EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R0448

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 448/2001 tat-2 ta' Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar il-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali

ĠU L 64, 6.3.2001, p. 13–15 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2007; Imħassar b' 32006R1828

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/448/oj

32001R0448



Official Journal L 064 , 06/03/2001 P. 0013 - 0015


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 448/2001

tat-2 ta' Marzu 2001

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar il-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 53(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bi qbil ma’ l-Artikolu 147 tat-Trattat,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar Strutturi għas-Sajd u l-Akwakultura,

Billi:

(1) L-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jeħtieġ mill-Istati Membri li jagħmlu korrezzjonijiet finanzjarji fir-rigward ta' irregolaritajiet individwali jew sistematiċi, billi tiġi kkanċellata l-kontribuzzjoni tal-Komunità jew parti minnha.

(2) Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta' din id-dispożizzjoni madwar il-Komunità kollha, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet sabiex jiddeterminaw korrezzjonijiet bħal dawn u għar-rapportar lill-Kummissjoni.

(3) Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji li l-Kummissjoni tista’ tagħmel taħt l-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 fil-każijiet fejn Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 39(1) jew l-Artikolu 38.

(4) Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-proċedura taħt l-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u għandha tiġi applikata l-istess proċedura fil-każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(5) tar-Regolament.

(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1865/90 tat-2 ta' Lulju 1990 dwar l-imgħax li għandu jitħallas fuq pagamenti li jsiru tard fil-każ ta' pagament li jsir tard ta' l-assistenza mill-Fondi Strutturali [2] għandu jiġi sostitwit. Madanakollu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1865/90 għandu jibqa’ japplika għal għajnuna mogħtija għall-perjodu tal-programm 1994-99 taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3193/94 [4].

(6) Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-irkuprar tal-għajnuna ta' l-Istat stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [5].

(7) Il-miżuri li għalihom hemm provdut f’dan ir-Regolament huma bi qbil ma l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Konverżjoni tar-Reġjuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITOLU I

Kamp ta' applikazzjoni

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 dwar il-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali li hija amministrata mill-Istati Membri.

IL-KAPITOLU II

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

L-Artikolu 2

1. Fil-każ ta' irregolaritajiet sistematiċi, kull stħarriġ taħt l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandu jkopri l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jintlaqtu.

2. Meta jikkanċellaw il-kontribuzzjoni tal-Komunità kollha jew parti minnha, l-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità ta' l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fondi.

3. L-Istati membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, bħala l-Anness għall-aħħar rapport ta' kull tliet xhur ta' kull sena pprovdut taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1681/94 [6], lista ta' proċedimenti ta' kanċellazzjoni mibdija fl-aħħar sena, flimkien ma’ informazzjoni dwar il-passi diġà meħuda jew li għad iridu jittieħdu, fejn xieraq, sabiex jaġġustaw is-sistemi ta' amministrazzjoni u ta' kontroll.

L-Artikolu 3

1. Meta jkunu jridu jiġu rkuprati ammonti wara kanċellazzjoni taħt l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, is-servizz jew il-korp kompetenti għandu jagħti bidu għal proċedimenti ta' rkupru u għandu jinnotifika lill-awtoritajiet ta' ħlas u ta' amministrazzjoni tiegħu. L-irkupri għandhom jiġu rrapportati u meqjusa bi qbil ma’ l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001 [7].

2. Il-kontribuzzjoni tal-Fondi kanċellati bi qbil ma’ paragrafu 1 ma tistax terġa tintuża għall-operazzjoni jew operazzjonijiet li kienu s-suġġett tal-korrezzjoni, lanqas, meta ssir korrezzjoni finanzjarja għal żball sistematiku, għal operazzjonijiet fejn ikun seħħ dan l-iżball sistematiku. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fir-rapport li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2(3), kif huma ddeċidew jew ipproponew li jużaw mill-ġdid il-fondi kkanċellati u, jekk ikun addattat, li jemendaw il-pjan finanzjarju għall-assistenza.

IL-KAPITOLU III

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

L-Artikolu 4

1. L-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji magħmulha mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għal irregolaritajiet individwali jew sistematiċi għandu jiġi stmat kull meta jkun possibbli u prattikabbli fuq il-bażi ta' fajls individwali u għandu jkun ugwali għall-ammont ta' nfiq mitlub bi żball mill-Fondi, wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità.

2. Meta ma jkunx possibbli jew prattikabbli li l-ammont ta' infiq irregolari jiġi kwantifikat b'mod preċiż, jew meta ma jkunx addattat li l-infiq kollu msemmi jiġi kkanċellat u l-Kummissjoni għalhekk tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq estrapolazzjoni jew rati bażi, għandha tipproċedi kif ġej:

(a) fil-każ ta' estrapolazzjoni, għandha tuża kampjun rappreżentattiv ta' transazzjonijiet b'karatteristiċi simili;

(b) fil-każ ta' rata bażi, għandha tistma l-importanza u s-severità tal-ksur tar-regoli u l-implikazzjonijet finanzjarji ta' l-irregolarità stabbilita.

