This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22026A00581
Agreement between the European Union and the Swiss Confederation establishing a framework for the participation of the Swiss Confederation in European Union crisis management operations
TRADUZZJONI Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet
TRADUZZJONI Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet
ST/12563/2025/INIT
ĠU L, 2026/581, 17.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/581/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/581/oj
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/581 |
17.3.2026 |
TRADUZZJONI
FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA LI JISTABBILIXXI QAFAS GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TAL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA F’OPERAZZJONIJIET TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET
L-UNJONI EWROPEA (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Unjoni” jew l-“UE”)
minn naħa waħda, u
IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Iżvizzera”),
min-naħa l-oħra,
it-tnejn li huma minn hawn ’il quddiem imsejħa, individwalment, “Parti” u, b’mod konġunt, imsejħa bħala l-“Partijiet”,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li fil-qafas tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tagħha, l-Unjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq operazzjonijiet għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li jistgħu jinkludu l-kompiti stipulati fl-Artikoli 42(1) u 43(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif deċiż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-“Kunsill”);
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-paċi dinjija għall-iżvilupp tal-Istati kollha, u filwaqt li jibqgħu impenjati li jikkontribwixxu għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja, abbażi tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
FILWAQT LI JQISU l-impenn bejn il-Partijiet biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà u d-difiża, u filwaqt li jirrikonoxxu li l-valur miżjud tal-persunal u tal-forzi tal-Iżvizzera meta jintużaw f’operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet;
XEWQANA LI jistabbilixxu kundizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera f’operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni futura possibbli, minflok ma joqogħdu jiddefinixxu dawk il-kundizzjonijiet għal kull operazzjoni kkonċernata skont il-każ;
FILWAQT LI JQISU li dan il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet (il-“Ftehim”) jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-politika tagħha ta’ sigurtà u ta’ difiża, u jenħtieġ li ma jippreġudikax in-natura skont il-każ tad-deċiżjoni tal-Iżvizzera li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet;
FILWAQT LI JQISU li d-deċiżjoni mill-Iżvizzera li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet ser tittieħed skont il-każ b’rispett sħiħ għal-liġi domestika tal-Iżvizzera u b’rispett sħiħ għad-drittijiet u l-obbligi tal-Iżvizzera abbażi tan-newtralità permanenti tagħha skont id-dritt internazzjonali;
BILLI l-Unjoni ser tiddeċiedi jekk Stati terzi jiġux mistiedna jipparteċipaw f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet u billi l-Iżvizzera tista’ taċċetta l-istedina tal-Unjoni u toffri l-kontribut tagħha; f’dak il-każ, l-Unjoni tiddeċiedi jekk taċċettax jew le il-kontribut propost;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
TAQSIMA I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni
1. Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni li tistieden lill-Iżvizzera tieħu sehem f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, l-Iżvizzera għandha, fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, tikkomunika d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tagħha rigward il-parteċipazzjoni tagħha, inkluż il-kontribuzzjoni proposta tagħha, lill-Unjoni.
2. L-Unjoni għandha tipprovdi lill-Iżvizzera b’indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-kostijiet komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis bil-ħsieb li tgħin lill-Iżvizzera fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.
3. Il-valutazzjoni mill-Unjoni tal-kontribuzzjoni proposta mill-Iżvizzera għandha ssir b’konsultazzjoni mal-Iżvizzera.
4. L-Unjoni għandha tikkomunika bil-miktub lill-Iżvizzera l-eżitu tal-valutazzjoni u tad-deċiżjoni tagħha dwar il-kontribuzzjoni proposta mill-Iżvizzera, bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera, f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
5. Il-kontribuzzjoni proposta mill-Iżvizzera skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-aċċettazzjoni tagħha mill-Unjoni skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jikkostitwixxu l-bażi għall-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għal kull operazzjoni speċifika għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.
6. L-Iżvizzera tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Unjoni, u wara konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, tirtira kompletament jew parzjalment, fi kwalunkwe ħin, mill-parteċipazzjoni f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.
7. Wara deċiżjoni li tirtira skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-Iżvizzera tista’ tneħħi l-kontribut kollu tagħha għall-operazzjoni rilevanti tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet minn dik l-operazzjoni mingħajr dewmien. F’każ bħal dan, l-Iżvizzera għandha tiżgura rtirar strutturat, f’koordinazzjoni mal-Kap tal-Missjoni tal-UE jew il-Kmandant ta’ Operazzjoni tal-UE.
