Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22025A02393

Protokoll emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-istandard għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji fi kwistjonijiet fiskali żviluppat mill-organizzazzjoni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp ekonomiċi (OECD)

ST/11796/2025/INIT

ĠU L, 2025/2393, 5.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2393/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2393/oj

Related Council decision
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2393

5.12.2025

Protokoll emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-istandard għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji fi kwistjonijiet fiskali żviluppat mill-organizzazzjoni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp ekonomiċi (OECD)

L-UNJONI EWROPEA

u

L-PRINĊIPAT TA’ MONACO,

it-tnejn li huma, minn hawn ’il quddiem imsejħin, individwalment, “Parti Kontraenti” u, flimkien, “Partijiet Kontraenti”,

BILLI l-Partijiet Kontraenti għandhom relazzjoni twila u mill-qrib fir-rigward tal-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali, li kienet tikkonsisti, inizjalment, fl-applikazzjoni ta’ miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (1), u li aktar tard ġiet żviluppata fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (2) (“il-Ftehim”), kif emendat bil-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (3), abbażi tal-iskambju awtomatiku reċiproku tal-informazzjoni bl-implimentazzjoni tal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali tal-OECD (“l-Istandard Globali”),

BILLI, wara l-ewwel rieżami komprensiv tal-Istandard Globali tal-OECD, ġew approvati emendi tal-Istandard Globali mill-Kumitat tal-OECD dwar l-Affarijiet Fiskali f’Awwissu 2022 u dawn ġew adottati mill-Kunsill tal-OECD fit-8 ta’ Ġunju 2023 bir-Rakkomandazzjoni riveduta tiegħu dwar l-Istandards Internazzjonali għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni fi Kwistjonijiet Fiskali (“l-aġġornament tal-Istandard Globali”),

BILLI r-rieżami komprensiv tal-OECD identifika l-kumplessità dejjem akbar tal-istrumenti finanzjarji u l-ħolqien u l-użu ta’ tipi ġodda ta’ assi diġitali u rrikonoxxa l-ħtieġa li l-Istandard Globali jiġi adattat biex tiġi żgurata konformità fiskali komprensiva u effettiva,

BILLI, l-aġġornament tal-Istandard Globali espanda l-ambitu tar-rapportar biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali, li joffru alternattivi kredibbli għall-Kontijiet Finanzjarji tradizzjonali, li diġà huma soġġetti għar-rapportar skont l-Istandard Globali,

BILLI l-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi (“CARF”) il-ġdid tal-OECD, li ġie introdott b’mod parallel mal-aġġornament tal-Istandard Globali, iservi bħala mekkaniżmu komplementari fil-livell globali u huwa mfassal speċifikament biex jindirizza l-iżvilupp rapidu u t-tkabbir tas-suq tal-Kriptoassi,

BILLI kien meqjus li huwa essenzjali li tiġi żgurata interazzjoni effiċjenti bejn dawk iż-żewġ oqfsa, b’mod partikolari biex jiġu limitati każijiet ta’ rapportar doppju, billi: (i) il-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u l-Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali jiġu esklużi mill-ambitu tal-CARF, minħabba l-kopertura tagħhom skont l-Istandard Globali aġġornat; (ii) il-Kriptoassi fl-ambitu tal-Istandard Globali aġġornat jitqiesu bħala Assi Finanzjarji għall-fini tar-rapportar ta’ Kontijiet ta’ Kustodja, Interessi ta’ Ekwità jew Dejn f’Entitajiet tal-Investiment (ħlief f’każijiet ta’ forniment ta’ servizzi li jagħmlu tranżazzjonijiet ta’ skambju għall-klijenti jew f’isimhom, li huma koperti skont il-CARF), investimenti indiretti fil-Kriptoassi permezz ta’ prodotti finanzjarji tradizzjonali oħra jew prodotti finanzjarji tradizzjonali maħruġa fil-forma ta’ kriptoassi; u (iii) tiġi prevista dispożizzjoni fakultattiva għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti biex iwaqqfu r-rapportar tar-rikavat gross għal assi li huma kklassifikati bħala Kriptoassi skont iż-żewġ oqfsa, meta tali informazzjoni tiġi rrapportata skont il-CARF, filwaqt li jkomplu jirrapportaw skont l-Istandard Globali l-informazzjoni l-oħra kollha, bħall-bilanċ tal-kont,

BILLI l-CARF ġie implimentat fl-Unjoni Ewropea permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 (4), li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (5), u dawk id-dispożizzjonijiet serjapplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026,

BILLI l-Prinċipat ta’ Monaco ma ġiex identifikat bħala ġuriżdizzjoni ta’ rilevanza għall-implimentazzjoni tal-CARF mill-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Finijiet ta’ Taxxa (“il-Forum Globali”) f’dan l-istadju, iżda jibqa’ lest li jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jimplimenta u japplika l-CARF b’mod rapidu meta l-Forum Globali jqis li din hija ġuriżdizzjoni bħal din,

BILLI, bil-għan li jiġu limitati l-każijiet ta’ rapportar doppju, meta l-Prinċipat ta’ Monaco jimplimenta l-CARF fir-rigward tal-Istati Membri, il-Partijiet Kontraenti jenħtieġ li jiddistingwu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, il-CARF (għall-Prinċipat ta’ Monaco) u d-Direttiva (UE) 2023/2226 (għall-Istati Membri tal-UE) b’mod konsistenti mad-distinzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni bejn l-Istandard Globali aġġornat u l-CARF,

BILLI, bil-għan li jittejbu l-affidabbiltà u l-użu tal-informazzjoni skambjata, l-aġġornament tal-Istandard Globali jintroduċi rekwiżiti tar-rapportar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta,

BILLI l-aġġornament tal-Istandard Globali jżid kategorija ġdida “Kont Eskluż” għall-Kontijiet ta’ Kontribuzzjoni Kapitali u limitu de minimis għar-rapportar ta’ Kontijiet Depożitarji li fihom Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati,