3. Meta l-Kummissjoni tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq il-fatti stabbiliti mill-awdituri għajr dawk tas-servizzi tagħha stess, għandha tasal għall-konklużjonijiet tagħha stess fir-rigward tal-konsekwenzi finanzjarji tagħhom, wara li teżamina l-miżuri meħuda mill-Istat Membru konċernat taħt l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, ir-rapporti fornuti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1681/94, u kwalunkwe risposta mill-Istat Membru.

L-Artikolu 5

1. Il-perjodu ta' żmien li matulu, l-Istat Membru konċernat jista’ jirrispondi għal talba taħt l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu u, fejn xieraq, jagħmel korrezzjonijiet, għandu jkun ta' xahrejn, għajr f'każijiet iġġustifikati kif dovut fejn jista jsir ftehim għal perjodu itwal mill-Kummissjoni.

2. Fejn il-Kummissjoni tipproponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-bażi ta' estrapolazzjoni jew fuq rata bażi, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità sabiex juri, permezz ta' eżaminazzjoni tal-fajls konċernati, li l-kobor veru ta' l-irregolarità kien inqas mill-istima tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-għan ta' din l-eżaminazzjoni għal proporzjon jew kampjun xieraq tal-fajls konċernati. Għajr f'każijiet iġġustifikati kif dovut, il-ħin permess għal din l-eżaminazzjoni m'għandux jaqbeż perjodu ieħor ta' xahrejn wara l-perjodu ta' xahrejn li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1. Ir-riżultati ta' eżaminazzjoni bħal din għandhom jiġu analizzati bil-mod speċifikat fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999. Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe evidenza pprovduta mill-Istat Membru fi ħdan il-limiti ta' żmien.

3. Kull meta l-Istat Membru joġġezzjona għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u ssir seduta taħt it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-perjodu ta' tliet xhur li matulu l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 39(3) ta' dak ir-Regolament għandu jibda mid-data tas-seduta.

L-Artikolu 6

F'każijiet li fihom il-Kummissjoni tkun issospendiet pagamenti taħt l-Artikolu 38(5) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jaħdmu bis-sħiħ sabiex jilħqu ftehim fi żmien perjodu ta' ħames xhur li hemm referenza għalih fl-Artikolu 38(5) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 bi qbil mal-proċedura u l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (2). Jekk ma jkun intlaħaq ebda ftehim, għandu japplika l-Artikolu 5(3).

L-Artikolu 7

1. Kull pagament mill-ġdid li għandu jsir mill-Kummissjoni bi qbil ma’ l-Artikolu 39(4) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandu jsir qabel id-data ta' għeluq indikata fl-ordni għall-irkupru stabbilita bi qbil ma l-Artikolu 28 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Din id-data sa liem'għandu jsir il-pagament għandha tkun l-aħħar ġurnata tat-tieni xahar wara l-ħruġ ta' l-ordni.

2. Kull dewmien fil-pagament għandu jagħti bidu għal ħlas ta' interessi fir-rigward tal-ħlas magħmul tard, li jibda f'dik id-data ta' meta jkun dovut il-pagament li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 u li jispiċċa fid-data ta' meta jsir il-pagament. Ir-rata ta' dawn l-interessi għandha tkun punt perċentwali wieħed u nofs ogħla mir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid prinċipali fl-ewwel jum ta' ħidma tax-xahar li fih tkun taħbat id-data ta' meta jkun dovut il-pagament.

3. Korrezzjoni finanzjarja taħt l-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 m'għandhiex toħloq preġudizzju għall-obbligu ta' l-Istat Membru li jkompli fl-irkupri taħt l-Artikolu 38(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u l-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament u għall-irkupru ta' l-għajnuna ta' l-Istat taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

IL-KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 8

Ir-Regolament (KEE) Nru 1865/90 qed jiġi hawn irrevokat.

Madanakollu d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jibqgħu japplikaw għal assistenza mogħtija għall-perjodu tal-programm 1994-99 taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88.

L-Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-2 ta' Marzu 2001.

Għall-Kummissjoni

Michel Barnier

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

[2] ĠU L 170, tat-3.7.1990, p. 35.

[3] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 9.

[4] ĠU L 337, ta' l-24.12.1994, p. 11.

[5] ĠU L 83, tas-27.3.1999, p. 1.

[6] ĠU L 178, tat-12.7.1994, p. 43.

[7] ĠU L 63, tat-3.3.2001, p. 21.

--------------------------------------------------

Top