Artikolu 2
Qafas
1. L-Iżvizzera għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni rilevanti li biha l-Kunsill jiddeċiedi li l-Unjoni ser twettaq operazzjoni għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ma’ kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill jiddeċiedi li jestendi operazzjoni għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, f’konformità ma’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta’ implimentazzjoni meħtieġ.
2. Il-kontribut tal-Iżvizzera għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 3
L-istatus tal-persunal u tal-forzi tal-Iżvizzera
1. L-istatus tal-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet u l-istatus tal-persunal u tal-forzi kkontribwiti mill-Iżvizzera lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jkun irregolat mill-ftehim rilevanti dwar l-istatus tal-forzi jew il-ftehim rilevanti dwar l-istatus tal-missjoni, jekk dan il-ftehim jiġi konkluż, jew minn kwalunkwe arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-Istat jew l-Istati li fih(om) titwettaq l-operazzjoni. L-Iżvizzera għandha tiġi infurmata b’dan.
2. L-istatus tal-persunal ikkontribwit lill-kwartieri ġenerali jew lil elementi ta’ kmand barra l-Istat jew l-Istati li fih(om) titwettaq l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jiġi rregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand ikkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvizzera.
3. Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi jew il-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Iżvizzera għandha teżerċita l-ġuriżdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. Meta l-forzi tal-Iżvizzera joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta’ Stat Membru tal-Unjoni, il-ġuriżdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru għandha tkun f’konformità ma’ ftehimiet eżistenti jew futuri, il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu u d-dritt internazzjonali.
4. L-Iżvizzera għandha tkun responsabbli biex tirrispondi għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li tiġi minn jew li tikkonċerna xi membru tal-persunal tagħha u għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b’mod partikolari azzjoni legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha.
5. Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw il-pretensjonijiet kollha, ħlief dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf ta’ jew distruzzjoni ta’ assi ta’ proprjetà ta’, jew operati minn, Parti jew oħra, jew għal korriment jew mewt ta’ persunal ta’ Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-doveri uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet skont dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.
6. L-Iżvizzera tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja tal-pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li fiha tipparteċipa l-Iżvizzera, u li tagħmel dan fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.
7. L-Unjoni tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tagħha jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni futura tal-Iżvizzera f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u jagħmlu fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 4
Informazzjoni klassifikata
Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, magħmul fi Brussell fit-28 ta’ April 2008, u kwalunkwe arranġament ta’ sigurtà li jimplimentah japplika għall-iskambji kollha ta’ informazzjoni klassifikata fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. F’dak il-qafas, l-Iżvizzera għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun protetta f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1), u f’konformità ma’ linji gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż mill-Kmandant ta’ Operazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, jew mill-Kap tal-Missjoni fir-rigward ta’ operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.
TAQSIMA II
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET ĊIVILI TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET
Artikolu 5
Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet
1. L-Iżvizzera għandha:
|
(a) |
tiżgura li, f’konformità ma’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni, il-persunal tagħha ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet iwettaq il-missjoni tiegħu f’konformità ma’:
|
|
(b) |
tinforma lill-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili tal-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha għall-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. |
2. Il-persunal issekondat mill-Iżvizzera għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jagħmel eżami mediku, ikun imlaqqam (skont il-bżonn) u jkun iċċertifikat medikament b’saħħtu biex iwettaq dmirijietu mill-awtorità kompetenti tal-Iżvizzera, u jipproduċi kopja ta’ dik iċ-ċertifikazzjoni.
3. Il-persunal issekondat mill-Iżvizzera għandu jwettaq dmirijietu u jġib ruħu bil-ħsieb biss tal-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, filwaqt li josserva l-ogħla standards ta’ mġiba stipulati fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.
Artikolu 6
Linja ta’ kmand
1. Il-persunal kollu parteċipanti f’operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.
2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali lill-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili tal-UE.
3. Il-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili tal-UE għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fil-livell strateġiku.
4. Il-Kap tal-Missjoni tal-UE għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fuq il-post u jassumi l-immaniġġar ta’ kuljum tagħha.
5. L-Iżvizzera għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini tal-immaniġġar ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni li jkunu qed jieħdu sehem fl-operazzjoni, f’konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).
6. Il-Kap tal-Missjoni tal-UE għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. Fejn meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.
