This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22016D2368
Decision No 1/2016 of the EU-Lebanon Association Council of 11 November 2016 agreeing on EU-Lebanon Partnership Priorities [2016/2368]
Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu tal-11 ta' Novembru 2016 dwar qbil fuq il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu [2016/2368]
Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu tal-11 ta' Novembru 2016 dwar qbil fuq il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu [2016/2368]
ĠU L 350, 22.12.2016, pp. 114–125
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
22.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 350/114 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2016 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-LIBANU
tal-11 ta' Novembru 2016
dwar qbil fuq il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu [2016/2368]
IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-LIBANU,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-17 ta' Ġunju 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006. |
|
(2) |
L-Artikolu 76 tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim fil-każijiet previsti fih u li jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa. |
|
(3) |
L-Artikolu 86 tal-Ftehim jipprovdi li l-Partijiet jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u jassiguraw li jinkisbu l-għanijiet stipulati fil-Ftehim. |
|
(4) |
It-tieni Pjan ta' Azzjoni UE-Libanu, li ġie maqbul fl-2013 bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma identifikati fil-Ftehim, intemm fl-2015 u ma ġiex imġedded. |
|
(5) |
Ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2016 ipproponiet fażi ġdida ta' involviment mas-sħab, li tippermetti sens akbar ta' sjieda miż-żewġ naħat. |
|
(6) |
L-UE u l-Libanu qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi qablu fuq sett ta' prijoritajiet għall-perijodu 2016-2020, bil-għan li jappoġġaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabilità tal-Libanu filwaqt li jfittxu li jindirizzaw l-impatt tal-kunflitt fit-tul fis-Sirja. |
|
(7) |
Il-Partijiet tal-Ftehim qablu fuq it-test tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu, inkluż il-Patt, li ser jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'enfasi fuq il-kooperazzjoni fir-rigward ta' sett ta' interessi kondiviżi identifikati b'mod komuni, li ser jingħataw prijorità, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu, inkluż il-Patt, li huma stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2016.
Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu
Il-President
F. MOGHERINI
ANNESS
PRIJORITAJIET TAS-SĦUBIJA UE-LIBANU FLIMKIEN MAL-PATT
PRIJORITAJIET TAS-SĦUBIJA LIBANU-UE
Sħubija UE — Libanu mġedda (2016-2020)
Inkwadrar tal-Prijoritajiet tas-Sħubija Libanu-UE
Il-Libanu ħa rwol ewlieni fid-diskussjonijiet u l-konsultazzjonijiet dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Id-dokument ta' pożizzjoni Għarbi li kien ippreżentat fil-konferenza ta' Bejrut dwar ir-rieżami tal-PEV kien jikkostitwixxi dokument importanti li kkontribwixxa għall-proċess ta' konsultazzjoni li wassal għall-PEV riveduta. B'mod ġenerali, il-prijoritajiet jibnu fuq l-involviment tal-Libanu fir-rieżami tal-PEV u jistabbilixxu qafas għall-involviment politiku u għal interventi fuq perjodu qasir u medju bbażati fuq il-prijoritajiet definiti mill-Gvern tal-Libanu. Barra minn hekk, bħala sħab, il-Libanu u l-UE qegħdin jiffaċċjaw, illum aktar minn qatt qabel, sfidi immedjati marbuta mal-kriżijiet imtawla. Dawn l-isfidi jitolbu li l-qafas imsemmi hawn fuq iqis iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fir-reġjun, u l-impatt tagħhom fuq il-Libanu.
L-UE u l-Libanu jqisu s-sħubija tagħhom bħala rappreżentazzjoni konkreta tal-valuri komuni u rikonoxximent tal-interessi reċiproċi. Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif inkorporati fil-liġi internazzjonali, reġjonali u nazzjonali rilevanti, jikkostitwixxu valuri komuni. Ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem jikkostitwixxi element essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Libanu. L-għan kondiviż ta' spazju komuni ta' paċi, prosperità u stabbiltà jimplika ħidma flimkien, b'mod partikolari permezz ta' sjieda konġunta, differenzazzjoni u sħubija msaħħa, xprunata mill-importanza li l-Libanu jiġi sostnut bħala mudell ta' moderazzjoni għar-reġjun sħiħ, u li jitqies ir-rwol fundamentali tas-settur privat vibranti u tas-soċjetà ċivili dinamika tiegħu.
