EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R0973

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 973/2001 ta' l-14 ta' Mejju 2001. li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta' ċerti ħażniet ta' speċi li jpassu bil-kbir

ĠU L 137, 19.5.2001, p. 1–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2007; Imħassar b' 32007R0520

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/973/oj

32001R0973



Official Journal L 137 , 19/05/2001 P. 0001 - 0009


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 973/2001

ta' l-14 ta' Mejju 2001.

li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta' ċerti ħażniet ta' speċi li jpassu bil-kbir

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Il-Komunità bid-Deċiżjoni 98/392/KE [3] approvat il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tal-Ġnus Magħquda, li fiha prinċipji u regoli dwar il-konservazzjoni u l-kontroll tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Fil-qafas ta' l-obbligi internazzjonali iktar wiesgħa tagħha, il-Komunità tipparteċipa fi sforzi li jinqalgħu f'ilmijiet internazzjonali għall-konservazzjoni ta' ħażniet ta' ħut.

(2) Skond id-Deċiżjoni 86/237/KEE [4], il-Komunità ilha Parti Kontraenti tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta' l-Atlantiku, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ICCAT", sa mill-14 ta' Novembru 1997.

(3) Il-Konvenzjoni ICCAT tipprovdi qafas ta' kooperazzjoni reġjonali dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tat-tonn u speċi li jixbħu t-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra qribu billi stabbiliet Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta' l-Atlantiku, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa l-"ICCAT", u adottat rakkomandazzjonijiet dwar konservazzjoni u amministrazzjoni fiż-żona tal-Konvenzjoni li jorbtu lill-Partijiet Kontraenti.

(4) L-ICCAT irrakkomandat numru ta' miżuri tekniċi għal ċerti ħażniet ta' speċi li jpassu bil-kbir fl-Atlantiku u fil-Mediterran, billi speċifikat inter alia qisien u piżijiet tal-ħut, u restrizzjonijiet fuq sajd ġewwa ċerti żoni u perjodi ta' żmien, b'ċertu tagħmir, u dwar il-kapaċità. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jorbtu lill-Komunità u għalhekk għandhom jiġu implimentati.

(5) Ċerti miżuri tekniċi adottati mill-ICCAT ġew inkorporati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1626/94 tas-27 ta' Ġunju 1994 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran [5] u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni taż-żgħar ta' l-organiżmi tal-baħar [6]. Fl-interess taċ-ċarezza, dawn il-miżuri għandhom jinġabru f'dan ir-Regolament u l-Artikoli relevanti tar-Regolamenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu revokati.

(6) Sabiex jtiġi meqjusa l-prassi tradizzjonali tas-sajd f'ċerti żoni, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-qbid u ż-żamma abbord ta' ċerti speċi ta' tonn għandhom jiġu adottati.

(7) Il-Komunità approvat bid-Deċiżjoni 95/399/KE [7] il-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni għat-Tonn ta' l-Oċean Indjan. Dan il-ftehim jipprovdi qafas utli għal kooperazzjoni internazzjonali iktar mill-qrib u għal użu razzjonali tat-tonn u ta' speċi relatati fl-Oċean Indjan billi jistabbilixxi l-Kummissjoni tat-Tonn fl-Oċean Indjan, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ l-"IOTC", u billi jadotta rakkomandazzjonijiet dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni fiż-żona ta' l-IOTC li jorbtu lill-Partijiet Kontraenti.

(8) L-IOTC adottat rakkomandazzjoni li tistabbilixxi miżuri tekniċi għal ċerti ħażniet ta' speċi li jpassu bil-kbir fl-Oċean Indjan. Din ir-rakkomandazzjoni torbot lill-Komunità u għalhekk għandha tiġi implimentata.

(9) Il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 1999/337/KE [8] iffirmat il-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel u bid-Deċiżjoni 1999/386/KE [9] iddeċidiet li tapplikaha fuq bażi proviżorja sakemm tiġi approvata. Il-Komunità għandha għalhekk tapplika d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim.

(10) L-għanijiet ta' dan il-Ftehim jinkludu t-tnaqqis progressiv ta' mwiet aċċidentali ta' dniefel fis-sajd bit-tartarun-borża għat-tonn fl-Oċean Paċifiku tal-Lvant għal livelli li joqorbu ż-żero, billi jiġu iffissati limiti annwali, u billi tiġi stabbilita s-sostenibbiltà fit-tul tal-ħażniet tat-tonn fil-Ftehim.

