Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R2909

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2909/2000 tad-29 ta' Diċembru 2000 dwar l-amministrazzjoni tal-kontijiet ta' l-assi fissi li mhumiex finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU L 336, 30.12.2000, p. 75–81 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2004; Imħassar b' 32005R0643

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/2909/oj

32000R2909



Official Journal L 336 , 30/12/2000 P. 0075 - 0081


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2909/2000

tad-29 ta' Diċembru 2000

dwar l-amministrazzjoni tal-kontijiet ta' l-assi fissi li mhumiex finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 2673/1999 [2], u partikolarment l-Artikoli 65 u 72 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom, KEFA, KE) Nru 3418/93 tad-9 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 [3], kif l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni 2000/716/KE [4], u partikolarment l-Artikolu 21 tiegħu,

Wara li kkonsultat ma' l-Uffiċjali tal-Kontijiet tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizja, il-Qorti ta' l-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Ombudsman Ewropew,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

APPLIKABILITÀ

Artikolu 1

L-applikabilità fir-rigward tas-suġġett in kwestjoni.

1. Dan ir-Regolament għandu jkun applikabbli għall-operazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-assi fissi tanġibbli u mhux tanġibbli li jifformaw parti mill-proprjetà li tappartjeni lill-Komunitajiet.

2. L-assi fissi tanġibbli u mhux tanġibbli kollha li, filwaqt li jkunu maħsuba illi jservu l-attivitajiet tal-Komunitajiet fuq bażi fit-tul skond it-termini ta' l-Artikolu 65 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 130 tar-Regolament (Euratom, KEFA, KE) Nru 3418/93, għandhom jiddaħlu fl-inventarju u għandhom jifformaw parti mill-propjetà li tappartjeni lill-Komunitajiet u għandhom jiddaħlu fil-balance sheet tal-Komunitajiet.

Artikolu 2

Skop istituzzjonali

1. Dan ir-Regolament għandu jkun applikat mill-Uffiċjali tal-Kontijiet ta' l-Istituzzjonijiet kollha.

2. L-Istituzzjonijiet għandhom ikunu dawk imniżżla fl-Artikolu 12 tar-Regolament Finanzjarju.

TITOLU II

STRUTTURA TAL-BALANCE SHEET

Artikolu 3

L-istruttura tal-balance sheet

L-assi fissi koperti b'dan ir-Regolament għandhom jiddaħlu fin-naħa ta' l-assi tal-Balance Sheet taħt l-intestatura "assi fissi" u mqassmin kif ġej:

- l-assi mhux tanġibbli,

- l-assi tanġibbli:

- l-art u l-bini,

- l-impjant, il-makkinarju u l-għodod,

- l-għamara u l-flotta ta' vetturi,

- l-apparat tal-kompjuter,

- il-kirjiet finanzjarji u l-intitolamenti simili,

- l-assi tanġibbli oħra,

- l-assi tanġibbli li jkunu jinstabu fil-kostruzzjoni, avvanzi u pagamenti b'akkont f'dak li jirrigwardja l-assi tanġibbli.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAD-DETTALJI DIFFERENTI FIL-BALANCE SHEET

Kapitolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 4

Il-kirjiet finanzjarji u l-intitolamenti simili

1. Il-klassifika tal-kirjiet bħala assi fissi skond it-termini ta' dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq il-limiti li r-riskji u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-propjetà ta' l-assi mikrija jaqgħu fuq min jikri jew il-kerrej u għandha tiddependi fuq is-sustanza tat-tranżazzjoni aktar milli fuq il-għamla tal-kuntratt.

2. Il-kirja għandha tkun ikklassifikata bħala kirja finanzjarja jew intitolament simili skond it-termini ta' dan ir-Regolament jekk din tittrasferixxi r-riskji u l-benefiċċji sostanzjali li jirriżultaw mill-propjetà ta' l-assi lill-kerrej.