Billi, għall-Istati Membri, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data fl-Unjoni Ewropea li japplikaw ukoll għall-iskambji ta’ informazzjoni li jsiru mill-Istati Membri li huma koperti mill-Ftehim,

BILLI l-protezzjoni tad-data personali fil-Prinċipat ta’ Monaco hija rregolata mil-Liġi Nru 1.565 tat-3 ta’ Diċembru 2024 relatata mal-protezzjoni tad-data personali inklużi l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni stabbiliti mill-Ordni Sovran (7),

Billi, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll Emendatorju, il-Kummissjoni Ewropea sa issa għadha ma adottatx deċiżjoni skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 li tistabbilixxi li l-Prinċipat ta’ Monaco jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali,

BILLI ż-żewġ Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw u josservaw is-salvagwardji speċifiċi għall-protezzjoni tad-data stabbiliti fil-Ftehim, inkluż l-Anness III tiegħu, b’tali mod li jiżguraw li l-ebda Parti Kontraenti ma tkun tista’ tuża xi ġustifikazzjoni biex tirrifjuta l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Parti Kontraenti l-oħra,

BILLI l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti, l-Awtoritajiet Kompetenti li jibagħtu u l-Awtoritajiet Kompetenti riċeventi, bħala kontrolluri tad-data, jenħtieġ li jżommu l-informazzjoni pproċessata f’konformità mal-Ftehim għal mhux aktar milli meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu u billi, minħabba d-differenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u tal-Prinċipat ta’ Monaco, il-perjodu massimu taż-żamma għal kull Parti Kontraenti jenħtieġ li jiġi stabbilit b’referenza għall-istatut tal-preskrizzjonijiet ipprovdut mil-leġiżlazzjoni domestika dwar it-taxxa ta’ kull kontrollur tad-data,

BILLI l-ipproċessar ta’ informazzjoni skont il-Ftehim huwa meħtieġ u proporzjonat għall-fini li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u tal-Prinċipat ta’ Monaco jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod korrett u inekwivoku lill-kontribwenti kkonċernati, jamministraw u jinfurzaw il-liġijiet tagħhom dwar it-taxxa f’sitwazzjonijiet transfruntiera, jivvalutaw il-probabbiltà li ssir evażjoni tat-taxxa u jevitaw aktar investigazzjonijiet mhux meħtieġa,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim huwa emendat kif ġej:

(1)

il-kliem introduttorju bejn it-titolu u l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-UNJONI EWROPEA

u

L-PRINĊIPAT TA’ MONACO,

it-tnejn li huma, minn hawn ’il quddiem imsejħin, individwalment, ‘Parti Kontraenti’ u, flimkien, ‘Partijiet Kontraenti’,

FTIEHMU LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:”

;

(2)

fl-Artikolu 1(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“(m)

it-terminu ‘Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi’ ifisser il-qafas internazzjonali għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni fir-rigward tal-Kriptoassi (li jinkludi l-Kummentarji) żviluppat mill-OECD mal-pajjiżi tal-G20 u approvat mill-OECD fis-26 ta’ Awwissu 2022,”

;

(3)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-subparagrafi (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

dawn li ġejjin:

(i)

l-isem, l-indirizz, in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid (fil-każ ta’ individwu) ta’ kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta’ Kont tal-kont u jekk id-Detentur ta’ Kont ikunx ipprovda awtoċertifikazzjoni valida;

(ii)

fil-każ ta’ kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta’ Kont u li, wara l-applikazzjoni tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta b’mod konsistenti mal-Annessi I u II, tiġi identifikata bħala li għandha Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li hija Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, u n-NITs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid ta’ kull Persuna Rapportabbli, kif ukoll ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli tkun Persuna Kontrollanti tal-Entità u jekk tkunx ġiet ipprovduta awtoċertifikazzjoni valida għal kull Persuna Rapportabbli; u

(iii)

jekk il-kont huwiex kont konġunt, inkluż l-għadd ta’ Detenturi ta’ Kontijiet konġunti;

(b)

in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta’ numru tal-kont), it-tip ta’ kont u jekk il-kont huwiex Kont Preeżistenti jew Kont Ġdid;”

;

(ii)

jitħassar it-terminu “u” fl-aħħar tas-subparagrafu (f);

(iii)

is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu (f):

“(fa)

fil-każ ta’ kwalunkwe Interess ta’ Ekwità miżmum f’Entità ta’ Investiment li huwa arranġament legali, ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom il-Persuna Rapportabbli tkun detentur ta’ Interess ta’ Ekwità; u”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Minkejja l-paragrafu 2, is-subparagrafu (e), il-punt (ii), u sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tkunx għażlet mod ieħor skont it-Taqsima I(F) tal-Anness I fir-rigward ta’ kwalunkwe grupp ta’ kontijiet identifikat b’mod ċar, ir-rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ Assi Finanzjarju ma jkunx meħtieġ li jiġi skambjat sa fejn tali rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ tali Assi Finanzjarju jiġi skambjat mill-Awtorità Kompetenti ta’ Monaco mal-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew mill-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru mal-Awtorità Kompetenti ta’ Monaco skont il-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi.”

;

(4)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Minkejja l-ewwel subparagrafu, għal kontijiet li huma ttrattati bħala Kont Rapportabbli biss bis-saħħa tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru 2025, u, fir-rigward tal-Kontijiet Rapportabbli kollha, għall-informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi skambjata skont il-bidliet magħmula fl-Artikolu 2(2) skont dak il-Protokoll Emendatorju, l-informazzjoni għandha tiġi skambjata fir-rigward tal-ewwel sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Protokoll Emendatorju u tas-snin kollha sussegwenti.

Minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jinżamm minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru 2025 u għall-perjodi ta’ rapportar li jintemmu sat-tieni sena kalendarja wara dik id-data, għandha tiġi skambjata informazzjoni fir-rigward tar-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli hija Persuna Kontrollanti jew detentur ta’ Interess ta’ Ekwità tal-Entità fejn irrapportat mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti f’konformità mat-Taqsima I, is-subparagrafi A(1)(b) u A(6a), tal-Anness I.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Awtoritajiet Kompetenti ser jiskambjaw awtomatikament l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fi skema ta’ standard komuni ta’ rapportar b’Extensible Markup Language bl-użu tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Komuni approvata mill-OECD jew kwalunkwe sistema xierqa oħra għat-trażmissjoni tad-data li tista’ tiġi miftiehma fil-futur.”

;

(c)

jitħassar il-paragrafu 5.;

(5)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Minbarra r-regoli ta’ kunfidenzjalità u salvagwardji oħra previsti f’dan il-Ftehim, inkluż l-Anness III, l-ipproċessar ta’ data personali skont dan il-Ftehim għandu jkun soġġett, (i) fil-każ tal-Istati Membri, għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u (ii) fil-każ ta’ Monaco, għal-Liġi Nru 1.565 tat-3 ta’ Diċembru 2024 relatata mal-protezzjoni tad-data personali inklużi l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni stabbiliti mill-Ordni Sovran (*2).

Għall-fini tal-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 13, l-Artikolu 14(1) sa (4) u l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 sal-punt meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 23(1)(e) ta’ dak ir-Regolament. Monaco għandu jieħu miżuri ekwivalenti skont il-liġi domestika tiegħu.

Minkejja s-subparagrafu preċedenti, kull Stat Membru u Monaco għandhom jiżguraw li kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom tinforma lil kull Persuna Rapportabbli fiżika kkonċernata (kemm jekk Persuna ta’ Monaco kif ukoll jekk Persuna ta’ Stat Membru) li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 relatata magħha ser tinġabar u tiġi ttrasferita f’konformità ma’ dan il-Ftehim, u għandhom jiżguraw li l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tagħti lil dak l-individwu kull informazzjoni li hu intitolat għaliha skont il-leġiżlazzjoni domestika tagħha dwar il-protezzjoni tad-data, u mill-inqas dan li ġej:

(a)

il-fini li għalih tiġi pproċessata d-data personali tiegħu;

(b)

il-bażi legali għall-operazzjoni tal-ipproċessar;

(c)

ir-riċevituri tad-data personali tiegħu;

(d)

l-identità tal-kontrolluri tad-data;

(e)

il-limiti ta’ żmien għall-ħżin tad-data;

(f)

l-eżistenza tad-dritt ta’ persuna li titlob l-aċċess għad-data personali tagħha mingħand il-kontrollur, u r-rettifika u t-tħassir tagħha;

(g)

id-dritt għal rimedju amministrattiv u/jew ġudizzjarju;

(h)

il-proċedura għall-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju amministrattiv u/jew ġudizzjarju;

(i)

id-dritt għal rikors għand l-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji kompetenti għall-protezzjoni tad-data u d-dettalji relevanti ta’ kuntatt.

Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fi żmien biżżejjed biex l-individwu jeżerċita d-drittijiet għall-protezzjoni tad-data tiegħu u, fi kwalunkwe każ, qabel ma l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti kkonċernata tirrapporta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 lill-awtorità kompetenti tal-ġuriżdizzjoni tagħha ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew Monaco).

L-Istati Membri u Monaco għandhom jiżguraw li kull Persuna Rapportabbli fiżika (kemm jekk Persuna ta’ Monaco kif ukoll jekk Persuna ta’ Stat Membru) tiġi nnotifikata bi ksur tas-sigurtà fir-rigward tad-data personali tagħha meta dak il-ksur x’aktarx jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tad-data personali jew tal-privatezza tagħha.

(*1)  Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)."

(*2)   ‘Journal de Monaco’, il-bulettin uffiċjali tal-Prinċipat, Nru 8725 tat-13 ta’ Diċembru 2024 ”;"

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-data personali pproċessata f’konformità ma’ dan il-Ftehim ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien milli jkun meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet ta’ dan il-Ftehim u, fi kwalunkwe każ, f’konformità mar-regoli domestiċi ta’ kull kontrollur tad-data dwar l-istatut tal-preskrizzjonijiet.

L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti u l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru u ta’ Monaco għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data, kull wieħed f’osservanza tad-data personali pproċessata skont dan il-Ftehim. Il-kontrolluri tad-data għandhom ikunu responsabbli għall-infurzar tas-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar tali salvagwardji f’dan il-Ftehim u għall-ħarsien tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.”

;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Minkejja l-paragrafi preċedenti, l-informazzjoni riċevuta minn ġuriżdizzjoni (li tkun Stat Membru jew Monaco) tista’ tintuża għal finijiet oħrajn meta tali informazzjoni tista’ tintuża għal tali finijiet oħrajn skont il-liġijiet, inkluż dawk dwar il-protezzjoni tad-data personali, tal-ġuriżdizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni (li tkun, rispettivament, Monaco jew Stat Membru) u meta l-Awtorità Kompetenti ta’ dik il-ġuriżdizzjoni tawtorizza dak l-użu. L-informazzjoni pprovduta minn ġuriżdizzjoni (li tkun Stat Membru jew Monaco) lil ġuriżdizzjoni oħra (li tkun, rispettivament, Monaco jew Stat Membru) tista’ tiġi trażmessa minn din tal-aħħar lil ġuriżdizzjoni terza (li tkun Stat Membru ieħor), soġġetta għall-applikazzjoni tas-salvagwardji previsti skont dan l-Artikolu u fl-Anness III u soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-Awtorità Kompetenti tal-ewwel ġuriżdizzjoni msemmija li minnha tkun oriġinat l-informazzjoni, liema awtorità trid tkun irċeviet id-data meħtieġa għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni tas-salvagwardji inkwistjoni.

