EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0035

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/35/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li temenda għas-sitt darba d-Direttiva 76/768/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi

ĠU L 151, 23.6.1993, p. 32–37 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/07/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/35/oj

31993L0035



Official Journal L 151 , 23/06/1993 P. 0032 - 0037
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0074
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0074


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/35/KEE

ta' l-14 ta' Ġunju 1993

li temenda għas-sitt darba d-Direttiva 76/768/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-ambigwitajiet legali fid-Direttiva 76/768/KEE [4] b'mod partikulari fl-Artikoli 1 u 2, għandhom jitneħħew;

Billi jidher ċar li huwa mixtieq li data fuq l-ingredjenti użati fil-prodotti kosmetiċi tinġabar sabiex il-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-użu tagħhom u l-azzjoni li tirriżulta fil-livell tal-Komunità tista' tiġi assessjata bil-ħsieb, b'mod partikulari, tat-twaqqif ta' katalgu komuni ta' l-ingredjenti użati fil-prodotti kosmetiċi; billi l-ġbir ta' dik id-data jista' jitħaffef jekk il-Kummissjoni tiġbor inventarju ta' l-ingredjenti relatati; billi dak l-inventarju sejjer ikun indikattiv u mhux intiż li jikkostitwixxi elenku limitattiv ta' sustanzi użati fil-prodotti kosmetiċi;

Billi hija meħtieġa trasparenza akbar dwar l-ingredjenti użati fil-kosmetiċi jekk dawn ta' l-aħħar għandhom jitqiegħdu fis-suq mingħajr xi proċedura minn qabel, jekk l-informazzjoni meħtieġa fuq il-prodott lest għandha tkun disponibbli unikament fil-post tal-manifattura jew ta' l-importazzjoni tal-bidu fil-Komunità u jekk informazzjoni aħjar għandhiex tingħata lill-konsumatur; billi din it-trasparenza għandha tinkiseb bl-indikazzjoni tal-funzjoni tal-prodott u ta' l-ingredjenti użati fi prodott kosmetiku fuq l-imballaġġ tiegħu; billi fejn għal raġunijiet prattiċi huwa impossibbli li jindikaw l-ingredjenti u xi avvertenzi dwar l-użu fuq il-kontenitur jew l-imballaġġ, dawn il-partikularitajiet għandhom ikunu magħluqa mal-prodott hekk li l-konsumatur jista' jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa;

Billi, rigward il-prodott kosmetiku lest, għandu jkun ċar liema informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet li josservawhom kontinwament fuq il-post tal-manifattura jew ta' l-importazzjoni tal-bidu fis-suq tal-Komunità; billi dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-partikularitajiet meħtieġa kollha dwar l-identità, il-kwalità, s-sigurtà għal saħħet il-bniedem u l-effetti li jgħidu li għandhom il-prodotti kosmetiċi;

Billi, minkejja dan, għal raġunijiet ta' osservazzjoni kontinwa, l-awtorità kompetenti għandha tkun infurmata bil-post tal-manifattura u l-informazzjoni meħtieġa għal kura medika ta' malajr u xierqa fil-każ ta' diffikultajiet;

Billi l-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata biex temenda l-Annessi I u VIII tad-Direttiva 76/768/KEE bil-ħsieb tan-natura illustrattiva u teknika tagħha;

Billi l-istima tas-sigurtà ta' l-użu ta' l-ingredjenti użati fil-kosmetici u tal-prodott finali għandhom jikkunsidraw il-ħtiġiet tad-Direttiva 86/609/KEE [5], li tirrigwarda l-protezzjoni ta' l-annimali użati għal skopijiet esperimentali u skopijiet xjentifiċi oħra, u b'mod partikulari l-Artikolu 7(2) tagħha;

Billi l-ittestjar fuq l-annimali għall-ingredjenti jew taħlitiet ta' l-ingredjenti għandu jkun ipprojbit mill-1 ta' Jannar 1998; billi, minkejja dan, din id-data għandha tkun diferita meta metodi alternattivi tal-ittestjar ma jkunux ġew validati xjentifikament; billi l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar il-progress li jkun sar dwar dawn il-metodi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 76/768/KEE hija b'din emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. "Prodott kosmetiku" ifisser kull sustanza jew preparazzjoni intiża biex titqiegħed f'kuntatt ma' diversi partijiet esterni tal-ġisem tal-bniedem (il-ġilda, sistema tax-xagħar, dwiefer, xuftejn u organi ġenitali esterni) jew mas-snien u l-membrani mukkużi tal-kavità orali bil-ħsieb esklussiv jew prinċipali biex tnaddafhom, tfewwaħhom, tbiddel id-dehra tagħhom u/jew tikkoreġi rwejjaħ tal-ġisem u/jew tħarishom jew iżżommhom f'kundizzjoni tajba.;"

