EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992R1332

IR- Regolament tal-kunsill (KEE) Nru 1332/92 tat-18 ta’ Mejju 1992 li jdaħħal miżuri speċifiċi għaż-żebbuġ tal-mejda

ĠU L 145, 27.5.1992, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2005; Imħassar b' 32004R0865

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/1332/oj

31992R1332



Official Journal L 145 , 27/05/1992 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 42 P. 0088
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 42 P. 0088


Ir- Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 1332/92

tat-18 ta’ Mejju 1992

li jdaħħal miżuri speċifiċi għaż-żebbuġ tal-mejda

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod speċjali l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Parlament Ewropew [2],

Billi l-produzzjoni taż-żebbuġ tal-mejda hija attività maġġuri ekonomika, speċjalment f’ċerti reġjuni Mediterranji tal-Komunità;

Billi l-qagħda fis-suq għaż-żebbuġ tal-mejda hi rranġata b’mod medjokri għal ħtiġijiet kummerċjali rigward kemm il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ l-ipproċessar u l-bejgħ;

Billi dik il-qagħda waslet għal żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda, li twassal għall-ħolqien taż-żidiet fi snin riċenti;

Billi hemm prospetti ta’ żieda fil-konsum, speċjalment permezz ta’ informazzjoni aħjar għal min qed jużaha bħalissa jew se jużaha u aġġustament iżjed strett tal-produzzjoni biex jilħaq il-ħtiġijiet tal-konsumaturi;

Billi l-gruppi ta’ kummerċ differenti fis-settur irid ikollhom rwol speċjali biex jimplimentaw mezzi ta’ kif jiġi żviluppat il-konsum;

Billi jrid isir provvediment biex ikunu mħeġġa miżuri speċifiċi biex jiżdied il-konsum taż-żebbuġ tal-mejda permezz ta’ kontribut finanzjarju mill-Komunità għal dawn il-miżuri;

Billi, sabiex gruppi ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet tagħhom li jipproduċu u jbiegħu żebbuġ tal-mejda jkunu jistgħu jikkonċentraw il-provvista u jnaqqsu l-ammonti meħlusa fis-suq permezz ta’ kapaċità ta’ ħażna xierqa, dawk il-gruppi jew l-assoċjazzjonijiet iridu jkunu mħeġġa, biex ikollhom ammont ta’ flus imħaddma; billi, għal dak il-għan, iridu jsiru provvedimenti biex ikun hemm kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istat Membr u u l-Komunità, b’limitu stabbilit b’riferenza għall-valur tal-produzzjoni mibjugħ mill-gruppi ta’ produtturi u assoċjazzjonijiet marbuta fuq sena ta’ marketing speċifika;

Billi, minħabba s-sitwazzjoni korrenti fl-Istati Membri produtturi, l-koperattivi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom iridu jitħallew jikkwalifikaw għal dik l-għajnuna għal perijodu limitat;

Billi dawk il-miżuri huma maħsuba biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 39 tat-Trattat; billi jrid ikun hemm provvediment biex il-Komunità tagħmel kontribut finanzjarju biex jitħaddnu l-miżuri msemmija permezz tal-Gwida Ewropeja Agrikola u l-Fond ta’ Garanzija (EAGGF), Sezzjoni Garanzija,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Il-Komunità trid tikkontribwixxi sa 60 % ta’ l-ispejjeż tal-miżuri biex tiżviluppa l-konsum taż-żebbuġ tal-mejda fil-Komunità, imressqa u mħaddna minn gruppi rappreżentattivi li jiġbru flimkien tipi differenti ta’ attività fis-settur. In-natura rappreżentattiva tal-gruppi trid tkun evalwata skond l-għan li jrid jintlaħaq.