L-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor skont il-liġi applikabbli tiegħu li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni tista’ tiġi trażmessa lil Monaco, dment li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel mill-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru li minnha tkun oriġinat l-informazzjoni.”

;

(6)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Jekk il-konsultazzjonijiet ikunu jikkonċernaw nuqqas ta’ konformità sinifikanti ma’ dan il-Ftehim, u l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 ma tipprevedix soluzzjoni adegwata, l-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ Monaco tista’ tissospendi l-iskambju ta’ informazzjoni skont dan il-Ftehim ma’ Monaco jew Stat Membru speċifiku, rispettivament, billi tavża bil-miktub lill-Awtorità Kompetenti kkonċernata l-oħra. Din is-sospensjoni jkollha effett immedjat. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, nuqqas ta’ konformità sinifikanti jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal: (i) nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-salvagwardja tad-data ta’ dan il-Ftehim, inkluż l-Anness III, tar-Regolament (UE) 2016/679 u tal-Liġi Nru 1.565 tat-3 ta’ Diċembru 2024 relatata mal-protezzjoni tad-data personali inklużi l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni stabbiliti mill-Ordni Sovran, skont il-kuntest, (ii) nuqqas mill-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ Monaco li tipprovdi informazzjoni f’waqtha jew adegwata kif meħtieġ skont dan il-Ftehim, u (iii) id-deżinjazzjoni ta’ Entitajiet jew kontijiet bħala Istituzzjonijiet Finanzjarji mhux Rapportanti u Kontijiet Esklużi b’mod li jfixkel il-finijiet ta’ dan il-Ftehim.”

;

(7)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Terminazzjoni

Kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tagħti avviż ta’ terminazzjoni bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Din it-terminazzjoni ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar wara perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-avviż ta’ terminazzjoni. Fil-każ ta’ terminazzjoni, l-informazzjoni kollha riċevuta qabel skont dan il-Ftehim tibqa’ kunfidenzjali u soġġetta (i) fil-każ tal-Istati Membri, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 u (ii) fil-każ ta’ Monaco, għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 1.565 tat-3 ta’ Diċembru 2024 relatata mal-protezzjoni tad-data personali inklużi l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni stabbiliti mill-Ordni Sovran, u fiż-żewġ każijiet għas-salvagwardji speċifiċi għall-protezzjoni tad-data previsti f’dan il-Ftehim, inklużi dawk fl-Anness III.”

;

(8)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-Taqsima I, il-paragrafu A huwa emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju u s-subparagrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Soġġett għall-paragrafi C sa F, kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jeħtiġilha tirrapporta lill-Awtorità Kompetenti tal-ġuriżdizzjoni tagħha (li tkun Stat Membru jew Monaco) fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli ta’ tali Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti:

1.

l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew Monaco), in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid (fil-każ ta’ individwu) ta’ kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta’ Kont tal-kont u jekk id-Detentur ta’ Kont ikunx ipprovda awtoċertifikazzjoni valida;

(b)

fil-każ ta’ kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta’ Kont u li, wara l-applikazzjoni tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta b’mod konsistenti mat-Taqsimiet V, VI u VII, tiġi identifikata bħala li għandha Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li huma Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza u n-NITs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew Monaco), in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid ta’ kull Persuna Rapportabbli, kif ukoll ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli tkun Persuna Kontrollanti tal-Entità u jekk tkunx ġiet ipprovduta awtoċertifikazzjoni valida għal kull Persuna Rapportabbli; u

(c)

jekk il-kont huwiex kont konġunt, inkluż l-għadd ta’ Detenturi ta’ Kontijiet konġunti;

2.

in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta’ numru tal-kont), it-tip ta’ kont u jekk il-kont huwiex Kont Preeżistenti jew Kont Ġdid;”

;

(ii)

jitħassar it-terminu “u” fl-aħħar tas-subparagrafu 6;

(iii)

is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu 6:

“6a.

fil-każ ta’ kwalunkwe Interess ta’ Ekwità miżmum f’Entità ta’ Investiment li huwa arranġament legali, ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom il-Persuna Rapportabbli tkun detentur ta’ Interess ta’ Ekwità; u”

;

(b)

fit-Taqsima I, il-paragrafu C huwa sostitwit b’dan li ġej:

“C.

Minkejja s-subparagrafu A(1), fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jkun Kont Preeżistenti, in-NIT(s) jew id-data tat-twelid ma jkunux meħtieġa li jiġu rrapportati jekk dawn in-NIT(s) jew id-data tat-twelid ma jkunux fir-rekords tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti u ma jkunux meħtieġa li jinġabru b’mod ieħor minn din l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont il-liġi domestika jew kwalunkwe strument legali tal-Unjoni Ewropea (jekk applikabbli). Madankollu, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti hija meħtieġa li tuża sforzi raġonevoli biex tikseb in-NIT(s) u d-data tat-twelid fir-rigward ta’ Kontijiet Preeżistenti sa tmiem it-tieni sena kalendarja wara s-sena li fiha l-Kontijiet Preeżistenti ġew identifikati bħala Kontijiet Rapportabbli u kull meta jkun meħtieġ li tiġi aġġornata l-informazzjoni relatata mal-Kont Preeżistenti skont il-Proċeduri tal-AML/KYC domestiċi.”

;

(c)

fit-Taqsima I, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“F.

Minkejja s-subparagrafu A(5)(b) u sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tagħżilx mod ieħor fir-rigward ta’ kwalunkwe grupp ta’ kontijiet identifikat b’mod ċar, ir-rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ Assi Finanzjarju ma jkunx meħtieġ li jiġi rrapportat sa fejn tali rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ tali Assi Finanzjarju jiġi rrapportat mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont il-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi.”