2. L-Artikolu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 2

Prodott kosmetiku mqiegħed fis-suq fi ħdan il-Komunità m'għandux jikkawża ħsara lil saħħet il-bniedem meta jiġi applikat f'kundizzjonijiet ta' użu normali jew raġjonevolment prevedibbli, waqt li jiġu kkunsidrati, b'mod partikulari, il-presentazzjoni tal-prodott, it-tikkettjar tiegħu, xi struzzjonijiet għall-użu u disponiment tiegħu kif ukoll kull indikazzjoni jew informazzjoni oħra pprovduta mill-manifattur jew mill-aġent awtorizzat minnu jew minn xi persuna oħra responsabbli biex il-prodott jitqiegħed fis-suq tal-Komunità.

Il-provvediment ta' dawn l-avvertenzi m'għandux, fl-ebda każ, jeżenta lil xi persuna milli tkun konformi mal-ħtiġiet l-oħra stabbiliti f'din id-Direttiva.;"

3. is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 4(1)

"(i) l-ingredjenti jew it-taħlit ta' l-ingredjenti ttestjati fuq l-annimali wara l-1 ta' Jannar 1998 sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

Jekk ma jkunx sar progress biżżejjed fl-iżvilupp ta' metodi sodisfaċenti biex jieħdu post it-testijiet fuq l-annimali, u b'mod partikulari f'dawk il-każi meta metodi alternattivi tal-ittestjar, minkejja l-isforzi raġjonevoli kollha, ma jkunux ġew validati xjentifikament bħala li joffru livell ekwivalenti ta' protezzjoni għall-konsumatur, billi jikkunsidraw il-linji ta' gwida ta' l-OECD għall-ittestjar tat-tossiċità, il-Kummissjoni għandha, sa l-1 ta' Jannar 1997, tippreżenta abbozz ta' miżuri biex tipposponi d-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, għal perijodu suffiċjenti, u f'kull każ għal mhux anqas minn sentejn, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10. Qabel ma tippreżenta dawn il-miżuri, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Kosmetoloġija.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-iżvilupp, il-validazzjoni u l-aċċettazzjoni legali ta' metodi alternattivi għal dak li jinvolvi esperimenti fuq l-annimali. Dak ir-rapport għandu jkollu data preċiża fuq l-għadd u t-tip ta' esperimenti relatati mal-prodotti kosmetiċi li jkunu twettqu fuq l-annimali. L-Istati Membri għandħom ikollhom l-obbligu li jiġbru dik l-informazzjoni b'żieda mal-ġbir ta' statistika kif stipulat bid-Direttiva 86/609/KEE dwar il-protezzjoni ta' l-annimali użati għal skopijiet esperimentali u oħrajn xjentifiċi. Il-Kummissjoni għandha b'mod partikulari tassigura l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-aċċetazzjoni legali ta' metodi esperimentali li ma jużawx l-annimali ħajjin.;"

4. għandu jidħol l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 5a

1. Mhux aktar tard mill-14 ta' Diċembru 1994 il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10, tiġbor inventarju ta' l-ingredjenti fi prodotti kosmetiċi, fuq il-bażi b'mod partikulari ta' l-informazzjoni pprovduta mill-industrija relatata.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, "ingredjent kosmetiku" għandu jfisser kull sustanza jew preparazzjoni kimika ta' oriġini sintetika jew naturali, apparti milli għal fwieħa u komposizzjonijiet aromatiċi, użati fil-komposizzjoni ta' prodotti kosmetiċi.

L-inventarju għandu jkun imqassam f'żewġ sezzjonijiet: waħda dwar il-fwieħa u l-materjali aromatiċi mhux maħduma u t-tieni dwar sustanzi oħrajn.