3. Ir-riskji għandhom jinkludu l-possibiltajiet ta' telf minn kapaċità li ma tkunx utiliżżata biż-żejjed, li jitwarrbu minħabba l-antikità jew it-tibdil fl-effitività ta' l-ispiża dovuti għall-kondizzjonijiet ekonomiċi. Il-benefiċċji jistgħu jkunu rappreżentati bl-istennija ta' l-operazzjoni ta' qliegħ fuq il-ħajja ekonomika tal-assi u l-qliegħ minn żieda fil-valur jew l-akkwist tal-valur li jibqa'.

4. L-assi koperti b'kiri finanzjarju li ma jittrassferix sostanzjalment ir-riskji u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-proprjetà sħiħa għall-kerrej u l-assi koperti b'kirja ta' aktar minn ħames snin għandhom ikunu mdaħħla fl-anness ta' l-istqarrijiet finanzjarji fil-kapitolu għall-passiv li jkun ‘il barra mill-balance sheet.

Artikolu 5

Assi anċillari għal assi prinċipali

Il-valur jew il-ħajja utili ta' l-assi li huma inseparabbli minn jew marbuta permanenti ma affarijiet oħra ta' propjeta mobbli jew immobli għandu jkun miżjud mal-valur tal-ħajja utili ta' l-assi prinċipali li magħhom ikunu marbuta.

Artikolu 6

Assi li jiffurmaw parti minn ħaġa sħiħa

Kompnenti separati ta' biċċa apparat jew stallazzjoni teknika għandhom jiffurmaw parti minn ħaġa sħieħa meta dawk ikunu jistgħu joperaw biss flimkien. F'dak il-każ, dawn għandhom ikunu ittrattati bħala assi singoli.

Kapitolu 2

Dispożizzjonijiet speċjali

Artikolu 7

Art u bini

1. L-intestat "art u bini" għandhom jinkludu drittijiet tal-propjetà u l-intestat simili kif definit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż li fih l-assi jkunu jinstabu.

Dan li ġej għandu ikun meqjus bħala art:

- art vojta,

- art żvillupata,

- art mibnija.

2. Dan li ġej għandu ikun meqjus bħala bini:

- bini liberu u frank ta' l-istituzzjonijiet,

- bini ta' propjeta bi sħab ma l-kompropjetarji,

- ħwejjeġ marbuta mal-post skond it-termini tal-paragrafu 3.

3. Kull oġġett ta' propjeta mobbli li tkun imwaħla permanenti u inseparabbli mal-bini (bħal ma huma definiti fl-ewwel u t-tieni inċiżi ta' paragrafu 2) għandhom jikkostitwixxu ħwejjeġ marbuta mal-post.

Artikolu 8

Impjant, makkinarju u għodod

L-impjant u l-makkinarju għandu jinkludi impjanti differenti, oġġetti, strumenti u makkinarju meħtieġ għall-funzjonament ta' attivitajiet xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi. L-Għodod għandhom jinkludu l-istrumenti kollha u l-għodod li l-użu tagħhom, b'konnessjoni ma' l-apparat, jispeċjaliżża dak l-apparat għall-użu partikolari.

Artikolu 9

Għamara u flotta ta' vetturi

L-Għamara għandha tinkludi l-proprjetà mobbli, bħal ma huma mwejjed, siġġijiet, armarjijiet u skrivaniji.

Il-flotta tal-vetturi għandha tfisser il-flotta tal-vetturi ta' kull tip.

Artikolu 10

Hardware

Il-hardware għandu jinkludi stallazzjonijiet speċifiċi, il-makkinarju u l-istrumenti li l-użu tagħhom jinħtieġ programmi (software) u li huma intenzjonati għall-proċessar ta' informazzjoni.

Artikolu 11

Assi fissi tanġibbli fil-kors tal-kostruzzjoni

L-assi fissi tanġibbli li mhumiex kompluti fil-jum meta l-kontijiet ikunu magħluqa għandhom jitqiesu bħala assi fissi tanġibbli fil-kors tal-kostruzzjoni. L-assi fissi huma meqjusa bħala kompleti mill-mument li fih dawn jibdew jintużaw.

