Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000D2298

    Id-Deċiżjoni Nru 2298/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 Settembru 2000 li temenda d-Deċiżjoni 96/411/KE dwar it-titjib fl-istatistiċi ta’l-agrikoltura tal-KomunitàTest b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 263, 18.10.2000, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/2298/oj

    32000D2298



    Official Journal L 263 , 18/10/2000 P. 0001 - 0002


    Id-Deċiżjoni Nru 2298/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tat-28 Settembru 2000

    li temenda d-Deċiżjoni 96/411/KE dwar it-titjib fl-istatistiċi ta’l-agrikoltura tal-Komunità

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 285 tagħha,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

    Billi:

    (1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/411/KE tal-25 Ġunju 1996 dwar it-titjib fl-istatistiċi ta’l-agrikoltura tal-Komunità [3], hija mfassla sabiex tippermetti li dawk l-istatistiċi jirrispondu b’mod aktar sodisfaċenti għall-ħtiġiet ta’l-informazzjoni li joħorġu mir-riforma tal-politika agrikola komuni.

    (2) Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 96/411/KE jagħmel stima pożittiva dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni.

    (3) Il-proċess ta’l-adattament ta’ sistemi nazzjonali ta’l-istatistika għall-ħtiġiet li joħorġu mir-riforma tal-politika agrikola komuni għadu ma tlestiex.

    (4) Kemm l-iżvilupp intern tal-politika agrikola komuni kif ukoll il-kuntest estern tat-tkabbir lejn il-Lvant, u l-ftuħ ta’ serje ġdida ta’ negozjati multilaterali dwar il-kummerċ, jitolbu identifikazzjoni aħjar tal-ħtiġiet ta’l-istatistika u, fejn ikun xieraq, għal miżuri sabiex jitlesta l-qafas regolatorju preżenti li jistabbilixxi l-iskop ta’l-informazzjoni ta’l-istatistika dwar il-politika agrikola komuni li l-Istati Membri huma obbligati li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

    (5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/126/KE tat-22 Diċembru 1998 dwar il-programm ta’l-istatistika tal-Komunità 1998 sa 2002 [4] tirrakkomanda kontinwazzjoni ta’l-azzjonijiet biex jiġu mtejba l-istatistiċi agrikoli eżistenti u jiġu ppjanati żviluppi għall-futur bil-għan li jkun hemm reazzjoni b’mod aktar sodisfaċenti għall-ħtiġiet tal-politika agrikola komuni.

    (6) Il-validità tad-Deċiżjoni 96/411/KE teħtieġ li tiġi mġedda.

    (7) Ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 96/411/KE jeħtieġ li jiġu emendati fid-dawl ta’l-esperjenza, sabiex, inter alia, tiġi simplifikata l-implimentazzjoni tagħhom.

    (8) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fis-sens tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [5], għall-awtorità tal-budget matul il-proċedura ta’ kull sena tal-budget.

    (9) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 96/411/KE għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [6].

    (10) L-istudji li għaddejjin dwar il-fattibilità għandhom jitkomplew sabiex jiġi deċiż jekk huwiex teknikament possibbli li jitwaqqaf database dwar l-għajnuna mħallsa mill-FAEGG (Taqsima tal-Garanziji) u x’riżorsi jkunu meħtieġa biex dan isir,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 96/411/KE qiegħda b’dan tiġi emendata kif ġej:

    1. L-Artikolu 2(a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "(a) jiddefinixxi l-oqsma prijoritarji ta’l-istatistika, fost dawk elenkati fl-Anness II, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet fil-livell ta’ Stat Membru għas-sena ta’ wara;"

    2. L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "L- Artikolu 3

    Il-perjodu ta’ żmien u l-proċedura ta’l-applikazzjoni

    Il-proċess ta’l-adattament ta’l-istatistiċi dwar l-agrikoltura Komunitarja prevista fl-Artikolu 1 għandu jitkompla matul il-perjodu mill-2000 sa l-2002. Dan għandu jiġi koordinat mill-Kummissjoni permezz ta’ pjani ta’ azzjonijiet tekniċi kif previst fl-Artikolu 4. Wara dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-proċess skond il-proposti mill-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 11."