2. L-inventarju għandu jkun fih informazzjoni dwar:

- l-identità ta' kull ingredjent, b'mod partikulari l-isem kimiku tiegħu, l-isem CTFA, l-isem tal-Farmakopea Ewropea, l-ismijiet internazzjonali mhux proprjetarji rakkomandati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Einecs, il-Iupac, il-CAS u n-numri ta' l-indiċi tal-kuluri, u l-isem komuni li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 7(2),

- il-funzjoni(jiet) tas-soltu ta' l-ingredjent fil-prodott finali,

- fejn hu xieraq, restrizzjonijiet u kundizzjonijiet ta' l-użu u avvertenzi li għandhom ikunu stampati fuq it-tikketta b'referenza għall-Annessi.

3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-inventarju u għandha taġġornah perjodikament skond il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 10. L-inventarju għandu jkun indikattiv u għandu jikkostitwixxi f'elenku ta' sustanzi awtorizzati għall-użu fil-prodotti kosmetiċi.;"

5. fl-Artikolu 6(1), is-sentenza introduttorja għandha tinbidel b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li l-prodotti kosmetiċi jkunu jistgħu jinbiegħu biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ iġibu t-tagħrif li ġej f'karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa; l-informazzjoni msemmija fil-punt (g) tista', b'danakollu, tkun indikata fuq l-imballaġġ biss:;"

6. L-Artikolu 6(1) (d) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"(d) prekawzjonijiet partikulari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu, speċjalment dawk elenkati fil-kolonna “Kondizzjonijiet għall-użu u twiddib li għandhom ikunu stampati fuq it-tikketta” fl-Annessi III, IV, VI u VII, li għandhom ikunu fuq il-kontenitur u l-imballaġġ, kif ukoll fuq kull informazzjoni speċjali prekawzjonarja fuq il-prodotti kosmetiċi għall-użu professjonali, b'mod partikulari fuq ix-xagħar. Meta dan ikun impossibbli għal raġunijiet prattiċi, fuljett, tikketta, żigarella jew biljett magħluq ġewwa għandhom ikollhom dik l-informazzjoni li għaliha jkun riferut il-konsumatur jew b'informazzjoni fil-qosora jew bis-simbolu mogħti fl-Anness VIII, li għandu jkun fuq il-kontenitur u l-imballaġġ.;"

7. is-subparagrafi (f) u (g) li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Artikolu 6(1):

"(f) il-funzjoni tal-prodott, sakemm ikun ċar mill-preżentazzjoni tal-prodott;

(g) elenku ta' l-ingredjenti f'ordni dixxendenti tal-piż fil-waqt li jiġu miżjuda. Dak l-elenku għandu jkollu l-kelma fuqu “ingredjenti”. Meta dan hu impossibbli għal raġunijiet prattiċi, fuljett, tikketta, żigarella jew biljett magħluqin ġewwa għandhom ikollhom l-ingredjenti li għalihom jiġi riferut il-konsumatur jew bl-informazzjoni fil-qosor jew bis-simbolu mogħti fl-Anness VIII, li għandu jkun fuq il-kontenitur u l-imballaġġ.;

Dawn li ġejjin, b'danakollu, m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ingredjenti:

- impuritajiet fil-materjal mhux maħdum li jintuża,

- materjali tekniċi sussidjarji użati fil-preparazzjoni iżda li ma jkunux preżenti fil-prodott finali,

- materjali użati fi kwantitajiet strettament meħtieġa bħala solventi jew bħala dawk li jkollhom magħhom fwieħa u komposizzjonijiet aromatiċi

Komposizzjonijiet ta' fwieħa u aromatiċi u l-materjali mhux maħduma tagħhom għandhom jirriferu għalihom bil-kelma “fwieħa” jew “benna”. L-ingredjenti f'konċentrazzjonijiet ta' anqas minn 1 % jistgħu jkunu elenkati f'kull ordni wara dawk f'konċentrazzjonijiet ta' aktar minn 1 %. Koloranti jistgħu jiġu elenkati f'kull ordni wara l-ingredjenti l-oħra, skond in-numru ta' l-indiċi tal-kulur jew tad-denominazzjoni adottata fl-Anness IV.

Għall-prodotti kosmetiċi dekorattivi kkummerċjalizzati f'diversi sfumaturi ta' kuluri, il-koloranti kollha użati fil-firxa ta' lwien jistgħu jiġu elenkati, kemm-il darba l-kliem “jistgħu jkollhom” jiġu miżjuda.

Ingredjent għandu jiġi identifikat bl-isem komuni li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 7(2) jew, jekk dan ma jsirx, b'wieħed mill-ismijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikoli 5a (2), l-ewwel inċiż.

Bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-14 ta' Diċembru 1994, tadotta l-kriterji u l-kundizzjonijiet li bihom manifattur jista', għar-raġunijiet ta' segretezza kummerċjali, japplika biex ma jinkludix ingredjent wieħed jew aktar fl-elenku msemmi hawn fuq.';"

8. iż-żewġ paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Artikolu 6(1):

"Meta mhux prattikabbli, għal raġunijiet ta' daqs jew għamla, għall-partikularitajiet li hemm referenza dwarhom fil-punti (d) u (g) li jkunu fil-fuljett magħluq ġewwa, dawk il-partikularitajiet għandhom ikunu fuq it-tikketta, żigarella jew biljett li jkunu magħluqin ġewwa jew imwaħħlin mal-prodott kosmetiku.

Fil-każ ta' sapun, boċċi għall-banju u prodotti żgħar oħra fejn mhux prattiku, għal raġunijiet ta' daqs jew għamla, għall-partikularitajiet imsemmija fil-punt (g) biex ikunu fuq it-tikketta, lametta, żigarella jew biljett jew f'fuljett magħluq ġewwa, dawk il-partikularitajiet għandhom jidhru f'avviż jew qrib ħafna tal-kontenitur li fih il-prodott kosmetiku jkun espost għall-bejgħ.;"

9. dan li ġej għandu jiżdied fi tmiem ta' l-Artikolu 6(3):

"‘B'żieda ma' dan, kull referenza għall-ittestjar fuq l-annimali għandha tiddikjara b'mod ċar jekk it-testijiet li twettqu involvewx il-prodott lest u/jew l-ingredjenti tiegħu.';"

10. L-Artikolu 7(2) għandu jitbiddel b'dan li ġej:

"2. Huma jistgħu, b'danakollu, jeħtieġu li l-partikularitajiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 6(1)(b), (c), (d) u (f) jintwerew ta' l-anqas fil-lingwa jew fil-lingwi nazzjonali jew uffiċjali; jistgħu jkunu jeħtieġu wkoll li l-partikularitajiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 6(1)(g) ikunu murija f'lingwa li tkun miftehma faċilment mill-konsumatur. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tadotta katalgu ta' l-ingredjenti komuni skond il-proċedura ta' l-Artikolu 10.;"

11. L-Artikolu 7(3) għandu jitbiddel b'dan li ġej:

"3. B'żieda ma' dan, l-Istat Membru jista' għall-finijiet ta' kura medika pronta u xierqa f'każ ta' diffikultajiet, jinħtieġ li l-informazzjoni xierqa u adekwata dwar is-sustanzi użati fil-prodotti kosmetiċi tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti, li għandha tassigura li dik l-informazzjoni tintuża biss għall-finijiet ta' din il-kura.

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti u jibgħat dettalji dwarha lill-Kummissjoni, li għandha tippubblika dik l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.;"

12. għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 7a

1. Il-manifattur jew l-aġent tiegħu jew il-persuna li għall-ordni tagħha l-prodott kosmetiku jkun ġie manifatturat jew il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq tal-Komunità ta' prodott kosmetiku impurtat għandhom iżommu għall-iskopijiet ta' kontroll l-informazzjoni li ġejja għall-aċċess fil-pront mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat fl-indirizz speċifikat fuq it-tikketta bi qbil mal-Artikolu 6(1)(a):

(a) il-komposizzjoni kwalitattiva u kwantitativa tal-prodott; fil-każ ta' komposizzjonijiet ta' fwejjaħ u fwejjaħ, l-isem u n-numru tal-kodiċi tal-kompożizzjoni u l-identità tal-fornitur;

(b) l-ispeċifikazzjonijiet fiżiko-kimiċi u mikrobijoloġiċi tal-materjali mhux maħduma u l-prodott lest u l-purità u l-kriterji għall-kontroll mikrobijoloġiku tal-prodott kosmetiku;

(c) il-metodu ta' manifattura b'konformità mal-prattika ta' manifattura tajba stabbilita mil-liġi tal-Komunità jew, fin-nuqqas ta' dan, dak stabbilit bil-liġi ta' l-Istat Membru kkonċernat; il-persuna responsabbli għall-manifattura jew l-importazzjoni fil-Komunità għandha jkollha l-livell xieraq ta' kwalifika jew esperjenza professjonali bi qbil mal-leġislazzjoni u l-prattika ta' l-Istat Membru li jkun il-post tal-manifattura jew ta' l-ewwel importazzjoni;

(d) l-assessjar tas-sigurtà għal saħħet il-bniedem tal-prodott lest. Għal dak il-għan il-manifattur għandu jikkunsidra l-profil tossikoloġiku ġenerali ta' l-ingredjent, l-istruttura kimika tiegħu u l-livell tiegħu ta' kemm idum espost.

