Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22011A0406(01)

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun u dwar kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija

ĠU L 90, 6.4.2011, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2011/213/oj

Related Council decision

22011A0406(01)

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun u dwar kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija

Official Journal L 090 , 06/04/2011 P. 002 - 007


Ftehim

bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun u dwar kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija

IL-KOMUNITÀ EWROPEA minn hawn ’il quddiem imsejjħa "l-Komunità"

u

IL-GVERN TAL-ĠAPPUN;

Billi jixtiequ jippromwovu aktar ir-relazzjonijiet mill-qrib u ta’ ħbiberija li jeżistu bejn il-Ġappun u l-Komunità, u billi huma konxji dwar l-iżvilupp rapidu tal-għarfien xjentifiku u tal-kontribut pożittiv tiegħu fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali u internazzjonali;

BILLI JIXTIEQU jespandu l-ambitu tal-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija f’għadd ta’ oqsma ta’ interess komuni permezz tal-ħolqien ta’ sħubija produttiva għal finijiet paċifiċi u ta’ benefiċċju reċiproku;

BILLI JEMMNU li kooperazzjoni bħal din u l-applikazzjoni tar-riżultati tagħha sejrin jagħtu kontribut għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ġappun u l-Komunità;

BILLI JIXTIEQU jistabbilixxu qafas formali għat-tmexxija tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni ġenerali li ser isaħħu l-kooperazzjoni fix-xjenza u fit-teknoloġija bejn il-Partijiet;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, jiżviluppaw u jiffaċilitaw attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija għal skopijiet paċifiċi.

2. L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom isiru fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

(a) kontributi u benefiċċji reċiproċi u ekwi;

(b) aċċess reċiproku għal programmi ta’ riċerka u żvilupp u għal proġetti u faċilitajiet favur riċerkaturi viżitaturi;

(c) skambju f’waqtu ta’ informazzjoni li tista’ taffettwa l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim;

(d) promozzjoni ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien għall-benefiċċju tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ġappun u l-Komunità.

Artikolu 2

1. L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jikkonsistu minn attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta u attivitajiet ta’ kooperazzjoni indiretta.

2. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) it-terminu "il-Partijiet" ifisser il-Gvern tal-Ġappun u l-Komunità;

(b) it-terminu "attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta" ifisser attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Partijiet jew l-aġenziji tagħhom;

(c) it-terminu "attivitajiet ta’ kooperazzjoni indiretta" ifisser attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn persuni tal-Ġappun u tal-Komunità mwettqa taħt programmi u proġetti ta’ riċerka u żvilupp;

(d) it-terminu "programmi u proġetti ta’ riċerka u żvilupp" ifisser il-Programm ta’ Qafas għall-iżvilupp teknoloġiku u tar-riċerka mħaddem mill-Komunità jew programmi ta’ riċerka u żvilupp u proġetti mas-sistema ta’ finanzjament kompetittiv imħaddma mill-Gvern tal-Ġappun, l-aġenziji jew l-istituzzjonijiet uffiċjali tiegħu;

(e) it-terminu "persuni" jfisser:

(i) fir-rigward tal-Ġappun, kwalunkwe ċittadin tal-Ġappun jew kwalunkwe persuna ġuridika stabbilita taħt il-liġi nazzjonali tal-Ġappun; u

(ii) fir-rigward tal-Komunità, kwalunkwe ċittadin tal-Istati Membri tal-Komunità jew kwalunkwe persuna ġuridika stabbilita taħt il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri tal-Komunità jew il-liġi Komunitarja;

(f) it-terminu "aġenziji" jfisser:

(i) fir-rigward tal-Ġappun, l-aġenziji governamentali tal-Ġappun; u

(ii) fir-rigward tal-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea;

(g) it-terminu "istituzzjonijiet uffiċjali" jfisser istituzzjonijiet uffiċjali li l-baġits u l-pjanijiet ta’ tħaddim tagħhom huma approvati mill-Ministri kompetenti tal-Gvern tal-Ġappun, u li l-programmi ta’ riċerka u ta’ żvilupp u proġetti mas-sistema ta’ finanzjament kompetittiv tagħhom huma inklużi, bil-kunsens tagħhom, f’dawk il-programmi u proġetti għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni indiretta;

(h) it-terminu "drittijiet ta’ proprjetà intellettwali" għandu jkollu t-tifsira mogħtija għall-"proprjetà intellettwali" fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali, iffirmata fi Stokkolma fl- 14 ta’ Lulju 1967.

