EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002E0400

Pożizzjoni komuni tal-kunsill tal-21 ta’ Mejju 2002 dwar l-ilqugħ temporanju minn Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ ċerti Palestinjani

ĠU L 138, 28.5.2002, p. 33–34 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/01/2024: This act has been changed. Current consolidated version: 18/06/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2002/400/oj

32002E0400



Official Journal L 138 , 28/05/2002 P. 0033 - 0034


Pożizzjoni komuni tal-kunsill

tal-21 ta’ Mejju 2002

dwar l-ilqugħ temporanju minn Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ ċerti Palestinjani

(2002/400/PESK)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1) L-evakwazzjoni paċifika tal-Knisja tan-Natività f’Betlem skond it-termini ta’ ftehim bejn l-Awtorità Palestinjana u l-Gvern ta’ l-Iżrael milħuq fil-5 ta’ Mejju 2002, u l-arranġamenti relatati miegħu jew irbit unilaterali bejn il-partijiet għal dak il-ftehim, tikkostitwixxi sforz importanti biex jiġi megħjun li jittaffew l-effetti tas-sitwazzjoni kritika fir-reġjun u biex jerġa’ jinħoloq id-djalogu bejn il-partijiet.

(2) Il-ftehim milħuq bejn l-Awtorità Palestinjana u l-Gvern ta’ l-Iżrael jimplika li 13-il persuna minn grupp ta’ Palestinjani evakwati mill-Knisja tan-Natività qablu li jiġu trasferiti barra mill-pajjiż u li l-Gvern ta’ l-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana u partijiet oħra konċernati qablu biex jitrasferixxu barra t-13-il Palestinjan in kwistjoni, li 12 minnhom għandhom jiġu milqugħa minn Stati Membri u li wieħed minnhom għandu jibqa’ fir-Repubblika ta’ Ċipru.

(3) L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tagħmel kull sforz biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ paċi dejjiema u relazzjonijet ta’ ħbiberija bejn il-popli Iżraeljani u Palestinjani, skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Bl-iskop li jikkontribwixxu għal dak l-isforz u fid-dawl tal-ftehim mill-Gvern ta’ l-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana u partijiet oħra konċernati fuq it-trasferiment barra mill-pajjiż ta’ l-imsemmija Palestinjani, bosta Stati Membri ddikjaraw lilhom infushom lesti li jilqgħu, fuq bażi temporanja u esklussivament għal raġunijiet umanitarji, wieħed jew aktar minn dawn il-Palestinjani li qablu li jiġu trasferiti lejn it-territorji tagħhom.

(4) Għalkemm id-deċiżjonijiet li jagħtu d-dħul, u l-permanenza, ġewwa it-territorju tagħhom ta’ xi uħud minn dawk il-persuni fuq bażi umanitarja taqa’ fil-kompetenzi ta’ kull Stat Membru riċevitur u ma jimplikawx id-dritt tal-persuni konċernati li jiċċaqalqu b’mod ħieles ġewwa t-territorji ta’ l-Istati Membri, huwa importanti li jiġi adottat approċċ komuni fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea għal ċerti aspetti relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet.

(5) Huwa partikolarment mixtieq li jiġi żgurat li l-persuni konċernati jirċievu trattament komparabbli f’kull Stat Membru riċevitur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ affarijiet bħal kemm idum il-permess ta’ permanenza tagħhom, il-protezzjoni tas-sigurtà tagħhom u s-sigurtà ta’ ħaddieħor, u li jiġi żgurat li l-Istati Membri konċernati jibdlu informazzjoni għal dak il-għan.

(6) Fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam maż-żamma tal-liġi u l-ordni fit-territorji proprji u l-issalvagwardjar tas-sigurtà interna proprja, l-Istati Membri riċevituri għandhom iqisu l-ordni pubbliku u l-affarijiet ta’ importantza għas-sigurtà ta’ Stati Membri oħra. Stati Membri riċevituri għalhekk jesprimu l-prontezza tagħhom li jerġgħu idaħħlu kull Palestinjan li jkunu rċevew li jista’ jidħol illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew li mhux xorta oħra permess li jibqa’ hemm.

