This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31989L0429
Council Directive 89/429/EEC of 21 June 1989 on the reduction of air pollution from existing municipal waste-incineration plants
Id-Direttiva tal-kunsill tal-21 ta’ Ġunju 1989 dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis ta’ l-arja minn impjanti eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali
Id-Direttiva tal-kunsill tal-21 ta’ Ġunju 1989 dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis ta’ l-arja minn impjanti eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali
ĠU L 203, 15.7.1989, p. 50–54
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 27/12/2000; Imħassar b' 32000L0076
Official Journal L 203 , 15/07/1989 P. 0050 - 0054
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0081
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0081
Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 1989 dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis ta’ l-arja minn impjanti eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali (89/429/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 130 ta’ dan, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2]; Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-programmi ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea 1973 [4], 1977 [5], 1983 [6] u 1987 [7] dwar l-ambjent jagħmlu enfasi fuq l-importanza tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis ta’ l-arja; Billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1987 dwar il-programm ta’ azzjoni dwar l-ambjent għall-1987 sal-1992 [8] tgħid illi huwa importanti illi l-azzjoni mill-Komunità tikkonċentra, fost ħwejjeġ oħra, fuq l-implimentazzjoni ta’ kriterji xierqa sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ saħħa pubblika u protezzjoni ta’ l-ambjent; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart [9] trid li l-iskart għandu jkun mormi mingħajr ma titqiegħed fil-periklu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent; billi, għal dan l-iskop, l-istess Direttiva tistipula li kull installazzjoni jew impriża li titratta l-iskart għandha tikseb permess mill-awtorità kompetenti dwar, fost ħwejjeġ oħra, il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 84/360/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1984 dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis ta’ l-arja minn impjanti industrijali [10] trid li l-Istati Membri japplikaw politika u strateġiji, magħduda miżuri xierqa, sabiex impjanti eżistenti jiġu addattati gradwalment għall-aqwa teknoloġija disponibbli li ma tkunx tinvolvi spejjeż eċċessivi; billi dawn id-disposizzjonijiet japplikaw, fost ħwejjeġ oħra, għall-impjanti eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali; Billi d-Direttiva 84/360/KEE tistipula li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, jekk ikun meħtieġ, jiffissa limiti ta’ valuri ta’ emissjoni bbażati fuq l-aqwa teknoloġija disponibbli li ma tkunx tinvolvi spejjeż eċċessivi u tekniki u metodi ta’ kejl adattati; Billi l-ħruq ta’ skart muniċipali jagħti lok għal emissjonijiet ta’ sustanzi illi jistgħu jikkawżaw tniġġis ta’ l-arja u għalhekk jagħmlu ħsara lis-saħħa pubblika u l-ambjent; billi f’ċerti każijiet dan it-tniġġis jista’ jkollu karatteristiċi illi jaqsmu l-konfini; Billi t-tekniki sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ ċertu sustanzi li jniġġsu minn impjanti għall-ħruq ta’ skart muniċipali huma stabbiliti sew; billi huma jistgħu jkunu