Filwaqt li jindirizzaw l-isfidi l-aktar urġenti, inklużi l-migrazzjoni u t-terroriżmu, il-Libanu u l-UE se jkomplu jaħdmu lejn l-objettivi ewlenin tas-sħubija antika tagħhom, li qiegħda taħdem lejn stabilità Libaniża u reġjonali sostenibbli, fejn l-UE se taħdem attivament mal-awtoritajiet Libaniżi u tappoġġa djalogu mal-partijiet politiċi kollha, sabiex issostni t-tkabbir ekonomiku permezz ta' istituzzjonijiet statali b'saħħithom u r-rivitalizzazzjoni tal-ekonomija Libaniża, anki billi tingrana l-potenzjal tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili Libaniżi. Fi ħdan kull wieħed mill-oqsma ta' prijorità maqbulin hawn taħt, xi sfidi jeħtieġu attenzjoni immedjata, filwaqt li xi passi oħra ta' implimentazzjoni se jkunu jeħtieġu preparazzjoni adegwata għal implimentazzjoni b'suċċess fuq terminu medju.
Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu japprova din is-sħubija mġedda bħala mudell għal involviment bilaterali ġdid, imfassal apposta, li jinkludi djalogu politiku mtejjeb. Il-perjodu immedjatament ta' wara l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni se jkun fundamentali sabiex l-impenji jiġu tradotti f'azzjonijiet; dan se jkun jeħtieġ l-implimentazzjoni effettiva tal-Prijoritajiet tas-Sħubija u tal-Patt li jakkumpanjahom miż-żewġ naħat. Rieżami ta' nofs it-terminu tal-Prijoritajiet tas-Sħubija se jirrikalibrahom u jaġġustahom fejn ikun meħtieġ. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess ta' din is-sħubija mġedda se jitkejjel minn kemm din tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-Libanu u tal-UE. Il-prijoritajiet u l-impenji deskritti f'dan id-dokument u fl-anness tiegħu mhumiex eżawrjenti, u l-UE hija lesta biex tara li l-Libanu jibbenefika minn inizjattivi tal-UE mmirati lejn pajjiżi terzi ta' prijorità fir-reġjun.
Affrontar tal-kriżi Umanitarja b'approċċ komprensiv:
Mill-2011, il-Libanu ġarr piż mingħajr preċedenti b'riżultat tal-influss massiv ta' Sirjani spustati mis-Sirja għal ġot-territorju tiegħu. Illum il-Libanu jospita madwar 1,5 miljun Sirjan(a) u madwar 0,5 miljun Palestinjan(a), li jagħmel il-Libanu l-pajjiż li jospita l-akbar numru ta' persuni spustati u refuġjati, kemm per capita kif ukoll għal kull kilometru kwadru. Il-kriżi riċenti tal-migrazzjoni fl-UE ppreżentat l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw minnha. Il-Libanu huwa 440 darba iżgħar u 120 darba inqas popolat mill-UE, iżda l-ammonti assoluti ta' refuġjati ospitati f'dawn l-aħħar snin huma simili.
Il-Libanu u l-UE jqisu li l-unika soluzzjoni sostenibbli fuq perjodu fit-tul għar-refuġjati u l-persuni spustati mis-Sirja għal ġol-Libanu hija r-ritorn sigur tagħhom lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet għal tali ritorn. Li jintlaħqu l-ħtiġijiet tar-refuġjati u tal-persuni spustati fis-Sirja u minnha u tal-komunitajiet li jospitawhom hija prijorità urġenti għall-komunità internazzjonali sħiħa, li l-isforzi tagħha f'din id-direzzjoni għandhom jiġu intensifikati. Iż-żewġ partijiet madankollu se jkunu attenti għall-importanza li jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet għar-ritorn sigur tar-refuġjati mis-Sirja u l-persuni spustati Sirjani, inkluż waqt it-tranżizzjoni, skont in-normi kollha tal-liġi umanitarja internazzjonali u b'kont meħud tal-interessi tal-pajjiżi ospitanti.
F'dan l-ispirtu, il-Libanu u l-UE se jużaw il-benefiċċji konkreti tal-impenn konġunt tagħhom biex itejbu d-djalogu politiku tagħhom, billi jaħdmu flimkien sabiex jivvalutaw u jippromwovu d-disponibbiltà ta' dawn il-kundizzjonijiet b'mod bilaterali u fil-fora internazzjonali rilevanti fejn l-UE u l-Istat Membri se jirriflettu s-sitwazzjoni partikolari tal-Libanu u l-bżonn li jiġu kkunsidrati l-interessi vitali tiegħu, u jesprimu t-tħassib serju tagħhom għall-fatt li l-Libanu qiegħed jospita aktar minn miljun refuġjat(a) irreġistrati mill-UNHCR u l-impatt ta' dan fuq il-komunitajiet ospitanti, is-sigurtà u l-istabilità tal-Libanu u tar-reġjun aktar wiesa'.
