandu jkun emendat. Permezz ta’ l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet diversi li jikkonċernaw l-għotja tad-derogazzjoni timponi piż amministrattiv kumpless u serju, b’mod partikolari fir-rigward tal-verifiki u l-penalitajiet. Fl-interessi ta’ amministrazzjoni soda, id-data in kwistjoni għandha għalhekk tiġi posposta għat-30 ta’ Novembru 2002.

    (2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1227/2000 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1253/2001 [4], iffissa data ta’ skadenza għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 2(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 fejn produttur jista’ jikseb drittijiet li jerġa’ jiżra’ wara li l-art in kwistjoni tkun diġà giet miżrugħa. Għal raġunijiet prattiċi marbuta ma’ l-għotja ta’ dawn id-drittijiet, dan il-perjodu għandu jkun adattat.

    (3) L-esperjenza wriet li l-iskema tal-premium għall-abbandun permanenti tat-tkabbir tad-dwieli f’żoni li ma jeċċedux il-25 ettaru għandha tkun semplifikata sabiex tipprevjeni piż amministrattiv eċċessiv.

    (4) Wara l-emenda ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 bir-Regolament (KE) Nru 2585/2001, il-kondizzjonijiet għall-għotja ta’ għajnuna taħt il-pjanijiet ta’ titjieb materjali ta’ qabel u l-għajnuna lill-bdiewa ż-żgħar għandhom ikunu stabbiliti sabiex ma jiddgħajjifx l-għan ġenerali ta’ l-organizzazzjoni tas-suq fir-rigward tal-kontroll tal-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-inbid.

    (5) Fil-kuntest tal-programmi ta’ ristrutturar u konverżjoni, distinzjoni għandha ssir bejn il-każijiet fejn l-għajnuna hija mħallsa għat-twettiq tal-miżuri kollha koperti mill-pjan u dawk fejn l-għajnuna hija mħallsa għal miżura speċifika. Regoli dettaljati għandhom għalhekk ikunu stabbiliti sabiex l-għajnuna tiġi mħallsa minn qabel.

    (6) Irid jingħata kont tal-limiti tat-temp u tas-saħħa u ta’ l-iġjene fl-adattament tul ta’ żmien tal-pjanijiet ta’ ristrutturar u konverżjoni meta l-għajnuna tiġi mħallsa minn qabel.

    (7) Il-penali stabbiliti għandhom ikunu emendati sabiex ikunu proporzjonali mat-tlestija tal-miżuri inklużi fil-pjan iżda mhux implimentat fil-limiti ta’ żmien stabbilit. Għal raġunijiet ta’ spezzjoni, il-verifika dwar jekk il-miżuri imsemmija tlestewx jew le għandu jkun speċifikat bħala kriterju.

    (8) L-esperjenza wriet li disposizzjoniniet speċifiċi għandhom ikunu stabbiliti għall-każijiet fejn il-produttur jiddeċiedi li ma jimplimentax pjan jew jiddeċiedi li ma jirċeviex l-għajnuna minn qabel.

    (9) Ir-Regolament (KE) Nru 1227/2000 għandu għalhekk b’dan jiġi emendat.

    (10) Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Inbid,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1227/2000 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu li ġej 1a huwa miżjud:

    "1a. Id-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Lulju 2002 stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandha tkun posposta għat-30 ta’ Novembru 2002."

    (b) fil-paragrafu 5, "il-31 ta’ Marzu 2002" huwa sostitwit bil-"15 ta’ Lulju 2002";

    2. L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "4. Għall-azjendi kollha fejn iż-żona ta’ l-inbid ma teċċedix il-25 ares premium jista’ jingħata f’livell massimu għal kull ettaru li ma jeċċedix l-EUR 4300.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu il-premium imsemmi fl-ewwel subparagrafu lill-azjendi fejn iż-żona ta’ tkabbir ta’ l-inbid teċċedi l-25 ares għall-għan ta’ żoni għat-tindif mill-għeruq bejn minimu ta’ 10 ares u massimu ta’ 25 ares.";

