Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D0554

    Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli tat-12 ta’ Ġunju 2018 dwar l-emendar tal-Appendiċi 6 tal-Anness 11 għall-Ftehim [2020/554]

    PUB/2020/323

    ĠU L 127, 22.4.2020, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/554/oj

    22.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 127/26


    DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAL-KUMITAT VETERINARJU KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA DWAR KUMMERĊ FI PRODOTTI AGRIKOLI

    tat-12 ta’ Ġunju 2018

    dwar l-emendar tal-Appendiċi 6 tal-Anness 11 għall-Ftehim [2020/554]

    IL-KUMITAT VETERINARJU KONĠUNT,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) tal-Anness 11 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (“il-Ftehim Agrikolu”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

    (2)

    Skont l-Artikolu 19(1) tal-Anness 11 għall-Ftehim Agrikolu, il-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim Agrikolu (“il-Kumitat Veterinarju Konġunt”) huwa inkarigat jeżamina l-kwistjonijiet kollha marbutin ma’ dak l-Anness u mal-implimentazzjoni tiegħu, u jwettaq il-kompiti stipulati fih. L-Artikolu 19(3) tal-Anness 11 jawtorizza lill-Kumitat Veterinarju Konġunt jemenda l-Appendiċijiet għal dak l-Anness, b’mod partikolari sabiex jadattahom u jaġġornahom.

    (3)

    Id-Deċiżjoni Nru 2/2003 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt (2) emendat l-Appendiċijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6 u 11 tal-Anness 11 għall-Ftehim Agrikolu għall-ewwel darba.

    (4)

    Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt (3) emendat l-aħħar l-Appendiċijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 10 u 11 tal-Anness 11 għall-Ftehim Agrikolu.

    (5)

    L-Iżvizzera bbenefikat minn bosta perjodi suċċessivi li matulhom setgħet tidderoga mill-eżami għall-preżenza tat-Trichinella fil-karkassi u fil-laħam tal-ħnieżer domestiċi maħsubin għat-tismin u għall-qatla fl-istabbilimenti tal-qatla b’kapaċità baxxa. F’aktar minn 50 sena ma ġie identifikat l-ebda każ ta’ Trichinella fl-Iżvizzera. Barra minn hekk, l-Iżvizzera għandha programm ta’ detezzjoni effiċjenti u impenjat ruħha biex il-laħam tal-ħnieżer domestiċi li jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni Ewropea dejjem jiġi ttestjat għat-Trinchinella fil-karkassi u fil-laħam. Għalhekk huwa possibbli li d-deroga ssir waħda permanenti.

    (6)

    Sabiex jiġi evitat il-waqfien ta’ prattiki eżistenti u li qed jiffunzjonaw sew u biex tiġi żgurata l-kontinwità legali li ma tikkawżax konsegwenzi negattivi prevedibbli, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tiġi applikata retroattivattivament b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017.

    (7)

    Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    (8)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Appendiċi 6 tal-Anness 11 għall-Ftehim Agrikolu jiġi emendat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Appendiċi 6 tal-Anness 11 tal-Ftehim Agrikolu huwa b’dan emendati kif ġej:

    1.

    Il-punti (4) sa (6) tal-kapitolu “Kundizzjonijiet Speċjali” jinbidlu b’dawn li ġejjin:

    “(4)

    L-awtoritajiet tal-Iżvizzera jimpenjaw ruħhom biex il-karkassi u l-laħam tal-ħnieżer domestiċi li jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni Ewropea jiġu dejjem sottoposti għall-analiżi tat-Trinchinella.

    (5)

    Il-metodi ta’ detezzjoni deskritti fil-Kapitoli I u II tal-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 (*1) jintużaw fl-Iżvizzera għat-testijiet tat-Trichinella.

    (6)

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 (il-paragrafi 1, ittra a, u 3) tal-Ordinanza tat-23 ta’ Novembru 2005 tad-Dipartiment Federali tal-Intern dwar l-iġjene waqt il-qtil tal-annimali (OHyAB; RS 817.190.1) u l-Artikolu 10 (il-paragrafu 8) tal-Ordinanza tas-16 ta’ Diċembru 2016 tad-Dipartiment Federali tal-Intern dwar l-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (RS 817.022.108), il-karkassi u l-laħam tal-ħnieżer domestiċi maħsubin għat-tismin u għall-qatla, kif ukoll il-preparazzjonijiet tal-laħam, il-prodotti tal-laħam u l-prodotti pproċessati derivati tagħhom li mhumiex maħsuba għas-suq tal-Unjoni Eworpea għandhom ikunu mmarkati b’marka speċjali tas-saħħa skont il-mudell speċifikat fl-aħħar subparagrafu tal-Anness 9 tal-Ordinanza tat-23 ta’ Novembru 2005 tad-Dipartiment Federali tal-Intern dwar l-iġjene waqt il-qtil tal-annimali.

    Dawn il-prodotti ma jistax isir kummerċ bihom mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Ordinanza tad-Dipartiment Federali tal-Interntas-16 ta’ Diċembru 2016.

    (*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 tal-10 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 212, 11.8.2015, p. 7).”."

    2.

    Il-punt 7 jitħassar.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni, magħmula f’żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata mill-kopresidenti jew minn persuni oħrajn mogħtija s-setgħa biex jaġixxu f’isem il-Partijiet għall-Ftehim Agrikolu.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għadha tapplika retrospettivament mill-1 ta’ Jannar 2017.

    Magħmul f’Bern, it-12 ta’ Ġunju 2018.

    Għall-Unjoni Ewropea

    Il-Kap tad-Delegazzjoni

    Koen VAN DYCK

    Għall-Konfederazzjoni Żvizzera

    Il-Kap tad-Delegazzjoni

    Hans WYSS


    (1)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2003 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli tal-25 ta’ Novembru 2003 li temenda l-Appendiċijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6 u 11 tal-Anness 11 tal-Ftehim [traduzzjoni mhix uffiċjali] (ĠU L 23, 28.1.2004, p. 27).

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar l-emendar tal-Appendiċijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 10 u 11 tal-Anness 11 tal-Ftehim (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 128).


    Top