F'dan il-kuntest, u b'rikonoxximent tan-natura fit-tul tal-kriżi tar-refuġjati, il-Gvern Libaniż nieda approċċ ġdid dwar kif għandu jiġi mmaniġġat is-soġġorn temporanju u kontinwu tas-Sirjani spustati mis-Sirja għal ġot-territorju tiegħu, sabiex tiġi mitigata l-pressjoni tal-influss bil-massa ta' Sirjani fuq il-pajjiż u fuq iċ-ċittadini tiegħu, b'mod li jfittex li ma jkunx ta' preġudizzju għall-interessi tal-pajjiż u taċ-ċittadini Libaniżi u lanqas għall-interessi tar-refuġjati. Din il-viżjoni ġdida, kif dettaljata fid-dikjarazzjoni ta' intenzjoni tal-Libanu ppreżentata fil-konferenza ta' Londra ta' Frar 2016, flimkien mal-appoġġ internazzjonali f'termini ta' finanzjament u għodod ta' konsenja adegwati, għandha l-potenzjal li ttejjeb is-sitwazzjoni b'mod sostanzjali. Il-Gvern tal-Libanu se jiffaċilita d-disponibbiltà tal-fondi internazzjonali u tal-għodod ta' konsenja għal-linji ta' azzjoni differenti, b'mod partikolari dawk immirati lejn l-ekonomija nazzjonali, l-infrastruttura u l-inizjattivi għall-ħolqien tal-impjiegi, bil-miżuri amministrattivi u regolatorji meħtieġa skont il-liġijiet u r-regolamenti Libaniżi.
L-UE u l-Libanu qed jimmiraw għal interventi b'impatt għoli, li jinvolvu kull forma ta' assistenza finanzjarja, għotjiet u self, sabiex itaffu l-effetti drastiċi tal-kriżi tas-Sirja fuq il-finanzi tal-Libanu (1), fuq il-komunitajiet ospitanti u fuq l-ekonomija, l-infrastruttura u l-ambjent tal-pajjiż. It-titjib tal-opportunitajiet ekonomiċi għar-refuġjati u għall-persuni spostati mis-Sirja jrid isir fil-kuntest aktar wiesa' tat-titjib tar-reżiljenza ekonomika tal-pajjiż kollu kemm hu permezz ta' investimenti barranin u lokali fi proġetti għall-ħolqien tal-impjiegi, infrastrutturi u żvilupp ekonomiku lokali. Interventi bħal dawn jgħinu wkoll sabiex tinħoloq klima li fiha l-ispiża tas-self għat-Teżor tista' titbaxxa b'mod sinifikanti.
Il-Prijoritajiet tas-Sħubija se jkollhom l-għan li jippromwovu interessi konġunti u jtejbu l-kooperazzjoni. Dawn huma interkonnessi u ta' tisħiħ reċiproku. Huma se jipprovdu wkoll qafas strateġiku għall-koordinament tal-isforzi politiċi, tas-sigurtà u kooperazzjoni matul l-erba' snin li ġejjin (2016-2020). Dawn il-prijoritajiet u l-objettivi kif spjegati hawn taħt jibnu fuq il-pjanijiet u l-istrateġiji eżistenti tal-gvern. Huma se jkunu wkoll il-bażi biex l-assistenza tiġi allinjata mal-viżjoni tal-Gvern. Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jfittxu li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fosthom permezz ta' parteċipazzjoni mtejba tan-nisa fil-fora politiċi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet.
1.
L-objettiv prinċipali se jkun li titjieb is-sigurtà għaċ-ċittadini kollha Ewropej u Libaniżi. Il-Libanu u l-UE se jimxu 'l quddiem fuq ir-riformi u t-titjib tas-settur tas-sigurtà billi jiżviluppaw il-kapaċità istituzzjonali tal-atturi fil-qasam tas-sigurtà, inklużi l-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tas-sigurtà, il-korpi ta' sorveljanza u l-ġustizzja b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u n-normi demokratiċi.