Artikolu 12

Assi fissi mhux tanġibbli

1. L-assi identifikati li ma humiex ta' natura mhux-monetarja u mingħajr għamla fiżika għandhom ikunu meqjusa bħala assi fissi mhux tanġibbli.

Biex ikunu inklużi ma' l-assi fil-balance sheet, assi bħal dawn għandhom ikunu ikkontrollati mill-Istituzzjoni u għandhom jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi għall-Komunitajiet Ewropej.

2. Il-programmi tal-kompjuter koperti b'liċenzja jew akkwistati permezz ta' kuntratt kbir għandhom ikunu meqjusa bħala assi fissi mhux tanġibbli.

Il-programmi żviluppati mill-Istituzzjinijiet ma jikkostitwixxux assi fissi mhux tanġibbli.

Artikolu 13

Assi fissi oħrajn tanġibbli jew mhux tanġibbli

L-assi fissi tanġibbli fil-qofol ta' dak li jfissru l-Artikoli 1 sa 11 li ma jappartjenux lill-kategoriji preċedenti, bħal ma huma xkaffar li jista jinqala, paraventri, art falza u soqfa foloz, u l-wires, għandhom ikunu meqjusa bħala assi fissi tanġibbli oħrajn. Assi fissi mhux tanġibbli skond it-termini ta' dak li jfisser l-Artikolu 12 li ma jappartenux għall-kategorija preċedenti (programmi tal-kompjuter) għandhom ikunu meqjusa bħala assi fissi mhux-tanġibbli oħrajn.

Artikolu 14

Avvanzi u pagament b'akkont f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-akkwist ta' assi fissi

Somom imħallsa qabel ma l-fornitur ikun beda jwaettaq l-ordni jew wara prova ta' twettieq parzjali ta' kuntratt jew ordni għandhom jitqiesu bħala avvanzi u pagament b'akkont.

TITOLU IV

REGOLI TAL-VALUTAZZJONI

Kapitolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 15

Valutazzjoni

1. Assi fissi għandhom ikunu ivvalutati fil-prezz ta' l-akkwista tagħhom, bl-eċċezzjoni ta' l-assi ipproduċuti mill-Komunitajiet Ewropej, li għandhom ikunu ivvalutati fil-valur tan-nefqa tal-produzjoni, mingħajr preġudizju għal dawn il-paragrafi li ġejjin.

2. Il-prezz ta' l-akkwist jew in-nefqa tal-produzjoni ta' assi fissi li l-użu tagħhom huwa limitat fiż-żmien għandu jkun imnaqqas permezz ta' l-aġġustamenti tal-valutazzjoni ikkalkulati b'tali mod hekk jkun hemm deprezzament ta' dawk l-assi sistematikament matul il-ħajja użabbli tagħhom.

3. Aġġustamenti għall-valutazzjoni għandhom isiru għal assi fissi, sew jekk l-użu tagħhom huwa limitat fiż-żmien u anki jekk le, sabiex tingħatalhom il-valur l-aktar baxx li għandu jkun assenjat lilhom fid-data tal-balance sheet meta l-iżvalutar tagħhom ikun meqjus bħala permanenti.

Il-valutazzjoni fil-valur l-aktar baxx m'għandhiex tinżamm meta r-raġunijiet għall-aġġustamenti tal-valutazzjoni ma jkunux japplikaw aktar.

4. Assi fissi għandhom ikunu ivvalutati mill-ġdid meta, wara stimi independenti, ikun muri li l-valur reali tagħhom ikun jisboq dak li jkun hemm imniżżel fil-kotba. Dan l-apprezzament għandu jkun permanenti.

Artikolu 16

Valur tal-kotba

Il-valur tal-kotba ta' l-assi fissi għandu jkun ugwali għall-prezz ta' l-akkwist tiegħu jew ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni, b'żieda jew tnaqqis ta' valutazzjoni mill-ġdid, deprezzament u ammonti oħra maqtuha.