implimentati f’impjanti eżistenti għall-ħruq fuq bażi gradwali waqt li wieħed iżomm f’moħħu l-karatteristiċi tekniċi ta’ l-impjanti u l-opportunità li ma jkunux involuti spejjeż eċċessivi; billi dawn jipprovdu mezz sabiex jintlaħqu konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fil-gassijiet mill-kombustjoni illi ma jaqbżux ċerti limiti ta’ valuri; Billi l-Istati Membri kollha għandhom liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis ta’ l-arja minn impjanti stazzjonarji; billi diversi Stati Membri għandhom disposizzjonijiet speċifiċi dwar impjanti għall-ħruq ta’ skart muniċipali; Billi l-Komunità, meta tiffissa limiti ta’ valuri ta’ emissjoni u kondizzjonijiet oħra għall-prevenzjoni ta’ tniġġis, tgħin iżżid l-effikaċja ta’ l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri biex jiġġieldu t-tniġġis ta’ l-arja minn impjanti għall-ħruq ta’ skart muniċipali; Billi biex tiġi żgurata malajr il-protezzjoni effettiva ta’ l-ambjent, għandhom jiġu preskritti limiti ta’ żmien xierqa għall-addattament ta’ impjanti eżistenti għall-ħruq għall-aħjar teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi; billi hu xieraq li fl-aħħar l-impjanti eżistenti kollha għall-ħruq ta’ skart muniċipali għandhom josservaw l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw, skond il-kategorija rispettiva tagħhom, għall-impjanti ġodda; Billi l-kondizzjonijiet imposti fuq impjanti eżistenti jridu jinkludu l-obbligazzjoni li jkunu osservati kemm il-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni għas-sustanzi li jniġġsu l-aktar sinifikanti kif ukoll il-kondizzjonijiet ta’ kombustjoni xierqa; billi, meta jiġu ffissati dawn il-kondizzjonijiet ta’ kombustjoni, għandhom jitqiesu d-diffikultajiet tekniċi prinċipali li jistgħu jinqalgħu; billi għandhom ikunu pprovduti sistemi ta’ kejl u verifiki xierqa fl-impjanti għall-ħruq u billi l-pubbliku għandu jkun mgħarraf bil-kondizzjonijiet imposti u bir-riżultati miksuba; Billi għandha tkun ikkunsidrata l-problema maħluqa mill-emissjoni ta’ dijoksini u furans; Billi, minbarra li jkunu stabbiliti limiti ta’ valuri ta’ emissjoni, huwa importanti li jkun inkoraġġit l-iżvilupp u t-tixrid ta’ tagħrif u l-użu ta’ teknoloġija nadifa bħala parti mill-isforzi preventivi biex ikun miġġieled it-tniġġis ta’ l-ambjent fil-Komunità speċjalment dwar rimi ta’ skart; Billi, skond l-Artikolu 130t tat-Trattat, l-adozzjoni ta’ disposizzjonijiet tal-Komunità bħal dawn ma jżommu l-ebda Stat Membru milli jżomm jew idaħħal miżuri aktar stretti għall-protezzjoni ta’ l-ambjent li jkunu skond it-Trattat,, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Għall-iskop ta’ din id-Direttiva: 1. "Tniġġis ta’ l-arja" tfisser meta l-bniedem, b’mod dirett jew indirett, jitfa’ fl-arja sustanzi jew enerġija illi jġibu effetti ta’ ħsara ta’ natura illi jqiegħdu fil-periklu s-saħħa tal-bniedem, jagħmlu ħsara lir-riżorsi bijoloġiċi u l-ekosistemi u l-proprjetà materjali u jikkompromettu jew jippreġudikaw it-tgawdija u xi użu leġittimu ieħor ta’ l-ambjent. 2. "Limitu ta’ valur ta’ emissjoni" tfisser il-konċentrazzjoni u/jew il-massa ta’ sustanzi li jniġġsu illi ma għandhomx jinqabżu f’emissjonijiet minn impjanti matul perjodu speċifikat. 3. "Skart muniċipali" tfisser skart domestiku, kif ukoll skart minn kummerċ jew negozju u skart ieħor illi, minħabba n-natura jew komposizzjoni tiegħu, ikun jixbaħ skart domestiku. 