EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31962R0025

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 25 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni

ĠU 30, 20.4.1962, p. 991–993 (DE, FR, IT, NL)
Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1959-1962 P. 126 - 128

Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32005R1290

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1962/25/oj

31962R0025



Official Journal 030 , 20/04/1962 P. 0991 - 0993
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0028
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0028
Danish special edition: Series I Chapter 1959-1962 P. 0118
English special edition: Series I Chapter 1959-1962 P. 0126
Greek special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0032
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0027
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 1 P. 0027


Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 25

dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni

L-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 40, 43 u 199 sa 209 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi t-tħaddim u l-iżvilupp tas-suq komuni għall-prodotti agrikoli għandhom jiġu akkumpanjati mill-iżvilupp ta' politika agrikola komuni li tinkludi b'mod partikolari l-organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli;

Billi, sabiex dik l-organizzazzjoni komuni tkun tista' tilħaq il-miri tagħha, għandu jiġi stabbilit Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija u l-kondizzjonijiet li taħthom għandu jaħdem dak il-Fond għandhom jiġu stabbiliti;

Billi, b’rabta ma’ l-istabbiliment ta' dak il-Fond u l-implimentazzjoni ta' politika agrikola komuni, jidher ċar li huwa neċessarju li jiġu adottati ċerti regoli komuni ta' politika finanzjarja u ta' l-estimi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Sabiex l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli tkun tista' tilħaq il-miri tagħha, Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "Il-Fond") qiegħed b'dan jiġi stabbilit. Il-Fond għandu jifforma parti mill-estimi tal-Komunità.

TITOLU I Stadju ta' suq wieħed

Artikolu 2

1. Id-dħul minn levies fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi għandu jitħallas lill-Komunità u għandu jintuża għan-nefqa tal-Komunità sabiex ir-riżorsi ta' l-estimi tal-Komunità jkunu jinkludu dak id-dħul flimkien mad-dħul kollu l-ieħor deċiż skond ir-regoli tat-Trattat u l-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri taħt l-Artikolu 200 tat-Trattat. Il-Kunsill għandu, fi żmien approprjat, jagħti bidu għall-proċeduri stipulati fl-Artikolu 201 tat-Trattat sabiex jimplimenta d-disposizzjonijiet hawn fuq imsemmija.

2. Minħabba li fl-istadju ta' suq wieħed is-sistemi tal-prezzijiet għandhom jiġu standardizzati u l-politika agrikola għandha tkun fuq bażi Komunitarja, il-konsegwenzi finanzjarji għandhom jaqgħu fuq il-Komunità.

Il-Fond għandu għalhekk jiffinanzja:

(a) rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi;

(b) l-intervent immirat sabiex jistabbilizza s-swieq;

(ċ) il-miżuri komuni adottati sabiex jintlaħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 39 (1) (a) tat-Trattat, inklużi l-modifiki strutturali meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tas-suq komuni, sakemm dawk il-miżuri ma jfixklux ix-xogħol tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u tal-Fond Soċjali Ewropew.

TITOLU II Perjodu ta' transizzjoni

Artikolu 3

1. In-nefqa li ġejja għandha tkun eliġibbli għal għajnuna mill-Fond:

(a) rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi kkalkolata, skond il-bażi ta' kwantitajiet netti ta' esportazzjoni u r-rata ta' rifużjoni fl-Istat Membru li r-rifużjoni medja tiegħu hija l-aktar baxxa, skond id-disposizzjonijiet tar-Regolamenti dwar prodotti individwali;

(b) l-intervent fuq is-suq domestiku li l-għan u l-funzjoni tiegħu jkun identiku ma' dak tar-rifużjonijiet li ssir referenza għalihom fis-subparagrafu (a); il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu matul it-tieni stadju u b'maġġoranza kkwalifikata minn hemm ’il quddiem fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi li dawn huma identiċi;

(ċ) interventi oħra fuq is-suq domestiku magħmula skond ir-regoli tal-Komunità; il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eliġibilità ta' l-infiq li għandu x'jaqsam ma' dan għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu waqt it-tieni stadju u b'maġġoranza kkwalifikata minn hemm ’il quddiem fuq proposta mill-Kummissjoni;

(d) l-azzjoni meħuda skond ir-regoli tal-Komunità sabiex jinkisbu l-miri stipulati fl-Artikolu 39 (1) (a) tat-Trattat inkluż it-tibdil strutturali neċessitat mill-iżvilupp tas-suq komuni; il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eliġibilità ta' l-infiq li għandu x'jaqsam ma' l-istess għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu waqt it-tieni stadju u b'maġġoranza kkwalifikata minn hemm ’il quddiem fuq proposta mill-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti inizjali skond il-paragrafu 1 (b), (ċ) u (d) mhux aktar tard mit-30 Settembru 1962 sabiex il-Komunità tkun tista' tiffinanzja t-transazzjonijiet li ssir referenza għalihom f'dawk is-subparagrafi mis-sena 1962/63.