L-Artikolu 2

1. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jkunu maħsuba biex:

- jippromwovu l-kwalità tal-prodott, l-aktar permezz ta’ studji fis-suq u riċerka fil-produzzjoni taż-żebbuġ li jkollu kontenut ta’melħ baxx,

- tiżviluppa forom ġodda ta’ imballaġġ,

- tagħti parir dwar il-bejgħ lill-operaturi differenti ekonomiċi fis-settur,

- tħeġġeġ il-pubbliċità u r-relazzjonijiet pubbliċi, inkluż l-organizzazzjoni ta’, u l-parteċipazzjoni fi, fieri kummerċjali u avvenimenti kummerċjali oħra.

2. Il-miżuri skond l-Artikolu 1 jistgħu ma jkunux immirati lejn ditti kummerċjali jew jirriferu għal Stat Membru.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri jridu jagħtu għajnuna speċifika lill-gruppi jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom tal-produtturi taż-żebbuġ tal-mejda li huma skond il-kodiċi NM 07099031, 07099039, 07108010, 071120, ex07129090, ex20019080, ex20049030 u 20057000 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u 6 (1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1360/78 [3] u li jikkostitwixxu kapital biex jitħaddem bil-għan li jistabilizza l-provvista billi jiżgura l-finanzjament ta’ l-imħażen meħtieġa għar- rilaxx addattat tal-prodott fis-suq.

2. L-għajnuna speċifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata darba biss, skond il-kapital li jitħallas kif ġej:

- 45 % mill-grupp tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni tiegħu,

- 10 % permezz ta’ għajnuna mill-Istat Membru.

Il-kontribut tal-Komunità jrid jammonta għal 45 % tal-kapital. Iżda, l-impenn finanzjarju globali ta’ l-Istat Membru u l-Komunità ma jistax jaqbeż l-10 % tal-valur tal-produzzjoni mibjugħa mill-grupp ta’ produtturi jew l-assoċjazzjoni tiegħu f’sena waħda ta’ marketing.

3. Biex tingħata l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, il-koperattivi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom imwaqqfa skond il-leġislazzjoni fis-seħħ fis-settur konċernat għandha tkun meqjusa, għal perijodu massimu ta’ tliet snin, bħala ekwivalenti għall-gruppi ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, il-koperattivi jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom iridu jpoġġu garanzija biex jiżguraw il-ħlas lura ta’ l-għajnuna li rċevew, jekk l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma jintlaħqux.

L-Artikolu 4

Il-ħlas parzjali tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 u l-għajnuna maħsuba fl-Artikolu 3 għandhom ikunu meqjusa bħala miżuri ta’ intervent biex jistabilizzaw is-swieq agrikoli skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 [4]. Huma għandhom ikunu finanzjati mill-Gwida Ewropea Agrikola u l-Fond ta’ Garanzija (EAGGF), Sezzjoni Gwida.

L-Artikolu 5

Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE [5], il-Kummissjoni trid:

(a) tfisser il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(b) taddotta regoli dettaljati għat-tħaddim ta’ dan ir-Regolament; dawk ir-regoli dettaljati għandu jkollhom l-miżuri biex jissorveljaw l-użu ta’ l-għajnuna finanzjarja mill-Komunità.

L-Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-18 ta’ Mejju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Arlindo Marques Cunha

[1] ĠU C 213, tat-28.8.1990, p. 14 u ĠU C 162, tal-21.6.1991, p. 6.

[2] ĠU C 67, tas-16.3.1992.

[3] Regolament tal-Kunsill (KEE) 1360/78 tad-19 ta’ Ġunju 1978 dwar gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom (ĠU L 166, tat-23.6.1978, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 3763/91 (ĠU L 356, ta’ l-24.12.1991, p. 1).

[4] Regolament tal-Kunsill (KEE) 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 2048/88 (ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 1).

[5] Regolament tal-Kunsill 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar it-twaqqif ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU C 172, tat-3.9.1966, p. 3025/66). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) 356/92 (ĠU L 39, tal-15.2.1992, p. 1).

--------------------------------------------------

Top