L-attakki mwettqa minn Daesh jenfasizzaw il-fatt li l-Ewropa u l-Libanu qegħdin jiffaċċjaw theddida komuni mit-terroriżmu. L-isforzi tagħna se jiffukaw fuq il-bini ta' sħubija wiesgħa dwar is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu (CT). Il-pjan direzzjonali maqbul mil-Libanu u l-UE wara d-djalogu kontra t-terroriżmu tas-26 ta' Jannar 2016 se jwassal għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha u kwalitattivament konkreta fil-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet terroristiċi msemmija mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU). L-oqsma ta' kooperazzjoni jinkludu l-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi, il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà tal-ajruporti u s-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti. F'dan ir-rigward, l-UE se timmobilizza attivament l-għodod, l-istrumenti u l-kapaċitajiet kollha tagħha allokati għal pajjiżi terzi ta' prijorità ffaċċjati b'theddida serja tat-terroriżmu.
Il-Libanu u l-UE se jaħdmu għal approċċ nazzjonali kkoordinat sabiex tiġi miġġielda t-theddida tat-terroriżmu. Bl-appoġġ tal-UE, il-Libanu se jiżviluppa l-istrateġija nazzjonali tiegħu kontra t-terroriżmu, li tinkludi kontribuzzjonijiet minn esperti mill-Istati Membri, l-Europol, is-CEPOL, il-FRONTEX u l-Eurojust. Ir-riżultat se jkun strateġija li tirrifletti l-kontribuzzjonijiet uniċi li kull fergħa tal-Gvern Libaniż tista' tagħmel sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.
2.
L-istabbiltà fil-Libanu teħtieġ progress fil-governanza tajba u fl-istat tad-dritt. L-UE se taħdem mal-Libanu sabiex:
|
— |
tiżviluppa proġetti ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-bini ta' kapaċità istituzzjonali fil-qafas tal-istrateġija għar-riforma amministrattiva tal-Libanu; |
|
— |
tippromwovi l-valuri komuni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jinkludu l-governanza tajba u istituzzjonijiet trasparenti, stabbli u effettivi, il-protezzjoni tal-libertà tal-kelma u stampa indipendenti; |
|
— |
jagħmel sforzi ta' riforma li jsaħħu l-effettività u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, u li jimmiraw għal settur pubbliku aktar effiċjenti. It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li xxekkel it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku, se jibqa' fundamentali sabiex jinkisbu r-riżultati fil-Prijoritajiet kollha tas-Sħubija. |
Ir-riforma tal-liġi elettorali u l-qafas tal-elezzjonijiet se jkunu fundamentali sabiex il-pajjiż jiġi modernizzat. Il-Libanu jilqa' d-disponibbiltà espressa mill-UE sabiex tieħu sehem fil-promozzjoni tar-riforma elettorali fil-Libanu u fit-titjib tal-governanza fil-livell muniċipali. L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ħarsien ta' gruppi emarġinati tal-popolazzjoni.
3.
a. Muniċipalitajiet:
L-isforzi sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunità se jkunu prijorità. Id-disparitajiet ekonomiċi fil-Libanu qegħdin itellfu l-pajjiż mill-potenzjal tat-tkabbir tiegħu u huma theddida għall-istabbiltà tiegħu. Se tingħata attenzjoni speċjali liż-żoni żvantaġġati, fosthom billi tingħata s-setgħa lill-muniċipalitajiet, lill-unjoni tal-muniċipalitajiet u lill-awtoritajiet lokali u billi jissaħħu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi mtejba l-governanza lokali. Se tiġi appoġġata parteċipazzjoni akbar tan-nisa u ż-żgħażagħ sabiex jiġi promoss approċċ inklużiv għal tkabbir sostenibbli. Dan se jinvolvi wkoll it-titjib tat-twassil tas-servizzi, bħas-saħħa, kif ukoll l-investiment fi proġetti muniċipali tal-infrastruttura. Il-muniċipalitajiet ingħafsu severament b'din iż-żieda fil-popolazzjoni, għax iridu jestendu s-servizzi bażiċi u jwieġbu għall-ħtiġijiet immedjati kemm tal-popolazzjonijiet Sirjani fil-pajjiż kif ukoll tal-komunitajiet ospitanti, li wassal għal tnaqqis fil-kwalità tas-servizzi pprovduti.
b. Investiment privat:
Se jsiru sforzi sabiex tiġi rivitalizzata l-ekonomija Libaniża b'fokus fuq il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg diċenti għal kulħadd u tkabbir inklużiv wiesa' permezz ta' żieda fl-investiment privat. L-ekonomija għandha wkoll rwol kritiku x'tilgħab fl-isforzi tal-Libanu sabiex timmitiga l-effetti tal-kriżi Sirjana. Għal dan il-għan, huwa tajjeb li jsiru sforzi sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi u l-vulnerabbiltajiet fiskali tal-Libanu bir-riformi neċessarji sabiex titwitta t-triq għal tkabbir sostenibbli akbar.