3. Mill-ewwel sena, il-Kunsill għandu kull sena, skond il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, jeżamina kif l-iffinanzjar tal-Komunità ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni stabbiliti fil-paragarfu 1(a) jkun affettwa l-gwida tal-produzzjoni u l-iżvilupp ta' postijiet tal-bejgħ.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu matul it-tieni stadju fuq talba ta' wieħed mill-Istati Membri jew tal-Kummissjoni, u b'maġġoranza kkwalifikata minn hemm ’il quddiem fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jemenda l-kriterji adottati għall-iffinanzjar mill-Komunità ta' dawk ir-rifużjonijiet.

Il-Kunsill għandu wkoll, skond il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, jeżamina kull sena l-effett fuq il-politika komuni agrikola ta' l-iffinanzjar mill-Komunità stabbilit fil-paragrafu 1 (b), (ċ) u (d).

Artikolu 4

Qabel it-tmiem tat-tielet sena, il-Kunsill għandu, skond il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, iwettaq eżami komprensiv ta' l-iżvilupp tat-transazzjonijiet tal-Fond sħiħ, in-natura tan-nefqa mill-Fond, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eliġibilità ta' dik in-nefqa, it-tqassim tad-dħul tal-Fond, u l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni, u b’mod partikolari l-Gwida tal-produzzjoni agrikola fl-Istati Membri, l-armonizzazzjoni tal-prezzijiet, u l-iżvilupp tal-kummerċ intra-Komunitarju. Dan l-eżami għandu jsir qabel id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu skond l-Artikoli 5(1) u 7(2).

Artikolu 5

1. Għal nefqa eliġibbli taħt l-Artikolu 3(1)(a), (b) u (ċ), il-kontribuzzjoni mill-Fond għandha, fir-rigward ta' l-ewwel tliett snin, tiġi stabbilita bħala wieħed minn sitta għall-1962/63, tnejn minn sitta għall-1963/64, u tlieta minn sitta għall-1964/65.

Mill-1 ta’ Lulju 1965 u sa l-aħħar tal-perjodu ta' transizzjoni, il-kontribuzzjonijiet mill-Fond għandhom jiżdiedu regolarment sabiex, fl-aħħar tal-perjodu ta' transizzjoni, in-nefqa kollha eliġibbli tiġi ffinanzjata mill-Fond. Fid-dawl tar-riżultati ta' l-eżami komprensiv stabbilit fl-Artikolu 4, id-deċiżjoni meħtieġa għandha tittieħed mill-Kunsill skond il-proċedura tal-votazzjoni stipulata fl-Artikolu 43 tat- Trattat.

2. Il-kontribuzzjoni mill-Fond għan-nefqa eliġibbli taħt l-Artikolu 3 (1) (d) għandha, sa fejn ikun possibbli, tikkorrispondi għal terz mill-ammont stabbilit skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 6

1. L-ammont totali allokat lill-Fond sabiex ikun jista' jkopri n-nefqa definita hawn fuq għandu jiġi stabbilit kull sena mill-Kunsill skond il-proċedura ta' l-estimi.

2. L-ammonti stabbiliti kull sena jistgħu jiġu miżjuda b'deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi skond l-istess proċedura.

Artikolu 7

1. Id-dħul tal-Fond għandu jikkonsisti, għall-ewwel tliet snin, f’kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri kkalkolati għall-ewwel parti skond l-iskala stabbilita fl-Artikolu 200 (1) tat-Trattat u għat-tieni parti fi proporzjon ma' l-importazzjoni netta minn pajjiżi terzi magħmula minn kull Stat Membru.

Iż-żewġ partijiet tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għandhom jifformaw id-dħul kollu tal-Fond fil-proporzjonijiet li ġejjin:

| 1962/63 % | 1963/64 % | 1964/65 % |

Skond l-iskala stipulata fl-Artikolu 200 paragrafu (1) | 100 | 90 | 80 |

Fi proporzjon ma' l-importazzjoni netta | - | 10 | 20 |

2. Qabel it-tmiem tat-tielet sena u fid-dawl tar-riżultati ta' l-eżami komprensiv stabbilit fl-Artikolu 4, il-Kunsill, waqt li jaġixxi skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 200 (3) tat-Trattat, u bl-għan li jiżgura li jsir avvanz progressiv lejn is-sistema ta' suq wieħed, għandu jagħmel regoli dwar id-dħul tal-Fond li għandhom ikunu validi mill-1 Lulju 1965 sa l-aħħar tal-perjodu ta' transizzjoni.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti dwar kull wieħed mill-prodotti individwali, għandu japplika għas-swieq taċ-ċereali, laħam tal-majjal, bajd u laħam tat-tjur mill-1 ta’ Lulju 1962, għas-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib mill-1 ta’ Novembru 1962, u fejn ikun meħtieġ, għal swieq oħra minn dati li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl- 4 ta’ April 1962.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Couve de Murville

--------------------------------------------------

Top