(11) Xi dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ġew inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 850/98. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu inkorporati f'dan ir-Regolament.

(12) Il-Komunità għandha interessi ta' sajd fl-Oċean Paċifiku tal-Lvant u applikat biex tidħol fil-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa l-"IATTC". Waqt li l-adeżjoni tkun għadha pendenti, u skond l-obbligazzjoni tagħha biex tikkoopera ma' Partijiet oħrajn involuti fl-amministrazzjoni u fil-konservazzjoni tar-riżorsi f'dan ir-reġjun taħt il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar, il-miżuri tekniċi adottati mill-IATTC għandhom jiġu applikati mill-Komunità. Dawn il-miżuri għandhom għalhekk jiġu inkorporati fil-liġi tal-Komunità.

(13) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [10],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tekniċi ta' konservazzjoni applikabbli għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta' l-Istati Membri u li huma reġistrati fil-Komunità, hawnhekk iżjed 'il quddiem msejħa l-"bastimenti tas-sajd tal-Komunità", fir-rigward tal-qbid u l-ħatt ta' ċerti ħażniet ta' speċi li jpassu bil-kbir li jirreferi għalihom l-Anness I.

IT-TITOLU I

DEFINIZZJONIJIET

L-Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin dwar ilmijiet marittimi għadhom japplikaw:

(a) Żona 1 :

l-ilmijiet kollha ta' l-Oċean Atlantiku u l-ibħra fil-qrib koperti bil-Konvenzjoni ICCAT kif definiti fl-Artikolu 1 tagħha;

(b) Żona 2 :

l-ilmijiet kollha ta' l-Oċean Indjan koperti bil-Ftehim għall-istabbiliment ta' l-IOTC kif definiti fl-Artikolu 2 tiegħu;

(ċ) Żona 3 :

l-ilmijiet kollha ta' l-Oċean Paċifiku tal-Lvant kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel.

IT-TITOLU II

MIŻURI TEKNIĊI APPLIKABBLI FIŻ-ŻONA 1

Il-Kapitolu 1

Restrizzjonijiet dwar l-użu ta' ċerti tipi ta' bastimenti u tagħmir

L-Artikolu 3

1. Matul il-perjodu mill-1 ta' Novembru sal-31 ta' Jannar fiż-żona speċifikata fil-paragrafu 2, għandu jkun projbit għall-bastimenti tal-Komunità li:

- jankraw oġġetti li jżommu fil-wiċċ,

- jistadu taħt oġġetti artifiċjali,

- jistadu taħt oġġetti naturali,

- jistadu billi jużaw bastimenti anċillari,

- jitfgħu fil-baħar oġġetti artifiċjali li jżommu fil-wiċċ permezz ta' bagi jew mingħajrhom,

- jinstallaw bagi fuq oġġetti li jżommu fil-wiċċ li jinstabu fil-baħar,

- jneħħu oġġetti li jżommu fil-wiċċ jgħumu u jistennew għal ħut attirat minn dawn l-oġġetti li jinġabar taħt il-bastiment,

- jirmonkaw oġġetti li jżommu fil-wiċċ barra ż-żona.

2. Iż-żona li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tkun ikkonfinata kif ġej:

- il-konfini tan-Nofsinhar fuq il-latitudini 4° N,

- il-konfini tat-Tramuntana fuq il-latitudini 5° T,

- il-konfini tal-Punent fuq il-lonġitudini 20° P,

- il-konfini tal-Lvant fuq il-kosta ta' l-Afrika.

3. Il-bastimenti m'għandhomx jitħallew jibdew jew jissoktaw jistadu fiż-żona u matul il-perjodu speċifikat fil-paragrafi 1 u 2 mingħajr osservatur abbord.

4. Sal-31 ta' Diċembru 2002, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jaħtru osservaturi u sabiex jiżguraw li jitpoġġew abbord il-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom jew li huma reġistrati fit-territorju tagħhom li jkunu sejrin jidħlu għal attivitajiet tas-sajd fiż-żona li jirreferi għaliha l-paragrafu 2.

5. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li l-osservaturi maħtura kif suppost jibqgħu abbord il-bastiment tas-sajd li fuqu jkunu ntbagħtu sakemm jiġu sostitwiti minn osservaturi oħrajn.

