Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019D0437

Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kunsill Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra tad-19 ta' Frar 2019 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Konġunt u tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp [2019/437]

ST/3951/2019/INIT

ĠU L 75, 19.3.2019, p. 120–127 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/437/oj

19.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/120


DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUNSILL KONĠUNT

stabbilit taħt il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra

tad-19 ta' Frar 2019

dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Konġunt u tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp [2019/437]

IL-KUNSILL KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikoli 100, 101 u 102 tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill Konġunt huma stabbiliti kif jinsabu fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp huma stabbiliti kif jinsabu fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul f'Cape Town, id-19 ta' Frar 2019.

Għall-Kunsill Konġunt

Rappreżentant tal-Istati EPA SADC

Bogolo Joy KENEWENDO

Rappreżentant tal-UE

Cecilia MALMSTRÖM


ANNESS I

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUNSILL KONĠUNT

KAPITOLU I

Organizzazzjoni

Artikolu 1

Kompożizzjoni u Presidenza

1.   Il-Kunsill Konġunt, stabbilit taħt l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea (“UE”) u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu jwettaq dmirijietu kif previst fl-Artikoli 100 u 101 tal-Ftehim.

2.   Ir-referenza għall-“Partijiet” f'dawn ir-regoli ta' proċedura għandha ssir skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 104 tal-Ftehim, jiġifieri għall-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel, l-Eswatini u l-Mozambique (“l-Istati EPA SADC”) minn naħa waħda u l-Parti UE (jiġifieri l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, b'kont meħud tal-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom) min-naħa l-oħra.

3.   Skont l-Artikolu 101(1) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jkun magħmul, minn naħa waħda, mill-membri rilevanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-membri rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea jew mir-rappreżentanti tagħhom, u, min-naħa l-oħra, mill-Ministri rilevanti tal-Istati EPA SADC jew mir-rappreżentanti tagħhom.

4.   Il-Kunsill Konġunt għandu jkun ippresedut, fil-livell ministerjali, b'mod alternat għal perijodi ta' tnax(12)-il xahar minn rappreżentanti tal-Parti UE, b'kont meħud tal-oqsma ta' kompetenza rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.

5.   Minkejja l-paragrafu 4, il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom ikunu ppreseduti b'mod alternat minn rappreżentanti tal-Parti UE, b'kont meħud tal-oqsma ta' kompetenza rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC. L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt għandha tkun ippreseduta b'mod konġunt mill-Partijiet.

6.   Minkejja l-perijodu msemmi fil-paragrafu 4, l-ewwel perijodu għandu jibda fil-jum li jaħbat l-għada tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena. Il-presidenza ta' dak l-ewwel perijodu għandha tkun f'idejn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.

Artikolu 2

Laqgħat

1.   Skont l-Artikolu 102(4) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jiltaqa' f'intervalli regolari, li ma jaqbżux perijodu ta' sentejn (2), u b'mod straordinarju kull meta ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, jekk il-Partijiet jaqblu hekk.

2.   Il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom isiru b'mod alternat fi Brussell jew fit-territorju ta' wieħed mill-Istati EPA SADC, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

3.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.

4.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu laqgħat tal-Kunsill Konġunt permezz ta' mezzi elettroniċi.

Artikolu 3

Osservaturi

Il-Kunsill Konġunt jista' jiddeċiedi li jistieden osservaturi biex jattendu laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.

Artikolu 4

Segretarjat

1.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Unità EPA SADC fi ħdan is-Segretarjat tal-SADC, min-naħa l-oħra, għandhom iservu bħala s-Segretarjat tal-Kunsill Konġunt (“is-Segretarjat”) b'mod alternat għal perijodi ta' tnax(12)-il xahar. Dawk il-perijodi għandhom jikkoinċidu mal-arranġamenti għall-presidenza stabbiliti taħt l-Artikolu 1(4) u (6).

2.   Fuq in-naħa tal-Parti UE, l-aġendi proviżorji u l-abbozzi tal-minuti għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni Ewropea u d-dokumenti uffiċjali kollha maħsuba għall-Kunsill Konġunt jew maħruġa minnu għandhom jiġu ċċirkulati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3.   Fuq in-naħa tal-Istati EPA SADC, l-aġendi proviżorji u l-abbozzi tal-minuti għandhom jitfasslu mill-Unità tal-EPA SADC u d-dokumenti uffiċjali kollha maħsuba għall-Kunsill Konġunt jew maħruġa minnu għandhom jiġu ċċirkulati mill-Unità tal-EPA SADC.

KAPITOLU II

Funzjonament

Artikolu 5

Dokumenti

Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt jkunu bbażati fuq dokumenti bil-miktub ta' appoġġ, tali dokumenti għandhom jiġu enumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat bħala dokumenti tal-Kunsill Konġunt.

Artikolu 6

Notifika u aġenda għal-laqgħat

1.   Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar is-sejħa għal laqgħa tal-Kunsill Konġunt u jitlob għal entrati fl-aġenda mhux aktar tard minn tletin (30) jum qabel il-laqgħa. F'każ ta' xi kwistjoni urġenti jew ta' ċirkostanzi mhux previsti li jridu jiġu kkunsidrati, il-laqgħa tista' tissejjaħ fi żmien qasir.