7. Għandu jinħatar Punt ta’ Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (“PKN”) mill-Iżvizzera biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. Il-PKN għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni tal-UE dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli mid-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent tal-Iżvizzera.
8. Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Iżvizzera jekk f’dik id-data din tkun għadha qed tikkontribwixxi għal dik l-operazzjoni.
Artikolu 7
Aspetti finanzjarji
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, l-Iżvizzera għandha ġġarrab l-kostijiet kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha f’operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet minbarra l-kostijiet operazzjonali, kif stipulat fil-baġit operazzjonali tal-operazzjoni.
2. F’każ ta’ mewt, korriment ta’, telf ta’ jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà u ta’ kumpens possibbli mill-Iżvizzera għandhom jiġu rregolati mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.
Artikolu 8
Kontribuzzjoni għall-baġit operazzjonali
1. Soġġett għall-paragrafu 4 u minkejja l-Artikolu 1(5), l-Iżvizzera għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit operazzjonali tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet ikkonċernata.
2. Il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi kkalkolata abbażi ta’ waħda miż-żewġ formuli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:
|
(a) |
is-sehem tal-ammont ta’ referenza għall-baġit operazzjonali approporzjon tal-proporzjon tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Iżvizzera mit-total tal-ING tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operazzjonali tal-operazzjoni; jew |
|
(b) |
is-sehem tal-ammont ta’ referenza għall-baġit operazzjonali approporzjon tal-proporzjoni tal-għadd ta’ persunal mill-Iżvizzera parteċipanti fl-operazzjoni mill-għadd totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni. |
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Iżvizzera ma għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni.
4. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Iżvizzera minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fejn l-Unjoni tqis li l-Iżvizzera tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti li huwa essenzjali għal dik l-operazzjoni.
5. Soġġett għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe arranġament rigward il-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Iżvizzera għall-baġit operazzjonali ta’ operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jsir bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandu, fost l-oħrajn, jinkludi dispożizzjonijiet dwar:
|
(a) |
l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata; |
|
(b) |
l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u |
|
(c) |
il-proċedura tal-awditjar. |
TAQSIMA III
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET MILITARI TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET
Artikolu 9
Parteċipazzjoni f’operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet
1. L-Iżvizzera għandha:
|
(a) |
tiżgura li, f’konformità ma’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni, il-forzi u l-persunal tagħha li jipparteċipaw f’operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet iwettqu l-missjoni tagħhom f’konformità ma’:
|
|
(b) |
tinforma lill-Kmandant ta’ Operazzjoni tal-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. |
2. Il-persunal issekondat mill-Iżvizzera għandu jwettaq dmirijietu u jġib ruħu bil-ħsieb biss tal-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, filwaqt li josserva l-ogħla standards ta’ mġiba stipulati fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.
Artikolu 10
Linja ta’ kmand
1. Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw f’operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.
2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand operazzjonali u tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant ta’ Operazzjoni tal-UE, li huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.
3. L-Iżvizzera għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini tal-immaniġġar ta’ kuljum tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet bħall-Istati Membri tal-Unjoni li jieħdu sehem fl-operazzjoni, f’konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).
4. Il-Kmandant ta’ Operazzjoni tal-UE jista’, wara konsultazzjonijiet mal-Iżvizzera, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut mill-Iżvizzera.
5. Għandu jinħatar Rappreżentant Militari Għoli (“SMR”) mill-Iżvizzera sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE ta’ għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forzi tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-operazzjoni, u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent tal-Iżvizzera.
Artikolu 11
Aspetti finanzjarji
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan il-Ftehim, l-Iżvizzera għandha ġġarrab l-kostijiet kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet sakemm l-kostijiet ma jkunux soġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2021/509 (2).
2. F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà u kumpens possibbli mill-Iżvizzera għandhom jiġu rregolati mill-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi msemmi fl-Artikolu 3(1) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.
Artikolu 12
Kontribuzzjoni għall-kostijiet komuni
1. Soġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u minkejja l-Artikolu 1(5), l-Iżvizzera għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-kostijiet komuni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet ikkonċernata.