;

(d)

fit-Taqsima VI, is-subparagrafu A(2)(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Id-Determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti ta’ Detentur ta’ Kont. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti ta’ Detentur ta’ Kont, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista’ tibbaża fuq informazzjoni miġbura u miżmuma skont il-Proċeduri tal-AML/KYC, dment li dawn il-proċeduri jkunu konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF (Financial Action Task Force) tal-2012. Jekk l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tkunx legalment meħtieġa li tapplika l-Proċeduri tal-AML/KYC li huma konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF tal-2012, din trid tapplika proċeduri sostanzjalment simili għall-fini tad-determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti.”

;

(e)

fit-Taqsima VII, il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu A:

“Aa.

Nuqqas temporanju ta’ awtoċertifikazzjoni. F’ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-awtoċertifikazzjoni ma tkunx tista’ tinkiseb minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti fir-rigward ta’ Kont Ġdid fil-ħin biex jiġu ssodisfati l-obbligi tad-diliġenza dovuta u tar-rapportar tagħha fir-rigward tal-perjodu ta’ rapportar li matulu jkun infetaħ il-kont, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jeħtiġilha tapplika l-proċeduri tad-diliġenza dovuta għall-Kontijiet Preeżistenti, sakemm tinkiseb u tiġi vvalidata din l-awtoċertifikazzjoni.”

;

(f)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu A(5) sa (7) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.

It-terminu ‘Istituzzjoni Depożitorja’ jfisser kwalunkwe Entità li:

(a)

taċċetta depożiti fil-kors ordinarju ta’ negozju bankarju jew negozju simili; jew

(b)

ikollha Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati jew Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali għall-benefiċċju tal-klijenti.

6.

It-terminu ‘Entità ta’ Investiment’ ifisser kwalunkwe Entità:

(a)

li primarjament twettaq bħala negozju, attività jew operazzjoni waħda jew aktar mill-attivitajiet jew operazzjonijiet li ġejjin għal klijent jew f’ismu:

(i)

negozjar fi strumenti tas-suq monetarju (ċekkijiet, kambjali, ċertifikati tad-depożitu, derivattivi, eċċ.); muniti barranin; strumenti tal-kambju, tar-rati tal-imgħax u tal-indiċi; titoli trasferibbli; jew negozju tal-futuri tal-komoditajiet;

(ii)

ġestjoni ta’ portafolli individwali u kollettivi; jew

(iii)

investiment, amministrazzjoni, jew ġestjoni b’xi mod ieħor ta’ Assi Finanzjarji, flus, jew Kriptoassi Rilevanti f’isem persuni oħrajn; jew

(b)

li l-introjtu gross tagħha jkun attribwibbli primarjament għall-investiment, l-investiment mill-ġdid jew in-negozjar f’Assi Finanzjarji jew Kriptoassi Rilevanti, jekk l-Entità hija ġestita minn Entità oħra li tkun Istituzzjoni Depożitorja, Istituzzjoni ta’ Kustodja, Kumpanija tal-Assigurazzjoni Speċifikata, jew Entità ta’ Investiment deskritta fis-subparagrafu A(6)(a).

Entità tiġi ttrattata bħala li primarjament twettaq bħala negozju waħda jew aktar mill-attivitajiet deskritti fis-subparagrafu A(6)(a), jew introjtu gross ta’ Entità jiġi primarjament attribwibbli għal investiment, investiment mill-ġdid, jew negozjar f’Assi Finanzjarji jew Kriptoassi Rilevanti għall-finijiet tas-subparagrafu A(6)(b), jekk l-introjtu gross tal-Entità attribwibbli għall-attivitajiet rilevanti jkun 50 % jew aktar tal-introjtu gross tal-Entità matul l-iqsar wieħed minn: (i) il-perjodu ta’ tliet snin li jintemm fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li fiha ssir id-determinazzjoni; jew (ii) il-perjodu li matulu l-Entità tkun ilha teżisti. Għall-finijiet tas-subparagrafu A(6)(a)(iii), it-terminu ‘investiment, amministrazzjoni, jew ġestjoni b’xi mod ieħor ta’ Assi Finanzjarji, flus, jew Kriptoassi Rilevanti f’isem persuni oħrajn’ ma jinkludix il-forniment ta’ servizzi li jwettqu Tranżazzjonijiet ta’ Skambju għall-klijenti jew f’isimhom. It-terminu ‘Entità ta’ Investiment’ ma jinkludix Entità li tkun NFE Attiva għaliex dik l-Entità tissodisfa kwalunkwe kriterju fis-subparagrafi D(9)(d) sa (g).

Dan il-paragrafu għandu jkun interpretat b’mod li jkun konsistenti ma’ lingwaġġ simili stipulat fid-definizzjoni ta’ ‘istituzzjoni finanzjarja’ fir-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

7.

It-terminu ‘Assi Finanzjarju’ jinkludi titolu (pereżempju, sehem minn stokk f’korporazzjoni; sħubija jew interess fuq sjieda benefiċjarja fi sħubija jew fiduċjarja b’parteċipazzjoni wiesgħa jew innegozjata pubblikament; kambjala, bond, titolu obbligazzjonarju, jew evidenza oħra ta’ dejn), interess fi sħubija, komodità, swap (pereżempju, swaps tar-rati tal-imgħax, swaps tal-valuti, swaps varjabbli għal varjabbli, limiti massimi tar-rati tal-imgħax, rati tal-imgħax minimi (interest rate floors), swaps tal-komoditajiet, swaps tal-ekwità, swaps tal-indiċi tal-ekwità, u ftehimiet simili), Kuntratt tal-Assigurazzjoni jew Kuntratt tal-Vitalizju, jew kwalunkwe imgħax (inkluż kuntratt jew opzjoni tal-futuri jew forward) f’titolu, Kriptoassi Rapportabbli, interess fi sħubija, komodità, swap, Kuntratt tal-Assigurazzjoni, jew Kuntratt tal-Vitalizju. It-terminu ‘Assi Finanzjarju’ ma jinkludix interess dirett mingħajr dejn fi proprjetà immobbli.”

