This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22019A1206(01)
Agreement between the United States of America and the European Union on the Allocation to the United States of a Share in the Tariff Rate Quota for High Quality Beef referred to in the Revised Memorandum of Understanding Regarding the Importation of Beef from Animals Not Treated with Certain Growth-Promoting Hormones and Increased Duties Applied by the United States to Certain Products of the European Union (2014)
Preklad Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta’ Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja Msemmija fil-Memorandum ta’ Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga Minn Annimali Li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014)
Preklad Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta’ Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja Msemmija fil-Memorandum ta’ Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga Minn Annimali Li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014)
ST/10678/2019/INIT
ĠU L 316, 6.12.2019, p. 3–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/2073/oj
6.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 316/3 |
PREKLAD
FTEHIM BEJN
l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta’ Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja Msemmija fil-Memorandum ta’ Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga Minn Annimali Li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014)
L-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea, il-Partijiet tal-Memorandum ta’ Qbil Rivedut bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Ottubru 2013 (minn hawn 'il quddiem “il-MtQ tal-2014”), qablu kif ġej:
Artikolu 1
Objettivi
L-objettivi ta’ dan il-Ftehim huma li:
1. |
jiġi allokat lill-Istati Uniti sehem tal-kwota tariffarja awtonoma (“TRQ”) għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja b’piż tal-prodott ta’ 45 000 tunnellata metrika kif imsemmi fl-Artikolu II.4, l-Artikolu II.5 u l-Artikolu VI tal-MtQ tal-2014; u |
2. |
jiġu kkumplimentati jew immodifikati ċerti drittijiet u obbligi tal-Partijiet imsemmija fl-Artikoli III, IV, V, VII u VIII tal-MtQ tal-2014. |
Artikolu 2
Allokazzjonijiet fil-kwota
1. L-Unjoni Ewropea għandha talloka lill-Istati Uniti 35 000 tunnellata metrika mill-kwota tariffarja metrika ta’ 45 000 tunnellata metrika msemmija fl-Artikolu 1. Il-kwantità ta’ 10 000 tunnellata metrika li jifdal għandha tkun disponibbli għall-pajjiżi l-oħra kollha. L-allokazzjonijiet għandhom jiddaħħlu gradwalment fuq perjodu ta’ seba’ snin “il-perjodu ta’ implimentazzjoni”) kif ġej:
|
L-Istati Uniti |
L-oħrajn kollha |
Sena 1 |
18 500 tunnellata metrika |
26 500 tunnellata metrika |
Sena 2 |
23 000 tunnellata metrika |
22 000 tunnellata metrika |
Sena 3 |
25 400 tunnellata metrika |
19 600 tunnellata metrika |
Sena 4 |
27 800 tunnellata metrika |
17 200 tunnellata metrika |
Sena 5 |
30 200 tunnellata metrika |
14 800 tunnellata metrika |
Sena 6 |
32 600 tunnellata metrika |
12 400 tunnellata metrika |
Sena 7 u s-snin sussegwenti |
35 000 tunnellata metrika |
10 000 tunnellata metrika |
2. Għaċ-ċertezza, l-obbligi ewlenin fl-Artikolu II(1) tal-MtQ tal-2014, fosthom ir-rata ta’ żero (0) % fil-kwota tariffarja, japplikaw għall-porzjon tat-TRQ allokat lill-Istati Uniti.
3. Il-volum annwali tat-TRQ għandu jinqasam b’mod ugwali bejn erba’ subperjodi trimestrali. Is-sena tal-kwota għandha tibda fl-1 ta’ Lulju u tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju.
Jekk dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ f’data li ma tkunx l-1 ta’ Lulju, is-Sena 1 tal-perjodu ta’ implimentazzjoni għandha tibda fl-ewwel jum tas-subperjodu li jkun imiss tas-sena tal-kwota u għandha ddum erba’ subperjodi konsekuttivi (1). Kwalunkwe kwantitajiet li ma jintużawx mis-subperjodi preċedenti, f’dik is-sena tal-kwota, l-ewwel jum tas-Sena 1 għandhom jiżdiedu mal-kwantitajiet disponibbli fl-ewwel subperjodu tas-Sena 1 tal-perjodu ta’ implimentazzjoni. Dawn il-kwantitajiet għandhom jiżdiedu mal-kwantitajiet allokati lill-Istati Uniti u lill-pajjiżi l-oħrajn kollha b’mod proporzjonali mal-ishma tagħhom fil-volum globali tat-TRQ.
Artikolu 3
Ġestjoni tal-kwota
Is-sehem tat-TRQ għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja allokat lill-Istati Uniti għandu jiġi amministrat mill-Unjoni Ewropea fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel kull sforz biex tamministra s-sehem tat-TRQ allokat lill-Istati Uniti b’mod li jippermetti lill-importaturi jagħmlu użu minnu b’mod sħiħ. Dan l-Artikolu jissostitwixxi l-Artikolu III tal-MtQ tal-2014.