    (b) il-paragrafu 6 huwa mħassar;

    3. L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 12

    1. Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999:

    (a) "it-tiġdid normali tad-dwieli li waslu fl-aħħar tal-ħajja naturali tagħhom" tfisser it-tħawwil mill-ġdid ta’ l-istess biċċa art bl-istess varjetà skond l-istess sistema ta’ koltivazzjoni tad-dwieli;

    (b) "bdiewa żgħar" tfisser bdiewa li huma taħt l-erbgħin sena, li għandhom sengħa adegwata tax-xogħol u kompetenza u li huma qegħdin iwaqqfu għall-ewwel darba azjenda tal-produzzjoni ta’ l-inbid bħala l-kap ta’ l-azjenda.

    2. Id-drittijiet il-ġodda tat-tħawwil imsemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandhom jinkludu d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-Regolament."

    4. L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 13

    1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu daqs minimu ta’ pakkett li jista’ jikkwalifika għall-għajnuna ta’ l-istrutturar u konverżjoni, u daqs minimu ta’ pakkett li jirriżulta mill-istrutturar u konverżjoni.

    2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu:

    (a) id-definizzjonijiet ta’ miżuri li għandhom ikunu jinsabu fil-pjanti;

    (b) il-limitu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, li m’għandux jeċċedi l-ħames snin;

    (ċ) il-ħtiega li l-pjanijiet għandhom jistqarru li, għal kull sena finanzjarja, il-miżuri li għandhom ikunu implimentati f’dik is-sena finanzjarja, u l-biċċa art kkonċernata għal kull qies;

    (d) il-proċeduri għas-sorveljanza ta’ dik l-implimentazzjoni.

    3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli għar-restrizzjoni ta’ l-użu, fl-implimentazzjoni ta’ pjan, tad-drittijiet tat-tħawwil mill-ġdid li joħorġu mit-tindif mill-għeruq kif stabbilit fil-pjan fejn dan jista’ jwassal għall-possibbiltà ta’ żieda fil-ħsad taż-żona koperta minnu. Ir-regoli għandhom ikunu mfassla b’mod sabiex jassiguraw li l-għan ta’ l-iskema jintlaħaq, u b’mod partikolari li ma jkunx hemm żieda kollox ma’ kollox fil-potenzjal ta’ produzzjoni fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jirregolaw l-użu ta’ drittijiet ġodda ta’ tħawwil. Dawn ir-regoli għandhom jipprovdu li dwak id-drittijiet jistgħu jintużaw biss jekk huma neċessarji mill-punto di vista tekniku u fi proporzjoni li ma jeċċedix l-10 % taż-żona totali koperta bil-pjan. Dawn ir-regoli għandhom jipprovdu wkoll għal tnaqqis adegwat ta’ l-għajnuna mogħtija għal dawn iż-żoni.

    Fir-rigward tad-drittijiet ġodda ta’ tħawwil imsemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, ir-regoli msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jipprovdu li:

    (a) il-limitu ta’ 10 % imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika,

    (b) id-drittijiet ġodda ta’ tħawwil mogħtija lill-bdiewa ż-żgħar m’għandhomx jeċċedu t-30 % ta’ l-ammont tad-drittijiet ġodda maħluqa tat-tħawwil attribwiti lill-Istat Membru kkonċernat taħt l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

    4. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jadottaw ir-regoli li jirregolaw l-iskop speċifiku u l-livelli ta’ għajnuna li għandhom jingħataw. Bla ħsara għall-Kapitolu III tat-Titolu I tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u dan il-Kapitolu, dawk ir-regoli jistgħu jipprovdu b’mod partikolari għall-ħlas ta’ ammonti b’rata fissa, l-livelli massimi ta’ għajnuna għal kull ettaru u d-differenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Ir-regoli għandhom b’mod partikolari jipprovdu għall-livelli ogħla adegwati ta’ għajnuna f’każijiet fejn id-drittijiet ta’ tħawwil mill-ġdid li jseħħu mit-tindif mill-għeruq taħt il-pjan huma użati fl-implimentazzjoni tal-pajn."