;

(g)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu wara s-subparagrafu A(8):

“9.

It-terminu ‘Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat’ ifisser kwalunkwe prodott li huwa:

(a)

rappreżentazzjoni diġitali ta’ Munita ta’ Kors Legali waħda;

(b)

maħruġ mal-wasla ta’ fondi għall-fini li jsiru tranżazzjonijiet ta’ pagament;

(c)

irrappreżentat minn talba fuq l-emittent denominat fl-istess Munita ta’ Kors Legali;

(d)

aċċettat bħala pagament minn persuna fiżika jew ġuridika għajr l-emittent; u

(e)

bis-saħħa ta’ rekwiżiti regolatorji li għalihom huwa soġġett l-emittent, jista’ jinfeda fi kwalunkwe ħin u b’parità għall-istess Munita ta’ Kors Legali fuq talba tad-detentur tal-prodott.

It-terminu ‘Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat’ ma jinkludix prodott maħluq għall-fini uniku li jiffaċilita t-trasferiment ta’ fondi minn klijent lil persuna oħra skont l-istruzzjonijiet tal-klijent. Prodott ma jkunx maħluq għall-fini uniku li jiffaċilita t-trasferiment ta’ fondi jekk, fil-kors ordinarju tan-negozju tal-Entità trasferenti, jew il-fondi marbuta ma’ dan il-prodott jinżammu għal aktar minn 60 jum wara li jiġu riċevuti l-istruzzjonijiet biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment, jew, jekk ma tasal l-ebda struzzjoni, il-fondi marbutin ma’ dan il-prodott jinżammu għal aktar minn 60 jum wara li jiġu riċevuti l-fondi.

10.

It-terminu ‘Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali’ jfisser kwalunkwe Munita ta’ Kors Legali diġitali maħruġa minn Bank Ċentrali, jew minn awtorità monetarja oħra.

11.

It-terminu ‘Munita ta’ Kors Legali’ jfisser il-munita uffiċjali ta’ ġuriżdizzjoni, maħruġa minn ġuriżdizzjoni jew mill-Bank Ċentrali jew mill-awtorità monetarja maħtura minn ġuriżdizzjoni, kif irrappreżentata minn karti tal-flus jew muniti fiżiċi jew minn flus f’forom diġitali differenti, inklużi riżervi bankarji jew Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali. It-terminu jinkludi wkoll il-flus tal-banek kummerċjali u l-prodotti ta’ ħlas elettroniku (inklużi l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati).

12.

It-terminu ‘Kriptoassi’ jfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li tiddependi fuq reġistru distribwit magħmul sigur bil-kriptografija jew teknoloġija simili għall-validazzjoni u t-twettiq sigur tat-tranżazzjonijiet.

13.

It-terminu ‘Kriptoassi Rilevanti’ jfisser kwalunkwe Kriptoassi għajr Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali, Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat jew kwalunkwe Kriptoassi li għalih il-Fornitur ta’ Servizzi tal-Kriptoassi tar-Rapportar ikun iddetermina b’mod adegwat li ma jistax jintuża għal finijiet ta’ pagament jew ta’ investiment.

14.

It-terminu ‘Tranżazzjoni ta’ Skambju’ jfisser kwalunkwe:

(a)

skambju bejn il-Kriptoassi Rilevanti u l-Muniti ta’ Kors Legali; u

(b)

skambju bejn forma waħda jew aktar ta’ Kriptoassi Rilevanti”

;

(h)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu B(1)(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Entità Governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali jew Bank Ċentrali, għajr:

(i)

fir-rigward ta’ pagament li jkun derivat minn obbligu li jkun hemm f’konnessjoni ma’ attività finanzjarja kummerċjali tat-tip li tkun attiva fiha Kumpanija tal-Assigurazzjoni Speċifikata, Istituzzjoni ta’ Kustodja, jew Istituzzjoni Depożitorja; jew

(ii)

fir-rigward tal-attività taż-żamma tal-Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali għad-Detenturi ta’ Kontijiet li ma humiex Istituzzjonijiet Finanzjarji, Entitajiet Governattivi, Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew Banek Ċentrali.”

;

(i)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

It-terminu ‘Kont Depożitarju’ jinkludi kwalunkwe kont kummerċjali, kurrenti, ta’ tfaddil, fiss, jew thrift, jew kont li huwa evidenzjat minn ċertifikat ta’ depożitu, ċertifikat ta’ thrift, ċertifikat ta’ investiment, ċertifikat ta’ dejn, jew strument ieħor simili miżmum minn Istituzzjoni Depożitorja. Kont Depożitarju jinkludi wkoll:

(a)

ammont miżmum minn kumpanija tal-assigurazzjoni skont kuntratt ta’ investiment garantit jew ftehim simili biex jitħallas jew jiġi akkreditat imgħax fuqu;

(b)

kont jew kont nozzjonali li jirrappreżenta l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati kollha miżmuma għall-benefiċċju ta’ klijent; u

(c)

kont li għandu Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali waħda jew aktar għall-benefiċċju ta’ klijent.”

;

(j)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(9)(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Kont Finanzjarju miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru 2016 jew, jekk il-kont jiġi ttrattat bħala Kont Finanzjarju biss bis-saħħa tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru 2025 mill-31 ta’ Diċembru ta’ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-aħħar Protokoll Emendatorju;”

;

(k)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(10) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.

It-terminu ‘Kont Ġdid’ ifisser Kont Finanzjarju miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti miftuħ fl-1 ta’ Jannar 2017 jew wara, jew, jekk il-kont jiġi ttrattat bħala Kont Finanzjarju biss bis-saħħa tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru 2025, fid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-aħħar Protokoll Emendatorju jew wara, sakemm ma jiġix ittrattat bħala Kont Preeżistenti skont id-definizzjoni estiża ta’ Kont Preeżistenti fis-subparagrafu C(9).”