2.   Għandha titfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-Membri tal-Kunsill Konġunt mhux aktar tard minn erbatax(14)-il jum qabel il-laqgħa.

3.   L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat ikun irċieva talba għall-inklużjoni mingħand Parti.

4.   L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kunsill Konġunt fil-bidu ta' kull laqgħa. Jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda punti oħra barra minn dawk fl-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

5.   Il-President tal-Kunsill Konġunt jista', bi qbil mal-Partijiet kollha, jistieden esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.

Artikolu 7

Minuti

1.   L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarjat, fi żmien wieħed u għoxrin (21) jum wara l-laqgħa, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor b'kunsens reċiproku tal-Partijiet.

2.   Il-minuti għandhom, bħala regola, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fl-aġenda:

(a)

id-dokumenti ppreżentati lill-Kunsill Konġunt;

(b)

kwalunkwe dikjarazzjoni li membru tal-Kunsill Konġunt ikun talab li tiddaħħal fil-minuti; u

(c)

kwistjonijiet li jkunu qablu dwarhom il-Partijiet, bħal deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew Communiqué konġunta.

3.   L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jiġi approvat bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien tnejn u erbgħin (42) jum wara l-laqgħa sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Partijiet. Ladarba approvati l-minuti, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji mir-rappreżentanti tal-Partijiet f'konformità mar-rekwiżiti interni rispettivi tagħhom u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali ta' dawn id-dokumenti awtentiċi.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   F'konformità mal-Artikolu 102 tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet b'konsensus fil-każijiet previsti fil-Ftehim.

2.   Fejn il-Kunsill Konġunt ikollu s-setgħa, taħt il-Ftehim, li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, tali atti għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fil-minuti. Is-Segretarjat għandu jagħti, lil kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni adottata, numru ta' serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tipprovdi għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.   F'każ li Stat EPA SADC ma jkunx jista' jattendi laqgħa tal-Kunsill Konġunt, id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet maqbula matul dik il-laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lil dak il-membru mis-Segretarjat. L-Istat EPA SADC kkonċernat għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn meta jintbagħtu d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet, b'indikazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet li huwa ma jkunx jaqbel magħhom, inklużi r-raġunijiet għal dan. Fin-nuqqas ta' dik ir-risposta bil-miktub fl-iskadenza mogħtija, id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati. F'każ li l-Istat EPA SADC li ma attendiex il-laqgħa ma jaqbilx ma' wieħed jew diversi deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu l-kwistjonijiet pendenti permezz ta' proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi kif previst fil-paragrafu 4.

4.   Fil-perijodu bejn il-laqgħat, il-Kunsill Konġunt jista' jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.

5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill Konġunt għandhom jiġu awtentikati permezz ta' żewġ eżemplari oriġinali ffirmati minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea f'isem il-Parti UE u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.

Artikolu 9

Ordni pubbliku

1.   Il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet.

2.   Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt.

Artikolu 10

Lingwi ta' ħidma

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-korrispondenza kollha u l-komunikazzjonijiet kollha bejn il-Partijiet relattivi għall-ħidma tal-Kunsill Konġunt, kif ukoll id-deliberazzjonijiet waqt laqgħat tal-Kunsill Konġunt, għandhom isiru bl-Ingliż u bil-Portugiż.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 11

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tkopri kull spiża li tagħmel b'riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.

2.   L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta' laqgħa, mal-provvediment ta' servizzi ta' interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 12

Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp

F'konformità mal-Artikolu 103(5) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jirrapporta u jkun responsabbli lill-Kunsill Konġunt.

Artikolu 13

Emenda tar-regoli ta' proċedura

Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b'deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt u adottata skont l-Artikolu 8 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.


ANNESS II

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP

KAPITOLU I

Organizzazzjoni

Artikolu 1

Kompożizzjoni u Presidenza

1.   Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, stabbilit taħt l-Artikolu 103 tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu jwettaq dmirijietu f'konformità ma' dak l-Artikolu.

2.   Ir-referenza għall-“Partijiet” f'dawn ir-regoli ta' proċedura għandha ssir skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 104 tal-Ftehim, jiġifieri għall-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel, l-Eswatini u l-Mozambique (“l-Istati EPA SADC”) minn naħa waħda u l-Parti UE (jiġifieri l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, b'kont meħud tal-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom) min-naħa l-oħra.

3.   F'konformità mal-Artikolu 103(1) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, normalment fil-livell ta' uffiċjali għolja.

4.   Il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom ikunu ppreseduti b'mod alternat għal perijodi ta' tnax(12)-il xahar minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal għoli tal-Istati EPA SADC. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jiġi ppresedut b'mod konġunt mir-rappreżentanti rilevanti tal-Partijiet.

5.   Minkejja l-perijodu msemmi fil-paragrafu 4, l-ewwel perijodu għandu jibda fil-jum wara dak tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena. Il-presidenza ta' dak l-ewwel perijodu għandha tkun f'idejn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.