    5. L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 15

    1. L-għajnuna għandha titħallas malli jiġi aċċertat li miżura partikolari tkun ġiet implimentata.

    Jekk verifiki juri il-miżura koperta mill-applikazzjoni ta’ għajnuna ma ġietx implimentata kollha kemm hi, iżda ġiet implimentata fuq aktar minn 80 % taż-żona kkonċernata fil-limitu ta’ żmien stabbilit, imbagħad l-għajnuna għandha titħallas bit-tnaqqis ta’ ammont ekwivalenti għad-doppju ta’ l-għajnuna addizzjonali li kien jingħata kieku l-miżura kienet ġiet implimentata fiż-żona kollha.

    2. B’eċċezzjoni għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal għajnuna għal miżura partikolari li titħallas bil-quddiem lill-produtturi qabel ma’ dik il-miżura tkun ġiet implimentata, sakemm dik l-implimentazzjoni tkun bdiet u l-benefiċjarju jkun għamel garanzija ekwivalenti għal 120 % ta’ l-għajnuna. Għall-għanijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85, l-obbligazzjoni għandu jkun li tkun implimentata l-miżura kkonċernata fi żmien sentejn minn meta jsir il-ħlas bil-quddiem.

    Dak il-perjodu jista’ jiġi aġġustat mill-Istari Membri f’każijiet fejn;

    (a) iż-żoni kkonċernati huma parti minn żona li tkun sofriet diżastru naturali rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

    (b) il-miżura ppjanata ma tistax tkun implimentata billi l-materjali tal-pjanta jsofri minn problemi ta’ saħħa li jkunu ġew ċċertifikati minn korp rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.

    Sabiex l-għajnuna titħallas bil-quddiem, kull miżura ta’ qabel imwettqa fuq l-istess pakkett, li għalih il-produttur ikun ukoll irċieva għajnuna bil-quddiem, għandha tkun ġiet implimentata kollha kemm hi.

    Jekk il-verifiki juru li l-miżura koperta mill-applikazzjoni għall-għajnuna, u li għaliha jkun tħallas avvanz, ma tkunx ġiet implimentata kollha kemm hi, iżda madanakollu tkun ġiet implimentata fuq iktar minn 80 % taż-żona kkonċernata fil-limitu ta’ żmien stabbilit, allura l-garanzija għandha tkun rilaxxata mnaqqsa b’ammont ugwali għad-doppju ta’ l-għajnuna addizzjonali li kienet tingħata kieku l-miżura ġiet implimentata fuq iż-żona kollha.

    Fejn produttur jagħżel, qabel data ta’ skadenza ffista mill-Istat Membru kkonċernat, kontra li l-għajnuna li tiġi mħallsa bil-quddiem, 95 % tal-garanzija għandha tiġi rilaxxata. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data ta’ l-iskadenza li ffissaw għall-implimentazzjoni ta’ dan is-subparagrafu.

    Meta produttur jiddeċiedi, qabel ma data ta’ skadenza tkun stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, li ma jimplimentax miżura, dak il-produttur għandu jerġa’ jħallas lura kull avvanz li jkun diġà ġie imħallas, u wara dan 90 % tal-garanzija għandha tiġi rilaxxata. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data ta’ l-iskadenza li għażlu għall-implimentazzjoni ta’ dan is-subparagrafu.

    3. Fejn mhux il-miżuri kollha koperti minn applikazzjoni ta’ għajnuna jiġu implimentati fi żmien id-data ta’ l-iskadenza ffissata fl-Artikolu 13(2), il-produttur għandu jerġa’ jħallas lura l-ammont kollu ta’ l-għajnuna mħallsa taħt dik l-applikazzjoni.