Artikolu 3

1. It-tipi ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

(a) laqgħat ta’ suriet differenti, inklużi dawk bejn esperti, għad-diskussjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi ta’ natura ġenerali jew speċifika u għall-identifikazzjoni ta’ proġetti u programmi ta’ riċerka u żvilupp li jistgħu jsiru b’mod utli abbażi ta’ kooperazzjoni;

(b) l-iskambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet, linji ta’ politika, prattiki, u liġijiet u regolamenti li jikkonċernaw ir-riċerka u l-iżvilupp;

(c) żjajjar u skambji ta’ xjenzati, persunal tekniku, jew esperti oħra dwar suġġetti ġenerali jew speċifiċi;

(d) l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe sura oħra ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni kif jistgħu jiġu identifikati, proposti u deċiżi fil-Kumitat Konġunt dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim.

2. Għall-finijiet tal-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni indiretta, kwalunkwe persuna ta’ Parti waħda tista’ tipparteċipa fil-programmi u proġetti ta’ riċerka u żvilupp, imħaddma mill-Parti l-oħra, jew l-aġenziji u l-istituzzjonijiet uffiċjali tagħha, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti l-oħra, u soġġett għall-Annessi I u II ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Id-dettalji u l-proċeduri ta’ kull attività ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jistgħu jiġu deċiżi bejn il-Partijiet, l-aġenziji tagħhom jew l-istituzzjonijiet uffiċjali involuti f’din l-attività ta’ kooperazzjoni.

Artikolu 5

F’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta taħt dan il-Ftehim, kull Parti jew l-aġenziji tagħha jistgħu jippermettu, kif ikun xieraq, u bil-kunsens tal-Parti l-oħra jew tal-aġenziji tagħha, il-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi u organizzazzjonijiet mis-setturi kollha tal-istabbiliment ta’ riċerka, inkluż is-settur privat.

Artikolu 6

1. Għall-finijiet ta’ implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika (li minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat Konġunt"). Il-Kumitat Konġunt għandu jiġi kopresedut minn uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġappun u tal-Kummissjoni Ewropea.

2. Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu:

(a) l-iskambju ta’ informazzjoni u fehmiet dwar materji ta’ politika xjentifika u teknika;

(b) l-identifikar, il-proponiment u d-deċiżjoni tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim;

(c) ir-reviżjoni u d-diskussjoni tal-kisbiet tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim;

(d) l-għoti ta’ pariri u ta’ inkoraġġiment lill-Partijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(e) reviżjoni regolari tal-aċċess reċiproku għall-programmi ta’ riċerka u żvilupp u proġetti u arranġamenti għal riċerkaturi viżitaturi u l-eżami ta’ miżuri konkreti għat-titjib f’dak l-aċċess u biex tiġi żgurata l-effettività tal-prinċipju dwar ir-reċiproċità msemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim.

3. Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jintlaħqu b’kunsens reċiproku.

4. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ f’ħinijiet konvenjenti reċiprokament, preferibbilment talanqas darba kull sentejn.

5. Il-Gvern tal-Ġappun u l-Komunità għandhom jospitaw alternattivament il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor.

6. Għal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni għall-parteċipanti għandhom jitħallsu mill-Parti li għandhom x’jaqsmu magħha. Kwalunkwe spiża oħra assoċjata mal-Kumitat Konġunt għandha titħallas mill-Parti ospitanti.

7. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli interni ta’ proċedura tiegħu stess.

8. Il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu deċiżjonijiet b’mezzi diplomatiċi meta ma jkunx qed jiltaqa’.

Artikolu 7

L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkun soġġetta għad-disponibbiltà ta’ fondi approprjati u għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli ta’ kull Parti.

Artikolu 8

1. L-informazzjoni xjentifika u teknoloġika ta’ natura mhux proprjetarja li toħroġ minn attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku min-naħa ta’ kwalunkwe Parti permezz tal-mezzi tas-soltu u skont il-proċeduri normali tal-aġenziji parteċipanti.

2. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u informazzjoni li ma tiġix żvelata li jirriżultaw, jew jiġu introdotti, jew jinħolqu matul l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom jiġu ttrattati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II għal dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Kull Parti għandha tagħmel kull sforz, fi ħdan il-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, biex tagħti lill-persuni, li jwettqu l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, il-faċilitajiet kollha possibbli bil-għan li jiġu ffaċilitati l-moviment liberu u ż-żjarat tar-riċerkaturi li jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni kif ukoll id-dħul u l-ħruġ mit-territorju tagħha ta’ materjali, data jew tagħmir intenzjonati għall-użu f’dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni.

Artikolu 10

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet u l-obbligi fir-rigward ta’ ftehimiet eżistenti u futuri għal kooperazzjoni bejn il-Partijiet jew bejn il-Gvern tal-Ġappun u l-Gvern ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Komunità.

Artikolu 11

Il-kwistjonijiet jew it-tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti permezz ta’ konsultazzjoni reċiproka bejn il-Partijiet.

Artikolu 12

L-Annessi I u II għal dan il-Ftehim jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 13

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jiskambjaw noti diplomatiċi li fihom jinfurmaw lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ikunu ġew kompluti.

2. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal ħames snin u wara dan għandu jissokta fis-seħħ wara dan jekk ma jkunx terminat minn waħda mill-Partijiet fit-tmiem tal-perijodu inizjali ta’ ħames snin jew fi kwalunkwe żmien wara dan permezz ta’ notifika ta’ avviż bil-miktub bil-quddiem lill-Parti l-oħra fi żmien talanqas ta’ sitt xhur bil-ħsieb tagħha li tittermina dan il-Ftehim.

3. It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandhiex taffettwa t-twettiq tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li jkunu nbdew taħt dan il-Ftehim u li ma jkunux waslu fi tmiemhom fil-waqt tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jew kwalunkwe dritt jew obbligu speċifiku li jkun żdied f’konformità mal-Anness II ta’ dan il-Ftehim.

4. Kull ħames snin, kwalunkwe Parti tista’ tevalwa l-impatt ta’ dan il-Ftehim u tal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, u l-Parti li tagħmel dan għandha tinforma lill-Parti l-oħra bir-riżultati tal-evalwazzjoni. Kull Parti għandha tagħmel kull sforz biex tiffaċilita l-evalwazzjoni mwettqa mill-Parti l-oħra.

5. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat b’kunsens reċiproku tal-Partijiet permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejniethom. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ taħt l-istess kondizzjonjiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor.

DAN il-Ftehim u I-Annessi I u II għal dan I-Ftehim huma mfasslin f'żewġ kopji oriġinali bil-Bulgaru biċ-Ċek bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franciż, bil-Germaniż, bil-Grieg, bl-Ingliz, bl-lspanjol bl-lsvediz, bil-Latvjan bil-Litwan bil-Malti bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Olandiż, bit-Taljan u bl-Ungeriż, u bil-Ġappuniż b'kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku. F'kaz ta' diverġenza ta' interpretazzjoni, it-test Ingliż u dak Ġappuniż għandhom jipprevalu fuq it-testi tal-lingwi l-oħra.

B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti debitament awtorizzati għal dan mill-Komunità Ewropea u I-Gvern Ġappuniż rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, fit- tletin jum ta' Novembru 2009.

Għall-Kornunità Ewropea

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Ġappun

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS I

TERMINI U KONDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA’ PERSUNI FIL-PROGRAMMI U L-PROĠETTI TA’ RIĊERKA U ŻVILUPP

I. Fejn fi ħdan il-qafas ta’ dan il-Ftehim Parti, l-aġenziji jew l-istituzzjonijiet uffiċjali tagħha jikkonkludu kuntratt ma’ persuna tal-Parti l-oħra għal programmi u proġetti ta’ riċerka u żvilupp, il-Parti l-oħra għandha, meta tintalab, tagħmel ħilitha biex tipprovdi kwalunkwe għajnuna raġonevoli u fattibbli kif meħtieġ jew ta’ utilità għall-Parti ta’ qabel, għall-aġenziji jew l-istituzzjonijiet uffiċjali tagħha biex tiffaċilita l-implimentazzjoni bla xkiel ta’ tali kuntratt.