Artikolu 2

Laqgħat

1.   Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jiltaqa' f'intervalli regolari, għallinqas darba fis-sena u fuq it-talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom isiru b'mod alternat fi Brussell jew fit-territorju ta' wieħed mill-Istati EPA SADC, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.

3.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu l-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp permezz ta' mezzi elettroniċi.

Artikolu 3

Osservaturi

Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jiddeċiedi li jistieden osservaturi biex jattendu laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.

Artikolu 4

Segretarjat

1.   Il-Parti li tippresiedi l-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandha taġixxi bħala s-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp (“is-Segretarjat”).

2.   Meta l-laqgħa ssir permezz ta' mezzi elettroniċi, il-Parti li jkollha l-presidenza għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.

KAPITOLU II

Funzjonament

Artikolu 5

Dokumenti

Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ikunu bbażati fuq dokumenti ta' sostenn miktubin, tali dokumenti għandhom jiġu enumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat bħala dokumenti tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

Artikolu 6

Notifika u aġenda għal-laqgħat

1.   Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar is-sejħa ta' laqgħa u jitlob għal entrati fl-aġenda mhux aktar tard minn tletin (30) jum qabel il-laqgħa. F'każ ta' xi kwistjoni urġenti jew ta' ċirkostanzi mhux previsti li jridu jiġu kkunsidrati, il-laqgħa tista' tissejjaħ fi żmien qasir.

2.   Għandha titfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp mhux aktar tard minn erbatax(14)-il jum qabel il-laqgħa.

3.   L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat ikun irċieva talba għall-inklużjoni mingħand Parti.

4.   L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp fil-bidu ta' kull laqgħa. Jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda punti oħra barra minn dawk fl-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

5.   Il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista', bi qbil mal-Partijiet kollha, jistieden esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.

Artikolu 7

Rapport ta' laqgħa

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, ir-rapport ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarjat u jiġi adottat fit-tmiem ta' kull laqgħa.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   F'konformità mal-Artikolu 103(6) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet b'konsensus fil-każijiet previsti fil-Ftehim jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt.

2.   Fejn il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ikollu s-setgħa, taħt il-Ftehim, li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt, tali atti għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fir-rapporti tal-laqgħat imsemmija fl-Artikolu 7. Is-Segretarjat għandu jagħti, lil kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni adottata, numru ta' serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tipprovdi għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.   F'każ li Stat EPA SADC ma jkunx jista' jattendi laqgħa, id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet maqbula matul dik il-laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lil dak il-membru mis-Segretarjat. L-Istat EPA SADC kkonċernat għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn meta jintbagħtu d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet, b'indikazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet li huwa ma jkunx jaqbel magħhom, inklużi r-raġunijiet għal dan. Fin-nuqqas ta' dik ir-risposta bil-miktub fl-iskadenza mogħtija, id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati. F'każ li l-Istat EPA SADC li ma attendiex il-laqgħa ma jaqbilx ma' wieħed jew diversi deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu l-kwistjonijiet pendenti permezz ta' proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi kif previst fil-paragrafu 4.

4.   Fil-perijodu bejn il-laqgħat, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.

5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom jiġu awtentikati permezz ta' żewġ eżemplari oriġinali ffirmati minn rappreżentant tal-UE u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.

Artikolu 9

Ordni pubbliku

1.   Il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet.

2.   Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 10

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tkopri kwalunkwe spiża li tagħmel b'riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.

2.   L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta' laqgħa, mal-provvediment ta' servizzi ta' interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Kumitati Speċjali u korpi oħra

1.   Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali, stabbilit taħt l-Artikolu 50 tal-Ftehim, is-Sħubija Agrikola, stabbilita taħt l-Artikolu 68 tal-Ftehim, u l-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ f'Inbejjed u Spirti, stabbilit taħt l-Artikolu 13 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim, għandhom jirrapportaw lill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

2.   F'konformità mal-Artikolu 50(2)(f) tal-Ftehim u l-Artikolu 13(5) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim rispettivament, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u l-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ f'Inbejjed u Spirti għandhom jiddeterminaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom.

3.   F'konformità mal-Artikolu 68(3) tal-Ftehim, ir-regoli operattivi għas-Sħubija Agrikola għandhom ikunu stabbiliti permezz ta' qbil komuni tal-Partijiet, li jaġixxu fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

4.   Skont l-Artikolu 103(3) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jistabbilixxi kwalunkwe grupp tekniku speċjali sabiex jindirizza kwistjonijiet speċifiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

5.   Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-gruppi tekniċi speċjali msemmija fil-paragrafu 4. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jiddeċiedi li jabolixxi l-gruppi tekniċi speċjali u jiddefinixxi jew jemenda t-termini ta' referenza tagħhom.

6.   Il-gruppi tekniċi speċjali għandhom jirrapportaw lill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp wara kull laqgħa.

Artikolu 12

Emenda tar-regoli ta' proċedura

Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b'deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u adottata skont l-Artikolu 8 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.


Top