Artikolu 17

L-użu tal-euro

1. L-assi fissi għandhom ikunu murija fl-euro.

2. Meta l-prezz tax-xiri jkun tħallas f'munita oħra apparti minn euro, dan għandu jiġi kkonvertit fil-euro bir-rata applikabbli fid-data ta' l-akkwist.

3. Id-data ta' l-akkwist jew id-data tad-dħul għandha tkun taqbel mad-data li fiha r-riskju tal-propjetà ta' l-assi tkun trasferita lill-Komunitajiet Ewropej, li ġeneralment tikkorrispondi ma' l-aċċettazzjoni tal-forniment ta' l-assi u l-wasla tal-fattura; fid-data tal-balance sheet, xi diskrepanzi bejn il-fattura, il-forniment u t-trasferiment tal-pussess għandhom ikunu regolati.

Artikolu 18

Prezz ta' l-akkwist - assi akkwistati għall-konsiderazzjoni

1. Il-prezz ta' l-akkwist għandu jkun ikkalkolat billi jiżdiedu l-ispejjeż inċidentali u l-ispejjeż ta' l-akkwist tal-prezz tax-xiri.

2. L-ispejjeż inċidentali għandhom jinkludu l-ispejjeż tat-trasport biex jinġarr l-oġġett lejn il-post għall-istallazzjoni oriġinali tiegħu u l-ispejjeż ta' l-istallazzjoni, armar u s-sengħa biex ikun assigurat li dan jiffunzjona sodisfaċentement, sa kemm dawn l-ispejjeż ma jkollhomx fattura separata fuq il-bażi ta' prezz fiss. Spejjeż inċidentali għandhom jinkludu wkoll in-nefqa għal titjib li jkollha l-effett li ttawwal il-ħajja utili ta' l-assi fissi u/jew li ttejjeb il-funzjonar tagħhom.

3. L-ispejjeż ta' l-akkwist għandhom jinkludu l-ħlasijiet tal-periti u għall-kostruzzjoni u l-armar tal-bini jew partijiet tal-bini.

4. Dawn l-affarijiet ta' nefqa li ġejjin m'għandhomx ikunu inklużi fil-prezz tax-xiri:

(a) Il-VAT u t-taxxi li jistgħu jkunu irkuprati minn awtoritajiet pubbliċi bis-saħħa tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' ftehim simili (Konvenzjoni ta' Vjenna, ftehim ta' l-uffiċju prinċipali);

(b) l-ispejjeż tat-trasport involuti wara li l-oġġett ikun ġie ttrasportat lejn il-post tal-istallazzjoni orġinali tiegħu;

(ċ) il-manteniment u l-ispejjeż tat-tiswijja, it-taxxi tat-trasferiment, il-miżati professjonali apparti mill-ħlasijiet tal-periti, is-senserija, l-ispejjeż legali, l-ispejjeż ta' garanzija, l-ispejjeż tat-tiġdid tal-garanzija;

(d) l-imgħax fuq is-self meħud sabiex jiffinanzja x-xiri.

Artikolu 19

Assi akkwistati mingħajr ħlas

1. L-assi akkwistati mingħajr ħlas għandhom ikunu ivvalutati bil-valur tagħhom fuq is-suq. B'danakollu, l-oġġetti ta' l-arti għandhom ikunu ivvalutati fuq il-valur ta' l-assigurazzjoni tagħhom jew valur estimat jew, meta ma jkunux assigurati jew estimati, b'ammont nominali.

2. Il-valur tas-suq ta' l-assi għandu jkun il-prezz li għalih xerrej ikun lest li li jħallas, wara li jkun ikkunsidra l-kondizzjoni u l-lokalità tiegħu u billi jassumi li dan ikun jista' jibqa' jiġi wżat.

3. Jekk il-valur tas-suq ta' l-assi ma jkunx jistaa jiġi iddeterminat, il-valur ta' l-inventarju għandu jkun bħal dak ta' assi simili.