6. Il-kaptan ta' bastiment tal-Komunità li jopera fiż-żona u matul il-perjodu speċifikat fil-paragrafi 1 u 2 għandu jilqa' lill-osservatur u jikkoopera miegħu fil-qadi ta' dmirijietu matul il-mawra tiegħu abbord.

Il-kaptan ta' bastiment maħtur biex jilqa' osservatur abbord għandu jagħmel kull sforz raġonevoli sabiex jiffaċilita l-wasla u t-tluq tiegħu. Matul il-mawra ta' l-osservatur abbord hu għandu jiġi pprovdut b'alloġġ u b'faċilitajiet ta' xogħol xierqa.

7. L-arranġamenti prattiċi għall-paragrafi 4, 5 u 6 għandhom ikunu kif definiti fl-Anness II.

8. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-1 ta' Mejju ta' kull sena rapport komprensiv li jagħti stima tal-kontenut u tal-konklużjonijiet tar-rapporti ta' l-osservaturi mibgħuta fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

9. Il-perjodu li jirreferi għalih il-paragrafu 1, iż-żona li jirreferi għaliha l-paragrafu 2 u l-arranġamenti għall-ħatra ta' osservaturi stabbiliti fl-Anness II jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni skond ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-ICCAT li jorbtu lill-Komunità u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19(2).

L-Artikolu 4

1. Għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord kull kwantita ta' tonn qabbieżi, bigeye jew yellowfin li jinqabad bl-użu ta' tartaruni-borża f'ilmijiet taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tal-Portugall fis-sottożona X ta' l-ICES lejn it-Tramuntana ta' 36°30’ T jew f'żoni ta' CECAF lejn it-Tramuntana ta' 31° T u lejn il-Lvant ta' 17°30’ P, jew li jsir sajd għall-ispeċi msemmija fiż-żoni msemmija bit-tagħmir imsemmi.

2. Għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord tonn maqbud bl-użu tal-parit tal-wiċċ f'ilmijiet taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni ta' Spanja jew tal-Portugall fis-sottożoni VIII, IX u X, jew f'żoni tas-CECAF madwar il-Gżejjer Kanarji u Madejra, jew li jsir sajd għall-ispeċi msemmija fiż-żoni msemmija u bit-tagħmir imsemmi.

L-Artikolu 5

1. Sajd għat-tonn bluefin permezz ta' xbieki li jduru miegħu għandu jkun projbit:

- mill-1 sal-31 ta' Mejju fil-Baħar Mediterran kollu fl-intier tiegħu u mis-16 ta' Lulju sal-15 ta' Awissu fil-Baħar Mediterran eskluż l-Adrijatiku għal bastimenti li joperaw esklussivament jew b'mod predominanti fl-Adrijatiku;

- mis-16 ta' Lulju sal-15 ta' Awissu fil-Baħar Mediterran kollu fl-intier tiegħu mill-1 sal-31 ta' Mejju fl-Adrijatiku għal bastimenti li joperaw esklussivament jew b'mod predominanti fil-Baħar Mediterran eskluż l-Adrijatiku.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom jew li huma reġistrati fit-territorju tagħhom ikunu suġġetti għar-regoli hawn fuq imsemmija.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-limitu fuq in-Nofsinhar tal-Baħar Adrijatiku għandu jkun linja miġbuda bejn il-konfini Albaniża-Griega u l-Kap Santa Maria di Leuca.

2. L-użu ta' ajruplani jew elikotteri li jappoġġaw operazzjonijiet tas-sajd għat-tonn bluefin fil-Mediterran għandu jkun ipprojbit matul il-perjodu mill-1 sat-30 ta' Ġunju.

3. Is-sajd għat-tonn bluefin fil-Mediterran bl-użu ta' konzijiet imdendlin minn wiċċ il-baħar minn bastimenti ikbar minn 24 metru fit-tul għandu jkun ipprojbit matul il-perjodu mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Lulju ta' kull sena. It-tul applikabbli għandu jkun iddefinit mill-ICCAT u mogħti fl-Anness III.

4. Id-definizzjoni tal-perjodi u taż-żoni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu u t-tul ta' bastimenti mogħti fl-Anness III jistgħu jiġu modifikati mill-Kummissjoni skond ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-ICCAT li jorbtu lill-Komunità u skond il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 19(2).