    Madankollu, jekk il-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ għajnuna jkunu ġew implimentati fuq iktar minn 80 % taż-żoni konċernati fil-limiti ta’ żmien, imbagħad l-ammont li għandu jerġa’ jitħallas lura għandu jkun ugwali għad-doppju ta’ l-għajnuna addizzjonali li kienet tingħata kieku l-miżuri kollha fil-pjan kienu ġew implimentati fiż-żoni kollha.

    4. Ghall-għan ta’ dan l-Artikolu, tolleranza ta’ 5 % għandha tkun applikata meta ż-żoni kkonċernati jiġu verifikati.

    L-Artikolu 15a

    1. B’eċċezzjoni għall-Artikolu 15, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-għajnuna għandha tkun imħallsa wara verifikazzjoni li l-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni għall-għajnuna jkunu ġew implimentati. Jekk il-verifiki juru li l-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ għajnuna ma ġewx implementati kollha kemm huma, iżda xorta waħda ġew implimentati fuq iżjed minn 80 % taż-żona kkonċernata fil-limitu ta’ żmien stabbilit, allura l-għajnuna għandha titħallas imnaqqsa b’ammont ugwali għad-doppju ta’ l-għajnuna addizzjonali li kieku kienet titħallas kieku l-miżura kienet giet implimentata fuq iż-żona kollha.

    2. B’eċċezzjoni għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-għajnuna għall-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ l-għajnuna li għandha tkun avvanzata lill-produtturi qabel ma dawk il-miżuri jkunu ġew implimentati, sakemm dik l-implimentazzjoni bdiet u l-benefiċjarju jkun għamel sigurtà ekwivalenti għal 120 % ta’ l-għajnuna. Għall-għanijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85, l-obbligazzjoni għandha tkun li jiġu implimentati l-miżuri kollha fi żmien sentejn minn meta l-avvanz jitħallas.

    Dak il-perjodu jista’ jiġi aġġustat mill-Istat Membru fil-każijiet fejn:

    (a) iż-żoni kkonċernati huma parti minn żoni li jkunu sofrew diżastru naturali rikonoxxut mill-awotiritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

    (b) il-miżura ppjanata ma tistax tkun implimentata għax il-materjal tal-pjanti jkun sofra problemi ta’ saħħa li jkunu ġew ċertifikati minn korp rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.

    Jekk il-verifiki juru li l-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ l-għajnuna, u li għalihom avvanz ikun ġie mħallas, ma jkunux ġew implimentati kollha kemm huma, iżda xorta waħda tkun ġiet implimentata iktar minn 80 % taż-żona kkonċernata fil-limitu ta’ żmien stabbilit, allura l-garanzija għandha tiġi rilaxxata imnaqqsa b’ammont ugwali għad-doppju ta’ l-għajnuna addizzjonali li kienet titħallas kieku l-miżuri kollha kienu ġew implimentati fiż-żona kollha.

    Fejn produttur jagħżel, qabel id-data ta’ l-iskadenza stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, kontra li l-għajuna titħallas minn qabel, 95 % tal-garanzija għandha tiġi rilaxxata. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data ta’ l-iskadenza li huma stabbilixxew għall-implimentazzjoni ta’ dan is-subparagrafu.

    Fejn produttur jiddeċiedi, qabel id-data ta’ l-iskadenza stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, li ma jimplimentax il-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ l-għajnuna, dak il-produttur għandu jħallas lura kull avvanz li jkun diġà tħallas, u wara dan 90 % tal-garanzija għandha tiġi rilaxxata. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data ta’ l-iskadenza li stabbilixxew għall-implimentazzjoni ta’ dan is-subparagrafu.

    3. Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, tolleranza ta’ 5 % għandha tiġi applikata meta ż-żoni kkonċernati jiġu verifikati."

    L-Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fl-24 ta’ Lulju 2002.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

    [2] ĠU L 345, tad-29.12.2001, p. 10.

    [3] ĠU L 143, tas-16.6.2000, p. 1.

    [4] ĠU L 173, tas-27.6.2001, p. 31.

    --------------------------------------------------

    Top