Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 31995R0491

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 491/95 tat-3 ta’ Marzu 1995 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3600/92 u r-Regolament (KE) Nru 933/94, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-integrazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi nominati u l-produtturi fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Isvezja fl-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol riferit f’Artikolu 8 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

    ĠU L 49, 4.3.1995, s. 50–52 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Dokumentets rättsliga status Gällande

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/491/oj

    31995R0491



    Official Journal L 049 , 04/03/1995 P. 0050 - 0052


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 491/95

    tat-3 ta’ Marzu 1995

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3600/92 u r-Regolament (KE) Nru 933/94, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-integrazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi nominati u l-produtturi fl-Awstrija, fil-Finlandja u fl-Isvezja fl-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol riferit f’Artikolu 8 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien talpjanti [1], l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 94/79/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol riferit fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti [3], u b’mod partikolari l-Artikoli 5(2) u (5) tiegħu,

    Billi minħabba l-adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja mal-Komunità Ewropea inħoloq żbilanċ fir-responsabbiltajiet merfugħa mill-Istati Membri bħala relaturi għad-89 sustanza attiva koperti mill-ewwel fażi tal-programm ta’ xogħol għall-assessjar mill-ġdid tas-sustanzi attivi fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika tad-Direttiva 91/414/KEE; billi f’sitwazzjoni bħal din, trid issir riallokazzjoni ta’ sustanzi attivi; billi l-Annessi I u III għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 ta’ April 1994 li jistabbilixxu s-sustanzi attivi ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti u li jaħtru l-Istati Membri relaturi għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 [4] għandhom għalhekk jiġu emendati;

    Billi n-numru ta’ sustanzi li għandhom jiġu riallokati jrid jiġi limitat għall-minimu meħtieġ biex ikun żgurat bilanċ xieraq fir-responsabbiltajiet merfugħa minn kull wieħed mill-15-il Stat Membru;

    Billi, madanakollu, ir-riallokazzjoni għandha wkoll tqis il-ħtieġa li sustanzi bi proprjetajiet simili jiġu evalwati minn Stat Membru wieħed u wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li wara l-allokazzjoni mill-ġdid, is-sustanzi kollha jiġu eżaminati mill-Istat Membru nominat bħala relatur li jkun awtorizza s-sustanza;

    Billi kellhom ukoll jitqiesu indikazzjonijiet minn ċerti Stati Membri dwar l-istadju avvanzat diġà milħuq fil-preparazzjoni ta’ l-evalwazzjoni ta’ ċerti sustanzi attivi;

    Billi, biex jiġu sodisfatti dawn il-ħtiġiet, kien meħtieġ li sustanza waħda tiġi riallokata bejn l-Istati Membri tal-Komunità kif kostitwita fil-31 ta’ Diċembru 1994;

    Billi min jinnotifika sustanzi attivi riallokati lil Stat Membru relatur ieħor irid ikollu garanzija ta’ flessibilità fir-rigward ta’ l-adeżjoni mat-temma taż-żmien iffissata għall-introduzzjoni ta’ l-inkartamenti, fejn jista’ juri li l-allokazzjoni mill-ġdid wasslet għal dewmien fil-preżentazzjoni ta’ l-inkartamenti lill-Istat Membru nominat relatur ġdid;

    Billi jeħtieġ disposizzjoni biex l-Istat Membru relatur oriġinali jgħaddi lill-Istat Membru nominat relatur ġdid il-korrispondenza u l-informazzjoni kollha li jkun irċieva bħala Stat Membru relatur fuq is-sustanza attiva kkonċernata;

    Billi l-produtturi kollha (jiġifieri fabbrikanti u importaturi ta’ sustanzi prodotti barra mill-Komunità) li għandhom uffiċċju permanenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri ġodda iridu jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem fil-programm bi dritt; billi din l-opportunità m’għandhiex madanakollu taffettwa l-iskeda oriġinali tax-xogħol;

    Billi l-parteċipazzjoni ta’ min jinnotifika fil-programm ta’ xogħol hija eżerċizzju fit-tul li teħtieġ disposizzjonijiet iktar speċifiċi għal każijiet fejn in-notifikatur jiddeċiedi li jirtira l-parteċipazzjoni tiegħu jew li jilħaq ftehim għat-trasferiment tal-parteċipazzjoni tiegħu lil produttur ieħor; billi trasferiment simili jista’ jkun ta’ interess partikolari għal produtturi fl-Istati Membri ġodda li oriġinarjament kienu mitluba jipparteċipaw permezz ta’ notifikatur li kellu l-uffiċċju permanenti f’wieħed mit-12-il Stat Membru qabel id-dħul;