Il-ħolqien tal-impjiegi madwar il-pajjiż kollu se jgħin sabiex tinbena l-fiduċja fil-gvern u l-istituzzjonijiet pubbliċi u tiġi inkoraġġita l-koeżjoni soċjali. Ekonomija formali li tikber se tiġġenera dħul kritiku sabiex jappoġġa t-twassil tas-servizzi pubbliċi u tinbena l-leġittimità tal-istituzzjonijiet pubbliċi. It-titjib fil-kompetittività u d-diversifikazzjoni, flimkien ma' settur privat vibranti, se jtejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomija nazzjonali u konsegwentement isaħħaħ il-ħolqien tal-impjiegi f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti Libaniżi, u b'dan il-mod inaqqas it-tensjonijiet settarji u soċjali. Dan jista' jinkiseb permezz tal-involviment wiesa' tan-negozji u tal-popolazzjoni, inkluża d-dijaspora Libaniża, f'attivitajiet ekonomiċi bbażati fuq l-innovazzjoni u l-għarfien, u l-ħolqien ta' impjiegi diċenti li jkunu ta' benefiċċju għal kulħadd. L-implimentazzjoni tal-impenji skont il-Patt UE-Libanu se tipprovdi opportunitajiet addizzjonali għall-iżvilupp tal-pajjiż.
c. Infrastruttura:
Il-Libanu u l-UE se jeżaminaw il-possibbiltà li jużaw finanzjament konċessjonarju għall-espansjoni tal-infrastruttura kritika bil-għan li tiżdied il-produttività tas-setturi ta' prijorità għolja. L-involviment ta' Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) sabiex jiġu introdotti metodi ġodda ta' konsenja, inklużi għotjiet speċjali, assistenza mhux finanzjarja u self konċessjonarju, se jiġi esplorat b'mod konġunt. Se jsiru sforzi speċjali sabiex jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-settur privat li jistgħu jkunu interessati li jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti mill-faċilitajiet ta' finanzjament Ewropej. L-għan huwa li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-infrastruttura kritika bħall-elettriku, l-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u t-trasport u li jingħata appoġġ prijoritizzat lis-setturi produttivi. Se tiġi esplorata wkoll assistenza finanzjarja mmirata, inkluża l-assistenza baġitarja, kif ikun xieraq. Barra minn hekk il-Libanu jistenna bil-ħerqa l-istabbiliment ta' mekkaniżmi speċifiċi tal-UE biex jimmitigaw ir-riskji assoċjati ma' programmi kbar ta' investiment. L-UE u l-Libanu se jaħdmu flimkien sabiex jirrealizzaw il-kundizzjonijiet għal interventi finanzjarji konkreti, b'mod partikolari dawk Ewropej, sabiex jappoġġaw proġetti ewlenin tal-infrastruttura u jimmobilizzaw diversi strumenti finanzjarji tal-UE kif ikun xieraq.
Il-linji ta' azzjoni hawn fuq imsemmija se jkunu materja ta' konsultazzjoni mill-qrib bil-għan li jinkisbu riżultati konkreti.
d. Kummerċ / Agrikoltura / Industrija:
Il-Libanu u l-UE għandhom l-għan ukoll li jsaħħu r-relazzjoni kummerċjali ta' bejniethom. Għal dan il-għan, il-Libanu u l-UE se jistabbilixxu u jlaqqgħu b'mod regolari grupp ta' ħidma konġunt sabiex jiffaċilitaw aktar il-kummerċ u jnaqqsu l-ostakoli nontariffarji eżistenti għall-prodotti u s-servizzi. Dan il-grupp ta' ħidma se jibda jiltaqa' kemm jista' jkun malajr.
Hemm interess reċiproku li tissaħħaħ ir-relazzjoni kummerċjali billi tiżdied il-kompetittività tal-prodotti industrijali, is-settur tas-servizzi, u s-settur agrikolu u agroalimentari, inkluż billi jittejbu l-istandards tal-kwalità tal-prodotti agrikoli Libaniżi, filwaqt li jiġi integrat il-kunċett ta' konsum u produzzjoni sostenibbli.