Artikolu 20

Spejjeż tal-produzjoni

1. L-assi prodotti mill-Komunitajiet Ewropej għandhom ikunu ivvalutati skond l-ispejjeż tal-produzjoni tagħhom.

2. L-ispejjeż tal-produzjoni għandhom ikunu akkwistati billi jiżdied il-prezz ta' l-akkwista tal-materja prima u l-materjali l-oħra li jinħlew ma' l-ispejjeż direttament attribwiti għall-produzjoni ta' l-assi f'dak il-każ.

3. Il-proporzjon xieraq ta' l-ispejjeż li jkunu biss inderettament attribwiti għal prodott f'dak il-każ jistgħu jiżdiedu ma' l-ispejjeż tal-produzjoni sal-limiti li dawn ikunu marbuta mal-perjodu tal-produzjoni.

Kapitolu 2

Dispożizzjonijiet speċjali

Artikolu 21

Kirjiet finanzjarji

1. L-assi koperti b'kirjiet finanzjarji għandhom ikunu ivvalutati fid-data tad-dħul b'effett tal-kera bl-anqas minn dawn iż-żewġ valuri:

- il-valur tas-suq ta' l-assi,

- il-valur imraħħas tal-pagamenti minimi tal-kera dovut.

2. Il-pagamenti minimi tal-kera dovuta għandu jkun l-ammont totali (inklużi l-pagamenti tal-kera u, fejn xieraq, l-ispejjeż ta' l-eżerċitar ta' l-għażla tax-xiri) li l-Istituzzjoni tkun meħtieġa li tħallas matul it-termini tal-kera, esklużi ħlasijiet amministrattivi u taxxi.

3. Ir-rata ta' l-imgħax li għandha tkun użata biex ikun ikkalkulat il-valur imraħħas tal-pagamenti li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2 hija r-rata tat-traħħis imsemmija fil-kuntratt. Jekk din ma tkunx espressament imsemmija fil-kuntratt, ir-rata mraħħsa, impliċita fil-kera, għandha tkun ikkalkulata.

Artikolu 22

Programmi tal-kompjuter

1. Il-prezz tax-xiri tal-programmi tal-kompjuter kopert b'liċenza tas-sit li tkun tenħtieġ lill-Istituzzjoni li tħallas ammont dritt irrispettivament minn-numru ta' dawk li jagħmlu użu għandha tkun ir-remunerazzjoni għall-akkwist ta' dak l-intestat.

2. Il-prezz tax-xiri tal-programmi tal-kompjuter akkwistati permezz ta' akkont ta' kuntratt kbir li jenħtieġ li l-Istituzzjoni tħallas ammont għal kull wieħed li jagħmel użu għandu jkun it-total tal-prezz imħallas fir-rigward ta' kull wieħed li jagħmel użu.

3. Bi qbil mad-dosposizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, dawn li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-prezz tax-xiri sabiex jintlaħaq il-prezz ta' l-akkwist:

(a) l-ispejjeż inċidentali assoċjati direttament jew inderettament ma' l-akkwist, minfuqa biex il-programm ikunu jista' jintuża, qabal ma jidħol fl-użu attwali;

(b) spiża minfuqa biex jittejjeb programm eżistenti għandha tkun inkluża jekk ikollha l-effett li ttawwal il-ħajja utili jew ittejjeb l-eżekuzzjoni tal-programm.

4. Dawn li ġejjin m'għandhomx ikunu inklużi fl-ispejjeż ta' l-akkwist:

(a) l-ispejjeż involuti biex jiddaħlu d-data ta' nfieq wara li l-programm ikunu diġà beda jintuża;

(b) l-ispejjeż tal-manteniment.

Artikolu 23

Avvanzi u pagamenti b'akkont

Avvanzi u pagamenti b'akkont għandhom ikunu ivvalutati fuq il-valur teoriku.

Artikolu 24

Art u bini

M'għandux ikun hemm ħtieġa li jkun valutat sit ta' art li jkun ġie ittrasferit suġġett għal kondizjonijiet preċedenti.