Il-Kapitolu 2

Qies minimu

L-Artikolu 6

1. Speċi li tpassi bil-kbir għandha titqies li hija taħt il-qies jekk id-dimensjonijiet tagħha huma iżgħar mid-dimensjonijiet speċifikati fl-Anness IV għall-ispeċi relevanti

2. Id-dimensjonijiet stabbiliti fl-Anness IV jistgħu jiġu modifikati mill-Kummissjoni skond ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-ICCAT li jorbtu lill-Komunità u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19(2).

L-Artikolu 7

1. Ħut taħt il-qies li jpassi bil-kbir m'għandux jinżamm abbord jew jiġi trasbordat, imħatt, ittrasportat, maħżun, esponut jew offrut għall-bejgħ, mibjugħ jew innegozjat. Dawn l-ispeċi għandhom immedjatament jintefgħu lura 'l baħar.

Madankollu, is-sottoparagrafu preċedenti m'għandux japplika għall-ispeċi li jirreferi għalihom l-Anness IV maqbudin bi żball u li fit-total ma jkunux ta' iktar minn 15 %, espressi f'numri ta' individwi, tal-kwantitajiet imħattin. Fil-każ ta' tonn bluefin, dik it-tolleranza m'għandhiex tapplika għal ħut li jiżen inqas minn 3,2 kg.

2. Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera jew bejgħ fil-Komunità ta' ħut taħt il-qies ta' speċi li jpassu bil-kbir u li joriġinaw f'pajjiżi terzi għandu jkun ipprojbit.

L-Artikolu 8

Il-kejl tal-qies ta' ħut ta' speċi li jpassu bil-kbir għandu jsir skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 850/98.

Il-Kapitolu 3

Restrizzjonijiet fuq in-numru ta' bastimenti

L-Artikolu 9

1. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8(4)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92 [11], għandu jiddetermina n-numru u l-kapaċità totali tat-tunnellaġġ irreġistrat gross (GRT) tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li huma ikbar minn 24 metru fit-tul li jistadu għat-tonn bigeye bħala speċi immirata. Dawn għandhom jiġu iffissati bħala n-numru medju u l-kapaċità f'GRT tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jistadu għat-tonn bigeye bħala speċi mmirata fiż-Żona 1 matul il-perjodu 1991 sa 1992.

2. Mhux iktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista tal-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom u li huma reġistrati fit-territorju tagħhom li għandhom il-ħsieb li jistadu għat-tonn bigeye fiż-Żona 1 matul dik is-sena.

3. Il-listi għandhom jagħtu n-numru intern mogħti lil kull bastiment fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2090/98 [12].

4. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Istati membri skond il-paragrafi 2 u 3 il-Kunsill, waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8(4)(ii) tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, jista' jqassam fost l-Istati Membri in-numru u l-kapaċità f'GRT stabbiliti skond il-paragrafu 1.

5. Qabel il-15 ta' Awissu ta' kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista ta' bastimenti tas-sajd ikbar minn 24 metru fit-tul li jistadu għat-tonn bigeye bħala speċi immirata. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-segretarjat ta' l-ICCAT qabel il-31 ta' Awissu ta' kull sena.

6. Il-lista li jirreferi għaliha l-Paragrafu 5 għandu jkollha l-informazzjoni li ġejja:

- isem il-bastiment, in-numru ta' reġistrazzjoni,

- il-bandiera preċedenti, fejn applikabbli,

- is-sinjal ta' komunikazzjoni internazzjonali, fejn applikabli,

- it-tip ta' bastiment, it-tul u l-GRT,

- l-isem u l-indirizz tas-sid/sidien tal-bastiment.

L-Artikolu 10

1. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8(4)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, għandu jiddetermina n-numru ta' bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jistadu għat-tonn alonga ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana bħala speċi mmirata. In-numru ta' bastimenti għandu jiġi iffissat bħala n-numru medju ta' bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jistadu għat-tonn alonga ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana bħala speċi mmirata matul il-perjodu 1993 sa 1995.

2. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista tal-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom u li huma reġistrati fit-territorju tagħhom li għandhom il-ħsieb jistadu għat-tonn alonga ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana bħala speċi mmirata fiż-Żona 1 matul dik is-sena.

3. Il-listi għandhom jagħtu n-numru intern mogħti lil kull bastiment fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2090/98.

4. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri skond il-paragrafi 2 u 3 il-Kunsill, waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8(4)(ii) tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, jista' jqassam fost l-Istati Membri n-numru tal-bastimenti stabbilit skond il-paragrafu 1.