Il-ħidma f'dan il-qasam se tgħin ukoll sabiex jiġi mitigat l-impatt tal-kriżi Sirjana fuq il-kummerċ, kif ukoll tgħin sabiex jiġi promoss l-investiment f'setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema, bħall-agrikoltura u l-industrija. L-opportunitajiet ipprovduti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għandhom jiġu ottimizzati bir-reqqa sabiex jiġu assigurati l-benefiċċji għaż-żewġ naħat, u se jsiru sforzi sabiex jiġi faċilitat aktar l-aċċess għas-suq għall-prodotti Libaniżi fl-UE u fi swieq oħra. Se tiġi stabbilita kooperazzjoni u assistenza teknika mtejba dwar l-istandards sanitarji u fitosanitarji, inkluż f'kooperazzjoni mas-settur privat Libaniż, sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati b'mod adegwat. B'dan il-mod, il-Libanu jista' jżid l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli u jimmassimizza l-benefiċċji mill-opportunitajiet eżistenti ta' aċċess għas-suq, li jinkludi l-użu sħiħ tal-kwoti tariffarji (TRQs) agrikoli fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.
L-UE se tkompli tinkoraġġixxi u tappoġġa lil-Libanu lejn sħubija fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ (WTO) kif ukoll għal parteċipazzjoni ta' benefiċċju fil-Ftehim ta' Agadir.
e. Is-sigurtà tal-enerġija, l-azzjoni klimatika u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali:
Attenzjoni akbar għall-ambjent permezz tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, l-immaniġġjar tal-iskart, l-immaniġġjar tal-ilma u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, tista' żżid il-potenzjal turistiku tal-pajjiż, tipproteġi l-ġid nazzjonali u tnaqqas l-esponiment tal-popolazzjoni għall-mard u l-perikli għas-saħħa. Il-kooperazzjoni u s-sħubijiet fir-riċerka u l-innovazzjoni jista' jkollhom rwol ewlieni f'dawn l-oqsma kollha, billi jsaħħu l-potenzjal għal ġestjoni integrata u effiċjenti tar-riżorsi naturali permezz ta' approċċ nexus.
Iż-żewġ partijiet għandhom l-għan li jirrealizzaw il-potenzjal tal-kooperazzjoni fl-enerġija. Djalogu dwar l-Enerġija jista' joffri l-mezz sabiex tiżdied il-kooperazzjoni dwar l-enerġija, inkluż fl-esplorazzjoni u fl-isfruttament tas-settur taż-żejt u tal-gass u l-opportunitajiet offshore relatati. Wara l-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), l-UE u l-Libanu se jesploraw kooperazzjoni mtejba dwar l-implimentazzjoni tal-Kontribuzzjoni Indikattiva Determinata b'mod Nazzjonali tal-Libanu. Jista' jiġi esplorat tpartit tad-dejn għan-natura bil-għan li jitnaqqas il-piż tad-dejn pubbliku u titjieb il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.
4.
Il-Libanu u l-UE qegħdin jinnegozjaw dikjarazzjoni konġunta sabiex iniedu s-Sħubija tagħhom għall-Mobilità li nbdiet bid-Djalogu dwar il-Migrazzjoni, il-Mobilità u s-Sigurtà, u ż-żewġ partijiet se jaqblu wkoll dwar anness li jiddettalja azzjonijiet konkreti ta' prijorità li jaqdu l-għanijiet tas-Sħubija ġdida għall-Mobilità.
Iż-żewġ naħat se jfittxu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-mobilità permezz tas-Sħubija għall-Mobilità Libanu-UE li tikkostitwixxi qafas fit-tul sabiex tiġi rinforzata l-kapaċità tal-Libanu sabiex jimmaniġġja l-migrazzjoni kemm regolari kif ukoll irregolari, filwaqt li jqis l-interessi tiegħu bħala pajjiż ospitanti u jqis il-kuntest speċifiku u r-riżorsi skarsi tiegħu u l-piż tqil li ilu jġorr mill-bidu tal-kriżi Sirjana.
Il-Libanu u l-UE għandhom l-għan li jmexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet bil-fehim li l-migrazzjoni u l-mobilità jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod komprensiv u li kull objettiv tas-Sħubija għall-Mobilità għandu jiġi segwit bl-istess ħeġġa. L-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħha se tkun fundamentali għall-kooperazzjoni bejn il-Libanu u l-UE f'dan il-qasam. Dan jinkludi fost l-oħrajn it-titjib tal-mobilità mmaniġġjata tajjeb taċ-ċittadini Libaniżi u tal-UE bejn it-territorji taż-żewġ naħat, iż-żieda tal-kapaċità ta' ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċità ta' ġestjoni tal-fruntieri, iż-żieda tad-djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni internazzjonali fejn jiġu diskussi interessi reċiproċi, u, fuq kollox, li jiġi assigurat li r-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp tiġi msaħħa aktar u tirrendi riżultati viżibbli għall-popolazzjoni tal-Libanu.
5.