(7) Huwa mixtieq li jiġi evalwat fuq il-livell ta’ l-Unjoni wara perjodu raġonevoli l-mod li bih l-ilqugħ tat-12-il Palestinjan mill-Istati Membri konċernati ikun qiegħed jitwettaq fil-prattika u xi mistoqsijiet li jkunu setgħu qamu fl-applikazzjoni ta’ dan l-istrument,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Din il-pożizzjoni komuni tikkonċerna 12 mit-13-il Palestinjan li jappartjenu lill-grupp ta’ Palestinjani li dwarhom Memorandum ta’ Ftehim intlaħaq bejn l-Awtorità Palestinjana u l-Gvern ta’ l-Iżrael mill-5 ta’ Mejju 2002 dwar l-evakwazzjoni paċifika tal-Knisja tan-Natività ta’ Betlem u li qablu li jiġu trasferiti temporanjament lejn, u li jiġu milqugħa minn, Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

12 mit-13-il Palestinjan imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu milqugħa fuq bażi temporanja u esklussivament għal raġunijiet umanitarji mill-Istati Membri li ġejjin: il-Belġju, Greċja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall.

Artikolu 3

Kull Stat Membru msemmi fl-Artikolu 2 għandu jipprovdi lill-Palestinjani li jilqa’ b’permess nazzjonali li jidħol fit-territorju tiegħu u li jibqa’ għal perjodu sa 12-il xahar.

Il-validità ta’ dan il-permess għandu jkun limitat għat-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat, li għandu jieħu l-miżuri xierqa f’dak ir-rigward. Il-ħruġ ta’ dan il-permess jista’ jiġi sottomess għal kondizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu aċċettati mill-Palestinjani konċernati qabel il-wasla tagħhom.

Artikolu 4

Kull Stat Membru msejjaħ fl-Artikolu 2 għandu jieħu l-miżuri xierqa fis-sistema legali tiegħu biex jipproteġi s-sigurtà personali tal-Palestinjani milqugħa minnu u biex jevita li jikkomporomettu l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 5

Barra mill-obbligazzjonijiet tagħhom taħt dispożizzjonijiet eżistenti tad-Dritt Komunitarju u atti adottati skond it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jibdlu bejniethom dik l-informazzjoni oħra li tista’ tkun rilevanti għall-applikazzjoni xierqa ta’ miżuri meħuda skond din il-Pożizzjoni Komuni, inkluż dik l-informazzjoni li tista’ tkun neċessarja biex tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 6

Affarijiet bħal dawk relatati mad-djar, kondizzjonijiet ta’ ħajja, relazzjonijiet mal-membri tal-familja, aċċess għal xogħol jew għal taħriġ professjonali għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali ta’ kull Stat Membru riċevitur. L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2 għandhom, madankollu, jipprovdu lil xulxin u, fuq talba, lil Stati Membri oħrajn, bl-informazzjoni rilevanti fuq dawn l-affarijiet, sabiex jiġi inkoraġġat kemm jista’ jkun trattament komparabbli.

Artikolu 7

Jekk Stat membru msemmi fl-Artikolu 2 ikun mitlub minn Stat terz biex jestradixxi Palestinjan milqugħ minnu, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra minnufih b’dan. Għandu, qabel ma jieħu pożizzjoni fuq ir-risposta li għandha tingħata għal din it-talba t’estradizzjoni skond prattiċi legali nazzjonali, jikkonsulta ma’ l-Istati Membri l-oħra, fi ħdan il-Kunsill, sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni biex jaraw jekk l-Istati Membri jistgħux javviċinaw l-affari f’linji komuni.

Artikolu 8

Il-Kunsill għandu jżomm l-applikazzjoni ta’ din il-Pożizzjoni Komuni taħt reviżjoni u għandu jevalwa din l-applikazzjoni fi żmien 11-il xahar mill-adozzjoni tagħha jew qabel fuq talba ta’ xi membru tiegħu.

Artikolu 9

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett mil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 10

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussell, fil-21 ta’ Mejju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Piqué i Camps

--------------------------------------------------

Top