    Billi l-miżuri provduti f’dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għas-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 huwa emendat kif ġej:

    1. fl-Artikolu 4, jidħol il-paragrafu 1a:

    "’1a. Minkejja d-disposizzjonijiet fil-paragrafu 1, produtturi li għandhom uffiċċju permanenti fl-Awstrija, fil-Finlandja jew fl-Isvezja jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 1995’";

    2. L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a) is-subparagrafu li ġej jiżdied ma’ paragrafu 5:

    "Fejn dan l-Istat Membru differenti ġie nominat bħala Stat Membru relatur, l-Istat Membru oriġinali għandu jinforma dwar dan lin-notifikaturi interessati u għandu jgħaddi lill-Istat Membru nominat relatur ġdid, il-korrispondenza u l-informazzjoni kollha li hu kien irċieva bħala Stat Membru relatur għas-sustanza attiva kkonċernata. ’";

    (b) jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

    "’6 . Meta min jinnotifika jiddeċiedi li jtemm il-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm ta’ xogħol għal sustanza attiva, huwa għandu jinforma b’dan lill-Istat Membru relatur, lill-Kummissjoni u lin-notifikaturi l-oħra għas-sustanza kkonċernata.

    Meta min jinnotifika jaqbel ma’ produttur ieħor biex dan jieħu postu għall-iskopijiet ta’ parteċipazzjoni fil-programm ta’ xogħol skond dan ir-Regolament, in-notifikatur u dan il-produttur l-ieħor għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru relatur u lill-Kummissjoni permezz ta’ dikjarazzjoni komuni fejn jiġi miftiehem li dan il-produttur l-ieħor se jieħu post in-notifikatur oriġinali fit-twettiq tad-doveri ta’ notifikatur stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 8; huma għandhom jiżguraw li n-notifikaturi l-oħra għas-sustanza kkonċernata jiġu infurmati wkoll.’";

    3. fl-Artikolu 6(5), l-ewwel inċiż jinbidel b’dan li ġej:

    "’— temma taż-żmien ġdida ngħatat għas-sottomissjoni ta’ l-inkartament skond il-ħtiġiet ta’ paragrafi 2 u 3; temma taż-żmien ġdida tingħata biss fejn id-dewmien ikun ippruvat li ġie kkaġunat minn sforzi biex jiġu preżentati inkartamenti kollettivi, jew bi sforzi addizzjonali li jrid jagħmel in-notifikatur (jew notifikaturi) minħabba deċiżjoni li jiġi nominat relatur Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 5(5),’’";

    4. fl-Artikolu 7(1)(a), jiżdied dan li ġej:

    "l-ordni ta’ l-eżami, madankollu, ma tiġix affettwata minn inkartamenti preżentati min-notifikaturi riferiti fl-Artikolu 4(1)(a)’."

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 933/94 huwa b’dan emendat kif ġej:

    1. fl-Anness I, għas-sustanzi attivi li ġejjin li huma msemmija f’kolonna A, l-Istati Membri nominati relaturi huma emendati kif ġej f’kolonna B:

    "A | B |

    Isem | Stat Membru li Jirrapporta |

    Amitráz | L-Awstrija |

    Lamba-cyhalothrin | L-Iżvezja |

    Deltamethrin | L-Iżvezja |

    Lindane | L-Awstrija |

    Dinocap | L-Awstrija |

    Propiconazol | Il-Finlandja |

    Alachlor | Spanja |

    Ethofumesate | L-Iżvezja |

    Desmedipham | Il-Finlandja |

    Phenmedipham | Il-Finlandja |

    Propyzamide | L-Iżvezja |

    Pyridate | L-Awstrija" |

    2. dan li ġej jiżdied ma’ l-Anness III:

    AWSTRIJA

    Bundesministerium fuer Land- und Forstwirtschaft,

    p.a. Bundesamt und Forschungszentrum fuer Landwirtschaft,

    Trunnerstrasse 5,

    A-1020 Wien;

    FINLANDJA

    Kasvintuotannon tarkastuskeskus,

    Torjunta-aineiden toimiala,

    PL 42,

    FIN-00501 Helsinki;

    SVEZJA

    Kemikalieinspektionen,

    PO Box 1384,

    S-17127 Solna.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit 3 ta’ Marzu 1995.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

    [2] ĠU L 354, tal-31.12.1994, p. 16.

    [3] ĠU L 366, tal-15.12.1992, p. 10.

    [4] ĠU L 107, tat-28.4.1994, p. 8.

    --------------------------------------------------

    Upp