Il-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni bejn il-Libanu u l-UE huwa l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-2006. Huwa se jkun importanti sabiex jirrazzjonalizza u jtejjeb l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li jinkludi rikonsiderazzjoni bir-reqqa tad-djalogu u tas-sottokumitati li jsiru. Il-ġabra flimkien tas-sottokumitati f'numru iżgħar ta' laqgħat tematiċi se tippermetti l-avvanzar tal-kooperazzjoni fl-oqsma ta' prijorità. Fl-istess ħin, jistgħu jiġu organizzati wkoll formati aktar wiesgħa li jinkludu s-soċjetà ċivili u atturi mhux tal-istat.
Fl-istess ħin, iż-żewġ partijiet huma lesti li japprofondixxu d-djalogu politiku fosthom permezz ta' involviment akbar u aħjar fl-isfera tal-politika barranija. Se jiġu esplorati l-modalitajiet sabiex jiżdied il-livell ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni mal-Ministeru Libaniż tal-Affarijiet Barranin u l-Emigranti (punt fokali għall-PEV), b'kont meħud tal-pożizzjoni ta' appoġġ bi prinċipju tal-UE għas-sovranità, l-integrità territorjali, il-pluraliżmu u l-istabilità inklużiva tal-Libanu.
Iż-żewġ naħat se jistabbilixxu mekkaniżmu ta' koordinazzjoni sabiex jirrevedu u jimmonitorjaw b'mod regolari l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-sħubija u tal-patt bil-għan li jassiguraw is-sjieda konġunta, it-trasparenza u l-implimentazzjoni għall-benefiċċju reċiproku.
PATT UE-LIBANU
Anness tal-Prijoritajiet tas-Sħubija
Introduzzjoni
Fid-dawl tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) riveduta u kif imħabbar fil-Konferenza ta' Londra “Appoġġ lis-Sirja u r-Reġjun” ta' Frar 2016, l-UE qiegħda tipproponi pakkett ta' appoġġ komprensiv li jgħaqqad flimkien elementi differenti ta' politika fi ħdan il-kompetenzi tal-UE. Dan id-dokument jippreżenta xi azzjonijiet maqbula b'mod reċiproku li ż-żewġ naħat beħsiebhom jimplimentaw in bona fede u mingħajr preġudizzju għall-oqfsa legali tagħhom. Kwalunkwe miżura mwettqa fl-ambitu ta' dan il-Patt mhix se tkun ta' detriment għall-poplu Libaniż u se tkun f'konformità mal-Kostituzzjoni Libaniża, il-liġijiet u r-regolamenti Libaniżi.
Il-Patt UE-Libanu, iggwidat mill-Prijoritajiet tas-Sħubija, se jiddefinixxi l-azzjonijiet ta' prijorità sabiex jappoġġaw l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż. L-azzjonijiet ta' prijorità se jibnu fuq il-prijoritajiet identifikati mill-Gvern tal-Libanu, inkluż fid-dikjarazzjoni ta' intenzjoni tiegħu li ppreżenta fil-Konferenza ta' Londra kif ukoll fil-Pjan ta' Rispons għall-Kriżi fil-Libanu (LCRP). Fuq kollox, il-Patt UE-Libanu se jsaħħaħ il-kooperazzjoni reċiproka bejn il-Gvern tal-Libanu u l-UE matul il-perjodu 2016-2020. Il-mekkaniżmu għall-valutazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Patt se jutilizza fost l-oħrajn id-djalogi politiċi fi ħdan il-qafas ġenerali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu.
L-azzjonijiet prijoritarji tal-Patt se jiġu ffinanzjati permezz tal-fondi addizzjonali tal-UE mwiegħda lil-Libanu fil-Konferenza ta' Londra, inkluż mill-anqas EUR 400 miljun li għandhom jiġu allokati fl-2016 u fl-2017 u fondi addizzjonali li l-UE tista' tagħmel disponibbli fis-snin li jifdal mill-qafas ta' żmien ta' dan id-dokument. Dawn ir-riżorsi finanzjarji se jiffinanzjaw programmi implimentati ma' sħab bħal awtoritajiet tal-istat, unjonijiet ta' muniċipalitajiet, muniċipalitajiet, aġenziji tal-Istati Membri tal-UE, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali. L-appoġġ kemm għall-Istat kif ukoll għas-settur privat jista' jiġi pprovdut ukoll permezz tat-taħlit ta' għotjiet tal-UE ma' self ipprovdut minn istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u tal-Istati Membri, fejn ikun xieraq, bi sħubija ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, sabiex jitnaqqas ir-riskju u l-kundizzjonijiet tas-self isiru aktar attraenti.