;

(l)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu C(17)(e)(iv):

“(v)

fondazzjoni jew żieda fil-kapital ta’ kumpanija dment li l-kont jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

il-kont jintuża esklużivament għad-depożitu ta’ kapital li għandu jintuża għall-fini tal-fondazzjoni jew taż-żieda fil-kapital ta’ kumpanija, kif preskritt mil-liġi;

kwalunkwe ammont miżmum fil-kont jiġi mblukkat sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tikseb konferma indipendenti rigward il-fondazzjoni jew iż-żieda fil-kapital;

il-kont jingħalaq jew jiġi ttrasformat f’kont f’isem il-kumpanija wara l-fondazzjoni jew iż-żieda fil-kapital;

kwalunkwe ripagament li jirriżulta minn fondazzjoni jew minn żieda fil-kapital li ma tkunx irnexxiet, netti mill-fornitur tas-servizz u tariffi simili, isir biss lill-persuni li kkontribwew l-ammonti; u

il-kont ma jkunx ilu li ġie stabbilit aktar minn 12-il xahar.”

;

(m)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu C(17)(e):

“(ea)

Kont Depożitarju li jirrappreżenta l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati kollha miżmuma għall-benefiċċju ta’ klijent, jekk il-medja rikorrenti ta’ 90 jum tal-bilanċ jew tal-valur aggregat tal-kont fi tmiem il-jum matul kwalunkwe perjodu ta’ 90 jum konsekuttiv ma tkunx qabżet USD 10 000 jew ammont ekwivalenti denominat fil-munita domestika ta’ kull Stat Membru jew ta’ Monaco fi kwalunkwe jum matul is-sena kalendarja jew perjodu ta’ rapportar xieraq ieħor.”

;

(n)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu D(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

It-terminu ‘Persuna Rapportabbli’ jfisser Persuna ta’ ġuriżdizzjoni Rapportabbli għajr: (i) Entità li l-istokk tagħha jiġi nnegozjat b’mod regolari f’suq tat-titoli stabbilit jew aktar minn wieħed; (ii) kwalunkwe Entità li hija Entità Relatata ta’ Entità deskritta fil-klawżola (i); (iii) Entità Governattiva; (iv) Organizzazzjoni Internazzjonali; (v) Bank Ċentrali; jew (vi) Istituzzjoni Finanzjarja.”

;

(o)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu D(5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

kwalunkwe ġuriżdizzjoni oħra: (i) li magħha l-Istat Membru rilevanti jew Monaco, skont kif jirrikjedi l-kuntest, ikollha ftehim fis-seħħ li skontu dik il-ġuriżdizzjoni l-oħra tipprovdi l-informazzjoni speċifikata fit-Taqsima I; u (ii) li hija identifikata f’lista ppubblikata minn dak l-Istat Membru jew minn Monaco.”

;

(p)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiżdied wara s-subparagrafu E(6):

“7.

It-terminu ‘Servizz ta’ Verifika tal-Gvern’ ifisser proċess elettroniku magħmul disponibbli mingħajr ħlas minn Ġuriżdizzjoni Rapportabbli lil Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għall-finijiet tal-aċċertar tal-identità u tar-residenza tat-taxxa ta’ Detentur ta’ Kont jew ta’ Persuna Kontrollanti.”

;

(q)

it-taqsima li ġejja tiżdied wara t-Taqsima IX:

“TAQSIMA X

MIŻURI TRANŻIZZJONALI

Minkejja s-subparagrafu A(1)(b) u A(6a) tat-Taqsima I, fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jinżamm minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru 2025 u għall-perjodi ta’ rapportar li jintemmu sat-tieni sena kalendarja wara dik id-data, l-informazzjoni fir-rigward tar-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli hija Persuna Kontrollanti jew detentur ta’ Interess ta’ Ekwità tal-Entità hija meħtieġa li tiġi rrapportata biss jekk tali informazzjoni tkun disponibbli fid-data li tista’ tiġi mfittxija b’mod elettroniku miżmuma mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti.”

;

(9)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“SALVAGWARDJI ADDIZZJONALI GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA RIGWARD IT-TRATTAMENT TAD-DATA PPROĊESSATA SKONT DAN IL-FTEHIM”

;

(b)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Minimizzazzjoni tad-data

Id-data personali pproċessata mill-Partijiet Kontraenti skont dan il-Ftehim għandha tkun rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim.

Il-Partijiet Kontraenti ma għandhomx jiskambjaw data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trade unions, data ġenetika, data bijometrika għall-fini ta’ identifikazzjoni unika ta’ persuna fiżika, jew data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali tal-individwu.

4.   It-trasparenza, id-dritt għall-aċċess, għar-rettifika u għat-tħassir tad-data

Meta d-data personali tintuża għal finijiet oħra fil-ġuriżdizzjoni riċeventi jew tiġi trażmessa mill-ġuriżdizzjoni riċeventi lil ġuriżdizzjoni terza (li tkun Stat Membru jew Monaco) f’konformità mal-Artikolu 6(5) tal-Ftehim, l-Awtorità Kompetenti tal-ġuriżdizzjoni riċeventi li tuża d-data personali għal finijiet oħra jew tittrażmettiha lil ġuriżdizzjoni terza għandha tinforma lill-persuni kkonċernati. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fi żmien biżżejjed biex l-individwu/i jeżerċita(w) id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data tiegħu/tagħhom u, fi kwalunkwe każ, qabel ma l-ġuriżdizzjoni riċeventi tkun użat id-data personali għall-finijiet l-oħra jew tkun ittrażmettietha lill-ġuriżdizzjoni terza.