4. "Impjant għall-ħruq ta’ skart muniċipali" tfisser kull tagħmir tekniku użat għat-trattament ta’ skart muniċipali permezz tal-ħruq, ikun hemm jew ma jkunx hemm l-irkupru tas-sħana ġġenerata mill-kombustjoni, imma mhux impjanti użati speċifikament għall-ħruq ta’ tajn tad-dranaġġ, skart kimiku, tossiku u perikoluż, skart mediku minn sptarijiet jew tipi oħra ta’ skart speċjali, fuq l-art jew fil-baħar, ukoll jekk dawn l-impjanti jistgħu jaħarqu skart muniċipali wkoll. Din it-tifsira tkopri s-sit u l-installazzjoni kollha magħmula mill-inċineratur, l-iskart tiegħu, il-kombustibbli u s-sistemi ta’ provvista ta’ l-arja kif ukoll l-istrumenti u s-sistemi li jivverifikaw l-operazzjonijiet ta’ ħruq u li jirreġistraw u jissorveljaw kontinwament il-kondizzjonijiet tal-ħruq. 5. "Impjant eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali" tfisser impjant għall-ħruq ta’ skart muniċipali li għalih tingħata l-ewwel awtorizzazzjoni biex jibda jaħdem qabel l-1 ta’ Diċembru 1990. 6. "Kapaċità nominali" ta’ l-impjant għall-ħruq tfisser is-somma tal-kapaċitajiet ta’ ħruq ta’ l-ifran li minnhom ikun magħmul l-impjant, kif speċifikata mill-kostruttur u kkonfermata mill-operatur, waqt li jkun ikkunsidrat kif jixraq, b’mod partikulari, il-valur kalorifiku ta’ l-iskart, espress bħala l-kwantitá ta’ skart maħruq f’siegħa. Artikolu 2 1. Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360/KEE, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tħaddim ta’ l-impjanti eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali jkun suġġett: (a) fil-każ ta’ impjanti b’kapaċità nominali ugwali għal 6 tunnellati metriċi ta’ skart fis-siegħa jew aktar: sa l-1 ta’ Diċembru 1996, għall-istess kondizzjonijiet imposti fuq impjanti għall-ħruq ġodda ta’ l-istess kapaċità skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/369/KEE tat-8 ta’ Ġunju 1989 dwar il-prevenzjoni ta’ tniġġiż ta’ l-arja minn impjanti ġodda għall-ħruq ta’skart muniċipali [11], minbarra fir-rigward tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4, li għandhom ikunu sostitwiti minn dawk ta’ l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva; (b) fil-każ ta’ impjanti oħra: (i) sa l-1 ta’ Diċembru 1995, għall-kondizzjonijiet preskritti mill-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-Direttiva; (ii) sa l-1 ta’ Diċembru 2000, għall-istess kondizzjonijiet imposti fuq impjanti għall-ħruq ġodda ta’ l-istess kapaċità skond id-Direttiva 89/369/KEE, minbarra fir-rigward tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4, li għandhom ikunu sostitwiti minn dawk ta’ l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva; L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaraw li kull addattament ta’ impjanti eżistenti, kif deċiż fuq il-bażi taż-żmien ta’ ħajja li jkun fadlilhom u tal-limiti ta’ żmien u kondizzjonijiet preskritti minn din id-Direttiva, isir malajr kemm jista’ jkun. Artikolu 3 1. Sa l-1 ta’ Diċembru 1995, il-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni li ġejjin, standardizzati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin: temperatura 273 K, pressjoni 101,3 kPa, 11 % ossiġnu jew 9 % CO2, gass xott, għandhom japplikaw għall-impjanti eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali: (a) l-impjanti li l-kapaċità nominali tagħhom tkun inqas minn 6 tunnellati metriċi ta’ skart fis-siegħa imma mill-inqas tunnellata metrika fis-siegħa: — trab totali | 100mg/nm3; | (b) l-impjanti li l-kapaċità nominali tagħhom tkun inqas minn tunnellata metrika ta’ skart fis-siegħa: — trab totali | 600 mg/nm3; | 2. Fir-rigward ta’ l-impjanti b’kapaċità ta’ inqas minn tunnellata metrika fis-siegħa, il-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni jistgħu jirreferu għal livell ta’ ossiġnu ta’ 17 %. F’dan il-każ, il-valuri ta’ konċentrazzjoni ma jistgħux jaqbżu dawk preskritti fil-paragrafu 1, diviżi bi 2,5. 