L-għanijiet ewlenin tal-Patt UE-Libanu huma kemm li jiġi pprovdut ambjent xieraq u sigur għar-refuġjati (2) u l-persuni spostati mis-Sirja, matul is-soġġorn temporanju tagħhom fil-Libanu, kif ukoll li jiġi pprovdut ambjent vantaġġuż għal-Libanu, għall-komunitajiet ospitanti u għall-gruppi vulnerabbli. Dan se jippermetti li l-ħtiġijiet, inklużi l-ħtiġijiet umanitarji, jiġu indirizzati b'mod effettiv, dinjituż u ġust. Dan l-approċċ irid isir fil-kuntest aktar wiesa' taż-żieda tar-reżiljenza tal-ekonomija nazzjonali Libaniża, l-infrastrutturi u l-investimenti fi proġetti li joħolqu l-impjiegi.
L-UE timpenja ruħha li tallinja l-intervent tagħha mal-approċċ wiesa' hawn fuq imsemmi u li tkun partikolarment attenta għall-ħtiġijiet ta' żvilupp tal-Libanu u fejn ikun meħtieġ li żżid l-assistenza umanitarja. Abbażi ta' dan l-approċċ, u bil-għan li jħaffef is-soġġorn temporanju fil-Libanu, taċ-ċittadini Sirjani li ħarbu mill-gwerra fis-Sirja, il-Libanu jimpenja ruħu li jkompli jfittex, f'konformità mal-liġijiet Libaniżi, modi sabiex jiffaċilita s-simplifikazzjoni tar-regolamenti li jirregolaw is-soġġorn tagħhom, inkluż l-eżenzjoni perjodika mit-tariffi tar-residenza u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti dokumentarji bħall-“wegħda li ma jaħdmux”, bil-għan li jiffaċilita l-aċċess ikkontrollat tagħhom għas-suq tax-xogħol f'setturi fejn ma jkunux f'kompetizzjoni diretta mal-Libaniżi, bħall-agrikoltura, il-kostruzzjoni u setturi oħra li jirrikjedu ħafna ħaddiema.
F'dan ir-rigward, il-Libanu, appoġġat mill-UNHCR, għandu l-għan li jieħu s-sjieda amministrattiva sħiħa tar-rispons għall-kriżi Sirjana sabiex jassigura qafas ta' ġestjoni effiċjenti u trasparenti li jqis ukoll li d-determinazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-istatus huma r-responsabbiltajiet primarji tal-pajjiż ospitanti f'kooperazzjoni mal-aġenziji rilevanti tan-NU.
Dan il-Patt se jiġi implimentat f'koordinazzjoni regolari mill-qrib bejn iż-żewġ naħat skont il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni deskritt fil-Prijoritajiet tas-Sħubija.
|
1. Tisħiħ tal-Istabilità: |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Is-Sigurtà u l-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Impenji tal-UE |
Impenji tal-Libanu |
||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
2. Il-Governanza u l-Istat tad-Dritt |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
3. Promozzjoni tat-Tkabbir u tal-Opportunitajiet ta' Impjieg |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
4. Il-migrazzjoni u l-Mobilità |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Objettivi reċiproċi UE — Libanu |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Ladarba jiġu maqbula, l-UE u l-Libanu se jimplimentaw b'mod sħiħ l-impenji politiċi reċiproċi tas-Sħubija għall-Mobilità wara l-adozzjoni tagħha u l-azzjonijiet kollha fl-Anness relatat, f'konformità mal-prijoritajiet li ġejjin identifikati fihom:
|
|||||||||||||||||||||||||||||||||||
(1) L-impatt tal-kriżi fis-Sirja fuq il-Libanu, inklużi r-refuġjati, ġie nnotat u vvalutat mill-Bank Dinji fil-konferenza tat-13 ta' Jannar 2016 li jiswa aktar minn 5,6 biljun USD għall-2015, bi spiża kumulattiva ta' aktar minn 13,1 biljun USD għall-perjodu 2012-2015.
(2) Xejn f'dan id-dokument ma huwa ta' preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Libanu li jqis iċ-ċittadini Sirjani li ħarbu mis-Sirja mill-2011 'l hawn bħala persuni spostati, jew għall-għan strateġiku tal-Libanu li jaħdem sabiex inaqqas in-numri tagħhom, b'mod prinċipali bil-għan li jikseb ir-ritorn sħiħ u sigur tagħhom lejn is-Sirja mingħajr ma jirrikorri għar-refoulement.