Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R2680

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2680/1999 tas-17 ta’ Diċembru 1999 li japprova sistema ta’ identifikazzjoni għall-barrin maħsuba għall-ġrajjiet kulturali u sportivi

    ĠU L 326, 18.12.1999, p. 16–17 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' 32019R2035

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/2680/oj

    31999R2680



    Official Journal L 326 , 18/12/1999 P. 0016 - 0017


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2680/1999

    tas-17 ta’ Diċembru 1999

    li japprova sistema ta’ identifikazzjoni għall-barrin maħsuba għall-ġrajjiet kulturali u sportivi

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jistabbilixxi sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali bovini u t-tikkettjar ta’ ċanga u prodotti taċ-ċanga [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat it-talbiet magħmula minn Spanja, il-Portugall u Franza,

    (1) Billi Spanja, il-Portugall u Franza kienu għamlu talbiet dwar l-identifikazzjoni ta’ barrin maħsuba għall-ġrajjiet kulturali u sportivi, minħabba diffikultajiet marbuta mat-tradizzjoni.

    (2) Billi huwa ġustifikat li jingħata kont ta’ dawk it-talbiet, sakemm is-sistema li għandha tkun prevvista toffri garanziji ekwivalenti għal dawk prevvisti bir-Regolament (KE) Nru 820/97; billi d-dispożizzjonijiet speċjali li għandhom isiru għall barrin maħsuba għall-ġrajjiet kulturali u sportivi għandhom ikunu limitati biss għall-imsielet; billi l-elementi l-oħra għas-sistema ta’ identifikazzjoni kif jipprovdi għalihom l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 820/97 għandhom jiġu implimentati skond il-leġislazzjoni kurrenti tal-Komunità.

    (3) Billi għall-barrin maħsuba għall-ġrajjiet kulturali u sportivi l-awtorità kompetenti għandha tagħżel wieħed mill-mezzi ta’ mmarkar li ġejjin: (a) żewġ imsielet tal-plastik, (b) misluta jew tnejn tal-metall flimkien b’marka ta’ identifikazzjoni, jew (ċ) misluta waħda tal-plastik flimkien mal-marka ta’ identifikazzjoni; billi f’kull każ iż-żewġ imsielet maħsuba fil-leġislazzjoni kurrenti tal-Komunità għandhom ikunu mwaħħla ma’ dawk l-annimali jew għandhom jakkumpanjawhom meta jkun suġġetti għall-kummerċ intra-Komunitarju.

    (4) Billi l-imsielet jistgħu jitneħħew mill-annimali maħsuba għal dawk il-ġrajjiet qabel iċ-ċaqliq lejn il-post fejn tkun sejra tiġi organiżżata dik il-ġrajja jew fil-fatma; billi meta jitneħħew iż-żewġ imsielet fil-fatma l-annimali għandhom jiġu mmarkati b’ħadida mikwija fl-istess żmien.

    (5) Billi rabtiet xierqa bejn l-elementi kollha ta’ identifikazzjoni użati għandhom jiġu stabbiliti biex tiġi garantita koerenza u akkuratezza.

    (6) Billi minħabba li barrin maħsuba għall-ġrajjiet kulturali u sportivi jistgħu jiġu mkabbra fi Stati Membri oħra wkoll, dawn id-dispożizzjonijiet speċjali għandhom japplikaw għall-Istati Membri kollha,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament preżenti jirreferi għall-barrin maħsuba għall-grajjiet kulturali u sportivi reġistrati fil-kotba tal-merħla ta’ l-organizzazzjonijiet li ġejjin:

    (a) - "Asociación nacional de ganaderías de Lidia",

    - "Asociación de ganaderos de Lidia unidos",

    - "Agrupación española de reses bravas",

    - "Unión de criadores de toros de Lidia",

    dwar ir-razza raza bovina de Lidia, għal annimali mwielda fi Spanja;

    (b) "Associação de Criadores de Toiros de Lide dwar ir-razza Brava għal annimali mwielda fil-Portugall";

    (ċ) "Association des éleveurs Franza de taureaux de combat" dwar ir-razza Brave jew de combat u "Association des éleveurs de la Raço di biou" dwar ir-razza Camargue jew Raço di biou, għal annimali mwielda fi Franza (inkludi bastardi ta’ dawn).

    Artikolu 2

    1. L-annimali definiti fl-Artikolu 1 għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali mniżżla fil-paragrafi 2 sa 5.

    2. L-awtorita kompetenti għandha tagħżel wieħed mill-mezzi li ġejjin għall-immarkar ta’ l-annimali:

    - żewġ imsielet tal-plastik;

    - misluta jew tnejn tal-metall flimkien ma’ marka maħruqa;

    - misluta waħda tal-plastik flimkien ma’ marka maħruqa;

    3. L-awtorità kompetenti tista’ tneħħi l-imsielet mill-annimali maħsuba għal dawk il-ġrajjiet qabel iċ-ċaqliq lejn il-post fejn il-ġrajja hija organizzata jew fil-fatma. Meta ż-żewġ imsielet jitneħħew mal-fatma, l-annimali għandhom jiġu mmarkati b’ħarqa fl-istess żmien.

    4. F’kull każ, dak li jżomm dawn l-annimali għandu jkun fil-pussess taż-żewġ imsielet li jikkonformaw mal-leġislazzjoni kurrenti tal-Komunità. Meta dwak l-annimali jkunu suġġetti għall-kummerċ intra-Komunitarju dawn iż-żewġ imsielet għandhom jiġu mwaħħla magħhom jew għandhom jakkumpanjawhom matul kull ċaqliq.

    5. Rabtiet xierqa bejn l-elementi kollha ta’ identifikazzjoni użati għandhom jiġu stabbiliti biex tiġi garantita koerenza u preċiżjoni;

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoi tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Diċembru 1999.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top