    3. L-Artikolu 4(2) għandu jitħassar.

    4. L-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "L- Artikolu 5

    Ir-rapporti ta’l-Istati Membri

    L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

    (a) sa mhux aktar tard mill-31 Mejju ta’ kull sena, komunikazzjoni li turi l-intenzjoni tagħhom, jekk ikollhom, li jipparteċipaw f’azzjonijiet ta’ prijorità għas-sena ta’ wara, akkompanjata minn sommarju tal-pjani għall-implimentazzjoni u l-istima ta’l-ispejjeż;

    (b) wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-pjan tekniku ta’ azzjoni, pjan ta’ xogħol għal kull azzjoni li tinteressa lilhom;

    (ċ) wara li titlesta kull azzjoni, rapport qasir dwar l-implimentazzjoni ta’l-azzjoni li fiha jkunu ħadu sehem.

    Id-dokumenti li għandhom jintbagħtu skond il-punti (a), (b) u (ċ) għandhom ikopru l-emendi ppjanati għall-metodoloġija ta’l-implimentazzjoni, xogħol li għandu jsir, diffikultajiet identifikati u proposti biex dawn jintgħelbu, ir-riżorsi nazzjonali u Komunitarji li għandhom jiġu mobilizzati u proposti għal titjib fil-livell Komunitarju. Azzjonijiet li għalihom l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità jkun meħtieġ għandhom jiġu identifikati bħala tali.

    Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tħejji formoli standard simplifikati sabiex tiffaċilita l-preżentazzjoni ta’l-informazzjoni fuq imsemmija."

    5. L-Artikolu 6 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "3. Il-kontribuzzjoni għandha titħallas lill-Istati Membri f’zewġ pagamenti, l-ewwel wieħed, ekwivalenti għal 30 % ta’ sehem il-Komunità mill-ispiża ta’l-azzjoni, għandu jitħallas bħala ħlas bil-quddiem, wara notifika lil u l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjan ta’ xogħol għall-azzjoni in kwistjoni. Il-bilanċ għandu jitħallas ladarba r-rapport dwar l-implimentazzjoni ta’l-azzjoni mill-Istati Membri jkun ġie ppreżentat lil u approvat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel kull verifika fuq il-post li jidhrilha neċessarja b’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’l-Istati Membri."

    (b) Il-paragrafu għandu jiġi miżjud:

    "4. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm għall-perjodu mill-2000 sa l-2002 qiegħed b’dan jiġi stabbilit għal EUR 3 miljuni.

    L-approprjazzjonijiet ta’ kull sena għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja."

    6. L-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "L- Artikolu 10

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistiċi ta’l-Agrikoltura, minn issa ‘il quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’.

    2. Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’l-Artikolu 8 tiegħu.

    Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit bħala tliet xhur.

    3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal- proċedura tiegħu."

    7. Fl-Artikolu 11, "1999" għandha tiġi sostitwita b’ "2002";

    8. Dan l-Artikolu għandu jidħol fid-Deċiżjoni:

    "L- Artikolu 11a

    Database ta’ ħlasijiet mill-FAEGG (Taqsima tal-Garanziji)

    Il-Kummissjoni għandha tkompli l-istudji dwar il-fattibilità li għaddejjin sabiex tistabbilixxi l-possibilt_ teknika li jitwaqqaf database fir-rigward ta’ ħlasijiet magħmula mill-FAEGG (Taqsima tal-Garanziji) li tkun tinkludi b’mod partikolari, fil-livell ta’ kull benefiċjarju, data dwar il-livell ta’ għajnuna miksuba, iż-żoni u l-għadd ta’ annimali involuti, u l-aktar sistema tal-kompjuter adattata għall-ipproċessar ta’ dik id-data.

    Mhux aktar tard mill-31 Diċembru 2001, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati ta’ dawn il-feasibility studies, u dwar ir-riżorsi (tekniċi, finanzjarji u umani) li jkunu meħtieġa sabiex jiġi implimentat id-database u tiġi pproċessata d-data statistikament."

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

    Meħuda fi Brussel, 28 Settembru 2000.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    N. Fontaine

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. Moscovici

    [1] ĠU C 307 E, tas-26.10.1999, p. 29.

    [2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 Diċembru 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-29 Mejju 2000 (ĠU C 240, tat-23.8.2000, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 Settembru 2000.

    [3] ĠU L 162, tas-26.6.1999, p. 14. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/514/KE (ĠU L 230, tat-18.8.1998, p. 28).

    [4] ĠU L 42, tas-16.2.1999, p. 1.

    [5] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

    [6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    --------------------------------------------------

    Top