Jekk l-istess prodott ikun immanifatturat f'diversi postijiet fit-territorju tal-Komunità, il-manifattur jista' jagħżel post wieħed ta' manifattura fejn dik l-informazzjoni tkun tinżamm disponibbli. F'dan ir-rigward, u meta jkun mitlub hekk għal skopijiet ta' osservazzjoni kontinwa, huwa għandu jkun obbligat li jindika l-post hekk magħżul lill-awtorità/awtoritajiet ikkonċernati li kontinwament iwettqu l-monitoraġġ;

(e) l-isem u l-indirizz tal-persuna kwalifikata jew tal-persuni responsabbli għall-assessjar li hemm referenza dwaru fid-(d). Dik il-persuna għandha jkollha diploma kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/48/KEE fil-qasam tal-farmaċija, tossikoloġija, dermatoloġija, mediċina jew dixxiplina simili;

(f) id-data eżistenti dwar l-effetti mhux mixtieqa fuq saħħet il-bniedem li jirriżultaw mill-użu tal-prodott kosmetiku;

(g) prova ta' l-effett mistqarr għall-prodott kosmetiku, meta ġġustifikata bin-natura ta' l-effett jew tal-prodott.

2. L-assessjar tas-sigurtà għal saħħet il-bniedem li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1 (d) għandu jsir bi qbil mal-prinċipju ta' prattika tal-laboratorju tajba stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 87/18/KEE tat-18 ta' Diċembru 1986 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' prattika tal-laboratorju tajba u l-verifika ta' l-applikazzjoni tagħhom għal testijiet fuq is-sustanzi kimiċi [6].

3. L-informazzjoni li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli fil-lingwa jew fil-lingwi nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, jew f'lingwa li tkun miftehma mal-ewwel mill-awtoritajiet kompetenti.

4. Il-manifattur jew l-aġent tiegħu jew il-persuna li għall-ordni tagħha prodott kosmetiku jkun ġie manifatturat, jew il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq tal-Komunità ta' prodott kosmetiku impurtat, għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru bil-post tal-manifattura jew ta' l-importazzjoni tal-bidu bl-indirizz tal-post tal-manifattura jew ta' l-importazzjoni tal-bidu fil-Komunità ta' prodotti kosmetiċi qabel dawn ta' l-aħħar jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità.

5. L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti li hemm referenza dwarhom fil-paragrafi 1 u 4 u għandhom jibagħtu dettalji dwarhom lill-Kummissjoni, li għandha tippubblika dik l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet imsemmija aktar qabel ikomplu jikkoperaw f'oqsma meta din il-koperazzjoni hija meħtieġa għall-applikazzjoni faċli ta' din id-Direttiva."

13. L-Artikolu 8(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"2. Il-katalogu ordinarju ta' l-ingredjenti użati fil-prodotti kosmetiċi u, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Kosmetoloġija, l-emendi meħtieġa għall-adattament għall-progress tekniku ta' l-Annessi għandhom jiġu adottati skond l-istess proċedura, kif xieraq.;"

14. L-Anness VIII li jidher fl-Anness ma' din id-Direttiva għandu jkun miżjud.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li mill-1 ta' Jannar 1997 la l-manifatturi u l-anqas l-importaturi stabbiliti fil-Komunità ma jqiegħdu fis-suq prodotti kosmetiċi li jonqsu li jkunu konformi ma' din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li l-prodotti kosmetiċi li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 ma jinbigħux jew jingħataw lill-konsumatur finali wara l-31 ta' Diċembru 1997.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalihom biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-14 ta' Ġunju 1995. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Ġunju 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Trøjborg

[1] ĠU Ċ 52, 28.2.1991, p. 6. u ĠU Ċ 249, 26.9.1992, p. 5.

[2] ĠU Ċ 176, 13.7.1992, p. 92. u ĠU Ċ 150, 31.5.1993.

[3] ĠU Ċ 269, 14.10.1991, p. 15.

[4] ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169. Id-Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 92/86/KEE (ĠU L 352, 11.11.1992, p. 18).

[5] ĠU L 358, 18.12.1986, p. 1.

[6] ĠU L 15, tas-17.1.1987, p. 29.;

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-Anness VIII

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top