3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreskrivu limiti ta’ valuri ta’ emissjoni għal sustanzi li jniġġsu minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 meta huma jikkunsidraw li hekk ikun jixraq minħabba l-komposizzjoni ta’ l-iskart li jkun ser jinħaraq u l-karatteristiċi ta’ l-impjant għall-ħruq. Bl-għan li jkunu preskritti dawn il-limiti ta’ valuri ta’ emissjoni, l-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw il-ħsara li jistgħu jagħmlu dawn is-sustanzi li jniġġsu fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u l-aqwa teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiffissaw limiti ta’ valuri ta’ emissjoni għal dijoksini u furans. Artikolu 4 1. (a) Sa l-1 ta’ Diċembru 1996, l-impjanti eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali b’kapaċità ta’ mill-anqas 6 tunnellati metriċi fis-siegħa jridu josservaw il-kondizzjonijiet ta’ kombustjoni li ġejjin: il-gassijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ l-iskart iridu jittellgħu, wara l-aħħar injezzjoni ta’ arja ta’ kombustjoni, u wkoll fil-kondizzjonijiet l-aktar żvantaġġużi, sa temperatura ta’ mill-inqas 850 oC għal mhux inqas minn żewġ sekondi fil-preżenza ta’ mill-inqas 6 % ossiġnu. Iżda, fil-każ ta’ diffikultajiet tekniċi gravi li jikkonċernaw il-perjodu ta’ żewġ sekondi għandhom ikunu implimentati l-aktar tard meta jinbidlu l-fran. (b) Sa l-1 ta’ Diċembru 1995, impjanti eżistenti oħrajn għall-ħruq ta’ skart muniċipali jridu josservaw il-kondizzjonijiet ta’ kumbustjoni li ġejjin: il-gassijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ l-iskart iridu jittellgħu, wara l-aħħar injezzjoni ta’ arja ta’ kombustjoni, u wkoll fil-kondizzjonijiet l-aktar żvantaġġużi, sa temperatura ta’ mill-inqas 850 oC fil-preżenza ta’ mill-inqas 6 % ossiġnu għall-perjodu ta’ żmien li jkun deċiż mill-awtoritajiet kompetenti. 2. Fil-limiti ta’ ħin preskritti fil-paragrafu 1 għal kull kategorija rispettiva ta’ impjant, l-impjanti kollha eżistenti għall-ħruq ta’ skart muniċipali għandhom josservaw limitu ta’ valur ta’ 100 mg/nm3 għall-konċentrazzjoni tal-monossidu tal-karbonju (CO) fil-gassijiet mill-kombustjoni waqt it-tħaddim. Dan il-limitu ta’ valur għandu jkun standardizzat skond il-kondizzjonijiet li ġejjini: temperatura 273 K, pressjoni 101,3 kPa, 11 % ossiġnu jew 9 % CO2 u gass xott. 3. Jistgħu jkunu awtorizzati kondizzjonijiet differenti minn dawk preskritti fil-paragrafu 1 jekk tekniki addattati jintużaw fil-fran ta’ l-inċineraturi jew fit-tagħmir għat-trattament ta’ gass mill-kombustjoni, sakemm il-livelli ta’ polychlorinated dibenzodioxins (PCDDs) u ta’ polychlorinated dibenzofurans (DCDFs) mormija jkunu ekwivalenti għal dawk miksuba bil-kondizzjonijiet tekniċi preskritti fil-paragrafu 1 jew anqas minnhom. Id-deċiżjonijiet meħuda skond id-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu mgħoddija lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti nominati għal dan l-iskop mill-Istati Membri. Artikolu 5 1. It-temperatura u l-kontenut ta’ l-ossiġnu preskritti fl-Artikolu 4(1) huma l-inqas valuri li jridu jkunu osservati l-ħin kollu meta l-impjant ikun qed jitħaddem. 