2. Il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi kkalkolata abbażi ta’ waħda miż-żewġ formuli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:
|
(a) |
is-sehem tal-kostijiet komuni approporzjon tal-proporzjon tal-ING tal-Iżvizzera mit-total tal-ING tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-kostijiet komuni tal-operazzjoni; jew |
|
(b) |
is-sehem tal-kostijiet komuni approporzjon tal-proporzjon tal-għadd ta’ persunal mill-Iżvizzera parteċipanti fl-operazzjoni mill-għadd totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni. |
Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, u l-Iżvizzera tikkontribwixxi persunal għall-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni jew tal-Forza biss, il-proporzjon li jintuża għandu jkun dak tal-persunal tagħha mill-għadd totali tal-persunal tal-kwartieri ġenerali rispettivi. F’każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kkontribwit mill-Iżvizzera mit-total tal-persunal tal-operazzjoni.
3. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Iżvizzera minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fejn l-Unjoni tqis li l-Iżvizzera tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti li hija essenzjali għal din l-operazzjoni.
4. Soġġett għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Iżvizzera għall-kostijiet komuni għandhom isiru bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandhom, fost l-oħrajn, jinkludu dispożizzjonijiet dwar:
|
(a) |
l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata; |
|
(b) |
l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u |
|
(c) |
il-proċedura tal-awditjar. |
TAQSIMA IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 13
Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(5) u 12(3), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiftiehmu għalih l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.
Artikolu 14
Awtoritajiet kompetenti
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvizzera għandhom ikunu:
|
— |
għal operazzjonijiet militari tal-UE tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, l-awtoritajiet kompetenti tad-Dipartiment Federali tad-Difiża, il-Protezzjoni Ċivili u l-Isport, |
|
— |
għal operazzjonijiet ċivili tal-UE tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, l-awtoritajiet kompetenti tad-Dipartiment Federali tal-Affarijiet Barranin, |
sakemm l-Unjoni ma tiġix innotifikata mod ieħor.
Artikolu 15
Nonkonformità
Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim permezz ta’ avviż bil-miktub ta’ xahar.
Artikolu 16
Soluzzjoni ta’ tilwim
Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ, tul ta’ żmien u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara x-xahar li fih l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi rivedut fuq it-talba ta’ kwalunkwe Parti.
3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
4. Dan il-Ftehim jista’ jiġi terminat minn kwalunkwe Parti b’notifika bil-miktub ta’ terminazzjoni mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji hawn taħt, bl-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul bil-lingwa Ingliża u dik Ġermaniża, b’kull waħda tkun ugwalment awtentika.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, fil-verżjoni fis-seħħ fid-data ta’ ffirmar ta’ dan il-Ftehim (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
DIKJARAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI LI TAPPLIKA DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL DWAR OPERAZZJONI TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET LI FIHA TIPPARTEĊIPA KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA, RIGWARD IR-RINUNZJA TA’ PRETENSJONIJIET
“L-Istati Membri tal-Unjoni li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li fiha tipparteċipa l-Iżvizzera ser jagħmlu ħilithom, sa fejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw sa fejn ikun possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra l-Iżvizzera rigward il-korriment jew mewt tal-persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta’ kwalunkwe assi ta’ proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:
|
— |
kienu kkawżati minn persunal ikkontribwit mill-Iżvizzera lil operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, fit-twettiq tad-doveri tiegħu b’konnessjoni ma’ dik l-operazzjoni, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew |
|
— |
irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà tal-Iżvizzera, dment li l-assi jkunu ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal ikkontribwit mill-Iżvizzera lill-operazzjoni, li kien qed juża dawk l-assi.” |
DIKJARAZZJONI MILL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA RIGWARD IR-RINUNZJA GĦAL PRETENSJONIJIET KONTRA KWALUNKWE STAT PARTEĊIPANTI F’OPERAZZJONIJIET TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET
“L-Iżvizzera, wara li qablet li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, ser tagħmel ħilitha, sa fejn is-sistema legali interna tagħha tippermetti, biex tirrinunzja sa fejn ikun possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet rigward il-korriment jew mewt tal-persunal tiegħu jew ħsara lil, jew telf ta’ kwalunkwe assi proprjetà tagħha u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:
|
— |
kienu kkawżati minn persunal ikkontribwit minn kwalunkwe Stat parteċipanti lill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, fit-twettiq tad-doveri tiegħu b’konnessjoni ma’ dik l-operazzjoni, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew |
|
— |
irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà ta’ Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, dment li l-assi jkunu ntużaw b’konnessjoni ma’ dik l-operazzjoni u ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li kien qed juża dawk l-assi.” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/581/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)