Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R0823

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 823/98 ta’ l-20 ta’ April 1998 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 461/93 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-iskala tal-Komunità għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali ovini

    ĠU L 117, 21.4.1998, p. 2–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/01/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R0022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/823/oj

    31998R0823



    Official Journal L 117 , 21/04/1998 P. 0002 - 0003


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 823/98

    ta’ l-20 ta’ April 1998

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 461/93 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-iskala tal-Komunità għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali ovini

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3013/89 tal-25 ta’ Settembru 1989 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq f’laħam tan-nagħaġ u l-mogħoż [1], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1589/96 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 rigward l-iskala tal-Komunità għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali ovini u tkun determinata l-kwalità komuni tal-Komunità għal karkassi friski jew imkessħa ta’ nagħaġ u testendi r-Regolament (KEE) Nru 338/91 [3], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2536/97 [4], u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 461/93 tas-26 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi r-regoli għall-iskala tal-Komunità għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali ovini [5] jara li għall-finijiet tal-kategoriji A u B fl-Anness III għar-Regolament (KEE) Nru 2137/92 l-Istati Membri jistgħu jikkwotaw il-prezzijiet għal kull 100 kg għall-preżentazzjoni tradizzjonali ta’ karkassi; billi l-esperjenza turi li din trid tkun estiża għal kategorija Ċ ta’ l-Anness imsemmi minħabba li l-pratika kummerċjali fil-każ tal-preżentazzjoni ta’ karkassi tista’ tkun l-istess għall-kategoriji kollha li għalihom jirreferi dan l-Anness; billi huwa neċessarju li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun retroattiva biex il-kwotazzjoni tal-prezzijiet għal karkassi ta’ kategorija Ċ ikunu fuq bażi normali għas-sena sħiħa ta’ bejgħ 1998;

    Billi r-Regolament (KEE) Nru 461/93 jistabbilixxi dispożizzjonijiet rigward spezzjonijiet fil-post minn grupp ta’ spetturi tal-Komunità li għalih hemm dispożizzjoni fir-Regolament (KEE) Nru 2137/92; billi l-esperjenza wriet il-bżonn li jkunu emendati dawn id-dispożizzjonijiet biex ikun hemm iżjed flessibiltà fil-komposizzjoni tal-grupp ta’ spetturi u fl-organizzazzjoni ta’ spezzjonijiet fil-post;

    Billi l-miżuri li għalihom hemm dispożizzjoni f’dan ir-Regolament huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għal Laħam tan-Nagħaġ,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 461/93 ikun emendat kif ġej:

    1. fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3 jitbiddel b’li ġej:

    "3. Fil-każ fejn il-preżentazzjoni ta’ karkassi wara li jintiżnu u jkunu klassifikati fuq il-ganċ huwa differenti mill-preżentazzjoni tar-referenza, l-Istati Membri għandhom jaġġustaw l-użin tal-karkassa bl-applikazzjoni ta’ fatturi korrettivi kif għalih hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 2137/92. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-fatturi korrettivi użati. Iżda, għall-finijiet tal-kategoriji li għalihom jirreferi l-Anness III għar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jikkwotaw il-prezzijiet kull 100 kg għall-preżentazzjoni tradizzjonali ta’ dawn il-karkassi. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-differenzi bejn din il-preżentazzjoni u l-preżentazzjoni tar-referenza.";

    2. fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 jitbiddel b’li ġej:

    "1. Spezzjonijiet fil-post għandhom isiru minn delegazzjoni tal-grupp ta’ mhux aktar minn seba’ membri. Għal dan il-għan huwa għandu jkun magħmul fi qbil mar-regoli li ġejjin:

    - mill-inqas żewġ esperti tal-Kummissjoni, wieħed minnhom għandu jkun il-president tad-delegazzjoni,

    - espert ta’ l-Istat Membru konċernat,

    - l-aktar erba’ esperti minn Stati Membri oħra.";

    3. fl-Artikolu 9,

    - il-paragrafu 1 l-ewwel sottoparagrafu jitbiddel b’li ġej:

    "1. Spezzjonijiet fil-post għandhom isiru ta’ spiss iżda l-frekwenza tagħhom tista’ tvarja speċjalment skond il-volum relattiv tal-produzzjoni tal-laħam tan-nagħaġ fl-Istati Membri li tkun saritilhom żjara jew għal problemi marbuta ma’ l-applikazzjoni tat-tabella. Fejn meħtieġ huma jistgħu jkunu segwiti bi żjarat supplementari. Fi żjajjar bħal dawn id-daqs tad-delegazzjoni jista’ jitnaqqas.",

    - il-paragrafu 5 jitbiddel b’li ġej:

    "5. Il-president tad-delegazzjoni għandu jfassal rapport li jkun fih dettalji taż-żjara u tal-konklużjonijiet li għalihom jirreferi l-paragrafu 4. Ir-rapport għandu jintbagħat mingħajr dewmien lill-Istat Membru li jkunu żaru, u wara lill-Istati Membri l-oħra."

    L-Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 1(1) għandu jidħol fis-seħħ b’effett mill-bidu tas-sena ta’ bejgħ 1998.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fl-20 ta’ April, 1998.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 289, tas-7.10.1989, p. 1.

    [2] ĠU L 206, tas-16.8.1996, p. 25.

    [3] ĠU L 214, tat-30.7.1992, p. 1.

    [4] ĠU L 347, tat-18.12.1997, p. 6.

    [5] ĠU L 49, tas-27.2.1993, p. 70.

    --------------------------------------------------

    Top