5. Qabel il-15 ta' Mejju ta' kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jwettqu sajd dirett għat-tonn alonga ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana. Sal-31 ta' Diċembru 2001 dik il-lista m'għandhiex tinkludi dawk il-bastimenti tas-sajd li jwettqu sajd sperimentali minn barra dak b'mezzi ta' parit tal-wiċċ. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-segretarjat ta' l-ICCAT qabel it-30 ta' Mejju ta' kull sena.

Il-Kapitolu 4

Miżuri oħra

L-Artikolu 11

Stati Membri jistgħu jinkoraġġixxu l-użu ta' konzijiet monofilament streamer fuq torniketti sabiex marlins blu u marlins bojod ħajjin ikunu jistgħu jinħelsu aktar faċilment.

L-Artikolu 12

Minkejja l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 850/98, kurrent elettriku u xkubetti tal-harpoons jistgħu jintużaw għall-qbid tat-tonn u tal-kelb il-baħar li jixxemmex (Cetorhinus maximus) fi Skagerrak u Kattegat.

IT-TITOLU III

MIŻURI TEKNIĊI APPLIKABBLI FIŻ-ŻONA 2

L-Artikolu 13

1. Qabel il-15 ta' Ġunju ta' kull sena Stati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista ta' bastimenti ikbar minn 24 metru fit-tul li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu għat-tonn bigeye, tonn yellowfin u tonn qabbieżi matul is-sena ta' qabel fiż-Żona 2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat ta' l-IOTC qabel it-30 ta' Ġunju ta' kull sena.

2. Il-lista li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

- isem il-bastiment, numru ta' reġistrazzjoni,

- il-bandiera preċedenti, fejn applikabbli,

- is-sinjal ta' komunikazzjoni internazzjonali, fejn applikabbli,

- it-tip ta' bastiment, it-tul u l-GRT,

- l-isem u l-indirizz ta' sid il-bastiment, l-operatur u l-kerrej.

IT-TITOLU IV

MIŻURI TEKNIĊI APPLIKABBLI FIŻ-ŻONA 3

L-Artikolu 14

1. Bastimenti tas-sajd tal-Komunità biss li joperaw taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel li lilhom ġiet allokata DML għandu jkollhom l-awtorità li jdawru qtajjiet jew gruppi ta' dniefel b'tartaruni-borża meta jistadu għat-tonn yellowfin fiż-Żona 3.

2. "DML" għandha tfisser il-limitu ta' mortalità għad-dniefel stabbilita fl-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel.

L-Artikolu 15

1. Qabel il-15 ta' Settembru ta' kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

- lista ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom b'kapaċità ta' tagħbija iktar minn 363 tunnellati metriċi (400 tunnellati netti) li applikaw għal DML għal matul is-sena kollha li jmiss;

- lista ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li aktarx sejrin joperaw fiż-żona matul is-sena li jmiss;

- lista ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li talbu DML għall-ewwel jew it-tieni nofs tas-sena ta' wara;

- għal kull bastiment li jitlob DML, ċertifikat li jgħid li l-bastiment kellu l-apparat u t-tagħmir xieraq kollu għall-protezzjoni tad-dniefel u li l-kaptan temm kors ta' taħriġ approvat dwar is-salvataġġ u l-ħelsien tad-dniefel.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet għal DML jikkonformaw mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel u l-miżuri ta' konservazzjoni adottati mill-IATTC.

3. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-listi u tiżgura li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel u l-miżuri ta' konservazzjoni adottati mill-IATTC u għandha tibgħathom lid-Direttur ta' l-IATTC.

Meta dan l-eżami jiżvela li l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kondizzjonijiet li jirreferi għalihom dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lill-Istat Membru inkwistjoni li hi ma tistax tibgħat l-applikazzjoni sħiħa jew parti minnha lid-Direttur ta' l-IATTC, filwaqt li tagħti r-raġunijiet tagħha.

4. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lil kull Stat Membru d-DML totali sabiex titqassam fost il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

5. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni it-tqassim ta' l-DML fost il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' dak l-Istat Membru sal-15 ta' Jannar ta' kull sena.

6. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lid-Direttur ta' l-IATTC il-lista u t-tqassim tad-DML bejn bastimenti tas-sajd tal-Komunità sa l-1 ta' Frar ta' kull sena.