Kapitolu 3

Tibdil ta' wieħed mill-assi b'ieħor u titjib

Artikolu 25

Tibdil

Meta l-assi ġodda jkunu akkwistati purament bi tpartit ta' wieħed qadim, jew meta assi ġodda jkunu akkwistati bħala tpartit attwali għal wieħed qadim jew bħala parti mill-ħlas monetarju, l-assi l-qadim għandu jitneħħa mill-balance sheet u l-assi l-ġdid għandu jiddaħħal fil-balance sheet bil-valur tas-suq, stabbilit skond l-Artikolu 19.

Artikolu 26

Titjib

It-titjib ta' l-assi mdaħħla fil-balance sheet għandhom iżidu l-valur fil-ktieb. It-titjib għandu jkun ivvalutat bi qbil mal-Kapitoli 1 u 2 ta' dan it-Titolu.

Kapitolu 4

Deprezzament

Artikolu 27

Definizzjoni

1. Id-deprezzament għandu jinftiehem bħala l-istima fil-kotba tat-tnaqqis fit-tul u, normalment, irreversibli fil-valur ta' l-assi fissi li jirriżulta, per eżempju, mill-użu tagħhom matul iż-żmien jew minn evoluzzjoni teknoloġika. Għandu jikkonsisti fit-tqassim, matul il-ħajja utili mistennija ta' l-assi fissi, tal-valur ta' l-assi skond skeda li tkun stabbilita minn qabel.

2. Deprezzament għandu jibda mis-sena li fiha l-assi jitqiegħdu għall-użu u għandu jkun ikkalkulat fi snin sħaħ, irrispettivament mill-punt li fih dan iseħħ matul is-sena.

3. Meta l-ħajja utili reali ta' l-assi teċċedi il-perijodu ta' deprezzament, l-assi għandhom jibqgħu fil-balance sheet fit-tmiem tal-perijodu ta' deprezzament, bid-deprezament li jkun ugwali għal 100 % tal-valur fil-kotba.

Artikolu 28

Assi suġġetti għal deprezzament

1. L-assi kollha mdaħħla fil-balance sheet, b'eċċezzjoni ta' l-art, assi fissi fil-kors tal-kostruzzjoni, avvanzi u pagament b'akkont kif definiti fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament u oġġetti tal-arti kif refereiti fl-Artikolu 19, għandhom ikunu iddeprezzati. Dan id-deprezzament huwa speċifiku għal l-assi li jkun marbut magħhom.

2. Assi b'karatteristiċi tekniċi jew ġuridiċi simili jistgħu jkunu suġġetti għal deprezzament globali.

Artikolu 29

Regoli u metodu tad-deprezzament

1. L-Uffiċjal tal-Kontijiet tal-Kummissjoni għandu jkun responsabbli sabiex jistipula r-regoli w ir-rati tad-deprezzament u jistabbilixxi kriterja w arranġamenti oħra għall-applikar tal-prinċipji għad-deprezzament ta' assi assenjati lill-Istituzzjonijiet.

2. Il-metodu ta' deprezzament għandu jkun applikat bil-metodu ta' linja dritta, apparti minn eċċezzjonijiet stipulati mill-Uffiċjal tal-Kontijiet tal-Kummissjoni.

Artikolu 30

Rata ta' deprezzament

1. Ir-rati ta' deprezzament applikati għandhom ikunu dawk rikjesti fl-Anness 1, mingħajr preġudizzju għall-aġġustamenti aktar tard li għandhom ikunu stabbiliti mill-Uffiċjal tal-Kontijiet tal-Kummissjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 29(1).

2. Għal ċertu kategoriji ta' assi (inklużi d-djar) li jkollhom id-delegazzjonijiet, li jkunu jinstabu f'pajjiżi li ma humiex membri, rati speċjali jistgħu ikunu stabbiliti mill-Uffiċjal tal-Kontijiet tal-Kummissjoni.

Artikolu 31

Deprezzament ta' assi ri-valutati

Meta l-assi fissi jkunu ri-valutati skond it-termini ta' l-Artikolu 15, deprezzament ta' assi rivalutati għandu jibqa' sejjer matul il-ħajja residwa tagħhom, fuq il-bażi tal-valur ri-valutat.