II. Persuni tal-Ġappun jistgħu jipparteċipaw fil-Programm ta’ Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku mħaddem mill-Komunità. Tali parteċipazzjoni ta’ persuni tal-Ġappun għandha tkun f’konformità mar-regoli għall-parteċipazzjoni, it-tixrid u l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Qafas.

III. Persuni tal-Komunità jistgħu jipparteċipaw fi programmi u proġetti ta’ riċerka u żvilupp bis-sistema ta’ finanzjament kompetittiv imħaddma mill-Gvern tal-Ġappun, l-aġenziji jew l-istituzzjonijiet uffiċjali tiegħu fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi simili għal dawk tal-Programm ta’ Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. Tali parteċipazzjoni ta’ persuni tal-Komunità għandha tkun f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun u r-regoli rilevanti għall-parteċipazzjoni, it-tixrid u l-implimentazzjoni tal-programm jew proġett speċifiku.

--------------------------------------------------

ANNESS II

DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETWALI U INFORMAZZJONI MIŻMUMA

I. Drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-partijiet fl-attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta

1. Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta, għajr għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati msemmija fil-paragrafu 3 hawn taħt:

(a) Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu l-proprjetà tal-Parti jew tal-aġenziji tagħha li jiġġeneraw il-proprjetà intellettwali. Fejn il-proprjetà intellettwali tkun ġiet iġġenerata b’mod konġunt, il-Partijiet jew l-aġenziji tagħhom għandhom jikkonsultaw bejniethom biex jiftiehmu dwar is-sjieda jew l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi jqisu s-sehem rispettiv tal-ħidma tal-Partijiet jew tal-aġenziji tagħhom.

(b) Il-Parti jew l-aġenziji tagħha li għandhom is-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jagħtu liċenzja għall-użu ta’ tali drittijiet lill-Parti l-oħra jew lill-aġenziji tagħha għat-twettiq ta’ kwalunkwe attività ta’ kooperazzjoni diretta fil-każ li dan ikun meħtieġ biex il-Parti l-oħra jew l-aġenziji tagħha jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom stess għall-proġett speċifiku taħt dan il-Ftehim. F’każ ta’ privattivi u mudelli ta’ utilità, din il-liċenzja għandha tingħata fuq bażi ta’ ħelsien minn ħlas ta’ royalties. L-għoti ta’ liċenzja għall-użu ta’ kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali taħt dan is-subparagrafu għandu jkun soġġett għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli għal kull Parti, u għall-kondizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma bejn il-Partijiet jew l-aġenziji tagħhom qabel ma jinbeda l-proġett.

2. Il-Parti jew l-aġenziji tagħha li għandhom is-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ġew introdotti matul l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta għandhom jagħtu liċenzja għall-użu ta’ tali drittijiet lill-Parti l-oħra jew lill-aġenziji tagħha għat-twettiq ta’ kwalunkwe attività ta’ kooperazzjoni diretta jekk dan ikun meħtieġ sabiex il-Parti l-oħra jew l-aġenziji tagħha jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom stess għall-proġett speċifiku taħt dan il-Ftehim. L-għoti ta’ liċenzja għall-użu ta’ kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali taħt dan il-paragrafu għandu jkun soġġett għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli għal kull Parti, u għall-kondizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma bejn il-Partijiet jew l-aġenziji tagħhom qabel ma jinbeda l-proġett.

3. Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati tal-Partijiet jew l-aġenziji tagħhom:

(a) Meta Parti jew l-aġenziji tagħha jippubblikaw data, informazzjoni u riżultati xjentifiċi u tekniċi permezz ta’ rivisti, artikli, rapporti, kotba, tejps tal-vidjo u tagħmir għall-ħżin diġitali, li joħroġu minn attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta, il-Parti konċernata għandha tagħmel ħilitha kollha biex tikseb għall-Parti l-oħra liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u ħielsa mill-ħlas ta’ royalties fil-pajjiżi kollha fejn tkun disponibbli l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, sabiex tali xogħlijiet ikunu jistgħu jiġu tradotti, riprodotti, adattati, trasmessi u mxerrda fost il-pubbliku.