2. Il-konċentrazzjoni ta’ monossidu tal-karbonju (CO) preskritta fl-Artikolu 4(2) hija: (a) fil-każ ta’ impjanti ta’ kapaċità nominali ta’ 6 tunnellati metriċi fis-siegħa jew aktar, il-limitu ta’ valur għall-medja ta’ siegħa. Barra minn dan, mill-anqas 90 % tal-kejl kollu meħud f’kull perjodu ta’ 24 siegħa għandha tkun inqas minn 150mg/nm3; (b) fil-każ ta’ impjanti ta’ kapaċità nominali ta’ inqas minn 6 tunnellati metriċi fis-siegħa iżda ta’ mill-inqas ta’ tunnellata metrika fis-siegħa, il-limitu ta’ valur għall-medja ta’ siegħa; (ċ) fil-każ ta’ impjanti ta’ kapaċità nominali ta’ inqas minn tunnellata metrika fis-siegħa l-limitu ta’ valur għall-medja ta’ kuljum. Il-medji msemmija hawn fuq għandhom ikunu kkalkulati billi jiġu kkunsidrati biss is-sigħat li matulhom l-impjant ikun effettivament qiegħed jitħaddem, magħduda l-perjodi meħuda biex jitqabbad u biex jintefa. 3. Fil-każ ta’ trab li jrid ikun sorveljat kontinwament skond l-Artikolu 6: (a) l-ebda medja mobbli fuq sebat ijiem tal-valuri ta’ konċentrazzjoni mkejla għal dawn is-sustanzi ma tista’ taqbeż il-limiti ta’ valuri li jikkorrispondu; (b) l-ebda medja ta’ kuljum tal-valuri ta’ konċentrazzjoni mkejla għal dawn is-sustanzi ma tista’ taqbeż il-limiti ta’ valuri b’aktar minn 30 %. Biex ikunu kkalkulati l-valuri medji msemmija hawn fuq, għandhom ikunu kkunsidrati biss il-perjodi li fihom l-impjant ikun effettivament qiegħed jitħaddem, magħduda l-perjodi li jittieħdu biex jitqabbad u biex jintefa. 4. Fil-każ ta’ trab totali, kull meta kejl perjodiku jkun meħtieġ skond l-Artikolu 6, il-valuri ta’ konċentrazzjoni mkejla skond ir-regoli preskritti mill-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikolu 6(3), (4) u (5) m’għandhomx jaqbżu l-limitu ta’ valur. Artikolu 6 1. Sa l-1 ta’ Diċembru 1995, il-kejl li ġej ikun meħtieġ għall-impjanti eżistenti li għalihom jirreferi l-Artikolu 2(b): (a) il-konċentrazzjonijiet ta’ ċerti sustanzi fil-gassijiet mill-kombustjoni: (i) il-konċentrazzjonijiet ta’ trab totali, CO u ossiġnu għandhom ikunu mkejla u rreġistrati kontinwament fil-każ ta’ impjanti ta’ kapaċità nominali ta’ tunnellata metrika fis-siegħa jew aktar; (ii) dawn li ġejjin għandhom jitkejlu kull tant żmien: - f’impjanti eżistenti ta’ kapaċità nominali ta’ inqas minn tunnellata metrika fis-siegħa, il-konċentrazzjoni ta’ trab totali, ossiġnu u CO; (b) il-parametri ta’ tħaddim: (i) it-temperatura tal-gassijiet fiż-żona fejn il-kondizzjonijiet imposti mill-Artikolu 4(1) huma sodisfatti għandhom jitkejlu u jkunu rreġistrati kontinwament; (ii) il-ħin ta’ referenza tal-gassijiet mill-kombustjoni fit-temperatura minima ta’ 850oC speċifikata fl-Artikolu 4(1), taħt il-kondizzjonijiet l-aktar żvantaġġużi ta’ tħaddim li wieħed jipprevedi għall-impjant, għandu jkun is-suġġett ta’ verifiki xierqa mill-anqas darba wara kull adattament ta’ l-impjant u, f’kull każ, qabel l-1 ta’ Diċembru 1995. 2. Ir-riżultati tal-kejl li għalih jirreferi l-paragrafu 1 għandhom ikunu standardizzati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin: - temperatura 273 K, pressjoni 101,3 kPa, 11 % ossiġnu jew 9 % CO2, gass xott. Meta jkun applikat l-Artikolu 3(2), madankollu, dawn jistgħu jkunu standardizzati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin: - temperatura 273 K, pressjoni 101,3 kPa, 17 % ossiġnu, gass xott. 3. Ir-riżultati kollha tal-kejl għandhom ikunu rreġistrati, ipproċessati u ppreżentati b’mod xieraq sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw li huma konformi mal-kondizzjonijiet preskritti, skond il-proċeduri li dwarhom jiddeċiedu dawk l-awtoritajiet. 