Artikolu 32

Tibdil ta' assi u titjib

1. Meta oġġett ta' assi jkun mibdul b'ieħor, il-kalkolu tad-deprezzament għandha tqis il-valur ta' l-assi l-ġodda, iddeterminati bi qbil mar-regoli rikjesti fl-Artikolu 25, u d-data li fiha l-assi l-ġodda jitqiegħdu fis-servizz.

2. Meta l-assi fissi jkollhom titjib, deprezzament ta' l-assi mtejba għandhom jibqgħu sejrin matul il-ħajja residwa tagħhom billi tittieħed konjizzjoni ta' valur il-ġdid.

Kapitolu 5

Telf jew twarrib

Artikolu 33

Telf jew twarrib

Meta assi ma jkunux jifformaw aktar parti mill-propjetà li tappartjeni lill-Komunitajiet bħala riżultat ta' bejgħ, aċċettazzjoni bħala tpartit parzjali minn parti terza, tfarrik, jew twarrib mingħajr ħlas, qerda, telf jew serq jew għal xi raġuni oħra, il-valur tiegħu u d-deprezzament akkumulat m'għandux jidher aktar fil-balance sheet.

TITOLU V

DĦUL FIL-KONTIJIET

Artikolu 34

Akkwist

1. L-assi akkwistati għall-konsiderazzjoni huma murija fin-naħa ta' l-assi tal-balance sheet taħt l-intestatura "assi fissi" għall-ammont li jkunu korrispondenti mal-prezz ta' l-akkwist. Fuq in-naħa l-oħra għandu jkun hemm it-tnaqqis ta' l-ammont ta' flus fil-bank.

2. Meta l-assi jkunu akkwistati mingħajr ħlas, il-valur tas-suq tiegħu għandu jkun iddebitat lill-intestatura "assi fissi" u ikkreditat lill-intestatura "kapital propju".

3. L-oġġetti prodotti mill-Kumunitajiet huma iddebitati fin-naħa ta' l-assi tal-balance sheet taħt l-intestatura "assi fissi" bl-ispejjeż tal-produzjoni. Dawn ikunu ikkreditati fil-kont tad-dħul u l-infieq "riżultat aġġustat - produzjoni ta' l-assi".

Artikolu 35

Kirjiet finanzjarji

Il-valur ta' l-assi koperti minn kirjiet finanzjarji, ikkalkolati bi qbil mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 21, għandhom ikunu murija fil-kontijiet fuq in-naħa ta' l-assi taħt intestat "assi fissi" u fuq in-naħa tal-passiv taħt l-intestat "kapital" għall-ammont imħallas u taħt intestatura "ammonti pagabbli wara sena" u "ammonti pagabbli fi żmien sena" għall-ammont li jkun għad irid jitħallas.

Artikolu 36

Aġġustament ta' valur

1. Għall-iskopijiet tal-preżentazzjoni fil-balance sheet, l-aġġustamenti tal-valur fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 15 magħmul wara d-deprezzament, ri-valutazzjoni jew l-ammonti maqtuha għandhom ikunu inklużi direttament fl-assi fissi.

2. It-tabella tal-kontijiet għandha tinkludi l-kontijiet li fihom deprezzament, ammonti mħassra u ri-valutazzjoni huma murija separatament.

3. L-ammont ta' deprezzament u l-ammonti maqtuha għandhom ikunu iddebitati fil-kont ta' qliegħ u telf "riżultati aġġustati - deprezzament/ammonti maqtuha".

4. L-ammont ta' ri-valutazzjoni huwa ikkreditat fil-kont ta' passiv għal "riserva ta' ri-valutazzjoni".

Artikolu 37

Telf jew twarrib

Meta l-assi ma jkunux jagħmlu aktar parti mill-propjetà li tappartieni lill-Komunitajiet għal xi waħda mir-raġunijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 33, id-differenza (pożittiva jew nagattiva) bejn il-valur fil-kotba u l-ammont akkwistat mat-telf jew twarrib għandu jiddaħħal fil-kont tad-dħul u l-infieq "riżultati aġġustati - tneħħija ta' assi fissi".