Fir-rigward ta’ kwalunkwe data personali pproċessata skont dan il-Ftehim, kwalunkwe individwu għandu jkollu d-dritt li jikseb aċċess għad-data personali li tirrigwardah u li jikseb rettifika tad-data personali mhux preċiża li tikkonċernah. Meta d-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment, l-individwu jista’ jitlob li din titħassar.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, kull individwu għandu jkun intitolat jippreżenta talbiet għall-aċċess għad-data tiegħu, għar-rettifika u/jew għat-tħassir tagħha; dawn it-talbiet għandhom jiġu indirizzati lill-Awtorità Kompetenti l-oħra kkonċernata permezz tal-Awtorità Kompetenti tal-individwu stess.

L-Awtorità Kompetenti li ssirilha t-talba għandha tagħti aċċess għad-data rilevanti u, meta jkun xieraq, taġġorna u/jew tikkoreġi kwalunkwe data mhux preċiża jew mhux kompluta.”

;

(c)

il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6.   Ipproċessar awtomatizzat

L-Awtoritajiet Kompetenti ma għandhom jieħdu l-ebda deċiżjoni li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw individwu jew li taffettwah b’mod sinifikanti u li tkun ibbażata biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data.

7.   Trasferimenti lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi

Awtorità Kompetenti kultant tista’ tittrasferixxi data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ ġuriżdizzjonijiet terzi, minbarra l-Istati Membri u Monaco, jekk ikunu applikabbli ċ-ċirkostanzi kollha li ġejjin:

(a)

it-trasferiment ikun meħtieġ għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 6(4) fil-ġuriżdizzjoni terza riċeventi u d-data personali tintuża mill-ġuriżdizzjoni terza riċeventi biss għal tali finijiet;

(b)

id-data personali tkun rilevanti u proporzjonata għall-finijiet li għalihom tiġi ttrasferita;

(c)

il-kompetenzi tal-awtorità tal-ġuriżdizzjoni terza huma direttament relatati mal-finijiet imsemmija fl-Artikolu 6(4);

(d)

il-ġuriżdizzjoni terza riċeventi tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni tad-data personali li jkun ekwivalenti għal dak stabbilit b’dan il-Ftehim, u timpenja ruħha li ma tittrasferixxix id-data riċevuta lil kwalunkwe parti terza;

(e)

l-Awtorità Kompetenti li pprovdiet l-informazzjoni tkun tat awtorizzazzjoni minn qabel f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(5); u

(f)

is-suġġett tad-data jkun ġie infurmat dwar it-trasferiment.

Kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ informazzjoni riċevuta skont dan il-Ftehim lil partijiet terzi għandu jkun ipprojbit.”

;

(d)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.   Sorveljanza

L-ipproċessar tad-data personali mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti u mill-Awtoritajiet Kompetenti skont dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għas-superviżjoni indipendenti ta’: (i) għall-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u (ii) għal Monaco, Autorité de protection des données personnelles (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data ta’ Monaco).

Dawn l-awtoritajiet superviżorji għall-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri u ta’ Monaco għandu jkollhom setgħat effettivi ta’ sorveljanza, investigazzjoni, intervenzjoni u rieżami, u jeħtiġilhom ikollhom is-setgħa li jirreferu ksur tal-liġi għal azzjoni legali, meta jkun xieraq. Huma għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-ilmenti relatati man-nuqqas ta’ konformità jiġu riċevuti, investigati, imwieġba u rimedjati kif xieraq.”

;

(10)

fl-Anness IV, jitħassar is-subparagrafu (ac).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan il-Protokoll Emendatorju huwa konkluż soġġett għar-ratifika jew għall-approvazzjoni mill-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija ta’ dawn il-proċeduri. Dan il-Protokoll Emendatorju għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ Jannar wara l-aħħar notifika.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 1(2), (3)(b) u (8) (c) ta’ dan il-Protokoll Emendatorju għandu japplika mid-data li fiha l-Prinċipat ta’ Monaco jibda japplika l-CARF mal-Istati Membri kollha.

Artikolu 3

Lingwi

Dan il-Protokoll Emendatorju għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Iżvediż, b’kull test ugwalment awtentiku.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Protokoll Emendatorju.

Image 1

Image 2


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/48/oj).

(2)   ĠU L 19, 21.1.2005, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2005/44(1)/oj.

(3)   ĠU L 225, 19.8.2016, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2016/1392/oj.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L, 2023/2226, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2226/oj).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj).

(6)  Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(7)   “Journal de Monaco”, il-bulettin uffiċjali tal-Prinċipat, Nru 8725 tat-13 ta’ Diċembru 2024


DIKJARAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET KONTRAENTI:

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR IL-FTEHIM U L-ANNESSI

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Annessi I u II tiegħu, kif emendati bil-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru 2025, li jużaw il-Kummentarji tal-Mudell ta’ Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti tal-OECD u l-Istandard Komuni ta’ Rapportar, kif ukoll il-Kummentarji tal-Addendum tal-2023 tal-Mudell ta’ Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti tal-OECD u tal-aġġornament tal-2023 għall-Istandard Komuni ta’ Rapportar, bħala sors ta’ spjegazzjoni jew interpretazzjoni sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR L-ARTIKOLU 5 TAL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-Artikolu 5 tal-Ftehim huwa allinjat mal-aħħar standard tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali minqux fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD. Għalhekk, il-Partijiet Kontraenti jaqblu, rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 li l-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital jenħtieġ li jkun sors ta’ interpretazzjoni.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR ID-DĦUL FIS-SEĦĦ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROTOKOLL EMENDATORJU

Il-Partijiet Kontraenti jiddikjaraw li huma jistennew li r-rekwiżiti kostituzzjonali tal-Prinċipat ta’ Monaco u r-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar id-dħul fi ftehimiet internazzjonali ser jiġu ssodisfati fil-ħin biex il-Protokoll Emendatorju jkun jista’ jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ Jannar 2026. Huma ser jieħdu l-miżuri kollha fis-setgħa tagħhom sabiex jilħqu dak l-għan.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2393/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top