Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22000D1019(10)

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 37/1999 tat-30 ta' Marzu 1999 li temenda l-Anness XI (Servizzi ta' Telekomunikazzjoni) għall-Ftehim taż-ŻEE

    ĠU L 266, 19.10.2000, p. 25–26 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/37(2)/oj

    22000D1019(10)



    Official Journal L 266 , 19/10/2000 P. 0025 - 0026


    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Nru 37/1999

    tat-30 ta' Marzu 1999

    li temenda l-Anness XI (Servizzi ta' Telekomunikazzjoni) għall-Ftehim taż-ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif aġġustat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim għaż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn iżjed 'il quddiem issir referenza għalih bħala "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1) l-Anness XI għall-Ftehim ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 7/1999 tad-29 ta' Jannar 1999 [1];

    (2) d-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' April 1997 dwar qafas komuni għal awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet [2] għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim;

    (3) għandu jingħata l-kas dovut għas-sitwazzjoni speċifika tal-Liechtenstein u għall-fatt li s'issa s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet ġew ipprovduti fil-Liechtenstein bi qbil ma' l-arranġamenti ta' monopolju fl-Isvizzera;

    (4) d-dispożizzjonijiet dwar aspetti ta' pajjiż terz tad-Deċiżjoni Nru 97/13/KE għandhom jiġu addattati għall-għanijiet tal-Ftehim,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-punt li ġej għandu jiġi mdaħħal wara l-punt 5ċb (Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) fl-Anness XI għall-Ftehim:

    "5ċċ. 397 L 0013: Id-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' April 1997 dwar qafas komuni għal awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 15).

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom, għall-għanijiet tal-Ftehim preżenti, jinqraw bl-addattamenti li ġejjin:

    (a) fl-Artikolu 1(2) u fl-Anness, il-kelma "Trattat" għandha taqra "Ftehim taż-ŻEE", u l-kliem "b'mod partikolari l-Artikoli 36 u 56" għandhom jinqraw "b'mod partikolari l-Artikoli 13 u 33";

    (b) fir-rigward tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi deskritti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva, għandu japplika dan li ġej:

    1. Bil-għan li jintlaħaq il-grad massimu ta' konverġenza fl-applikazzjoni ta' reġim ta' pajjiż terz fir-rigward ta' awtorizzazzjonijiet u tħaddim taħt awtorizzazzjonijiet, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiskambjaw informazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 18(1) u għandhom isiru konsultazzjonijiet fir-rigward ta' materji li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 18(2) fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE u skond il-proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu miftehma bejn il-Partijiet Kontraenti.

    2. Kull meta l-Komunità tinnegozja ma' pajjiż terz fuq il-bażi ta' l-Artikolu 18(2), sabiex tikseb drittijiet komparabbli għall-organizzazzjonijiet tagħha, għandha taħdem bis-sħiħ sabiex tikseb trattament ugwali għal organizzazzjonijiet ta' l-Istati ta' l-EFTA;

    (ċ) fil-punt 4.7 ta' l-Anness għad-Direttiva, il-kliem "l-impenni tal-Komunità vis-à-vis pajjiżi terzi" għandu jiġi mibdul bi "l-impenni tal-Komunità jew ta' Stat ta' l-EFTA vis-à-vis pajjiżi terzi";

    (d) fir-rigward ta' l-Artikolu 3(2), liċenzji individwali mogħtija mil-Liechtenstein jistgħu wkoll ikunu soġġetti għal kondizzjonijiet partikolari li:

    (i) jipprovdu kontinwità ta' servizz għal klijenti fil-Liechtenstein mill-forniment tas-servizz taħt l-arranġamenti ta' monopolju preċedenti fl-Isvizzera;

    (ii) jiffaċilitaw is-sostituzzjoni ta' l-arranġamenti ta' monopolju preċedenti fl-Isvizzera billi jintroduċu sistema bbażata fuq lqugħ kompetittiv ta' offerti fir-rigward tal-forniment tas-Servizz Bażiku (kif definit bi qbil mal-Liġi tat-Telekomunikazzjonijiet tal-Liechtenstein ta' l-20 ta' Ġunju 1996) fil-Liechtenstein;

    (iii) li jagħtu kas tal-ħtiġiet, bi qbil mal-liġi taż-ŻEE, ta' forniment ta' servizz universali taħt iċ-ċirkostanzi partikolari ta' networks żgħar ħafna."

    Artikolu 2

    It-testi tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-lingwa Islandiża u f'dik Norveġiża, li huma annessi għall-verżjonijiet tal-lingwi rispettivi ta' din id-Deċiżjoni, huma awtentiċi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ nhar il-31 ta' Marzu 1999, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta', u fis-Suppliment taż-ŻEE għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Magħmula fi Brussel, 30 ta' Marzu 1999.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    F. Barbaso

    [1] ĠU L 35, ta' l-10.2.2000, p. 37.

    [2] ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 15.

    --------------------------------------------------

    Top