Artikolu 4
Tilwima KE-Ormoni
1. Ir-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti għandu jikkonkludi l-proċediment mibdi f’Diċembru 2016, skont is-Sezzjoni 306(c) tal-Att dwar il-Kummerċ tal-1974, kif emendat, b’determinazzjoni li ma jerġax jintroduċi azzjoni biex jeżerċita l-awtorizzazzjoni f’WT/DS26/21. L-Istati Uniti għandhom jippubblikaw id-determinazzjoni tagħhom sa mhux aktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-allokazzjoni tal-kwota speċifika għall-pajjiż li ġiet speċifikata għas-Sena 1 fl-Artikolu 2.
2. Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 2(1), il-perjodu ta’ reviżjoni msemmi fl-Artikolu 4(3), u sa meta tiġi nnotifikata s-soluzzjoni bi qbil reċiproku msemmija fl-Artikolu 4(3):
(a) |
il-Partijiet ma għandhomx jitolbu l-istabbiliment ta’ panel skont l-Artikolu 21.5 tal-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (“DSU”) fil-kawża “Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jikkonċernaw il-laħam u l-prodotti tal-laħam (Ormoni )” (WT/DS26) (“KE — Ormon i”); |
(b) |
l-Istati Uniti ma għandhomx jissospendu l-applikazzjoni għall-Unjoni Ewropea tal-konċessjonijiet tariffarji u tal-obbligi relatati magħhom kif awtorizzat mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-kawża KE — Ormoni, Rikors mill-Istati Uniti għall-Artikolu 22.7 tal-Qbil għas-Soluzzjoni tat-Tilwim WT/DS26/21. |
3. Mhux aktar tard minn għaxar (10) snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Istati Uniti u l-UE għandhom jiltaqgħu biex jirrieżaminaw l-operat tat-TRQ bil-għan li jilħqu soluzzjoni bi qbil reċiproku li għandha tiġi nnotifikata lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO skont l-Artikolu 3.6 tad-DSU sa tmiem ir-rieżami. Ir-rieżami għandu jitlesta mhux aktar tard minn 11-il sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Din id-dispożizzjoni tissostitwixxi l-Artikolu IV tal-MtQ tal-2014.
4. Jekk il-Partijiet jonqsu milli jinnotifikaw b’mod konġunt tali soluzzjoni bi qbil reċiproku lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fi żmien 11-il sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kull Parti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 6.1.
Artikolu 5
Verifiki fuq il-post
Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Gvern tal-Istati Uniti biex jawtorizza lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni biex iwettqu verifiki fuq il-post fl-Istati Uniti sakemm dawn il-verifiki fuq il-post jitwettqu fuq bażi mhux diskriminatorja fir-rigward ta’ fornituri ta’ pajjiżi oħra. Dawn il-verifiki għandhom jitwettqu b’mod konġunt mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.
Artikolu 6
Irtirar u Effetti
1. Kwalunkwe Parti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim billi tipprovdi notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jintemm sitt xhur mid-data li fiha l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika. L-irtirar minn dan il-Ftehim ma għandux jikkostitwixxi rtirar mill-MtQ tal-2014 sakemm il-Partijiet ma jiddikjarawx espressament tali intenzjoni.
2. L-irtirar mill-MtQ tal-2014 skont l-Artikolu V.4 tiegħu għandu jimplika l-irtirar minn dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jirrispettaw l-obbligi ewlenin elenkati fl-Artikolu II tal-MtQ tal-2014 matul il-perjodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha tkun ingħatat in-notifika ta’ rtirar imsemmija fl-Artikolu V.4.
3. Fin-nuqqas ta’ notifika lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO ta’ soluzzjoni bi qbil reċiproku skont l-Artikolu 4(3), xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat b’tali mod li jibdel id-drittijiet jew l-obbligi rispettivi ta’ kwalunkwe parti taħt id-DSU fir-rigward tal-KE — Ormoni.
4. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat b’tali mod li jagħti lil persuni drittijiet jew jimponi fuqhom obbligi li mhumiex drittijiet jew obbligi stabbiliti bejn il-Partijiet infushom, jew li jippermetti li dan il-Ftehim jiġi invokat direttament quddiem il-qrati u fl-ordinamenti ġuridiċi interni tal-Partijiet.
5. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara d-data li fiha ż-żewġ Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni li huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi tal-Partijiet skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(1).
B’XHIEDA TA' DAN is-sottoskritti, wara li ġew awtorizzati kif xieraq mill-awtoritajiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim.
MAGĦMUL f’Washington illum, it-tieni jum ta’ Awwissu fis-sena elfejn u dsatax, b’duplikat bil-lingwa Ingliża, li huwa t-test awtentiku ta’ dan il-Ftehim.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Istati Uniti tal-Amerka
(1) Għal-aktar ċarezza, jekk dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-subperjodu n ta’ sena tal-kwota, il-volum tas-Sena 1 għandu jkun disponibbli għal erba’ subperjodi konsekuttivi, li jinqasam b’mod ugwali bejn dawk is-subperjodi, li jibdew mis-subperjodu n ta’ dik is-sena tal-kwota, u li jispiċċaw fis-subperjodu n-1 tas-sena tal-kwota sussegwenti. Il-volumi mis-Sena 2 'il quddiem għandhom ikunu disponibbli f’erba' subperjodi konsekuttivi, li jinqasmu b’mod ugwali bejn dawk is-subperjodi, li jibdew mis-subperjodu n tas-sena ta’ kwota sussegwenti.