L-Artikolu 16

1. L-użu ta' bastimenti anċillari biex jappoġġaw bastimenti tas-sajd bl-għajnuna ta' strumenti li jgħinu fil-qbid totali tal-ħut għandhom ikunu pprojbiti.

2. Trasbord fuq il-baħar għandu jkun projbit.

IT-TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI B'MOD ĠENERALI

L-Artikolu 17

1. L-iċċirkondar ta' qtajjiet jew ta' gruppi ta' mammiferi tal-baħar b'tartaruni borża għandu jkun ipprojbit, ħlief fil-każ tal-bastimenti li jirreferi għalihom l-Artikolu 14.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika għal kull bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru jew li huwa reġistrat fi Stat Membru, fi kwalunkwe ilmijiet.

IT-TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 18

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 3(9), l-Artikolu 5(4) u l-Artikolu 6(2), għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja li jirreferi għaliha l-Artikolu 19(2).

L-Artikolu 19

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KEFA għandhom japplikaw.

Il-perjodu li jipprovdi għalih l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KEFA għandu jiġi ffissat bħala tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli u l-proċeduri tiegħu.

L-Artikolu 20

1. L-Artikoli 24, 33 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 850/98 u l-iskrizzjonijiet fl-Anness XII tiegħu dwar it-tonn bluefin u l-pixxispad għandhom jiġu rrevokati.

2. L-Artikoli 3a u 5a tar-Regolament (KE) Nru 1626/94, in-notifiki fl-Anness IV tiegħu dwar it-tonn bluefin u l-pixxispad u l-Anness V tiegħu għandhom jiġu rrevokati.

3. Referenzi għar-Regolamenti, l-Artikoli u l-Annessi hawn fuq imsemmija għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond l-iskeda ta' ekwivalenza fl-Anness V.

L-Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-14 ta' Mejju 2001.

Ghall-Kunsill

Il-President

L. Rekke

[1] ĠU C 337 E, tat-28.11.2000, p. 78.

[2] L-Opinjoni mogħtija fit-28 ta' Frar 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 179, tat-23.6.1998, p. 1.

[4] ĠU L 162, tat-18.6.1986, p. 33.

[5] ĠU L 171, tas-6.7.1994, p. 1.

[6] ĠU L 125, tas-27.4.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 812/2000 (ĠU L 100, ta' l-20.4.2000, p. 3).

[7] ĠU L 236, tal-5.10.1995, p. 24.

[8] ĠU L 132, tas-27.5.1999, p. 1.

[9] ĠU L 147, tat-12.6.1999, p. 23.

[10] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[11] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1181/91 (ĠU L 164, tad-9.6.1998, p. 1).

[12] ĠU L 266, ta' l-1.10.1998, p. 27.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Lista ta' speċi li jirreferi għalihom dan ir-Regolament

- Alonga: Thunnus alalunga

- Tonn bluefin: Thunnus thynnus

- Tonn bigeye: Thunnus obesus

- Tonn qabbieżi: Katsuwonus pelamis

- Plamtu ta' l-Atlantiku: Sarda sarda

- Tonn yellowfin: Thunnus albacares

- Tonn blackfin: Thunnus atlanticus

- Tonn żgħir: Euthynnus spp.

- Tonn Southern bluefin: Thunnus maccoyii

- Tonn frigate: Auxis spp.

- Sea breams oċeaniċi: Bramidae

- Marlins: Tetrapturus spp.; Makaira spp.

- Sailfish: Istiophorus spp.

- Pixxispad: Xiphias gladius

- Sauries: Scomberesox spp.; Cololabis spp.

- Lampuki; lampuki komuni: Coryphaena hippurus; Coryphaena equiselis

- Klieb il-baħar: Hexanchus griseus; Cetorhinus maximus; Alopiidae Rhincodon typus; Carcharhinidae; Sphyrnidae; Isuridae; Lamnidae

- Ċetaċej (balieni u foċeni): Physeteridae; Belaenopteridae; Balenidae; Eschrichtiidae; Monodontidae; Ziphiidae; Delphinidae.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Arranġamenti prattiċi li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(7)

1. ĦATRA TA' OSSERVATURI

(a) Sabiex josservaw l-obbligi tagħhom li jipprovdu osservaturi, l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(4), jaħtru b'mod xieraq persunal ikkwalifikat u ta' esperjenza. Sabiex iwettqu x-xogħlijiet tagħhom il-persunal magħżul għandu jkollu l-kwalifiki li ġejjin:

- esperjenza biżżejjed biex jidentifika l-ispeċi ta' ħut u tagħmir tas-sajd;

- ħila fin-navigazzjoni marittima;

- għarfien sodisfaċenti tal-miżuri ta' konservazzjoni ta' l-ICCAT;

- il-kapaċità li jwettaq xogħlijiet xjentifiċi elementari, per eżempju jieħu kampjuni fejn meħtieġ u jagħmel bir-reqqa osservazzjonijiet u dokumenti f'dak ir-rigward;

- għarfien sodisfaċenti tal-lingwa ta' l-Istat Membru li tiegħu l-bastiment li jkun qiegħed jiġi osservat itajjar il-bandiera.

(b) l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw illi l-osservaturi jkunu milqugħa abbord il-bastiment tas-sajd fil-ħin u l-post miftiehem u sabiex jiffaċilitaw it-tluq tagħhom fi tmiem il-perjodu ta' osservazzjoni.

2. XOGĦOL L-OSSERVATURI

Ix-xogħol prinċipali ta' l-osservaturi huwa li jissorveljaw il-konformità mal-projbizzjoni li jirreferi għaliha l-Artikolu 1. B'mod partikulari, l-osservaturi maħtura għandhom:

(a) jissorveljaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti inkwistjoni u jiddokumentawhom f'rapport;

(b) jibagħtu rapport li jkun fih sommarju tas-sejbiet prinċipali ta' l-osservatur, inkluża l-informazjzoni bijoloġika miġbura, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri inkwistjoni fi żmien 20 jum wara l-perjodu ta' osservazzjoni.

3. RELAZZJONIJIET MAL-KAPTANI TAL-BASTIMENTI TAS-SAJD

(a) Il-kaptan għandu jingħata avviż kmieni biżżejjed tad-data u l-post fejn l-osservatur għandu jintlaqa' u tat-tul ta' żmien mistenni tal-perjodu ta' osservazzjoni.

(b) Il-kaptan tal-bastiment jista' jitlob kopja tar-rapport ta' l-osservatur.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

It-tul tal-bastimenti (l-Artikolu 5(4))

Id-definizzjoni ta' l-ICCAT tat-tul ta' bastimenti:

- għal kull bastiment mibni wara t-18 ta' Lulju 1982, 96 % tat-tul totali tal-linja ta' l-ilma f'punt ta' 85 % tal-fond l-inqas ifformat meqjus mill-iktar punt għoli tal-prim, jew it-tul min-naħa ta' quddiem tal-pruwa sa l-assi tal-blokka tat-tmun fuq dik il-linja ta' l-ilma, jekk ikun itwal. F'bastimenti ddisinjati bi prim angolat, il-linja ta' l-ilma li fuqha dan it-tul jitkejjel għandha tkun parallela mal-linja ta' l-ilma ddisinjata;

- għal kull bastiment tas-sajd mibni qabel it-18 ta' Lulju 1982, it-tul irreġistrat kif imniżżel fir-reġistri nazzjonali jew dokumentazzjoni oħra tal-bastimenti.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

QISIEN MINIMI

(L-Artikolu 6(1))

Speċi | Daqs minimu |

Pixxispad (Xiphias gladius) | 25 kg jew 125 ċm (xedaq t'isfel) |

Tonn bluefin (Thunnus thynnus) | 6,4 kg jew 70 ċm |

Tonn isfar (Thunnus albacares) | 3,2 kg |

Tonn bigeye (Thunnus obesus) | 3,2 kg |

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

TABELLA TA' EKWIVALENZA

(L-Artikolu 20(3))

Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 | Dan ir-Regolament |

L-Artikolu 24 | L-Artikolu 4 |

L-Artikolu 33(1) | L-Artikolu 17 |

L-Artikolu 33(2) | L-Artikolu 2 |

L-Artikolu 33(3) | L-Artikolu 14(1) |

L-Artikolu 41 | L-Artikolu 12 |

L-Anness XII li għandu x'jaqsam mat-tonn bluefin u l-pixxispad | L-Anness IV |

Ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 | Dan ir-Regolament |

L-Artikolu 3a | L-Artikolu 5 |

L-Artikolu 5a | L-Artikolu 5 |

L-Anness IV li għandu x'jaqsam mat-tonn bluefin | L-Anness IV |

L-Anness V | L-Anness III |

--------------------------------------------------

Top