TITOLU VI

SISTEMI TA' AMMINISTRAZZJONI

Artikolu 38

Sistemi ta' amministrazzjoni

Is-sistemi ta' amministrazzjoni ta' l-assi li jappartjenu lil-Komunitajiet għandhom ikunu tajbin biex jipprovdu id-dettalji kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni ta' kull oġġett. Is-sistema għandha tippermetti t-teħid ta' inventarji perjodiċi biex ikunu ivverifikati id-dħul tal-kontijiet u l-kalkolazzjoni tad-deprezzament.

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U DEROGAZZJONIJIET

Artikolu 39

Aġġustament

Il-Kummissjoni tista' tagħmel xi aġġustamenti għal dan ir-Regolament li awtomatikament jirriżultaw mill-emendi magħmula fir-Regolament Finanzjarju jew ir-Regolament (Euratom, KEFA, KE) Nru 3418/93.

Artikolu 40

Konformità

L-Uffiċjal tal-Kontijiet ta' kull Istituzzjoni għandu jassigura li r-regoli interni kollha li jikkonċernaw l-amministrazzjoni ta' inventarji jkunu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Tħassir

Ir-regoli l-oħra kollha li jikkontradixxu d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mħassra, u partikolarment l-Artikoli 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 10, 27, 28, 29, 55, 56 u 57 tar-Regolament dwar l-inventarji u l-amministrazzjoni tal-propjetà tal-Komunitajiet Ewropej addottati bi proċedura bil-miktub fit-22 ta' Jannar 1997.

Artikolu 42

Derogazzjonijiet

Bħala derogazzjoni mill-Artikolu 18, il-bini akkwistat qabel l-1981 għandu jkun imdaħħal fil-kontijiet billi tintuża r-rata tal-kambju għall-ECU għax-xahar ta' Jannar 1981.

Artikolu 43

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Diċembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Michaele Schreyer

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1.

[2] ĠU L 326, tat-18.12.1999, p. 1.

[3] ĠU L 315, tas-16.12.1993, p. 1.

[4] ĠU L 290, tas-17.11.2000, p. 52.

--------------------------------------------------

ANNESS

Tabella ta' rati ta' deprezzament

Tip ta' assi | Rati ta' deprezzament fuq linja-dritta (%) |

Programmi tal-kompjuter | 25 |

Hardware tal-kompjuter | 25 |

Impjant, makkinarju u għodod

Kċejjen - Kaffetteriji - Creches

Apparat żgħir ta' l-elettriku | 25 |

Reġistri tal-flus | 25 |

Apparat ta' kċejjen kbar | 12,50 |

Għamara speċifika għal kċejjen u Kaffetteriji | 12,50 |

Għamar speċifika għal-lokalitajiet għat-trabi | 25 |

Apparat tat-telekomunikazzjoni u awdjo-viżiv

Settijiet tat-telefon u magni tal-fax | 25 |

Earphones, headsets. Microphones | 25 |

Video cameras | 25 |

Video recorders | 25 |

Tape recorders u magni tad-dettar | 25 |

Projetturi (tas-slides u overhead) | 25 |

Tgħamir fotografiku | 25 |

Lożor tal-projjezzjoni | 25 |

Settijiet tat-televiżjoni u radjijiet, monitors (apparti minn tal-kompjuter) | 25 |

Tgħamir tekniku

Stampar, posta, sigurta, bini, għodda | 12,50 |

Apparat tal-kejl u tal-laboratorju | 25 |

Impjant ieħor, makkinarju u għodod | 12,50 |

Xkaffar li jinqala, paraventri, artijiet foloz, soffa foloz u wajer | 25 |

Flotta tal-vetturi | 25 |

Oġġetti mobbli | 10 |

Oġġetti immobli | 4 |

Art | Mhux relevanti |

--------------------------------------------------

Top