(b) Il-kopji kollha, imqassma pubblikament, ta’ xogħol bid-drittijiet tal-awtur taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (a) ta’ hawn fuq għandhom jindikaw l-isem/ismijiet tal-awtur(i) tax-xogħol sakemm awtur ma jirrifjutax espliċitament li jissemma. Dawn għandu jkollhom ukoll rikonoxximent ċar u viżibbli tas-sostenn kooperattiv tal-Partijiet.

II. Informazzjoni Miżmuma f’Attivitajiet ta’ Kooperazzjoni Diretta

Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-informazzjoni miżmuma tal-Partijiet jew l-aġenziji tagħhom:

1. Meta tkun qed tikkomunika lill-Parti l-oħra jew lill-aġenziji tagħha dwar l-informazzjoni meħtieġa biex isiru attivitajiet ta’ kooperazzjoni diretta, kull Parti għandha tidentifika l-informazzjoni li tkun tixtieqha tibqa’ miżmuma.

2. Il-Parti jew l-aġenziji tagħha li jirċievu l-informazzjoni miżmuma jistgħu, fuq ir-responsabbiltà tagħhom stess, jikkomunikaw tali informazzjoni miżmuma lill-aġenziji tagħha jew lill-persuni fi ħdanhom jew li ġew impjegati minnhom infushom jekk dan ikun meħtieġ sabiex dawk l-aġenziji jew il-persuni jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom stess għall-proġett speċifiku taħt dan il-Ftehim.

3. Bil-qbil minn qabel u bil-miktub ta’ Parti jew tal-aġenziji tagħha li jkunu qed jipprovdu l-informazzjoni miżmuma, il-Parti l-oħra jew l-aġenziji tagħha jistgħu jxerrdu tali informazzjoni miżmuma b’mod usa’ minn dak li jippermettih il-paragrafu 2 hawn fuq. Il-Partijiet jew l-aġenziji tagħhom għandhom jikkooperaw ma’ xulxin fl-iżvilupp ta’ proċeduri biex jintalab u jinkiseb il-qbil bil-quddiem u bil-miktub għal tixrid usa’ ta’ dan it-tip, u kull Parti għandha tagħti din l-approvazzjoni sal-limitu li jippermettu l-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

4. Informazzjoni miksuba permezz ta’ seminars, laqgħat oħra, l-assenjazzjoni ta’ persunal u l-użu ta’ faċilitajiet imwettqa taħt dan il-Ftehim, għandhom jibqgħu kunfidenzjali meta r-riċevitur ta’ tali informazzjoni miżmuma jew ta’ informazzjoni oħra ta’ natura kunfidenzjali jew privileġġata jkun ġie mgħarraf bil-karattru kunfidenzjali tal-informazzjoni kkomunikata fil-ħin li tali komunikazzjoni tkun saret skont il-paragrafu 1 hawn fuq, u għandha tiġi ttrattata kif indikat fil-paragrafi 2 u 3 hawn fuq.

5. Jekk Parti ssir konxja li sejra, jew tista’ raġonevolment tistenna li, ma tkunx fil-qagħda li tissodisfa r-restrizzjonjiet u l-kondizzjonijiet tat-tixrid mogħtija fil-paragrafi 2, 3 u 4 hawn, għandha minnufih tgħarraf b’dan lill-Parti l-oħra. Wara dan il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjoni biex ifasslu kif għandhom jaġixxu.

III. Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ persuni f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni indiretta

Kull Parti għandha tiżgura li d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ persuni tal-Parti l-oħra li tkun qed tieħu sehem fil-programmi ta’ riċerka u żvilupp imħaddma mill-Parti ta’ qabel, l-aġenziji jew l-istituzzjonijiet uffiċjali tagħha, u d-drittijiet u l-obbligi relatati li joħorġu minn din il-parteċipazzjoni, għandhom ikunu konsistenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti vinkolanti fuq il-Gvern tal-Ġappun u l-Komunità jew l-Istati Membri kollha tagħha, inkluż il-Ftehim dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-Anness 1C għall-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif ukoll l-Att ta’ Pariġi tal- 24 ta’ Lulju 1971 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi u l-Att ta’ Stokkolma tal- 14 ta’ Lulju 1967 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali.

--------------------------------------------------

Top