4. It-teħid ta’ kampjuni u l-proċeduri ta’ kejl użati biex jissodisfaw l-obbligazzjonijiet imposti minn paragrafu 1 u fejn jittieħdu l-kampjuni jew meta jsir il-kejl ikollhom bżonn l-approvazzjoni minn qabel ta’ l-awtoritajiet kompetenti. 5. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kejl perjodiku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreskrivu programmi ta’ kejl xierqa biex jiżguraw illi r-riżultati jkunu rappreżentattivi tal-livell normali ta’ emissjonijiet tas-sustanzi kkonċernati. Ir-riżultati miksuba għandhom jippermettu li jkun ivverifikat illi l-limiti ta’ valuri applikabbli ġew osservati. Artikolu 7 1. Jekk il-kejl meħud juri li nqabżu l-limiti ta’ valuri preskritti f’din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tkun mgħarrfa mill-aktar fis possibli. Din għandha tiżgura illi l-impjant ikkonċernat ma jkomplix jaħdem sakemm dan jibqa’ ma josservax l-istandards ta’ emissjoni u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li jkun immodifikat jew li ma jitħaddimx aktar. 2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreskrivu l-perjodu massimu permissibbli ta’ kull waqfien ta’ l-istrumenti ta’ purifikazzjoni illi ma jistax jiġi evitat teknikament u li matulu l-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi mitfugħa fl-arja illi dawn l-istrumenti jkunu maħsuba li jnaqqsu imma jaqbżu l-limiti ta’ valuri preskritti. F’każ ta’ ħsara, l-operatur għandu jnaqqas jew jagħlaq l-operazzjonijiet malli jkun prattikabbli u sakemm l-operazzjonijiet jistgħu jinġiebu għan-normal. Taħt l-ebda ċirkustanza l-impjant ma jista’ jibqa’ jaħdem għal aktar minn sittax-il siegħa bla waqfien; barra minn hekk, il-ħin kumulattiv fuq sena ta’ tħaddim f’kondizzjonijiet bħal dawn għandu jkun anqas minn 200 siegħa. Il-kontenut ta’ trab li jintefa’ fl-arja m’għandux taħt l-ebda ċirkustanza jaqbeż is-600 mg/nm3 matul il-perjodi li għalihom jirreferi s-subparagrafu ta’ qabel dan u l-kondizzjonijiet l-oħra kollha, partikolarment il-kondizzjonijiet dwar kombustjoni, għandhom ikunu osservati. Artikolu 8 It-tagħrif dwar l-obbligazzjonijiet imposti fuq impjanti għall-ħruq eżistenti skond din id-Direttiva u dwar ir-riżultati tal-kontrolli li għalihom jipprovdu l-Artikoli 5 u 6 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku skond proċeduri xierqa u fil-forma deċiża mill-awtoritajiet kompetenti, sakemm jibqgħu rispettati d-disposizzjonijiet applikabbli dwar is-segretezza kummerċjali. Artikolu 9 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-osservanza tal-kondizzjonijiet imposti fuq impjanti għall-ħruq eżistenti skond din id-Direttiva tkun ivverifikata mill-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 10 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Diċembru 1990. Huma għandhom minnufih jgħarrfu b’dan lill-Kummissjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. Artikolu 11 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Gunju 1989. Għall-Kunsill Il-President C. Aranzadi [1] ĠU C 75, tat-23.3.1988, p. 8. [2] ĠU C 69, ta’ l-20.3.1989, p. 223. [3] ĠU C 318, tat-12.12.1988, p. 3. [4] ĠU C 112, ta’ l-20.12.1973, p. 1. [5] ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 1. [6] ĠU C 46, tas-17.2.1983, p. 1. [7] ĠU C 328, tas-7.12.1987, p. 1. [8] ĠU C 328, tas-7.12.1987, p. 1. [9] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 47. [10] ĠU L 188, tas-16.7.1984, p. 20. [11] ĠU L 163, ta’ l-14.3.1989, p. 32. --------------------------------------------------